Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02009F0315-20190627

    Consolidated text: Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/315/ĠAI tas-26 ta’ Frar 2009 dwar l-organizzazzjoni u l-kontenut tal-iskambju bejn l-Istati Membri, ta' informazzjoni estratta mir-rekords kriminali

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_framw/2009/315/2019-06-27

    02009F0315 — MT — 27.06.2019 — 001.001


    Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

    ►B

    DEĊIŻJONI QAFAS TAL-KUNSILL 2009/315/ĠAI

    tas-26 ta’ Frar 2009

    dwar l-organizzazzjoni u l-kontenut tal-iskambju bejn l-Istati Membri, ta' informazzjoni estratta mir-rekords kriminali

    (ĠU L 093 7.4.2009, p. 23)

    Emendat bi:

     

     

    Il-Ġurnal Uffiċjali

      Nru

    Paġna

    Data

    ►M1

    DIRETTIVA (UE) 2019/884 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tas-17 ta’ April 2019

      L 151

    143

    7.6.2019




    ▼B

    DEĊIŻJONI QAFAS TAL-KUNSILL 2009/315/ĠAI

    tas-26 ta’ Frar 2009

    dwar l-organizzazzjoni u l-kontenut tal-iskambju bejn l-Istati Membri, ta' informazzjoni estratta mir-rekords kriminali



    ▼M1

    Artikolu 1

    Suġġett

    Din id-Deċiżjoni Qafas:

    (a) tiddefinixxi l-kondizzjonijiet li bihom Stat Membru tal-kundanna jiskambja informazzjoni ma’ Stati Membri oħra dwar kundanni;

    (b) tiddefinixxi l-obbligi għall-Istat Membru tal-kundanna u għall-Istat Membru taċ-ċittadinanza tal-persuna kkundannata (l-“Istat Membru taċ-ċittadinanza tal-persuna”), u tispeċifika l-metodi li għandhom jiġu segwiti fit-tweġiba għal talba għal informazzjoni estratta mir-rekords kriminali;

    (c) tistabbilixxi sistema deċentralizzata bit-teknoloġija tal-informatika għall-iskambju ta’ informazzjoni dwar kundanni bbażata fuq il-bażijiet ta’ data ta’ rekords kriminali f’kull Stat Membru, is-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni ta’ Rekords Kriminali (ECRIS).

    ▼B

    Artikolu 2

    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni Qafas:

    a) “kundanna” tfisser kwalunkwe deċiżjoni finali minn qorti kriminali kontra persuna fiżika rigward reat kriminali, sal-punt li dawn id-deċiżjonijiet jiġu rreġistrati fir-rekords kriminali tal-Istat Membru li jikkundanna;

    b) “proċedimenti kriminali” tfisser l-istadju qabel il-proċess kriminali, l-istadju tal-proċess nnifsu u l-eżekuzzjoni tal-kundanna;

    c) “rekord kriminali” tfisser ir-reġistru jew ir-reġistri nazzjonali fejn jiġu rreġistrati l-kundanni skond il-liġi nazzjonali;

    ▼M1

    d) “Stat Membru tal-kundanna” tfisser l-Istat Membru fejn tkun ingħatat kundanna;

    e) “ċittadin ta’ pajjiż terz” tfisser persuna li mhijiex ċittadin tal-Unjoni fit-tifsira tal-Artikolu 20(1) TFUE, jew li hija persuna apolida jew persuna li ċ-ċittadinanza tagħha mhix magħrufa;

    f) “data tal-marki tas-swaba'” tfisser id-data relatata mal-impressjonijiet ċatti jew irroljati tal-marki tas-swaba' ta’ kull wieħed mis-swaba' ta’ persuna;

    g) “immaġni tal-wiċċ” tfisser immaġni diġitali ta’ wiċċ il-persuna;

    h) “implimentazzjoni ta’ referenza ECRIS” tfisser is-software żviluppat mill-Kummissjoni u li tqiegħed għad-disponibbiltà tal-Istati Membri għall-iskambju ta’ informazzjoni ta’ rekords kriminali permezz tal-ECRIS.

    ▼B

    Artikolu 3

    Awtorità ċentrali

    1.  Għall-finijiet ta' din id-Deċizjoni Qafas, kull Stat Membru għandu jindika awtorità ċentrali. Madankollu, għat-trasmissjoni tal-informazzjoni taħt l-Artikolu 4 u għat-tweġibiet taħt l-Artikolu 7 għal talbiet imsemmija fl-Artikolu 6, l-Istati Membri jistgħu jindika awtorità ċentrali waħda jew aktar.

    2.  Kull Stat Membru għandu jinforma lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u lill-Kummissjoni b'din l-awtorità jew l-awtoritajiet ċentrali indikata skont il-paragrafu 1. Is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandu jinnotifika lill-Istati Membri u lill-Eurojust b'din l-informazzjoni.

    Artikolu 4

    Obbligi tal-Istat Membru li jikkundanna

    ▼M1

    1.  Kull Stat Membru tal-kundanna għandu jieħu l-miżuri neċessarji kollha biex jassigura li l-kundanni mogħtija fit-territorju tiegħu jkunu akkumpanjati minn informazzjoni dwar iċ-ċittadinanza jew ċittadinanzi tal-persuna kkundannata jekk il-persuna tkun ċittadin ta’ Stat Membru ieħor jew ċittadin ta’ pajjiż terz. Fejn il-persuna kkundannata tkun persuna li ċ-ċittadinanza tagħha ma tkunx magħrufa jew hija persuna apolida, ir-rekords kriminali għandhom jirriflettu dan.

    ▼B

    2.  L-awtorità ċentrali tal-Istat Membru li jikkundanna għandha, kemm jista' jkun malajr, tinforma lill-awtoritajiet ċentrali tal-Istati Membri l-oħra dwar kwalunkwe kundanna mogħtija fit-territorju tiegħu kontra ċ-ċittadini tal-Istati Membri l-oħra, kif reġistrati fir-rekord kriminali.

    Jekk ikun magħruf li persuna kundannata tkun ċittadin ta' diversi Stati Membri, l-informazzjoni rilevanti għandha tiġi trasmessa lil kull wieħed minn dawk l-Istati Membri, anke jekk il-persuna kundannata tkun ċittadin tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun ġiet ikkundannata.

    3.  L-informazzjoni dwar tibdil jew tħassir sussegwenti ta' informazzjoni li tkun tinsab fir-rekords kriminali għandha tiġi trasmessa minnufih mill-awtorità ċentrali tal-Istat Membru li jikkundanna lill-awtorità ċentrali tal-Istat Membru taċ-ċittadinanza tal-persuna.

    4.  Kwalunkwe Stat Membru li jkun ipprovda informazzjoni skont il-paragrafi 2 u 3 għandu jikkomunika lill-awtorità ċentrali tal-Istat Membru taċ-ċittadinanza tal-persuna, fuq it-talba ta' din tal-aħħar f'każijiet individwali, kopja tal-kundanni u l-miżuri sussigwenti kif ukoll kwalunkwe informazzjoni oħra rilevanti għalihom sabiex din tkun tista' tkkunsidra jekk dawn jirrikjedux xi miżura fuq livell nazzjonali.

    Artikolu 5

    Obbligi tal-Istat Membru taċ-ċittadinanza tal-persuna

    1.  L-awtorità ċentrali tal-Istat Membru taċ-ċittadinanza tal-persuna għandha konformement mal-Artikolu 11 (1) u (2), taħżen l-informazzjoni kollha trasmessa taħt l-Artikolu 4(2) u (3), sabiex tkun tista' tittrasmettiha mill-ġdid konformement mal-Artikolu 7.

    2.  Kwalunkwe tibdil jew tħassir ta' informazzjoni trasmessa skont l-Artikolu 4 (3) għandha tinvolvi l-istess tibdil jew tħassir mill-Istat Membru taċ-ċittadinanza tal-persuna fir-rigward tal-informazzjoni maħżuna skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għall-fini ta' trasmissjoni mill-ġdid konformement mal-Artikolu 7.

    3.  Għall-fini ta' trasmissjoni mill-ġdid konformement mal-Artikolu 7 l-Istat Membru taċ-ċittadinanza tal-persuna jista' juża' biss l-informazzjoni li ġiet aġġornata skont il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu.

    Artikolu 6

    Talba għal informazzjoni dwar kundanni

    1.  Meta tintalab informazzjoni mir-rekord kriminali ta' Stat Membru bil-għan li jittieħdu proċedimenti kriminali kontra persuna jew għal kwalunkwe għan ieħor minbarra proċedimenti kriminali, l-awtorità ċentrali ta' dak l-Istat Membru tista', konformement mal-liġi nazzjonali, tissottometti talba lill-awtorità ċentrali ta' Stat Membru ieħor biex l-informazzjoni u d-data relatata jiġu estratti mir-rekord kriminali.

    2.  Meta persuna titlob informazzjoni dwar ir-rekord kriminali tagħha stess, l-awtorità ċentrali tal-Istat Membru fejn issir it-talba tista', konformement mal-liġi nazzjonali, tissottometti talba lill-awtorità ċentrali ta' Stat Membru ieħor għal informazzjoni u data relatata li għandhom jiġu estratti mir-rekord kriminali, sakemm li l-persuna kkonċernata hi jew kienet resident jew ċittadin tal-Istat Membru rikjedenti jew dak mitlub.

    ▼M1

    3.  Fejn ċittadin ta’ Stat Membru wieħed jitlob lill-awtorità ċentrali ta’ Stat Membru ieħor għal informazzjoni dwar ir-rekords kriminali tiegħu stess, dik l-awtorità ċentrali għandha tissottometti talba lill-awtorità ċentrali tal-Istat Membru taċ-ċittadinanza tal-persuna għal informazzjoni u data relatata biex tkun estratta mir-rekords kriminali u din għandha tinkludi tali informazzjoni u data relatata fl-estratt li għandu jiġi pprovdut lill-persuna kkonċernata.

    ▼M1

    3a.  Fejn ċittadin ta’ pajjiż terz jitlob lill-awtorità ċentrali ta’ Stat Membru għal informazzjoni dwar ir-rekords kriminali tiegħu, dik l-awtorità ċentrali għandha tissottometti talba biss lil dawk l-awtoritajiet ċentrali tal-Istati Membri li jkollhom informazzjoni dwar ir-rekords kriminali ta’ dik il-persuna għal informazzjoni u data relatata biex tkun estratta mir-rekords kriminali u din għandha tinkludi tali informazzjoni u data relatata fl-estratt li għandu jiġi pprovdut lill-persuna kkonċernata.

    ▼B

    4.  It-talbiet kollha mill-awtorità ċentrali ta' Stat Membru għal informazzjoni estratta mir-rekord krminali għandhom jiġu sottomessi bl-użu tal-formola stabbilita fl-Anness.

    Artikolu 7

    Tweġiba għal talba għal informazzjoni dwar kundanni

    1.  Meta informazzjoni estratta mir-rekord kriminali tkun mitluba taħt l-Artikolu 6 mill-awtorità ċentrali tal-Istat Membru taċ-ċittadinanza tal-persuna bil-għan li jittieħdu proċedimenti kriminali, dik l-awtorità ċentrali għandha tittrasmetti lill-awtorità ċentrali tal-Istat Membru rikjedenti l-informazzjoni, dwar:

    (a) kundanni mogħtija fl-Istat Membru taċ-ċittadinanza tal-persuna u reġistrati fir-rekord kriminali;

    (b) il-kundanni mogħtija fi Stati Membri oħra li ġew trasmessi lilha wara s-27 ta’ April 2012, fl-applikazzjoni tal-Artikolu 4, u maħżuna konformement mal-Artikolu 5(1) u (2);

    (c) il-kundanni mogħtija fi Stati Membri oħra li ġew trasmessi lilha sas-27 ta’ April 2012, u reġistrati fir-rekords kriminali;

    (d) kwalunkwe kundanna mogħtija f'pajjiżi terzi u sussegwentament trasmessa lilha u reġistrata fir-rekord kriminali.

    2.  Meta informazzjoni estratta mir-rekord kriminali tkun mitluba taħt l-Artikolu 6 mill-awtorità ċentrali tal-Istat Membru taċ-ċittadinanza tal-persuna għal kwalunkwe għan ieħor barra dak tal-proċedimenti kriminali, dik l-awtorità ċentrali għandha fir-rigward ta' kundanni mogħtija fl-Istat Membru taċ-ċittadinanza tal-persuna u ta' kundanni mogħtija f'pajjiżi terzi, li ġew sussegwentement trasmessi lilha u reġistrati fir-rekords kriminali tagħha, twieġeb konformement mal-liġi nazzjonali tagħha.

    Fir-rigward tal-informazzjoni dwar kundanni mogħtija fi Stat Membru ieħor, li ġew trasmessi lill-Istat Membru taċ-ċittadinanza tal-persuna, l-awtorità ċentrali tal-Istat Membru tal-aħħar għandha f'konformità mal-liġi nazzjonali tagħha tittrasmetti lill-Istat Membru rikjedenti l-informazzjoni li ġiet maħżuna konformement mal-Artikolu 5 (1) u (2) kif ukoll l-informazzjoni li ġiet trasmessa lil dik l-awtorità ċentrali sas-27 ta’ April 2012 u reġistati fir-rekord kriminali tagħha.

    Meta tittrasmetti l-informazzjoni konformement mal-Artikolu 4, l-awtorità ċentrali tal-Istat Membru li jikkundanna tista' tinforma lill-awtorità ċentrali tal-Istat Membru taċ-ċittadinanza tal-persuna li l-informazzjoni dwar il-kundanni mogħtija fl-Istat Membru li jissemma l-ewwel u trasmessa lill-awtorita' ċentrali tal-aħħar ma tistax tiġi trasmessa mill-ġdid għal ebda għan ħlief għal proċedimenti kriminali. F'dan il-każ, l-awtorità ċentrali tal-Istat Membru taċ-ċittadinanza tal-persuna għandha fir-rigward ta' tali kundanni tinforma, lill-Istat Membru rikjedenti liema Stat Membru ieħor kien ittrasmetta tali informazzjoni sabiex l-Istat Membru rikjedenti jkun jista' jissottometti talba direttament lill-Istat Membru li jikkundanna sabiex jikseb informazzjoni dwar dawk il-kundanni.

    3.  Meta informazzjoni estratta mir-rekord kriminali tintalab mill-awtorità ċentrali tal-Istat Membru taċ-ċittadinanza tal-persuna minn pajjiż terz, l-Istat Membru taċ-ċittadinanza tal-persuna jista' jwieġeb rigward il-kundanni trasmessi minn Stat Membru ieħor iżda biss fil-limitazzjonijiet applikabbli għat-trasmissjoni tal-informazzjoni lil Stati Membri oħrajnkonformement mal-paragrafi 1 u 2.

    ▼M1

    4.  Fejn informazzjoni estratta mir-rekords kriminali dwar kundanni mogħtija kontra ċittadin ta’ Stat Membru tintalab taħt l-Artikolu 6 mill-awtorità ċentrali ta’ Stat Membru barra mill-Istat Membru taċ-ċittadinanza tal-persuna, l-Istat Membru rikjest għandu jibgħat tali informazzjoni bl-istess mod kif stabbilit fl-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Assistenza Reċiproka f’Materji Kriminali.

    ▼M1

    4a.  Fejn informazzjoni estratta mir-rekords kriminali dwar kundanni mogħtija lil ċittadin ta’ pajjiż terz tintalab taħt l-Artikolu 6 għall-iskopijiet ta’ proċedimenti kriminali, l-Istat Membru rikjest għandu jibgħat informazzjoni dwar kull kundanna mogħtija fl-Istat Membru rikjest u mdaħħla fir-rekords kriminali u fuq kull kundanna mogħtija f’pajjiżi terzi u sussegwentement trażmessi lilu u mdaħħla fir-rekords kriminali.

    Għaldaqstant, jekk tali informazzjoni tintalab għal kwalunkwe skop għajr dak ta’ proċedimenti kriminali, għandu japplika l-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.

    ▼B

    5.  Ir-risposta għandha ssir bl-użu tal-formola stabbilita fl-Anness. Din għandha tkun akkumpanjata b'lista ta' kundanni, kif previst fil-liġi nazzjonali.

    Artikolu 8

    Skadenzi għal tweġibiet

    1.  It-tweġibiet għat-talbiet imsemmija fl-Artikolu 6(1) għandhom jiġu trasmessi immedjatament mill-awtorità ċentrali tal-Istat Membru mitlub lill-awtorità ċentrali tal-Istat Membru rikjedenti u fi kwalunkwe każ f'mhux aktar tard minn għaxart ijiem ta' xogħol mid-data tal-wasla tat-talba, kif previst mil-liġi nazzjonali, ir-regoli jew il-prattika, bl-użu tal-formola stabbilita fl-Anness.

    Meta l-Istat Membru mitlub ikun jeħtieġ aktar informazzjoni biex jidentifika l-persuna involuta fit-talba, dan għandu jikkonsulta immedjatament lill-Istat Membru rikjedenti bil-għan li jipprovdi risposta fi żmien għaxart ijiem ta' xogħol mid-data tal-wasla tal-informazzjoni addizzjonali.

    ▼M1

    2.  Tweġibiet għat-talbiet imsemmija fl-Artikolu 6(2), (3) u (3a) għandhom jintbagħtu fi żmien għoxrin jum ta’ ħidma mid-data tal-wasla tat-talba.

    ▼B

    Artikolu 9

    Kondizzjonijiet għall-użu ta’ data personali

    1.  Data personali prevista ►M1  fl-Artikolu 7(1), (4) u (4a) ◄ għall-għan ta' proċedimenti kriminali tista' tintuża biss mill-Istat Membru rikjedenti għall-għanijiet tal-proċedimenti kriminali għal liema din kienet mitluba kif speċifikat fil-formola stabbilita fl-Anness.

    2.  Data personali taħt ►M1  l-Artikolu 7(2), (4) u (4a) ◄ għal kwalunkwe għanijiet għajr dak tal-proċedimenti kriminali, tista' tintuża mill-Istat Membru rikjedenti skond il-liġi nazzjonali tiegħu, biss għall-għanijiet għal liema din kienet mitluba u fil-limitazzjonijiet speċifikati mill-Istat mill-Istat Membru mitlub fil-forma stabbilita fl-Anness.

    3.  Minkejja l-paragrafi 1 u 2, data personali provduta taħt ►M1  l-Artikolu 7(1), (2), (4) u (4a) ◄ tista' tintuża mill-Istat Membru rikjedenti biex tiġi evitata theddida immedjata u serja għas-sigurtà pubblika.

    4.  L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li data personali rċevuta minn Stat Membru ieħor taħt l-Artikolu 4, jekk trasmessa lil pajjiż terz skont l-Artikolu 7(3), tkun soġġetta għall-istess limitazzjonijiet ta' użu bħal dawk applikabbli fi Stat Membru rikjedenti konformement mal-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu. L-Istati Membri għandhom jispeċifikaw li data personali, jekk trasmessa lil pajjiż terz għall-għanijiet ta' proċediment kriminali, tista' tintuża ulterjorment minn dak il-pajjiż terz biss għall-għanijiet ta' proċedimenti kriminali.

    5.  Dan l-Artikolu ma japplikax għal data personali miksuba minn Stat Membru taħt din id-Deċiżjoni Qafas u li toriġina minn dak l-Istat Membru.

    Artikolu 10

    Lingwi

    Meta tiġi preżentata t-talba imsemmija fl-Artikolu 6(1), l-Istat Membru rikjedenti għandu jittrasmetti lill-Istat mitlub il-formola stabbilita fl-Anness fil-lingwa uffiċjali jew f'waħda mill-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru mitlub.

    L-Istat Membru mitlub għandu jirrispondi jew f'waħda mil-lingwi uffiċjali tiegħu jew fi kwalunkwe lingwa oħra aċċettata miż-żewġ Stati Membri.

    Kull Stat Membru jista', fil-mument tal-adozzjoni ta' din id-Deciżjoni Qafas jew f'data aktar tard, jindika, f'dikjarazzjoni lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, liema huma l-lingwi uffiċjali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea li huwa jaċċetta. Is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandu jinnotifika lill-Istati Membri b'din l-informazzjoni.

    Artikolu 11

    Format u modi oħra ta' organizzazzjoni u faċilitazzjoni tal-iskambji ta' informazzjoni dwar kundanni

    1.  Meta tiġi trasmessa informazzjoni konformement mal-Artikolu 4(2) u (3), l-awtorità ċentrali tal-Istat li jikkundanna għandha tittrasmetti l-informazzjoni li ġejja:

    (a) informazzjoni li għandha tiġi trasmessa dejjem, sakemm, f'każijiet individwali, tali informazzjoni mhix magħrufa mill-awtorità ċentrali (informazzjoni obbligatorja):

    (i) informazzjoni dwar il-persuna kkundannata (isem sħiħ, data tat-twelid, post tat-twelid (belt jew Stat), sess, ċittadinanza u – jekk applikabbli – isem/ismijiet preċedenti),

    (ii) informazzjoni dwar in-natura tal-kundanna (data tal-kundanna, isem tal-qorti, data li fiha d-deċiżjoni saret finali)

    (iii) informazzjoni dwar ir-reat li jwassal għall-kundanna (data tar-reat li jwassal għall-kundanna u l-isem jew il-klassifikazzjoni legali tar-reat kif ukoll bħala referenza għad-dispożizzjonijiet legali applikabbli), u

    (iv) informazzjoni dwar il-kontenuti tal-kundanna, (b'mod partikolari s-sentenza kif ukoll kwalunkwe pieni supplimentari, miżuri ta' sigurtà u deċiżjonijiet sussegwenti li jimmodifikaw l-infurzar tas-sentenza);

    (b) informazzjoni li għandha tiġi trasmessa jekk reġistrata fir-rekord kriminali (informazzjoni fakultattiva):

    (i) isem il-ġenituri tal-persuna kundannata,

    (ii) in-numru ta' referenza tal-kundanna,

    (iii) il-post tar-reat, u

    (iv) l-iskwalifiki li jirriżultaw mill-kundanna;

    (ċ) informazzjoni li għandha tiġi trasmessa, jekk disponibbli lill-awtorità ċentrali (informazzjoni addizzjonali):

    (i) in-numru tal-identità tal-persuna kundannata jew it-tip u n-numru tad-dokument ta' identifikazzjoni tal-persuna,

    (ii) il-marki tas-swaba', li ttieħdu minn dik il-persuna, u

    (iii) jekk applikabbli, psewdonimu u/jew isem(ismijiet) xort'oħra, u

    ▼M1

    (iv) l-immaġni tal-wiċċ.

    ▼B

    Barra minn dan, l-awtorità ċentrali tista' tittrasmetti kwalunkwe informazzjoni oħra dwar kundanni jekk reġistrati fir-rekord kriminali.

    2.  L-awtorità ċentrali tal-Istat taċ-ċittadinanza tal-persuna għandha taħżen l-informazzjoni kollha tat-tipi elenkati fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 1, li hija rċeviet konformement mal-Artikolu 5(1) għall-iskop ta' trasmissjoni mill-ġdid konformement mal-Artikolu 7. Għall-istess skop hija tista' taħżen l-informazzjoni tat-tipi elenkati fil-paragrafu (c) tal-ewwel subparagrafu u fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1.

    ▼M1

    3.  L-awtoritajiet ċentrali tal-Istati Membri għandhom jibagħtu l-informazzjoni li ġejja b’mod elettroniku bl-użu ta’ ECRIS u b’format standardizzat skont l-istandards li għandhom jiġu stabbiliti f’atti ta’ implimentazzjoni:

    (a) l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 4;

    (b) it-talbiet imsemmija fl-Artikolu 6;

    (c) it-tweġibiet imsemmija fl-Artikolu 7; u

    (d) informazzjoni rilevanti oħra.

    4.  Jekk il-mod tat-trasmissjoni msemmi fil-paragrafu 3 ma jkunx disponibbli, l-awtoritajiet ċentrali tal-Istati Membri għandhom jibagħtu l-informazzjoni kollha msemmija fil-paragrafu 3 bi kwalunkwe mezz li kapaċi jipproduċi rekords bil-miktub taħt il-kundizzjonijiet li jippermettu lill-awtorità ċentrali tal-Istat Membru riċeventi biex tistabbilixxi l-awtentiċità tal-informazzjoni, b’kont meħud tas-sigurtà tat-trasmissjoni.

    Jekk il-mezz ta’ trasmissjoni msemmi fil-paragrafu 3 ma jkunx disponibbli għal perijodu estiż ta’ żmien, l-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni.

    5.  Kull Stat Membru għandu jagħmel l-alterazzjonijiet tekniċi neċessarji biex ikun jista' juża il-format standardizzat biex jittrasmetti b’mod elettroniku l-informazzjoni kollha kif imsemmi fil-paragrafu 3 lil Stati Membri oħra permezz ta’ ECRIS. Kull Stat Membru għandu jinnotifika lill-Kummissjoni bid-data li minnha jkun jista' jwettaq tali trasmissjonijiet.

    ▼M1

    Artikolu 11a

    Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni ta’ Rekords Kriminali (ECRIS)

    1.  Sabiex tiġi skambjata informazzjoni estratta minn rekords kriminali skont din id-Deċiżjoni Qafas b’mod elettroniku, qed tiġi stabbilita sistema deċentralizzata bl-użu tat-teknoloġija tal-informatika bbażata fuq il-bażijiet ta’ data ta’ rekords kriminali f’kull Stat Membru, is-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni ta’ Rekords Kriminali (ECRIS). Hija tikkonsisti mill-elementi li ġejjin:

    (a) l-implimentazzjoni ta’ referenza ECRIS;

    (b) infrastruttura għal komunikazzjoni komuni bejn l-awtoritajiet ċentrali li tipprovdi network kriptat.

    Biex jiġu żgurati l-kunfidenzjalità u l-integrità tal-informazzjoni ta’ rekords kriminali trażmessi lil Stati Membri oħra, għandhom jintużaw miżuri tekniċi u organizzattivi adegwati, b’kont meħud tal-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku, l-ispiża tal-implimentazzjoni u r-riskji ppreżentati mill-ipproċessar ta’ informazzjoni.

    2.  Id-data kollha dwar ir-rekords kriminali għandha tinħażen biss f’bażijiet ta’ data mħaddma mill-Istati Membri.

    3.  L-awtoritajiet ċentrali tal-Istati Membri m’għandhomx ikollhom aċċess dirett għal bażijiet ta’ data ta’ rekords kriminali ta’ Stati Membri oħra.

    4.  L-implimentazzjoni ta’ referenza ECRIS u l-bażijiet ta’ data li jaħżnu, jibagħtu u jirċievu informazzjoni estratta minn rekords kriminali għandhom joperaw taħt ir-responsabbiltà tal-Istat Membru kkonċernat. L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Tmexxija Operattiva tas-Sistemi tal-IT Fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (eu-LISA) stabbilita bir-Regolament (UE) 2018/1726 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 1 ) għandha tappoġġa lill-Istati Membri f’konformità mal-kompiti tagħha kif stabbilit fir-Regolament (UE) 2019/816 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 2 ).

    5.  L-infrastruttura għal komunikazzjoni komuni għandha topera taħt ir-responsabbiltà tal-Kummissjoni. Din għandha tilħaq ir-rekwiżiti ta’ sigurtà neċessarji u tilħaq b’mod sħiħ il-ħtiġijiet tal-ECRIS.

    6.  eu-LISA għandha tipprovdi, tkompli tiżviluppa u żżomm l-implimentazzjoni ta’ referenza ECRIS.

    7.  Kull Stat Membru għandu jġorr l-ispejjeż tiegħu li jirriżultaw mill-implimentazzjoni, l-amministrazzjoni, l-użu u l-manutenzjoni tal-bażi ta’ data ta’ rekords kriminali tiegħu u l-installazzjoni u l-użu tal-implimentazzjoni ta’ referenza ECRIS.

    Il-Kummissjoni għandha ġġorr l-ispejjeż li jirriżultaw mill-implimentazzjoni, l-amministrazzjoni, l-użu, il-manutenzjoni u l-iżvilupp futur tal-infrastruttura komuni tal-komunikazzjoni.

    8.  L-Istati Membri li jużaw is-software nazzjonali tagħhom tal-implimentazzjoni tal-ECRIS skont il-paragrafi 4 sa 8 tal-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2019/816 jistgħu jkomplu jużaw is-software nazzjonali tagħhom tal-implimentazzjoni tal-ECRIS minflok l-implimentazzjoni ta’ referenza ECRIS, sakemm ikunu jissodisfaw il-kondizzjonijiet kollha stabbiliti f’dawk il-paragrafi.

    Artikolu 11b

    Atti ta’ Implimentazzjoni

    1.  Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-atti ta’ implimentazzjoni segwenti:

    (a) il-format standardizzat imsemmi fl-Artikolu 11(3), inkluż fir-rigward ta’ informazzjoni dwar ir-reat li jwassal għal kundanna u informazzjoni dwar il-kontenut tal-kundanna;

    (b) ir-regoli li jirrigwardaw l-implimentazzjoni teknika tal-ECRIS u l-iskambju tad-data tal-marki tas-swaba';

    (c) kull mezz ieħor tekniku biex jiġu organizzati u ffaċilitati l-iskambji ta’ informazzjoni dwar kundanni bejn l-awtoritajiet ċentrali tal-Istati Membri, inkluż:

    (i) il-mezz biex jiġi ffaċilitat il-fehim u t-traduzzjoni awtomatika ta’ informazzjoni trasmessa;

    (ii) il-mezz li bih informazzjoni tista' tiġi skambjata b’mod elettroniku, b’mod partikolari fir-rigward ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi li jridu jintużaw u, jekk ikun hemm bżonn, kwalunkwe proċedura ta’ skambju applikabbli.

    2.  L-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 12a(2).

    ▼B

    Artikolu 12

    Relazzjoni ma’ strumenti legali oħra

    1.  Fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri, din id-Deċiżjoni Qafas tissupplementa d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar Assistenza Reċiproka f'Materji Kriminali, il-Protokolli addizzjonali tagħha tas-17 ta’ Marzu 1978 u tat-8 ta’ Novembru 2001, il-Konvenzjoni dwar Assistenza Reċiproka f'Materji Kriminali bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u l-Protokoll tagħha tas-16 ta’ Ottubru 2001 ( 3 ).

    2.  Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni Qafas, l-Istati Membri għandhom jirrinunzjaw għad-dritt li jinvokaw bejniethom ir-riżervi tagħhom għall-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar Assistenza Legali Reċiproka f'Materji Kriminali.

    3.  Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tagħhom fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri u Stati terzi, din id-Deċiżjoni Qafas tissostitwixxi, fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri li wettqu l-miżuri neċessarji sabiex jkunu konformi ma' din id-Deċiżjoni Qafas u finalment b'effett mis-27 ta’ April 2012, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 22 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Assistenza Reċiproka f'Materji Kriminali, kif supplimentati bl-Artikolu 4 tal-Protokoll addizzjonali għal din il-Konvenzjoni tas-17 ta’ Marzu 1978.

    4.  Id-Deċiżjoni 2005/876/ĠAI hija b'din imħassra.

    5.  Din id-Deċiżjoni Qafas m'għandhiex taffettwa l-applikazzjoni ta' dispożizzjonijiet aktar favorevoli fi ftehim bilaterali jew multilaterali konklużi bejn l-Istati Membri.

    ▼M1

    Artikolu 12a

    Proċedura ta’ kumitat

    1.  Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    2.  Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    Fejn il-kumitat ma jagħti ebda opinjoni, il-Kummissjoni m’għandhiex tadotta l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni, u għandu japplika t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    ▼B

    Artikolu 13

    Implimentazzjoni

    1.  L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet ta' din id-Deċiżjoni Qafas sas-27 ta’ April 2012.

    2.  L-Istati Membri għandhom jittrasmettu lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet li jittrasponu fil-liġi nazzjonali tagħhom l-obbligi imposti fuqhom taħt din id-Deċiżjoni Qafas.

    3.  Abbażi ta' dik l-informazzjoni l-Kummissjoni għandha, sas-27 ta’ April 2015, tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni Qafas, akkumpanjat jekk ikun neċessarju minn proposti leġislattivi.

    ▼M1

    Artikolu 13a

    Rapportar mill-Kummissjoni u rieżami

    1.  Sal-29 ta’ Ġunju 2023, il-Kummissjoni għandha tibgħat rapport dwar l-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni Qafas lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Ir-rapport għandu jevalwa l-punt sa fejn l-Istati Membri jkunu ħadu l-miżuri neċessarji biex ikunu konformi ma’ din id-Deċiżjoni Qafas, inkluż l-implimentazzjoni teknika tagħha.

    2.  Ir-rapport għandu jinkludi, fejn xieraq, proposti leġislattivi rilevanti.

    3.  Il-Kummissjoni għandha b’mod regolari tippubblika rapport dwar l-iskambju ta’ informazzjoni estratta mir-rekords kriminali permezz tal-ECRIS u dwar l-użu tal-ECRIS-TCN ibbażat b’mod partikolari fuq l-istatistika pprovduta mill-eu-LISA u mill-Istati Membri f’konformità mar-Regolament (UE) 2019/816. Ir-rapport għandu jiġi ppubblikat għall-ewwel darba, sena wara li jkun ġie ppreżentat ir-rapport imsemmi fil-paragrafu 1.

    4.  Ir-rapport tal-Kummissjoni msemmi fil-paragrafu 3 għandu jkopri b’mod partikolari l-livell ta’ skambju ta’ informazzjoni bejn Stati Membri, inkluż dik relatata ma’ ċittadini ta’ pajjiż terz, kif ukoll l-għan tat-talbiet u n-numru rispettiv tagħhom, inkluż talbiet għal finijiet li mhumiex proċedimenti kriminali, bħalma huma verifiki tal-preċedenti personali u talbiet għal informazzjoni mill-persuni kkonċernati dwar ir-rekords kriminali tagħhom stess.

    ▼B

    Artikolu 14

    Dħul fis-seħħ

    Din id-Deċiżjoni Qafas għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.




    ANNESS

    Formola msemmija fl-Artikoli 6, 7, 8, 9 u 10 tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/315/ĠAI dwar l-organizzazzjoni u l-kontenut tal-iskambju ta' informazzjoni estratta mir-rekord kriminali bejn l-Istati Membri

    Talba għal informazzjoni estratta mir-rekord kriminali

    L-Istati Membri għandhom jikkonsultaw il-Manwal ta' Proċeduri għal assistenza sabiex ikunu jistgħu jimlew din il-formola korrettament

    (a) Informazzjoni dwar l-Istat Membru rikjedenti:

    Stat Membru:

    Awtorità(jiet) Ċentrali:

    Persuna għall-kuntatt:

    Telefon (inkluż il-kodiċi STD):

    Faks (inkluż il-kodiċi STD):

    Posta elettronika:

    Indirizz għall-korrispondenza:

    Referenza tal-fajl, jekk magħrufa:

    (b) Informazzjoni dwar l-identità tal-persuna kkonċernata mit-talba ( *1 ):

    Isem sħiħ (ismijiet u l-kunjomijiet kollha):

    Ismijiet preċedenti:

    Psewdonimu u/jew alias, jekk ikun hemm:

    Sess: R □M□

    Ċittadinanza:

    Data tat-twelid (f’ċifri: jj/xx/ssss):

    Post tat-twelid (belt u stat):

    Isem il-missier:

    Isem l-omm:

    Residenza jew indirizz magħruf:

    In-numru tal-identità tal-persuna jew it-tip u n-numru tad-dokument ta' identifikazzjoni tal-persuna:

    Marki tas-swaba':

    Informazzjoni oħra għall-identifikazzjoni disponibbli:

    (c) L-għan tat-talba:

    Jekk jogħġbok immarka l-kaxxa adatta

    proċedimenti kriminali (jekk jogħġbok identifika l-awtorità li quddiema huma pendenti l-proċedimenti u, jekk disponibbli, in-numru ta' referenza tal-każ)…

    talba barra l-kuntest tal-proċedimenti kriminali (jekk jogħġbok identifika l-awtorità li quddiema huma pendenti l-proċedimenti u, jekk disponibbli, in-numru ta' referenza tal-każ meta timmarka l-kaxxa rilevanti)

    minn awtorità ġudizzjarja…

    minn awtorità amministrattiva kompetenti…

    minn persuna kkonċernata għal informazzjoni dwar ir-rekord kriminali tagħha stess…

    L-għan li għalih qed tintalab l-informazzjoni:

    L-Awtorità rikjedenti:

    Il-persuna kkonċernata ma tagħtix il-kunsens tagħha biex din l-informazzjoni tkun żvelata (jekk il-persuna kkonċernata tiġi mitluba l-kunsens tagħha skond il-liġi ta' dak l-Istat Membru rikjedenti).

    Il-persuna li għandha tiġi kkuntattjata jekk tkun meħtieġa aktar informazzjoni:

    Isem:

    Telefon:

    Posta elettronika:

    Informazzjoni oħra (per eżempju: l-urġenza tat-talba):

    Tweġiba għat-talba

    Informazzjoni relatata mal-persuna kkonċernata

    Jekk jogħġbok immarka l-kaxxa adatta

    L-awtorità sottoskritta tikkonferma:

    m'hemm l-ebda informazzjoni dwar kundanni fir-rekord kriminali tal-persuna kkonċernata

    hemm informazzjoni dwar kundanni reġistrata fir-rekord kriminali tal-persuna kkonċernata; lista ta' kundanni hija mehmuża

    hemm informazzjoni oħra reġistrata fir-rekord kriminali tal-persuna kkonċernata; tali informazzjoni hija mehmuża (fakultattiva)

    hemm informazzjoni dwar kundanni reġistrati fir-rekord kriminali tal-persuna kkonċernata iżda l-Istat Membru li jikkundanna informa li l-informazzjoni dwar dawn il-kundanni ma jistgħux jiġu trasmessi mill-ġdid għal kwalunkwe għan ieħor ħlief dak ta' proċedimenti kriminali. It-talba għal aktar informazzjoni tista' tintbagħat direttament lil …(jekk jogħġbok indika l-Istat Membru li jikkundanna);

    skond il-liġi nazzjonali tal-Istat Membru mitlub, talbiet li jsiru għal kwalunkwe għanijiet oħra barra minn dik ta' proċedimenti kriminali ma jistgħux jiġu trattati.

    Il-persuna li għandha tiġi kkuntattjata jekk tkun meħtieġa aktar informazzjoni:

    Isem:

    Telefon:

    Posta elettronika:

    Informazzjoni oħra (limitazzjonijiet tal-użu tad-data dwar talbiet barra l-kuntest tal-proċedimenti kriminali):

    Jekk jogħġbok indika n-numru tal-paġni mehmuża mal-formola ta' risposta:

    Magħmul fi,

    fi

    Firma u timbru uffiċjali (jekk ikun il-każ):

    Isem u pożizzjoni/ organizzazzjoni:

    Fejn adatt, jekk jogħġbok ehmeż lista ta' kundanni u ibgħat il-pakkett sħiħ lill-Istat Membru rikjedenti. M'huwiex meħtieġ li l-formola jew il-lista jiġu tradotti fil-lingwa tal-Istat Membru rikjedenti.



    ( 1 ) Regolament (UE) 2018/1726 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Novembru 2018 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Tmexxija Operattiva ta’ Sistemi tal-IT fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (eu-LISA), u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1987/2006 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/533/ĠAI u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1077/2011 (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 99).

    ( 2 ) Regolament (UE) 2019/816 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 li jistabbilixxi sistema ċentralizzata għall-identifikazzjoni ta’ Stati Membri fil-pussess ta’ informazzjoni dwar kundanni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi u persuni apolidi (ECRIS-TCN) biex tissupplimenta s-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni ta’ Rekords Kriminali u li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1726 (ĠU L 135, 22.5.2019, p. 1).

    ( 3 ) ĠU C 326, 21.11.2001, p. 1.

    ( *1 ) Biex tiġi faċilitata l-identifikazzjoni tal-persuna għandha tingħata kemm jista' jkun informazzjoni.

    Top