EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62006CJ0308

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-3 ta' Ġunju 2008.
The Queen, fuq talba ta' International Association of Independent Tanker Owners (Intertanko) et. vs Secretary of State for Transport.
Talba għal deċiżjoni preliminari: High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court) - ir-Renju Unit.
Trasport marittimu - Tniġġis ikkawżat minn vapuri - Direttiva 2005/35/KE - Validità - Konvenzjoni ta’ Montego Bay - Konvenzjoni Marpol 73/78 - Effetti legali - Invokabbiltà - Negliġenza serja - Prinċipju ta’ ċertezza legali.
Kawża C-308/06.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2008:312

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

3 ta’ Ġunju 2008 ( *1 )

“Trasport marittimu — Tniġġis ikkawżat minn vapuri — Direttiva 2005/35/KE — Validità — Konvenzjoni ta’ Montego Bay — Konvenzjoni Marpol 73/78 — Effetti legali — Invokabbiltà — Negliġenza serja — Prinċipju ta’ ċertezza legali”

Fil-Kawża C-308/06,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court) (ir-Renju Unit), permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ Lulju 2006, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-14 ta’ Lulju 2006, fil-kawża

The Queen, fuq talba ta’:

International Association of Independent Tanker Owners (Intertanko),

International Association of Dry Cargo Shipowners (Intercargo),

Greek Shipping Co-operation Committee,

Lloyd’s Register,

International Salvage Union

vs

Secretary of State for Transport,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans, A. Rosas, K. Lenaerts, L. Bay Larsen, Presidenti tal-Awla, K. Schiemann, J. Makarczyk, P. Kūris, J. Malenovský (Relatur), A. Ó Caoimh, P. Lindh u J.-C. Bonichot, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistraturi: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali, u C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-25 ta’ Settembru 2007,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-International Association of Independent Tanker Owners (Intertanko), l-International Association of Dry Cargo Shipowners (Intercargo), il-Greek Shipping Co-operation Committee, il-Lloyd’s Register u l-International Salvage Union, minn C. Greenwood, QC, u M. H. Mercer, barrister,

għall-Gvern tar-Renju Unit, minn C. Gibbs, bħala aġent, assistita minn C. Lewis u S. Wordsworth, barristers,

għall-Gvern Daniż, minn J. Bering Liisberg u B. Weis Fogh, bħala aġenti,

għall-Gvern Estonjan, minn L. Uibo, bħala aġent,

għall-Gvern Elleniku, minn A. Samoni-Rantou, S. Chala u G. Karipsiadis, bħala aġenti,

għall-Gvern Spanjol, minn M. Sampol Pucurull, bħala aġent,

għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues, L. Butel u C. Jurgensen, bħala aġenti,

għall-Gvern Taljan, minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn P. Gentili, avvocato dello Stato,

għall-Gvern Ċiprijott, minn D. Lysandrou u N. Charalampidou, bħala aġenti,

għall-Gvern Malti, minn S. Camilleri, bħala aġent,

għall-Gvern Żvediż, minn K. Wistrand u A. Falk, bħala aġenti,

għall-Parlament Ewropew, minn M. Gómez-Leal u J. Rodrigues, bħala aġenti,

għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn E. Karlsson u E. Chaboureau, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn K. Simonsson, H. Ringbom u F. Hoffmeister, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-20 ta’ Novembru 2007,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-validità tal-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva 2005/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Settembru 2005, dwar it-tniġġis ikkawżat minn vapuri u l-introduzzjoni ta’ sanzjonijiet għal ksur (ĠU L 255, p. 11, rettifiki, ĠU L 33, 2006, p. 87 u ĠU 2006, L 105, p. 65).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn, minn naħa, l-International Association of Independent Tanker Owners (Intertanko), l-International Association of Dry Cargo Shipowners (Intercargo), il-Greek Shipping Co-operation Committee, il-Lloyd’s Register u l-International Salvage Union u, min-naħa l-oħra, is-Secretary of State for Transport (il-Ministeru tat-Trasport) dwar l-implementazzjoni tad-Direttiva 2005/35.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt internazzjonali

3

Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar, iffirmata f’Montego Bay (il-Ġamajka) fl-10 ta’ Diċembru 1982 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Montego Bay”), daħlet fis-seħħ fis-16 ta’ Novembru 1994. Hija ġiet approvata f’isem il-Komunità Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 98/392/KE, tat-23 ta’ Marzu 1998 (ĠU L 179, p. 1).

4

L-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni ta’ Montego Bay jirreferi għar-regoli ġuridiċi dwar il-baħar territorjali fit-termini segwenti:

“1.   Is-sovranità ta’ Stat kostali testendi, lil hinn mill-art territorjali tiegħu u mill-ilmijiet interni tiegħu u, fil-każ ta’ Stat arċipelagu, l-ilmijiet arċipelaġiċi tiegħu, lejn medda tal-baħar tal-biswit, deskritt[a] bħala l-baħar territorjali.

[…]

3.   Is-sovranità fuq il-baħar territorjali hija eżerċitata bla ħsara għal[…]l-Konvenzjoni [ta’ Montego Bay] u għar-regoli l-oħrajn tal-liġi internazzjonali.”

5

Skont l-Artikolu 17 ta’ din il-konvenzjoni:

“Bla ħsara għal[…]l-Konvenzjoni [ta’ Montego Bay], il-vapuri ta’ l-Istati kollha, sew jekk kostali jew li m’għandhomx aċċess dirett għall-baħar, igawdu d-dritt tal-passaġġ innoċenti matul il-baħar territorjali.”

6

L-Artikolu 34 tal-imsemmija konvenzjoni jispeċifika r-regoli ġuridiċi dwar l-ilmijiet tal-istretti użati għan-navigazzjoni internazzjonali kif ġej:

“1.   Ir-reġim tal-passaġġ matul mogħdijiet [stretti] użati għal navigazzjoni internazzj[o]nali stabbiliti f’din il-parti m’għandhomx f’aspetti oħrajn jaffettwaw l-istatus legali ta’ l-ilmijiet li jifformaw mogħdijiet [stretti] bħal dawk jew l-eżerċitar mill-Istati bi fruntieri fuq dawk il-mogħdijiet [l-istretti] tas-sovranità tal-ġurisdizzjoni tagħhom fuq dawk l-ilmijiet jew l-ispazju ta’ l-ajru tagħhom, tal-qiegħ jew ta’ l-istrati ta’ taħt l-art.

2.   Is-sovranità jew il-ġurisdizzjoni ta’ l-Istati bi fruntieri fuq il-mogħdijiet [l-istretti] huma eżerċitati bla ħsara għall din il-parti u għar-regoli l-oħrajn tal-liġi internazzjonali.”

7

L-Artikolu 42 tal-Konvenzjoni ta’ Montego Bay jgħid:

“1.   Bla ħsara għad-disposizzjonijiet ta’ din is-sezzjoni, l-Istati bi fruntieri fuq il-mogħdijiet [l-istretti] jistgħu jadottaw il-liġijiet u r-regolamenti li jirrigwardaw il-passaġġ tat-transitu matul il-mogħdijiet [l-istretti], fir-rigward ta’ kollha jew ta’ uħud minn dawn li ġejjin:

[…]

(b)

il-prevenzjoni, it-tnaqqis u l-kontroll tat-tniġġi[s], billi jdaħħlu b’effett [jagħtu effett l]ir-regolamenti internazzjonali applikabbli fir-rigward tar-rimi taż-żejt, skart taż-żejt jew sustanzi perikolużi oħrajn fil-mogħdija [fl-istrett];

[…]”

8

Il-Parti V ta’ din il-konvenzjoni tipprovdi regoli ġuridiċi speċifiċi li għalihom hija suġġetta ż-żona ekonomika esklużiva.

9

F’din il-parti, l-Artikolu 56(1) tal-imsemmija konvenzjoni jgħid:

“1.   Fiż-żona ekonomika esklussiva, l-Istat kostali għandu:

(a)

id-drittijiet sovrani għall-iskop ta’ l-esplorazzjoni u l-esplojtazzjoni, tal-konservazzjoni u l-immaniġġjar tar-riżorsi naturali, seww jekk ħajjin jew mhux ħajjin, tal-baħar supra-qarib tal-qiegħ [li jinsab fuq il-qiegħ] tal-baħar jew tal-qiegħ tal-baħar u l-istrata ta’ taħt il-wiċċ tal-qiegħ tiegħu, f’dak li jirrigwarda l-attivitajiet l-oħrajn għall-esplorazzjoni u l-esplojtazzjoni ekonomika taż-żona, bħal ma hija l-produzzjoni ta’ l-enerġija mill-ilma, mill-kurrenti jew mill-irjieħ;

[…]”

10

L-Artikolu 58(1) tal-istess konvenzjoni jipprovdi:

“Fiż-żona ekonomika esklussiva, l-Istati kollha, kemm jekk kostali jew li m’għandhom aċċess dirett għall-baħar, igawdu, suġġett għad-disposizzjonijiet relevanti ta[…]l-Konvenzjoni [ta’ Montego Bay], il-libertajiet msemmija fl-Artikolu 87, tan-navigazzjoni u t-titjiriet u tat-tqegħid ta’ fili u pajpijiet sottomarini, u ta’ l-użu internazzjonali legali l-ieħor tal-baħar relatati ma dawk il-libertajiet, bħal dawk assoċjati ma l-operazzjoni ta’ vapuri, ajruplani u fili u pajpijiet sottomarini, u kompatibbli mad-disposizzjonijiet l-oħrajn ta[…]l-Konvenzjoni [ta’ Montego Bay].”

11

Skont l-Artikolu 79(1) tal-Konvenzjoni ta’ Montego Bay:

“L-Istati kollha huma ntitolati li jqiegħdu fili u pajpijiet sottomarini fuq is-sikka kontinentali, b’konformità mad-disposizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu.”

12

Skont l-Artikolu 89 ta’ din il-konvenzjoni:

“L-ebda Stat ma jista’ validitament [validament] jipproponi li jissuġġetta xi parti mill-baħar internazzjonali [mill-ibħra miftuħa] għas-sovranità tiegħu.”

13

L-Artikolu 90 tal-imsemmija konvenzjoni jgħid:

“Kwalunkwe Stat, sew jekk kostali jew li m’għandux aċċess dirett għall-baħar, għandu d-dritt li jbaħħar il-vapuri li jtajjru l-bandiera tiegħu matul l-ibħra internazzjonali [l-ibħra miftuħa].”

14

L-Artikolu 116 tal-Konvenzjoni ta’ Montego Bay jipprovdi:

“L-Istati kollha għandhom id-dritt għaċ-ċittadini tagħhom li jinvolvu rwieħhom fis-sajd f’ibħra internazzjonali [fl-ibħra miftuħa] […]”.

15

Il-Parti XII ta’ din il-konvenzjoni hija ddedikata għall-protezzjoni u l-preżervazzjoni tal-ambjent marittimu.

16

F’din il-Parti XII, l-Artikolu 211 tal-imsemmija konvenzjoni jgħid:

“1.   L-Istati, li jaġixxu permezz ta’ l-organizzazzjoni internazzjonali kompetenti jew ta’ konferenza diplomatika ġenerali, għandhom jistabbilixxu regoli u normi [standards] internazzjonali sabiex ma jħallux, inaqqsu u jikkontrollaw it-tniġġi[s] ta’ l-ambjent marittimu minn vapuri u jħeġġu l-adozzjoni, bl-istess mod, kull meta xieraq, ta’ sistemi ta’ rotot ġodda ddisinjati biex jimminizzaw it-theddida ta’ inċidenti li jistgħu joħolqu tniġġi[s] ta’ l-ambjent marittimu, inkluża l-kosta, u l-ħsara bit-tniġġi[s] relatata ma’ l-interessi ta’ l-Istati kostali. Regoli u normi [standards] bħal dawn għandhom, bl-istess mod, ikunu eżaminati mill-ġdid minn żmien għal żmien skond ma jkun meħtieġ.

2.   L-Istati għandhom jadottaw il-liġijiet u r-regolamenti għall-prevenzjoni, t-tnaqqis u l-kontroll tat-tniġġi[s] ta’ l-ambjent marittimu minn vapuri li jtajjru il-bandiera tagħhom jew tar-registru tagħhom. Liġijiet u regolamenti bħal dawn għandhom mill-anqas ikollhom l-istess effett bħal dawk ir-regoli u n-normi [l-istandards] internazzjonali ġeneralment aċċettati kif stabbiliti permezz ta’ l-organizzazzjoni internazzjonali kompetenti jew ta’ konferenza diplomatika ġenerali.

[…]

4.   L-Istati kostali jistgħu, fl-eżerċitar tas-sovranità tagħhom fi ħdan il-baħar territorjali tagħhom, jadottaw il-liġijiet u r-regolamenti għall-prevenzjoni, t-tnaqqis u l-kontroll tat-tniġġi[s] marittimu minn vapuri barranin, inklużi vapuri li jeżerċitaw id-dritt tal-passaġġ innoċenti. Liġijiet u regolamenti bħal dawn għandhom, b’konformità mal-Parti II, is-Sezzjoni 3, ma jfixklux il-passaġġ innoċenti tal-vapuri barranin.

5.   L-Istat[i] kostali, għall-iskop ta’ l-infurzar kif hemm provvediment dwar dan fis-Sezzjoni 6, jistgħu fir-rigward taż-żoni ekonomiċi esklussivi tagħhom, jadottaw liġijiet u regolamenti għall-prevenzjoni, it-tnaqqis u l-kontroll tat-tniġġi[s] minn vapuri li jkunu konformi ma’, u li jagħtu effett għar-regoli u n-normi [l-istandards] internazzjonali ġeneralment aċċettati kif stabbiliti permezz ta’ l-organizzazzjonijiet [l-organizzazzjoni] internazzjonali kompetenti jew minn konferenza diplomatika ġenerali.

[…]”

17

Il-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis minn Vapuri, iffirmata f’Londra fit-2 ta’ Novembru 1973, kif ikkompletata bil-Protokoll tas-17 ta’ Frar 1978 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni Marpol 73/78”), tistabbilixxi regoli għall-ġlieda kontra t-tniġġis tal-ambjent marittimu.

18

Ir-regoli dwar il-prevenzjoni tat-tniġġis miż-żejt huma stabbiliti fl-Anness I tal-Konvenzjoni Marpol 73/78.

19

Skont ir-Regolament 9 ta’ dan l-anness, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti 10 u 11 ta’ dan l-anness u l-paragrafu (2) ta’ dan ir-regolament, kwalunkwe rimi fil-baħar ta’ żejt jew taħlitiet żejtnin minn vapuri li għalihom japplika dan l-anness għandu jkun ipprojbit ħlief meta ċerti kundizzjonijiet elenkati b’mod eżawrjenti huma sodisfatti.

20

Ir-Regolament 10 tal-imsemmi Anness I jipprovdi l-metodi għall-prevenzjoni ta’ tniġġis taż-żejt minn vapuri waqt li joperaw f’żoni speċjali.

21

Skont ir-Regolament 11 ta’ dan l-istess anness, intitolat “Eċċezzjonijiet”:

“Ir-Regolamenti 9 u 10 ta’ dan l-Anness ma għandhomx japplikaw għal:

(a)

rimi fil-baħar ta’ żejt jew taħlita żejtnija meħtieġa biex tiġi żgurata s-sigurtà ta’ vapur jew li tiġi salvata l-ħajja umana fuq il-baħar; jew

(b)

rimi fil-baħar ta’ żejt jew taħlita żejtnija li tirriżulta minn ħsara għal vapur jew it-tagħmir tiegħu:

(i)

bil-kundizzjoni li l-prekawzjonijiet kollha raġonevoli ttieħdu wara li ġrat il-ħsara jew wara li r-rimi ġie skopert sabiex jiġi prevenut jew minimizzat; u

(ii)

ħlief fil-każ li s-sid jew il-kaptan aġixxew jew bil-għan li jagħmlu l-ħsara, jew b’mod imprudenti u konsapevoli li probabbilment kien ser ikun hemm ħsara; jew

(ċ)

ir-rimi fil-baħar ta’ sustanzi li jkun fihom i[ż]-żejt, approvat mill-Amministrazzjoni [tal-Istat tal-bandiera], meta dawn is-sustanzi jintużaw għall-iskop tal-ġlieda kontra inċidenti speċifiċi ta’ tniġġi[s] sabiex titnaqqas il-ħsara minn dan it-tniġġi[s]. Kwalunkwe rimi ta’ dan it-tip għandu jkun suġġett għall-approvazzjoni ta’ kwalunkwe Gvern li għandu ġurisdizzjoni fil-post li fih ir-rimi ser isir.”

22

Ir-regoli dwar il-prevenzjoni tat-tniġġis minn sustanzi likwidi noċivi huma stabbiliti fl-Anness II tal-Konvenzjoni Marpol 73/78.

23

Ir-Regolament 5 ta’ dan l-anness jipprojbixxi r-rimi fil-baħar tas-sustanzi msemmija fl-imsemmi anness, ħlief meta ċerti kundizzjonijiet elenkati b’mod eżawrjenti huma sodisfatti. Ir-Regolament 6(a)(ċ) tal-istess anness jirriproduċi, f’termini analogi, l-eċċezzjonijiet previsti fir-Regolament 11(a)(ċ) tal-Anness I tal-Konvenzjoni Marpol 73/78.

Id-dritt Komunitarju

24

Skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2005/35:

“1.   Din id-Direttiva għandha tapplika, bi qbil mal-liġi internazzjonali, għal rimi ta’ sustanzi li jniġġ[s]u:

(a)

fl-ilmijiet interni, inklużi portijiet, ta’ Stat Membru, sakemm ir-reġim Marpol huwa applikabbli;

(b)

fil-baħar territorjali ta’ Stat Membru;

(ċ)

fl-istretti użati għan-navigazzjoni internazzjonali li huma suġġetti għar-reġim ta’ passaġġ bi transitu, kif stipulat fil-Parti III, sezzjoni 2, tal-Konvenzjoni [ta’ Montego Bay], sakemm Stat Membru jeżerċita ġurisdizzjoni fuq tali stretti;

(d)

fiż-żona ekonomika esklussiva jew żona ekwivalenti ta’ Stat Membru, stabbilita skond il-liġi internazzjonali; u

(e)

bejn sema u ilma [l-ibħra miftuħa].”

25

L-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva jgħid:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-rimi ta’ sustanzi li jniġġ[s]u minn vapuri fi kwalunkwe żona msemmija fl-Artikolu 3(1) ikun ikkunsidrat bħala ksur jekk isiru b’intenzjoni, b’mod imprudenti jew b’negliġenza serja. Dan il-ksur huwa meqjus bħala offiża [reat] kriminali skond, u fiċ-ċirkustanzi pprovdut għalhekk fid-Deċiżjoni Kwadru 2005/667/ĠAI li tissupplimenta din id-Direttiva.”

26

Skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2005/35:

“1.   Ir-rimi ta’ sustanzi li jniġġ[s]u fi kwalunkwe żona msemmija fl-Artikolu 3(1) m’għandux jitqies bħala ksur jekk jissodisfa l-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Anness I, Regolamenti 9, 10, 11(a) jew 11(ċ) jew fl-Anness II, Regolamenti 5, 6(a) jew 6(ċ) tal-[Konvenzjoni] Marpol 73/78.

2.   Ir-rimi ta’sustanzi li jniġġ[s]u fiż-żoni msemmija fl-Artikolu 3(1) (ċ), (d) u (e) m’għandux jitqies bħala ksur min-naħa tas-sid, tal-kmandant [kaptan] jew ta’ l-ekwipaġġ meta jaġixxu taħt ir-responsabbiltà tal-kmandant [kaptan] jekk ir-rimi jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness I, Regolament 11(b) jew fl-Anness II, Regolament 6(b) tal-[Konvenzjoni] Marpol 73/78.”

27

Skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2005/35:

“1.   Stati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-ksur imsemmi fl-Artikolu 4 ikun suġġett għal penali effettivi, proporzjonati u disważivi, li jistgħu jinkludu penali kriminali jew amministrattivi.

2.   Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li l-penali msemmija fil-paragrafu 1 japplikaw għal kwalunkwe persuna li tinstab responsabbli ta’ ksur kif imsemmi fl-Artikolu 4.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

28

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jifformaw grupp ta’ organizzazzjonijiet fis-settur tat-trasport marittimu li jirrappreżentaw parti sostanzjali minn dan is-settur. Huma ressqu rikors għal stħarriġ ġudizzjarju (“judicial review”) fir-rigward tal-implementazzjoni tad-Direttiva 2005/35 quddiem il-qorti tar-rinviju.

29

B’deċiżjoni tal-4 ta’ Lulju 2006, il-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

Dwar l-istretti użati għan-navigazzjoni internazzjonali, iż-żona ekonomika esklużiva jew iż-żona ekwivalenti ta’ Stat Membru u l-ibħra miftuħa: l-Artikolu 5(2) tad-[Direttiva 2005/35 huwa null safejn jillimita l-eċċezzjonijiet imsemmija fir-Regolament 11(b) tal-Anness I u fir-Regolament 6(b) tal-Anness II ta[l-Konvenzjoni] Marpol 73/78 għas-sidien, għall-kaptani u għall-membri tal-ekwipaġġ?

2)

Dwar l-ibħra territorjali ta’ Stat Membru:

a)

L-Artikolu 4 tad-Direttiva [2005/35] huwa null safejn jitlob lill-Istati Membri jikkunsidraw in-negliġenza serja bħala kriterju ta’ responsabbiltà għar-rimi ta’ sustanzi li jniġġsu; u/jew

b)

L-Artikolu 5(1) tad-Direttiva [2005/35] huwa null safejn jeskludi l-applikazzjoni tal-eċċezzjonijiet imsemmija fir-Regolament 11(b) tal-Anness I u fir-Regolament 6(b) tal-Anness II ta[l-Konvenzjoni] Marpol 73/78?

3)

L-Artikolu 4 tad-Direttiva [2005/35], li jitlob lill-Istati Membri jadottaw miżuri nazzjonali li jinkludu n-negliġenza serja bħala kriterju ta’ responsabbiltà u li jippenalizzaw ir-rimi fl-ibħra territorjali, jikser id-dritt ta’ passaġġ innoċenti rikonnoxut fil-Konvenzjoni [ta’ Montego Bay], u jekk dan ikun il-każ, l-Artikolu 4 huwa null f’dan ir-rigward?

4)

L-użu tal-espressjoni ‘negliġenza serja’ fl-Artikolu 4 tad-Direttiva [2005/35] jikser il-prinċipju ta’ ċertezza legali, u jekk dan ikun il-każ, l-Artikolu 4 huwa null f’dan ir-rigward?”

Fuq l-ammissibbiltà

30

Il-Gvern Franċiż għandu dubji dwar l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari billi, skontu, il-qorti tar-rinviju ma spjegatx iċ-ċirkustanzi li fihom hija ġiet adita. B’kuntrast ma’ kawżi bħal dik li tat lok għas-sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2002, British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco (C-491/01, Ġabra p. I-11453), l-imsemmija talba ma tispeċifikax li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali riedu jeżerċitaw azzjoni ġudizzjarja intiża sabiex tiġi kkontestata t-traspożizzjoni tad-Direttiva 2005/35 mir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq.

31

F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, meta tqum domanda dwar il-validità ta’ att adottat mill-istituzzjonijiet tal-Komunità Ewropea quddiem qorti nazzjonali, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi jekk deċiżjoni dwar dan il-punt hijiex neċessarja sabiex tagħti s-sentenza tagħha u, għaldaqstant, tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar din id-domanda. Konsegwentement, meta d-domandi magħmula mill-qorti nazzjonali jirrigwardaw il-validità ta’ regola tad-dritt Komunitarju, il-Qorti tal-Ġustizzja hija obbligata, bħala regola, li tiddeċiedi [sentenza British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco, iċċitata iktar ’il fuq, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata].

32

Huwa biss possibbli għall-Qorti tal-Ġustizzja li tirrifjuta li tiddeċiedi dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali meta, b’mod partikolari, jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni jew l-evalwazzjoni tal-validità ta’ regola Komunitarja, mitluba mill-qorti nazzjonali, ma jkollhom ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali jew meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika [sentenza British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco, iċċitata iktar ’il fuq, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata].

33

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ressqu, quddiem il-High Court of Justice, proċeduri għall-istħarriġ tal-legalità intiżi sabiex tiġi kkontestata t-traspożizzjoni fir-Renju Unit tad-Direttiva 2005/35, u li jistgħu jeżerċitaw tali azzjoni ġudizzjarja minkejja li, fid-data li fiha tressqet din l-azzjoni, it-terminu previst għat-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva ma kienx għadu skada u ebda miżura nazzjonali ta’ traspożizzjoni tal-imsemmija ma kienet ġiet adottata.

34

Barra minn hekk, mhuwiex ikkontestat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li d-domandi magħmula huma rilevanti għall-eżitu tal-kawża prinċipali, għaliex l-adozzjoni ta’ miżuri nazzjonali intiżi sabiex jittrasponu direttiva fis-sistema legali tar-Renju Unit tista’ tkun suġġetta għall-kundizzjoni li din id-direttiva hija valida [ara s-sentenza British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco, iċċitata iktar ’il fuq, punt 37].

35

Għaldaqstant, ma jidhirx b’mod manifest li l-evalwazzjoni tal-validità tad-Direttiva 2005/35, mitluba mill-qorti tar-rinviju, m’għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali jew tikkonċerna problema ta’ natura ipotetika.

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel sat-tielet domandi

36

Permezz tal-ewwel sat-tielet domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob essenzjalment lill-Qorti tal-Ġustizzja tevalwa l-validità tal-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva 2005/35 fid-dawl tar-Regolamenti 9 u 11(b) tal-Anness I tal-Konvenzjoni Marpol 73/78 u tar-Regolament 6(b) tal-Anness II ta’ din il-konvenzjoni kif ukoll fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Montego Bay li jispeċifikaw il-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju, mill-Istati kostali, ta’ wħud mid-drittijiet tagħhom fid-diversi żoni tal-baħar.

37

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, kif ukoll il-Gvern Elleniku, il-Gvern Ċiprijott u l-Gvern Malti, jsostnu li, minn diversi aspetti, l-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva 2005/35 la jirrispettaw il-Konvenzjoni Marpol 73/78 u lanqas il-Konvenzjoni ta’ Montego Bay. B’mod partikolari, bil-fatt li jipprovdu għal grad ta’ responsabbiltà li jikkorrispondi għal negliġenza serja, dawn l-artikoli jistabbilixxu regoli dwar ir-responsabbiltà li huma iktar stretti għar-rimi aċċidentali mir-regoli previsti fl-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni Marpol 73/78, moqri flimkien mar-Regolamenti 9 u 11(b) tal-Anness I ta’ din il-konvenzjoni u mar-Regolamenti 5 u 6 tal-Anness II ta’ din tal-aħħar.

38

F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u l-gvernijiet fuq imsemmija jitilqu mill-premessa li l-legalità tad-Direttiva 2005/35 tista’ tiġi evalwata fid-dawl tal-Konvenzjoni ta’ Montego Bay, billi din tal-aħħar tifforma parti mis-sistema legali Komunitarja minħabba li l-Komunità hija parti f’din il-konvenzjoni.

39

Skonthom, il-legalità tal-imsemmija direttiva tista’ tiġi evalwata wkoll fid-dawl tal-Konvenzjoni Marpol 73/78. Fil-fatt, il-Konvenzjoni ta’ Montego Bay tiddefinixxi u tirregola l-portata tal-kompetenza tal-partijiet kontraenti fil-kuntest ta’ azzjoni tagħhom fl-ibħra miftuħa, fiż-żona ekonomika esklużiva u fl-istretti internazzjonali. Għalhekk, il-Komunità mhijiex kompetenti sabiex tadotta leġiżlazzjoni li tapplika għar-rimi minn vapuri li ma jtajrux il-bandiera ta’ xi wieħed mill-Istati Membri, sakemm mhux fil-limiti li fihom il-Konvenzjoni ta’ Montego Bay tagħti lill-Komunità d-dritt li tadotta tali leġiżlazzjoni. Issa skont din il-konvenzjoni, il-partijiet kontraenti huma kompetenti biss sabiex jadottaw leġiżlazzjoni li timplementa r-regoli u l-istandards internazzjonali f’tali żoni, jiġifieri, f’dan il-każ, id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni Marpol 73/78. Din il-kompetenza hija speċifikata fir-rigward tal-ibħra miftuħa fl-Artikolu 211(1) u (2) tal-Konvenzjoni ta’ Montego Bay, fir-rigward tal-istretti internazzjonali fl-Artikoli 42(1)(b) u 45 ta’ din il-konvenzjoni u fir-rigward taż-żona ekonomika esklużiva fl-Artikolu 211(5) ta’ din tal-aħħar. L-istess japplika fir-rigward tal-baħar territorjali permezz tal-Artikolu 2(3) tal-Konvenzjoni ta’ Montego Bay.

40

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jgħidu wkoll li l-legalità tad-Direttiva 2005/35 għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-Konvenzjoni Marpol 73/78, għar-raġuni, ukoll, li l-leġiżlatur Komunitarju jixtieq jittrasponi din tal-aħħar fid-dritt Komunitarju permezz ta’ din id-direttiva.

41

Barra minn hekk, il-qasam tat-trasport marittimu huwa qasam li fih il-Komunità għandha rwol ta’ regolatur tal-implementazzjoni tal-obbligi internazzjonali tal-Istati Membri. Is-sitwazzjoni hija analoga għal dik li kienet tipprevali taħt il-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ tat-30 ta’ Ottubru 1947 (iktar ’il quddiem il-“GATT tal-1947”), qabel il-konklużjoni tal-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, sitwazzjoni li fiha l-Komunità, mingħajr ma saret parti fl-ewwel wieħed minn dawn il-ftehim, kienet issuċċediet lill-Istati Membri fl-obbligi tagħhom minħabba l-attività tagħha fil-kuntest tal-politika kummerċjali komuni. L-oqsma koperti mill-GATT tal-1947 għalhekk kienu daħlu fil-kamp tal-kompetenza tal-Komunità u d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-ftehim kellhom l-effett li jorbtu lil din tal-aħħar.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

42

Mill-Artikolu 300(7) KE jirriżulta li l-istituzzjonijiet tal-Komunità huma marbuta bil-ftehim konklużi minn din tal-aħħar u, għaldaqstant li dawn il-ftehim igawdu s-supremazija fuq l-atti tad-dritt Komunitarju sekondarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Settembru 1996, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-61/94, Ġabra p. I-3989, punt 52, u tat-12 ta’ Jannar 2006, Algemene Scheeps Agentuur Dordrecht, C-311/04, Ġabra p. I-609, punt 25).

43

Minn dan isegwi li l-validità ta’ att Komunitarju sekondarju tista’ tiġi affettwata mill-fatt li dan tal-aħħar ikun inkompatibbli ma’ tali regoli tad-dritt internazzjonali. Meta din l-invalidità tiġi invokata quddiem qorti nazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk tivverifika, b’applikazzjoni tal-Artikolu 234 KE, il-validità tal-att Komunitarju kkonċernat fid-dawl tar-regoli kollha tad-dritt internazzjonali, iżda żewġ kundizzjonijiet għandhom jiġu sodisfatti.

44

L-ewwel nett, il-Komunità trid tkun marbuta b’dawn ir-regoli (ara s-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 1972, International Fruit Company et, 21/72 sa 24/72, Ġabra p. 1219, punt 7).

45

It-tieni nett, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ teżamina l-validità ta’ leġiżlazzjoni Komunitarja fid-dawl ta’ trattat internazzjonali biss meta n-natura u l-istruttura ta’ dan tal-aħħar ma jipprekludux tali eżami u meta, barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet tiegħu jkunu jidhru, mill-aspett tal-kontenut tagħhom, li huma inkondizzjonati u suffiċjentement preċiżi (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tal-10 ta’ Jannar 2006, IATA u ELFAA, C-344/04, Ġabra p. I-403, punt 39).

46

Għandu għalhekk jiġi eżaminat jekk dawn iż-żewġ kundizzjonijiet humiex sodisfatti f’dak li jirrigwarda l-Konvenzjoni Marpol 73/78 u l-Konvenzjoni ta’ Montego Bay.

47

Fl-ewwel lok, f’dak li jirrigwarda l-Konvenzjoni Marpol 73/78, għandu qabel xejn jiġi rrilevat li l-Komunità mhijiex parti kontraenti f’din tal-aħħar.

48

Barra minn hekk, kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, ma jidhirx li, bis-saħħa tat-Trattat KE, il-Komunità ħadet f’idejha l-kompetenzi li qabel kienu eżerċitati mill-Istati Membri fil-qasam ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni Marpol 73/78, u lanqas ma jidher, għaldaqstant, li d-dispożizzjonijiet ta’ din tal-aħħar għandhom l-effett li jorbtu lill-Komunità (sentenza tal-14 ta’ Lulju 1994, Peralta, C-379/92, Ġabra p. I-3453, punt 16). Għalhekk f’dan ir-rigward, hemm distinzjoni bejn il-Konvenzjoni Marpol 73/78 u l-GATT tal-1947 li fil-kuntest tiegħu l-Komunità progressivament ħadet f’idejha kompetenzi li qabel kienu eżerċitati mill-Istati Membri, liema fatt kellu l-konsegwenza li rabatha bl-obbligi li jirriżultaw minn dan il-ftehim (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza International Fruit Company et, iċċitata iktar ’il fuq, punti 10 sa 18). Għaldaqstant, din il-ġurisprudenza dwar il-GATT tal-1947 ma tistax tiġi applikata għall-Konvenzjoni Marpol 73/78.

49

Huwa minnu li l-Istati Membri kollha tal-Komunità huma partijiet kontraenti fil-Konvenzjoni Marpol 73/78. Madankollu, fin-nuqqas ta’ trasferiment sħiħ lill-Komunità tal-kompetenzi li qabel kienu eżerċitati mill-Istati Membri, din tal-aħħar ma tistax, sempliċement minħabba li dawn l-Istati kollha huma partijiet kontraenti fil-Konvenzjoni Marpol 73/78, tkun marbuta bir-regoli li jinsabu f’din tal-aħħar, li hija stess m’approvatx.

50

Ladarba l-Komunità mhijiex marbuta bil-Konvenzjoni Marpol 73/78, is-sempliċi fatt li d-Direttiva 2005/35 għandha l-għan li tinkorpora fid-dritt Komunitarju ċerti regoli li jinsabu f’din tal-aħħar, lanqas mhuwa suffiċjenti sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun obbligata tistħarreġ il-legalità ta’ din id-direttiva fid-dawl tal-imsemmija konvenzjoni.

51

Kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, huwa minnu li l-kompetenzi tal-Komunità għandhom jiġu eżerċitati b’rispett għad-dritt internazzjonali, inklużi d-dispożizzjonijiet tal-konvenzjonijiet internazzjonali safejn huma jikkodifikaw regoli konswetudinarji stabbiliti bid-dritt internazzjonali ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-24 ta’ Novembru 1992, Poulsen u Diva Navigation, C-286/90, Ġabra p. I-6019, punti 9 u 10; tal-24 ta’ Novembru 1993, Mondiet, C-405/92, Ġabra p. I-6133, punti 13 sa 15; u tas-16 ta’ Ġunju 1998, Racke, C-162/96, Ġabra p. I-3655, punt 45. Madankollu, ma jidhirx li r-Regolamenti 9 u 11(b) tal-Anness I tal-Konvenzjoni Marpol 73/78 u r-Regolamenti 5 u 6(b) tal-Anness II ta’ din il-konvenzjoni jikkostitwixxu l-espressjoni ta’ regoli konswetudinarji stabbiliti bid-dritt internazzjonali ġenerali.

52

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-validità tad-Direttiva 2005/35 ma tistax tiġi evalwata fid-dawl tal-Konvenzjoni Marpol 73/78 minkejja li l-Istati Membri huma marbutin biha. Madankollu, din iċ-ċirkustanza tal-aħħar jista’ jkollha konsegwenzi għall-interpretazzjoni, minn naħa, tal-Konvenzjoni ta’ Montego Bay u, min-naħa l-oħra, tad-dispożizzjonijiet tad-dritt sekondarju li jidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni Marpol 73/78. Fil-fatt, fid-dawl tal-prinċipju konswetudinarju tal-bona fides, li jifforma parti mid-dritt internazzjonali ġenerali, u tal-Artikolu 10 KE, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tinterpreta dawn id-dispożizzjonijiet billi tieħu inkunsiderazzjoni l-Konvenzjoni Marpol 73/78.

53

Fit-tieni lok, f’dak li jirrigwarda l-Konvenzjoni ta’ Montego Bay, din tal-aħħar ġiet iffirmata mill-Komunità u approvata permezz tad-Deċiżjoni 98/392, fatt li l-konsegwenza tiegħu hija li rabat lill-Komunità u għaldaqstant, id-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni jifformaw parti integrali mis-sistema legali Komunitarja (ara s-sentenza tat-30 ta’ Mejju 2006, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, C-459/03, Ġabra p. I-4635, punt 82).

54

Għalhekk għandu jiġi vverifikat jekk in-natura u l-istruttura tal-Konvenzjoni ta’ Montego Bay, kif jirriżultaw b’mod partikolari mill-għan, mill-preambolu u mit-termini ta’ din tal-aħħar, ma jipprekludux l-eżami tal-validità tal-atti Komunitarji fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni.

55

Il-Konvenzjoni ta’ Montego Bay għandha l-għan prinċipali li tikkodifika, tispeċifika u tiżviluppa r-regoli tad-dritt internazzjonali ġenerali dwar il-kooperazzjoni paċifika tal-komunità internazzjonali fl-esplorazzjoni, fl-użu u fl-isfruttament tal-ispazji marittimi.

56

Għal dan il-għan, skont il-preambolu ta’ din il-konvenzjoni, il-partijiet kontraenti xtaqu jistabbilixxu, permezz ta’ din tal-aħħar, sistema legali għall-ibħra u l-oċeani li tiffaċilita n-navigazzjoni internazzjonali, li tqis l-interessi u l-ħtiġijiet tal-umanità kollha kemm hi u, b’mod partikolari, l-interessi u l-ħtiġijiet speċjali tal-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw, u li ssaħħaħ il-paċi, is-sigurtà, il-kooperazzjoni u r-relazzjonijiet ta’ ħbiberija fost in-nazzjonijiet kollha.

57

F’din il-perspettiva, il-Konvenzjoni ta’ Montego Bay tistabbilixxi r-regoli ġuridiċi dwar il-baħar territorjali (Artikoli 2 sa 33), dwar l-ilmijiet tal-istretti użati għan-navigazzjoni internazzjonali (Artikoli 34 sa 45), dwar l-ilmijiet arċipelaġiċi (Artikoli 46 sa 54), dwar iż-żona ekonomika esklużiva (Artikoli 55 sa 75), dwar is-sikka kontinentali (Artikoli 76 sa 85) u dwar l-ibħra miftuħa (Artikoli 86 sa 120).

58

Għal dawn l-ispazji marittimi kollha, din il-konvenzjoni tfittex li tistabbilixxi bilanċ ġust bejn l-interessi tal-Istati fil-kapaċità tagħhom ta’ Stati kostali u l-interessi tal-Istati fil-kapaċità tagħhom ta’ Stati tal-bandiera, liema interessi jistgħu jkunu kontra xulxin. F’dan ir-rigward, kif jirriżulta mid-diversi dispożizzjonijiet tal-imsemmija konvenzjoni, bħall-Artikoli 2, 33, 34(2), 56 jew 89 ta’ din tal-aħħar, il-partijiet kontraenti jaħsbu biex jistabbilixxu l-limiti sostantivi u territorjali tad-drittijiet sovrani rispettivi tagħhom.

59

Min-naħa l-oħra, l-individwi, bħala regola, ma jgawdux drittijiet u libertajiet awtonomi bis-saħħa tal-Konvenzjoni ta’ Montego Bay. B’mod partikolari, huma jistgħu jgawdu l-libertà tan-navigazzjoni biss jekk jistabbilixxu rabta mill-qrib bejn il-vapur tagħhom u Stat li jagħtih in-nazzjonalità tiegħu u jsir l-Istat tal-bandiera tiegħu. Din ir-rabta trid tiġi kkostitwita permezz tad-dritt intern tal-imsemmi Stat. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 91 ta’ din il-konvenzjoni jispeċifika li kull Stat għandu jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-għoti tan-nazzjonalità tiegħu lill-vapuri, għar-reġistrazzjoni ta’ vapuri fit-territorju tiegħu u għad-dritt li jtajru l-bandiera tiegħu, bil-kundizzjoni li għandu jkun hemm rabta ġenwina bejn dan l-Istat u l-imsemmija vapuri. Skont l-Artikolu 92(1) tal-Konvenzjoni ta’ Montego Bay, il-vapuri għandhom ibaħħru taħt il-bandiera ta’ Stat wieħed biss u vapur ma jistax jibdel il-bandiera tiegħu matul vjaġġ jew waqt f’port fi żjara, apparti fil-każ ta’ trasferiment reali tal-proprjetà jew kambjament tar-reġistru.

60

Malli vapur ma jaqax taħt xi Stat, la huwa u lanqas il-persuni li jkunu abbord ma jgawdu l-libertà tan-navigazzjoni. F’dan ir-rigward, il-Konvenzjoni ta’ Montego Bay tipprovdi b’mod partikolari, fl-Artikolu 110(1) tagħha, li vapur tal-gwerra li jiltaqa’ ma’ vapur barrani fl-ibħra miftuħa jista’ jtella’ nies fuqu jekk ikollu bażi raġonevoli sabiex jissuspetta li l-vapur huwa mingħajr nazzjonalità.

61

Huwa minnu li l-kliem użat f’ċerti dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Montego Bay, bħall-Artikoli 17, 110(3) u 111(8) tagħha, jidher li jorbot id-drittijiet mal-vapuri. Madankollu minn dan ma jsegwix li dawn id-drittijiet huma hekk mogħtija lill-individwi marbuta ma’ dawn il-vapuri, bħalma huma l-proprjetarji ta’ dawn tal-aħħar, billi l-istatus legali internazzjonali tal-vapur jiddependi mill-Istat tal-bandiera u mhux mill-fatt li l-vapur jappartjeni lil ċerti persuni fiżiċi jew ġuridiċi.

62

Bl-istess mod, huwa fuq l-Istat tal-bandiera li l-imsemmija konvenzjoni timponi li għandu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex tiġi assigurata s-sigurtà fuq il-baħar u, għaldaqstant, sabiex jiġu protetti l-interessi tal-Istati l-oħra. Għalhekk dan l-Istat jista’ wkoll jitqies responsabbli, fil-konfront tal-Istati l-oħra, għad-danni kkawżati lill-ispazji marittimi li jinsabu taħt is-sovranità ta’ dawn tal-aħħar minn vapur li jtajjar il-bandiera tiegħu, meta dawn id-danni jirriżultaw minn ksur tal-obbligi tal-Istat tal-bandiera.

63

L-analiżi magħmula hawn fuq mhijiex invalidata mill-fatt li l-Parti XI tal-Konvenzjoni ta’ Montego Bay tassoċja l-persuni fiżiċi u ġuridiċi mal-esplorazzjoni, mal-użu u mal-isfruttament ta’ qiegħ il-baħar u tal-istrata tal-art taħt qiegħ il-baħar lil hinn mil-limiti tal-ġurisdizzjoni nazzjonali, billi din il-kawża b’ebda mod ma tikkonċerna d-dispożizzjonijiet ta’ din il-Parti XI.

64

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-Konvenzjoni ta’ Montego Bay ma tistabbilixxix regoli intiżi sabiex japplikaw direttament u immedjatament għall-individwi u sabiex jagħtu lil dawn tal-aħħar drittijiet jew libertajiet li jistgħu jiġu invokati fil-konfront tal-Istati, indipendentement mill-attitudni tal-Istat tal-bandiera tal-vapur.

65

Minn dan isegwi li n-natura u l-istruttura tal-Konvenzjoni ta’ Montego Bay jipprekludu lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tkun tista’ tevalwa l-validità ta’ att Komunitarju fid-dawl ta’ din tal-aħħar.

66

Għaldaqstant, ir-risposta għall-ewwel sat-tielet domandi għandha tkun li l-validità tad-Direttiva 2005/35 la tista’ tiġi evalwata:

fid-dawl tal-Konvenzjoni Marpol 73/78,

u lanqas fid-dawl tal-Konvenzjoni ta’ Montego Bay.

Fuq ir-raba’ domanda

67

Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2005/35 huwiex invalidu għar-raġuni li, billi juża l-espressjoni “negliġenza serja”, huwa jikser il-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali.

68

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u l-Gvern Elleniku jikkunsidraw li l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2005/35 jikser il-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali li jeżiġi li liġi tkun ċara u preċiża, sabiex l-individwi jkunu jistgħu jagħrfu d-drittijiet u l-obbligi tagħhom mingħajr ambigwità. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tissuġġetta r-responsabbiltà tal-persuni li jarmu sustanzi li jniġġsu għall-kriterju tan-negliġenza serja li b’ebda mod mhuwa definit bid-Direttiva 2005/35 u li, għaldaqstant, huwa kkaratterizzat minn nuqqas ta’ ċarezza. B’hekk, il-persuni kkonċernati ma jistgħux ikunu jafu l-grad ta’ severità tal-leġiżlazzjoni li għaliha huma suġġetti.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

69

Il-prinċipju ta’ ċertezza legali, li jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt Komunitarju, jeżiġi, b’mod partikolari, li liġi tkun ċara u preċiża, sabiex l-individwi jkunu jistgħu jagħrfu d-drittijiet u l-obbligi tagħhom mingħajr ambigwità u jimxu skont dan it-tagħrif (ara s-sentenzi tal-14 ta’ April 2005, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C-110/03, Ġabra p. I-2801, punt 30, u IATA u ELFAA, iċċitata iktar ’il fuq, punt 68).

70

Barra minn hekk, meta jobbliga l-Istati Membri jikkunsidraw ċerti komportamenti bħala reati u jissanzjonawhom, l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2005/35, moqri flimkien mal-Artikolu 8 ta’ din tal-aħħar, għandu wkoll jirrispetta l-prinċipju ta’ legalità tar-reati u tal-pieni (nullum crimen, nulla poena sine lege), li jifforma parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt li fuqhom huma bbażati t-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri (sentenza tat-3 ta’ Mejju 2007, Advocaten voor de Wereld, C-303/05, Ġabra p. I-3633, punt 49) u li huwa espressjoni speċifika tal-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali.

71

Il-prinċipju ta’ legalità tar-reati u tal-pieni jimplika li r-regoli Komunitarji jiddefinixxu b’mod ċar ir-reati u l-pieni għalihom. Din il-kundizzjoni tiġi sodisfatta meta l-individwu jkun jista’ jkun jaf, mill-kliem tad-dispożizzjoni rilevanti u, jekk ikun hemm bżonn, bl-għajnuna tal-interpretazzjoni tagħha li tingħata mill-qrati, liema atti u ommissjonijiet jagħtu lok għar-responsabbiltà kriminali tiegħu (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Advocaten voor de Wereld, iċċitata iktar ’il fuq, punt 50, u l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza Coëme et vs Il-Belġju tat-22 ta’ Ġunju 2000, Ġabra ta’ sentenzi u deċiżjonijiet 2000-VII, § 145).

72

Huwa minnu li l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2005/35, moqri flimkien mal-Artikolu 8 ta’ din tal-aħħar, jobbliga lill-Istati Membri li jissanzjonaw ir-rimi ta’ sustanzi li jniġġsu minn vapuri jekk dan isir “b’intenzjoni, b’mod imprudenti jew b’negliġenza serja”, mingħajr madankollu ma jiddefinixxi dawn il-kunċetti.

73

Madankollu għandu jiġi enfasizzat, l-ewwel nett, li dawn id-diversi kunċetti, b’mod partikolari dak tan-“negliġenza serja” li għalih jirreferu d-domandi magħmula, jikkorrispondu għal kriterji li jirregolaw ir-responsabbiltà, li huma intiżi sabiex japplikaw għal numru indefinit ta’ sitwazzjonijiet li huwa impossibbli li jiġi kkontemplat bil-quddiem, u mhux għal komportamenti speċifiċi li jistgħu jiġu indikati bid-dettall f’att leġiżlattiv tad-dritt Komunitarju jew tad-dritt nazzjonali.

74

It-tieni nett, għandu jiġi kkonstatat li dawn il-kunċetti huma kompletament integrati u użati fis-sistemi legali rispettivi tal-Istati Membri.

75

B’mod partikolari, dawn is-sistemi kollha jirrikorru għall-kunċett ta’ negliġenza li jirreferi għal azzjoni jew ommissjoni involontarja li biha l-persuna responsabbli tikser l-obbligu tagħha ta’ diliġenza.

76

Barra minn hekk, kif previst minn diversi sistemi legali nazzjonali, il-kunċett ta’ negliġenza “serja” tista’ tirreferi biss għal ksur serju ta’ tali obbligu ta’ diliġenza.

77

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kunċett ta’ “negliġenza serja” fis-sens tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2005/35 għandu jinftiehem li jimplika azzjoni jew ommissjoni involontarja li biha l-persuna responsabbli tikser, b’mod serju, l-obbligu ta’ diliġenza li hija kien imissha u setgħet tirrispetta fid-dawl tal-istatus tagħha, tal-għarfien tagħha, tal-kapaċitajiet tagħha u tas-sitwazzjoni individwali tagħha.

78

Fl-aħħar nett, skont l-Artikolu 249 KE, id-Direttiva 2005/35 għandha tiġi trasposta mill-Istati Membri fis-sistemi legali rispettivi tagħhom. Għaldaqstant, id-definizzjoni nfisha tar-reati li għalihom jirreferi l-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva u l-pieni applikabbli huma dawk li jirriżultaw mir-regoli stabbiliti mill-Istati Membri.

79

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2005/35, moqri flimkien mal-Artikolu 8 ta’ din tal-aħħar, ma jiksirx il-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali safejn jimponi fuq l-Istati Membri li jissanzjonaw ir-rimi ta’ sustanzi li jniġġsu minn vapuri li jsir b’“negliġenza serja”, mingħajr ma jiddefinixxi dan il-kunċett.

80

Minn dan isegwi li mill-eżami tar-raba’ domanda ma rriżulta ebda element li jista’ jaffettwa l-validità tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2005/35 fid-dawl tal-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali.

Fuq l-ispejjeż

81

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Il-validità tad-Direttiva 2005/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Settembru 2005, dwar it-tniġġis ikkawżat minn vapuri u l-introduzzjoni ta’ sanzjonijiet għal ksur, la tista’ tiġi evalwata:

fid-dawl tal-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis minn Vapuri, iffirmata f’Londra fit-2 ta’ Novembru 1973, kif ikkompletata bil-Protokoll tas-17 ta’ Frar 1978,

u lanqas fid-dawl tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar, iffirmata f’Montego Bay fl-10 ta’ Diċembru 1982.

 

2)

Mill-eżami tar-raba’ domanda ma rriżulta ebda element li jista’ jaffettwa l-validità tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2005/35 fid-dawl tal-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

Top