Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02009R0471-20161223

    Consolidated text: Regolament (KE) Nru 471/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 6 ta’ Mejju 2009 dwar statistika Komunitarja relatata mal-kummerċ estern ma’ pajjiżi li mhumiex membri u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1172/95 (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/471/2016-12-23

    02009R0471 — MT — 23.12.2016 — 002.001


    Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

    ►B

    REGOLAMENT (KE) Nru 471/2009 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tas-6 ta’ Mejju 2009

    dwar statistika Komunitarja relatata mal-kummerċ estern ma’ pajjiżi li mhumiex membri u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1172/95

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    (ĠU L 152 16.6.2009, p. 23)

    Emendat bi:

     

     

    Il-Ġurnal Uffiċjali

      Nru

    Paġna

    Data

    ►M1

    REGOLAMENT (UE) 2016/1724 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tal-14 ta' Settembru 2016

      L 266

    1

    30.9.2016

    ►M2

    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/2119 tat-2 ta' Diċembru 2016

      L 329

    66

    3.12.2016




    ▼B

    REGOLAMENT (KE) Nru 471/2009 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tas-6 ta’ Mejju 2009

    dwar statistika Komunitarja relatata mal-kummerċ estern ma’ pajjiżi li mhumiex membri u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1172/95

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)



    Artikolu 1

    Suġġett

    Dan ir-Regolament jistabbilxxi qafas komuni għall-produzzjoni sistematika ta’ statisitika Komunitarja rigward il-kummerċ tal-merkanzija ma’ pajjiżi mhux membri (minn issa ’l quddiem imsejjħa “statistika tal-kummerċ estern”).

    Artikolu 2

    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (a) “merkanzija” tfisser kull proprjetà mobbli, inkluż l-elettriku;

    (b) “territorju statistiku tal-Komunità” tfisser it-territorju doganali tal-Komunità kif definit fil-Kodiċi Doganali biż-żieda tal-gżira ta’ Helgoland fit-territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja;

    (c) “awtoritajiet nazzjonali tal-istatistika” tfisser l-istituti nazzjonali tal-istatistika u korpi oħra responsabbli f’kull Stat Membru biex jipproduċu statistika dwar il-kummerċ estern;

    (d) “awtoritajiet doganali” tfisser “l-awtoritajiet doganali” kif definit fil-Kodiċi Doganali;

    (e) “dikjarazzjoni doganali” tifsser “dikjarazzjoni doganali” kif definita fil-Kodiċi Doganali;

    (f) “deċiżjoni mid-dwana” tfisser kull att uffiċjali mill-awtoritajiet doganali relatat ma’ dikjarazzjonijiet doganali aċċettati u li għandhom effett legali fuq persuna waħda jew aktar.

    Artikolu 3

    Kamp ta’ applikazzjoni

    ▼M2

    1.  L-istatistika tal-kummerċ estern għandha tirreġistra l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet tal-prodotti.

    Esportazzjoni għandha tiġi rreġistrata mill-Istati Membri fil-każ li l-prodotti joħorġu mit-territorju statistiku tal-Komunità

    (a) b'konformità ma' waħda mill-proċeduri doganali li ġejjin stipulati fir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 1 ) (il-“Kodiċi Doganali tal-Unjoni”):

     esportazzjoni;

     ipproċessar passiv;

    (b) fl-applikazzjoni tal-Artikolu 258 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni;

    (c) fl-applikazzjoni tal-Artikolu 269(3) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni;

    (d) fl-applikazzjoni tal-Artikolu 270 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni li jwettaq proċedura ta' pproċessar attiv.

    Importazzjoni għandha tiġi rreġistrata mill-Istati Membru fil-każ li l-prodotti jidħlu fit-territorju statistiku tal-Komunità b'konformità ma' waħda mill-proċeduri doganali li ġejjin stipulati fil-Kodiċi Doganali tal-Unjoni:

    (a) ir-rilaxx għal ċirkolazzjoni ħielsa inkluż l-użu finali;

    (b) l-ipproċessar attiv.

    ▼M1

    2.  Sabiex jitqiesu bidliet fil-Kodiċi Doganali u fid-dispożizzjonijiet derivati mill-konvenzjonijiet internazzjonali, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 10a billi tadatta l-lista ta' proċeduri doganali jew it-trattament jew l-użu approvati mid-dwana msemmija fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.

    ▼B

    3.  Għal raġunijiet ta’ metodoloġija, ċertu merkanzija jew movimenti jitolbu dispożizzjonijiet speċifiċi. Dan jikkonċerna impjanti industrijali, inġenji tal-baħar jew tal-ajru, prodotti tal-baħar, merkanzija mwassla fuq inġenji tal-baħar jew tal-ajru, kunsinni maqsuma, merkanzija militari, merkanzija lejn jew minn installazzjonijiet offshore, vetturi spazjali, elettriku u gass u prodotti tal-iskart (minn issa ’l quddiem imsejjħa “merkanzija jew movimenti speċifiċi”).

    ▼M1

    Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 10a fir-rigward ta' merkanzija jew movimenti speċifiċi u ta' dispożizzjonijiet differenti jew speċifiċi applikabbli għalihom.

    ▼B

    4.  Għal raġunijiet ta’ metodoloġija, ċertu merkanzija jew movimenti għandhom jiġu esklużi mill-istatistika tal-kummerċ estern. Dan jinkludi deheb monetarju u mezzi ta’ pagament li huma valuta legali; merkanzija li l-użu maħsub tagħha jkun ta’ natura diplomatika jew simili; movimenti ta’ merkanzija bejn l-Istat Membru ta’ importazzjoni u dak ta’ esportazzjoni u l-forzi armati tagħhom stazzjonati barra l-pajjiż kif ukoll ċerta merkanzija akkwistata u użata mill-forzi armati barranin; merkanzija partikolari li mhumiex is-suġġett ta’ tranżazzjoni kummerċjali; movimenti ta’ pjattaformi għall-illanċjar ta’ satelliti qabel ma jiġu llanċjati; merkanzija għat-tiswija u għal wara t-tiswija; merkanzija għal użu temporanju jew għal wara l-użu temporanju; u merkanzija użata bħala trasportaturi ta' informazzjoni personalizzata; u merkanzija ddikjarata bil-fomm lill-awtoritajiet doganali li jew huma ta’ natura kummerċjali, sakemm il-valur tagħhomma jaqbiżx il-limitu statistiku ta’ 1 000 EUR fil-valur jew 1 000 kilogramma f'massa netta, jew huma ta’ natura mhux kummerċjali.

    ▼M1

    Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 10a fir-rigward tal-esklużjoni ta' merkanzija jew movimenti minn statistika dwar il-kummerċ estern.

    ▼M1

    5.  Meta tħaddem is-setgħat delegati fil-paragrafi 2, 3 u 4, il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-atti delegati ma jimponux piż addizzjonali sinifikanti fuq l-Istati Membri jew fuq il-persuni li jagħtu tweġibiet.

    ▼B

    Artikolu 4

    Sors tad-data

    1.  Is-sors tad-data għal rekords dwar l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet tal-merkanzija msemmija fl-Artikolu 3(1) għandha tkun id-dikjarazzjoni doganali, inklużi emendi possibbli jew bidliet fid-data statistika li jirriżultaw mid-deċiżjonijiet mid-dwani marbutin magħha.

    2.  Fejn is-simplifikazzjonijiet ulterjuri tal-formalitajiet u l-kontrolli doganali skont l-Artikolu 116 tal-Kodiċi Doganali Modernizzat iwasslu sabiex rekords dwar l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet ta' merkanzija ma jkunux disponibbli f'idejn l-awtoritajiet doganali, l-operatur ekonomiku lil min tkun ingħatat is-simplifikazzjoni għandu jipprovdi d-data statistika definita fl-Artikolu 5 ta’ dan ir-Regolament.

    3.  L-Istati Membri jistgħu jkomplu jużaw sorsi ta’ data oħra għall-ġbir tal-istatistika nazzjonali tagħhom sad-data tal-implimentazzjoni ta’ mekkaniżmu għall-iskambju ta’ data reċiproku b'mezzi elettorniċi li hemm referenza għalih fl-Artikolu 7(2).

    4.  Għal merkanzija jew movimenti speċifiċi kif imsemmija fl-Artikolu 3(3), jistgħu jintuża għejun ta’ data minbarra d-dikjarazzjoni doganali.

    ▼M1

    5.  Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 10a fir-rigward tal-ġbir tad-data msemmi fil-paragrafi 2 u 4 ta' dan l-Artikolu. Meta tħaddem dawk is-setgħat, il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-atti delegati ma jimponux piż amministrattiv addizzjonali sinifikanti fuq l-Istati Membri jew fuq il-persuni li jagħtu tweġibiet.

    ▼B

    Artikolu 5

    Data statistika

    1.  L-Istati Membri għandhom jiksbu s-sett ta’ data li ġejja mir-rekords dwar l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 3(1).

    (a) il-fluss tal-kummerċ (importazzjoni, esportazzjoni);

    (b) il-perjodu referenzjali ta’ kull xahar;

    (c) il-valur statistiku tal-merkanzija fuq il-fruntiera nazzjonali tal-Istati Membri importaturi u esportaturi;

    (d) il-kwantità espressa f’massa netta u f'unità supplementari jekk tkun indikata fid-dikjarazzjoni doganali;

    (e) il-kummerċjant, li huwa l-importatur/id-destinatarju ta’ importazzjoni u l-esportatur/il-kunsinnatur ta’ esportazzjoni;

    (f) l-Istat Membru importatur jew esportatur, jiġifieri l-Istat Membru fejn issir id- dikjarazzjoni doganali, jekk tkun indikata fid-dikjarazzjoni doganali:

    (i) wara l-importazzjoni, l-Istat Membru tad-destinazzjoni;

    (ii) fuq l-esportazzjoni, l-Istat Membru tal-esportazzjoni reali;

    (g) il-pajjiżi msieħba, jiġifieri:

    (i) fuq l-importazzjoni, il-pajjiż tal-oriġini u l-pajjiż tal-kunsinna/tluq;

    (ii) fuq l-esportazzjoni, il-pajjiż tal-aħħar destinazzjoni magħrufa;

    (h) il-merkanzija skont in-Nomenklatura Magħquda li hija:

    (i) fuq l-importazzjoni, il-kodiċi tal-merkanzija tas-subintestatura Taric;

    (ii) fuq l-esportazzjoni, il-kodiċi tal-merkanzija tas-subintestatura tan-Nomenklatura Magħquda;

    (i) il-kodiċi tal-proċedura doganali li għandu jintuża għad-determinazzjoni tal-proċedura statistika;

    (j) in-natura tat-tranżazzjoni jekk tkun indikata fid-dikjarazzjoni doganali;

    (k) it-trattament preferenzjali fuq l-importazzjoni meta dan jiġi mogħti mid-Dwana;

    (l) il-valuta tal-fatturazzjoni jekk tkun indikata fuq id-dikjarazzjoni doganali;

    (m) il-metodu tat-trasport, li jagħti dettalji dwar:

    (i) il-metodu ta’ trasport fuq il-fruntiera;

    (ii) il-metodu intern tat-trasport;

    (iii) il-kontenitur.

    ▼M1

    2.  Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 10a fir-rigward ta' aktar speċifikazzjoni tad-data msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.

    2a.  Il-Kummissjoni għandha tadotta, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, miżuri relatati mal-kodiċijiet u l-format tagħhom li għandhom jintużaw fir-rigward tad-data msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.

    Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 11(2).

    ▼B

    3.  Fejn ma jkunx iddikjarat mod ieħor u mingħajr preġudizzju għal-leġiżlazzjoni doganali, id-data għandha tinżamm fid-dikjarazzjoni doganali.

    4.  Għal “merkanzija jew movimenti speċifiċi” kif imsemmi fl-Artikolu 3(3) u d-data provduta f’konformità mal-Artikolu 4(2), settijiet limitati ta’ data jistgħu jkunu meħtieġa.

    ▼M1

    Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 10a fir-rigward ta' dawk is-settijiet limitati ta' data.

    ▼M1

    5.  Meta tħaddem is-setgħat delegati fil-paragrafi 2 u 4, il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-atti delegati ma jimponux piż addizzjonali sinifikanti fuq l-Istati Membri jew fuq il-persuni li jagħtu tweġibiet.

    ▼B

    Artikolu 6

    Kompilazzjoni ta’ statistika tal-kummerċ estern

    1.  L-Istati Membri għandhom jikkompilaw l-istatisika għal kull perijodu referenzjali ta’ kull xahar, dwar l-importazzjoni u l-esportazzjoni ta’ merkanzija espressa f’valur u kwantità skont:

    (a) il-kodiċi tal-merkanzija;

    (b) l-Istati Membri li qed jimportaw/jesportaw;

    (c) il-pajjiżi msieħba;

    (d) il-proċedura statistika;

    (e) in-natura tat-tranżazzjoni;

    (f) trattament preferenzjali fuq l-importazzjoni;

    (g) il-metodu tat-trasport.

    Id-dispożizzjonijiet implimentattivi għall-kompilazzjoni tal-istatistika jistgħu jiġu ddeterminati mill-Kummissjoni skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 11(2).

    2.  L-Istati Membri għandhom jikkompilaw l-istatistika annwali dwar il-kummerċ permezz tal-karatteristiċi tan-negozju, jiġifieri l-attività ekonomika mwettqa mill-intrapriża skont it-taqsima jew il-livell b’żewġ numri tal-klassifikazzjoni tal-istatistika komuni tal-attivitajiet ekonomiċi fil-Komunità Ewropea (NACE) u l-klassi tad-daqs imkejjel f'termini ta' għadd ta’ impjegati.

    L-istatistika għandha tiġi kkompilata permezz tar-rabta tad-data dwar il-karatteristiċi tan-negozju rreġistrata skont ir-Regolament (KE) Nru 177/2008 mad-data rreġistrata skont l-Artikolu 5(1) ta’ dan ir-Regolament dwar l-importazzjoni u l-esportazzjoni. Għal dan il-għan, l-awtoritajiet doganali nazzjonali għandhom jipprovdu n-numru ta' identifikazzjoni rilevanti tal-kummerċjanti lill-awtoritajiet nazzjonali tal-istatistika.

    ▼M1

    Il-Kummissjoni għandha tadotta, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, miżuri relatati mar-rabta tad-data u mal-istatistika li trid tinġabar.

    Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 11(2).

    3.  Kull sentejn l-Istati Membri għandhom jiġbru l-istatistika annwali dwar il-kummerċ maqsuma permezz tal-munita tal-fattura.

    L-Istati Membri għandhom jiġbru l-istatistika billi jużaw għażla rappreżentattiva ta' reġistri dwar l-importazzjoni u l-esportazzjoni minn dikjarazzjonijiet tad-dwana li fihom data dwar il-munita tal-fattura. Jekk il-munita tal-fattura għall-esportazzjoni mhijiex disponibbli fid-dikjarazzjoni tad-dwana, għandu jsir stħarriġ biex tinġabar id-data meħtieġa.

    Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 10a fir-rigward tal-livell ta' aggregazzjoni għall-pajjiżi msieħba, merkanzija u muniti. Meta tħaddem dawk is-setgħat, il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-atti delegati ma jimponux piż amministrattiv addizzjonali sinifikanti fuq l-Istati Membri jew fuq il-persuni li jagħtu tweġibiet.

    ▼B

    4.  Il-kompilazzjoni ta’ statistika addizzjonali mill-Istati Membri għal finijiet nazzjonali tista’ tiġi ddeterminata fejn id-data tkun disponibbli fid-dikjarazzjoni doganali.

    5.  L-Istati Membri m’għandhomx ikunu obbligati jikkompilaw u jittrażmettu lill-Kummissjoni (Eurostat) statistika tal-kummerċ estern dwar data statistika li, skont il-Kodiċi Doganali jew ta’ istruzzjonijiet nazzjonali, la tkun għadha ġiet rreġistrata u lanqas ma tista’ tkun deduċibbli b’mod ċar minn data oħra fid-dikjarazzjoni doganali magħmula għand l-awtoritajiet doganali tagħhom. It-trażmissjoni tad-data li ġejja hija għalhekk hija fakultattiva għall-Istati Membri. Dan jolqot id-data li ġejja.

    (a) mal-importazzjoni, l-Istat Membru tad-destinazzjoni;

    (b) mal-esportazzjoni, l-Istat Membru tal-esportazzjoni attwali;

    (c) in-natura tat-tranżazzjoni.

    Artikolu 7

    Skambju ta’ data

    1.  Mingħajr dewmien u mhux aktar tard mix-xahar ta’ wara x-xahar li fih ġew aċċettati d-dikjarazzjonijiet doganali jew li fih dawn kienu soġġetti għal deċiżjonijiet mid-dwani li għandhom x'jaqsmu magħhom, l-awtoritajiet nazzjonali tal-istatistika għandhom jiksbu mingħand l-awtoritajiet doganali r-rekords fuq l-importazzjoni u l-esportazzjoni bbażati fuq id-dikjarazzjonijiet li huma mressqa quddiem dawk l-awtoritajiet.

    Ir-rekords għandu jkun fihom mill-inqas dik id-data statistika elenkata fl-Artikolu 5 li hija, skont il-Kodiċi Doganali jew skont l-istruzzjonijiet nazzjonali, disponibbli fid-dikjarazzjoni doganali.

    2.  B’effett mid-data tal-implimentazzjoni ta’ mekkaniżmu għall-iskambju reċiproku ta’ data b’mezzi elettroniċi, l-awtoritajiet doganali għandhom jiżguraw li r-rekords dwar l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet jintbagħtu lill-awtorità nazzjonali tal-istatistika tal-Istat Membru li jkun indikat fuq ir-rekord bħala:

    (a) mal-importazzjoni, l-Istat Membru tad-destinazzjoni,

    (b) mal-esportazzjoni, l-Istat Membru tal-esportazzjoni reali,

    Il-mekkaniżmu għall-iskambju reċiproku tad-data għandu jkun implimentat sa mhux aktar tard minn meta t-Titolu 1, Kapitolu 2, Taqsima 1 tal-Kodiċi Doganali Modernizzat ikun applikabbli.

    3.  Id-dispożizzjonijiet implimentattivi għad-determinazzjoni tat-trasmissjoni msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu jistgħu jiġu determinati skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 11(2).

    Artikolu 8

    It-trażmissjoni tal-istatistika tal-kummerċ estern lill-Kummissjoni (Eurostat)

    ▼M1

    1.  L-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni (Eurostat) l-istatistika msemmija fl-Artikolu 6(1) mhux aktar tard minn 40 jum wara tmiem kull perijodu ta' referenza ta' kull xahar. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-istatistika jkun fiha informazzjoni dwar l-importazzjoni u l-esportazzjoni kollha fil-perijodu ta' referenza inkwistjoni, filwaqt li jagħmlu aġġustamenti fejn id-dokumentazzjoni ma tkunx disponibbli.

    Fejn l-istatistika mibgħuta tkun soġġetta għal reviżjonijiet, l-Istati Membri għandhom jgħaddu r-riżultati riveduti mhux aktar tard mill-aħħar jum tax-xahar wara d-data li fiha d-data riveduta saret disponibbli.

    L-Istati Membri għandhom jinkludu fir-riżultati mibgħuta lill-Kummissjoni (Eurostat) kwalunkwe informazzjoni statistika li hija kunfidenzjali.

    Il-Kummissjoni għandha tadotta, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, miżuri relatati mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi uniformi għall-kontenut u l-kopertura tal-istatistika mibgħuta. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 11(2).

    2.  L-istatistika dwar il-kummerċ skont il-karatteristiċi tan-negozju msemmija fl-Artikolu 6(2) għandha tintbagħat lill-Kummissjoni (Eurostat) fi żmien 18-il xahar mit-tmiem tas-sena ta' referenza.

    L-istatistika dwar il-kummerċ maqsuma skont il-munita tal-fattura msemmija fl-Artikolu 6(3) għandha tintbagħat lill-Kummissjoni (Eurostat) fi żmien tliet xhur mit-tmiem tas-sena ta' referenza.

    ▼B

    3.  L-Istati Membri għandhom jittrażmettu l-istatistika f'forma elettronika, skont standard tal-interchange. L-arranġamenti prattiċi għat-trażmissjoni tar-riżultati jistgħu jiġu ddeterminati skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 11(2).

    Artikolu 9

    Valutazzjoni tal-kwalità

    1.  Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, il-kriterji tal-kwalità li ġejjin għandhom japplikaw għall-istatistika li għandha tiġi trażmessa.

    (a) “ir-rilevanza” li tindika l-grad ta’ kemm l-istatistika tilħaq il-ħtiġijiet attwali u potenzjali tal-utenti;

    (b) “il-preċiżjoni” li tirreferi għal kemm l-estimi jqarrbu lejn il-valuri vera mhux magħrufa;

    (c) “tempestività” li tirreferi għall-perijodu bejn id-disponibbiltà tal-informazzjoni u l-avveniment jew il-fenomenu li dan jiddeskrivi;

    (d) “il-puntwalità” li tirreferi għad-dewmien bejn id-data ta’ rilaxx tad-data u d-data mmirata (id-data sa liema kellha tinbagħat id-data);

    (e) “l-aċċessibbiltà” u “ċ-ċarezza” li jirreferu għall-kundizzjonijiet u l-modalitajiet li bihom l-utenti jistgħu jiksbu, jużaw u jinterpretaw id-data;

    (f) “il-kumparabbiltà” li tirreferi għall-kejl tal-impatt tad-differenzi fil-kunċetti tal-istatistika, għodod u proċeduri tal-kejl applikati meta l-istatistika titqabbel bejn iż-żoni ġeografiċi, dominji settorjali jew matul iż-żmien;

    (g) “il-koerenza” tirreferi għall-adattabbiltà tad-data li tkun marbuta b’mod affidabbli b’modi differenti u għal użu varju.

    2.  L-Istati Membri għandhom jipprovdu rapport lill-Kummissjoni (Eurostat) kull sena dwar il-kwalità tal-istatistika trażmessa.

    3.  Permezz tal-applikazzjoni tad-dimensjonijiet ta’ kwalità stipulati fil-paragrafu 1 lill-istatistika koperta b'dan ir-Regolament, il-modalitajiet u l-istruttura tar-rapporti dwar il-kwalità għandhom jiġu definiti skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 11(2).

    Il-Kummissjoni (Eurostat) għandha tivvaluta l-kwalità tal-istatistika trażmessa.

    Artikolu 10

    Disseminazzjoni ta’ statistika tal-kummerċ estern

    1.  Fil-livell Komunitarju, l-istatistika tal-kummerċ estern ikkompilata skont l-Artikolu 6(1) u trasmessa mill-Istati Membri għandha tiġi disseminata mill-Kummissjoni (Eurostat) għall-inqas bis-subintestatura tan-Nomenklatura Magħquda.

    Unikament fuq talba tal-importatur jew tal-esportatur l-awtoritajiet nazzjonali ta’ Stat Membru partikolari għandhom jiddeċiedu jekk l-istatistika dwar il-kummerċ estern ta’ dak l-Istat Membru li tista' tagħmilha possibbli li tidentifika dak l-importatur jew l-esportatur, għandhiex tiġi disseminata jew għandhiex tiġi emendata b’tali mod li d-disseminazzjoni tagħha ma tippreġudikax il-kunfidenzjalità tal-istatistika.

    2.  Mingħajr preġudizzju għad-disseminazzjoni ta’ data fil-livell nazzjonali statistika dettaljata skont is-sottointestatura Taric u l-preferenzi m'għandhiex tiġi disseminata mill-Kummissjoni (Eurostat) jekk l-iżvelar tagħha jqiegħed f'periklu l-ħarsien tal-interess pubbliku fir-rigward tal-politika kummerċjali u agrikola tal-Komunità.

    ▼M1

    Artikolu 10a

    Tħaddim tad-delega

    1.  Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont il-kondizzjonijiet stipulati f'dan l-Artikolu.

    2.  Is-setgħa ta' adozzjoni tal-atti delegati msemmija fl-Artikoli 3(2), (3) u (4), 4(5), 5(2) u (4), u 6(3) tingħata lill-Kummissjoni għal perijodu ta' ħames snin mill-20 ta' Ottubru 2016. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport dwar id-delega ta' setgħa mhux iktar tard minn disa' xhur qabel tmiem il-perijodu ta' ħames snin. Id-delega ta' setgħa għandha tiġi estiża b'mod taċitu għal perijodi tal-istess tul, sakemm il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma jopponix din l-estensjoni mhux aktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta' kull perijodu.

    3.  Id-delega ta' setgħa msemmija fl-Artikoli 3(2), (3) u (4), 4(5), 5(2) u (4), u 6(3) tista' tiġi revokata f'kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta' revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f'din id-deċiżjoni. Din għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fiha. Din ma għandhiex taffettwa l-validità ta' atti delegati diġà fis-seħħ.

    4.  Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti magħżula minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet ( 2 ).

    5.  Malli tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tgħarraf b'dan fl-istess ħin lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

    6.  Att delegat adottat skont l-Artikoli 3(2), (3) u (4), 4(5), 5(2) u (4), u 6(3) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma titressaq ebda oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fi żmien tliet xhur minn meta l-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu ġew mgħarrfa b'dan l-att jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhux ser joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż bi tliet xhur fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

    ▼M1

    Artikolu 11

    Proċedura tal-Kumitat

    1.  Il-Kummissjoni għandu jassistiha l-Kumitat tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika stabbilit mir-Regolament (KE) Nru 223/2009. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 3 ).

    2.  Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    ▼B

    Artikolu 12

    Revoka

    Ir-Regolament (KE) Nru 1172/95 għandu jkun irrevokat b'effett mill-1 ta’ Jannar 2010.

    Għandu jkompli japplika għad-data li tappartjeni għall-perijodi ta’ referenza qabel l-1 ta’ Jannar 2010.

    Artikolu 13

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Huwa għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2010.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.



    ( 1 ) Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).

    ( 2 ) ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

    ( 3 ) Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

    Top