Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021BP1685

Riżoluzzjoni (UE) 2021/1685 tal-Parlament Ewropew tad-29 ta’ April 2021 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-aġenziji tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2019: prestazzjoni, ġestjoni finanzajrja u kontroll

ĠU L 340, 24.9.2021, p. 525–533 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

ELI: http://data.europa.eu/eli/res/2021/1685/oj

24.9.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 340/525


RIŻOLUZZJONI (UE) 2021/1685 TAL-PARLAMENT EWROPEW

tad-29 ta’ April 2021

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-aġenziji tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2019: prestazzjoni, ġestjoni finanzajrja u kontroll

IL-PARLAMENT EWROPEW,

wara li kkunsidra d-deċiżjonijiet tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-aġenziji tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2019,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni dwar is-segwitu għall-kwittanza għas-sena finanzjarja 2018 (COM(2020)0311),

wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-aġenziji tal-UE għas-sena finanzjarja 2019, flimkien mar-risposti tal-aġenziji (1),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (2), u b'mod partikolari l-Artikoli 68 u 70 tiegħu,

wara li kkunsidra l-Artikoli 32 u 47 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3),

wara li kkunsidra r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/715 tat-18 ta' Diċembru 2018 dwar ir-regolament finanzjarju qafas għall-korpi mwaqqfin skont it-TFUE u t-Trattat Euratom u msemmija fl-Artikolu 70 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), u b'mod partikolari l-Artikolu 105 tiegħu,

wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0100/2021),

A.

billi din ir-riżoluzzjoni tinkludi, għal kull korp imsemmi fl-Artikolu 70 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046, il-kummenti trasversali li jakkumpanjaw id-deċiżjonijiet ta' kwittanza bi qbil mal-Artikolu 262 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 u l-Artikolu 3 tal-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew;

B.

billi din ir-riżoluzzjoni tinkludi wkoll, għall-Aġenzija Fornitriċi tal-Euratom, il-kummenti trasversali li jakkumpanjaw id-deċiżjoni ta' kwittanza bi qbil mal-Artikolu 262 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 u l-Artikolu 3 tal-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament;

C.

billi l-aġenziji tal-Unjoni għandhom jiffukaw fuq missjonijiet b'valur miżjud Ewropew ċar u l-organizzazzjoni ta' missjonijiet bħal dawn għandha tiġi ottimizzata biex jiġu evitati duplikazzjonijiet fl-aħjar interessi tal-kontribwenti tal-Unjoni;

1.   

Jilqa' l-progress li sar mill-aġenziji fl-isforzi tagħhom biex jirrispondu għat-talbiet u r-rakkomandazzjonijiet espressi fi ħdan il-proċedura annwali ta' kwittanza preċedenti;

2.   

Jenfasizza li l-aġenziji għandhom ukoll influwenza sinifikanti fuq it-tfassil ta' politiki u t-teħid ta' deċiżjonijiet kif ukoll fuq il-preparazzjoni u l-implimentazzjoni ta' programmi f'oqsma ta' importanza kbira għall-ħajja ta' kuljum taċ-ċittadini tal-Unjoni, bħas-saħħa, is-sikurezza, is-sigurtà, il-libertà u l-ġustizzja; itenni l-importanza tal-aġenziji fl-indirizzar ta' ħtiġijiet speċifiċi ta' politika u fit-tisħiħ tal-kooperazzjoni Ewropea; jinnota li l-aġenziji jistgħu jaġixxu wkoll bħala mexxejja biex isolvu sitwazzjonijiet ta' kriżi jew sfidi soċjetali fit-tul;

3.   

Jinnota b'sodisfazzjon li, skont ir-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri (il-"Qorti") dwar l-aġenziji tal-Unjoni għas-sena finanzjarja 2019 (ir-"rapport tal-Qorti"), il-Qorti ħarġet opinjoni tal-awditjar mhux kwalifikata dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet tal-aġenziji kollha; jinnota, barra minn hekk, li l-Qorti ħarġet opinjoni mhux kwalifikata dwar il-legalità u r-regolarità tad-dħul li fuqu huma bbażati l-kontijiet għall-aġenziji kollha; josserva li l-Qorti ħarġet opinjoni mhux kwalifikata dwar il-legalità u r-regolarità tal-pagamenti li fuqhom huma bbażati l-kontijiet għall-aġenziji kollha, ħlief għall-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER) u l-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Ażil (EASO) li għalihom inħarġet opinjoni kwalifikata;

4.   

Jinnota li għat-32 aġenzija deċentralizzata tal-Unjoni, it-total kumulattiv għall-baġits tal-2019 ammonta għal madwar EUR 2 854 000 000 f'approprjazzjonijiet ta' impenn, li jirrappreżenta żieda ta' madwar 10,29 % meta mqabbla mal-2018, u għal EUR 2 570 000 000 f'approprjazzjonijiet ta' pagament, żieda ta' 8,88 % meta mqabbla mal-2018; jinnota, barra minn hekk, li mill-EUR 2 570 000 000 f'approprjazzjonijiet ta' pagament, madwar EUR 1 920 000 000 ġew iffinanzjati mill-baġit ġenerali tal-Unjoni, u dan jirrappreżenta 74,75 % tal-finanzjament totali tal-aġenziji fl-2019 (meta mqabbla ma’ 72,16 % fl-2018); jirrikonoxxi, barra minn hekk, li madwar EUR 649 000 000 kienu ffinanzjati minn tariffi u imposti u minn kontribuzzjonijiet diretti minn pajjiżi parteċipanti (tnaqqis ta' 1,22 % meta mqabbel mal-2018);

Riskji u rakkomandazzjonijiet ewlenin identifikati mill-Qorti

5.

Jinnota li, skont ir-rapport tagħha, il-Qorti tqis li r-riskju ġenerali għall-affidabbiltà tal-kontijiet tal-aġenziji, abbażi tal-istandards internazzjonali tal-kontabbiltà, huwa baxx, kif kien il-każ fl-2018;

6.

Jinnota li skont ir-rapport tagħha, il-Qorti tqis li r-riskju ġenerali għal-legalità u r-regolarità tad-dħul li fuqu huma bbażati l-kontijiet tal-aġenziji huwa baxx għall-maġġoranza tal-aġenziji, u huwa medju għall-aġenziji li jiffinanzjaw lilhom infushom b'mod parzjali fejn regolamenti speċifiċi huma applikabbli għall-ġbir ta' tariffi u kontribuzzjonijiet oħra tad-dħul, kif kien il-każ fl-2018;

7.

Jinnota li l-Qorti tqis li r-riskju ġenerali għal-legalità u r-regolarità tal-pagamenti li fuqhom huma bbażati l-kontijiet tal-aġenziji huwa medju, filwaqt li jvarja minn baxx sa għoli għal titoli speċifiċi tal-baġit; jinnota li r-riskju għat-Titolu I (Infiq għall-Persunal) huwa ġeneralment baxx, għat-Titolu II (Infiq Amministrattiv) ir-riskju jitqies bħala medju, u għat-Titolu III (Infiq Operattiv) ir-riskju jitqies li jvarja minn baxx għal għoli, skont l-aġenzija inkwistjoni u n-natura tal-infiq operattiv tagħha; jirrimarka li riskji għoljin normalment jirriżultaw mill-akkwist u minn pagamenti ta' għotjiet li jinvolvu ammonti kbar; jinnota li l-Qorti sabet li filwaqt li l-kontrolli fir-rigward tal-għotjiet ġeneralment tjiebu, dawn mhux dejjem huma kompletament effettivi;

8.

Jinnota l-oqsma ewlenin ta' osservazzjoni tal-Qorti, li jiffokaw fuq:

il-ġestjoni tal-akkwist pubbliku li tibqa' l-qasam l-aktar suxxettibbli għal żbalji

il-proċeduri ta' reklutaġġ u l-kunflitti ta' interess għall-persunal li jitlaq minn Aġenzija tal-Unjoni u li jingħaqad mas-settur privat, li jeħtieġ li jiġi ġestit aħjar mill-aġenziji;

ġestjoni baġitarja fejn il-Qorti identifikat diversi dgħufijiet;

9.

Jilqa' l-fatt li l-Qorti ddikjarat li fil-biċċa l-kbira tal-każijiet l-aġenziji ħadu azzjonijiet korrettivi biex jindirizzaw l-osservazzjonijiet tal-awditjar tas-snin preċedenti u jistieden lill-aġenziji tal-ĠAI jkomplu bl-isforzi tagħhom biex jagħtu segwitu lill-osservazzjonijiet tal-Qorti;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

10.

Jiddispjaċih li l-livell ta' dettall ipprovdut fir-rapporti dwar l-implimentazzjoni baġitarja ta' minoranza ta' aġenziji jvarja minn dak tal-maġġoranza, li juri l-ħtieġa ta' linji gwida aktar ċari u standardizzati dwar ir-rappurtar tal-baġit mill-aġenziji, inkluża l-ħtieġa li l-aġenziji jispjegaw devjazzjonijiet sinifikanti mill-baġit oriġinali jew mit-tabella tal-persunal; jenfasizza l-ħtieġa urġenti li l-aġenziji kollha jtejbu l-kapaċitajiet tal-ippjanar tagħhom; jiddeplora t-tweġiba tal-Kummissjoni għat-talba biex l-awtorità ta' kwittanza tingħata awtomatikament il-baġit uffiċjali (f'approprjazzjonijiet ta' impenn u f'approprjazzjonijiet ta' pagament) u ċ-ċifri tal-persunal (ċifri tat-tabella tal-persunal b'persunal permanenti, aġenti temporanji, aġenti kuntrattwali u esperti nazzjonali sekondati mill-31 ta' Diċembru tas-sena inkwistjoni) fir-rigward tat-32 aġenzija deċentralizzata, peress li l-linji gwida msemmija (li fir-realtà huma mudelli li jipprovdu gwida l-aktar dwar il-forma aktar milli s-sustanza) mhumiex biżżejjed biex jindirizzaw id-differenzi fil-kalkoli bejn ir-rapporti; itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tipprovdi lill-awtorità ta' kwittanza ċ-ċifri uffiċjali tal-baġit u tal-persunal għal kull aġenzija u biex tipprovdi ċifri konsolidati għall-aġenziji deċentralizzati li huma soġġetti għall-proċedura ta' kwittanza tal-Parlament;

11.

Iqis li għandha tingħata aktar attenzjoni lir-rilevanza u l-koerenza, b'mod partikolari fil-kuntest tad-duplikazzjoni tal-oqsma ta' kompetenza, meta jiġu stabbiliti aġenziji futuri;

12.

Jemmen li r-riżorsi għandhom jiġu allokati b'mod aktar flessibbli abbażi tal-ħtieġa jew l-urġenza;

13.

Jenfasizza l-fatt li t-trasparenza u l-għarfien taċ-ċittadini fir-rigward tal-eżistenza tal-aġenziji tal-Unjoni huma essenzjali għall-obbligu ta' rendikont demokratiku tal-istess aġenziji; iqis li l-utilizzabbiltà u l-aċċessibbiltà tar-riżorsi u d-data tal-aġenziji huma ta' importanza fundamentali; jitlob, għalhekk, li ssir valutazzjoni dwar kif id-data u r-riżorsi jiġu ppreżentati u jitqiegħdu għad-dispożizzjoni attwalment, u dwar kemm iċ-ċittadini jsibuha faċli biex jidentifikawhom, jagħrfuhom u jużawhom;

14.

Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-livell għoli ħafna ta' riporti f'xi aġenziji, li jista' jindika diversi dgħufijiet, inkluż ippjanar baġitarju fqir, li jmur kontra l-prinċipju tal-annwalità tal-baġit;

Prestazzjoni

15.

Jilqa' l-aċċettazzjoni tal-Kummissjoni tar-rakkomandazzjoni ta' kwittanza tas-sena l-oħra biex jiġi żviluppat u implimentat aktar il-prinċipju ta' baġitjar abbażi tal-prestazzjoni, u t-titjib li sar fid-Dokument Uniku ta' Programmazzjoni u r-Rapporti Annwali ta' Attività Konsolidati b'riżultat ta' dan;

16.

Jilqa' l-pubblikazzjoni mill-Qorti tal-ewwel awditu tal-prestazzjoni orizzontali li qatt sar fuq l-aġenziji kollha tal-Unjoni bit-titolu "Rapport Speċjali Nru 22/2020: Il-futur tal-Aġenziji tal-UE - Potenzjal għal aktar flessibbiltà u kooperazzjoni" (5);

17.

Jinnota l-osservazzjonijiet prinċipali tal-Qorti, b'mod partikolari l-fatt li l-aġenziji jittrattaw suġġetti tas-soċjetà topiċi u għandhom potenzjal għoli għall-iżvilupp futur kif ukoll livell għoli ta' għarfien espert;

18.

Jaqbel mal-Qorti li minkejja l-fatt li l-aġenziji jwettqu kompiti importanti fl-oqsma kollha tal-ħajja tagħna ta' kuljum, hemm diffikultà ċara biex tinbena l-fiduċja ma' ċittadini individwali; f'dan ir-rigward jenfasizza l-kwistjoni tal-obbligu ta' rendikont, it-trasparenza u saħansitra l-effikaċja, flimkien man-nuqqas ta' sensibilizzazzjoni pubblika peress li l-aġenziji għadhom fil-biċċa l-kbira mhux magħrufa miċ-ċittadini u jidhru biss inċidenti negattivi fil-midja;

19.

Japprezza u jkompli jħeġġeġ kooperazzjoni dejjem eqreb fost l-aġenziji fil-qasam tal-impjiegi, l-affarijiet soċjali u l-inklużjoni sabiex jittejbu s-sinerġiji, tiġi żgurata aktar komplementarjetà u jkun hemm kondiviżjoni tar-riżorsi; jenfasizza l-importanza u l-valur miżjud tal-aġenziji kollha fil-qasam ta' kompetenza tagħhom, kif ukoll l-awtonomija tagħhom; jirrikonoxxi li l-erba' aġenziji organizzaw laqgħat konġunti speċifikament biex jallinjaw il-metodoloġiji tal-indikaturi tal-prestazzjoni tagħhom wara r-rakkomandazzjoni maħruġa mill-Kummissjoni fl-2019 abbażi tal-evalwazzjoni tal-erba' aġenziji li saret fl-2017 (ir-rakkomandazzjoni 5 ta' SWD(2019)0159);

20.

Jenfasizza l-konklużjoni tar-Rapport Speċjali tal-Qorti "Il-futur tal-Aġenziji tal-UE" li l-informazzjoni dwar il-prestazzjoni tal-aġenziji tal-Unjoni hija skarsa; iħeġġeġ lill-aġenziji jsaħħu l-obbligu ta' rendikont tal-prestazzjoni; jistenna li l-aġenziji kollha tal-Unjoni jikkooperaw bl-aqwa mod possibbli mal-Kummissjoni u l-Qorti fl-għoti ta' informazzjoni dwar il-prestazzjoni;

21.

Jinnota s-sejba tal-Qorti fir-rapport tagħha "Il-futur tal-Aġenziji tal-UE" li l-aġenziji jkejlu l-prestazzjoni permezz tal-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni (KPIs) u li fl-2015 il-Kummissjoni ħarġet linji gwida għad-diretturi tal-aġenziji dwar il-KPIs; jinnota b'dispjaċir li l-indikaturi li ntużaw fil-prattika huma prinċipalment relatati mal-implimentazzjoni tal-programm ta' ħidma annwali ta' aġenzija, tal-baġit u tal-ġestjoni tar-riżorsi umani tagħha, u li normalment ma jippermettux l-valutazzjoni tal-prestazzjoni globali tar-riżultati ta' Aġenzija jew tal-effiċjenza u l-effettività tal-aġenzija fit-twettiq tal-mandat tagħha; jistieden lill-aġenziji jaħdmu flimkien biex itejbu l-użu tal-KPIs bil-għan li tiġi żgurata enfasi aktar qawwija fuq il-prestazzjoni fil-proċedura ta' kwittanza, flimkien mal-konformità; jistieden lill-aġenziji jkomplu jiżviluppaw indikaturi, li jkejlu l-kontribut tagħhom għall-implimentazzjoni tal-politiki tal-Unjoni; iħeġġeġ lill-aġenziji jirrieżaminaw u jaġġornaw dawk l-indikaturi regolarment; jistieden lill-Kummissjoni tadotta sett ċentralizzat ta' linji gwida dwar ir-rappurtar u l-istabbiliment tal-KPIs biex jiġi żgurat kejl xieraq tal-prestazzjoni tal-aġenziji;

22.

Jinnota li l-Qorti, filwaqt li tipprova tidentifika l-kundizzjonijiet meħtieġa biex l-aġenziji jkunu jistgħu jilħqu l-objettivi tagħhom, tenfasizza l-ħtieġa għal aktar flessibbiltà finanzjarja u politika, kif ukoll mudell ta' governanza aktar strutturali u koerenti fejn l-informazzjoni dwar il-prestazzjoni tiffoka fuq l-outputs aktar milli fuq il-kontribut tagħhom għall-implimentazzjoni tal-politika;

23.

Ifakkar li l-Approċċ Komuni jiddikjara li kull Aġenzija tal-Unjoni għandha tiġi evalwata kull ħames snin u li l-Kummissjoni għandha tkun responsabbli għall-organizzazzjoni tal-evalwazzjoni u għal kull tieni evalwazzjoni għandha tiġi applikata l-klawżola ta' estinzjoni; jinnota b'dispjaċir li r-regolamenti fundaturi ta' diversi aġenziji għadhom ma ġewx allinjati mal-Approċċ Komuni; jinnota s-sejba tal-Qorti fir-rapport tagħha "Il-futur tal-Aġenziji tal-UE" li r-regolamenti fundaturi ta' 13-il aġenzija ġew riformulati bejn l-2015 u l-2019, iżda ħames proposti biss kienu akkumpanjati minn valutazzjoni tal-impatt; jistieden lill-Kummissjoni twettaq b'mod regolari evalwazzjoni indipendenti tal-prestazzjoni tal-aġenziji;

24.

Jemmen li għandhom jiġu stabbiliti regoli ċari dwar l-evoluzzjoni u t-terminazzjoni tal-missjonijiet tal-aġenziji;

25.

Jemmen li għandha titwettaq valutazzjoni tal-impatt għal kull aġenzija u li klawżola ta' rieżami dwar il-ġustifikazzjoni tal-objettivi assenjati tal-aġenzija għandha tiżdied b'mod sistematiku;

26.

Jinsisti li hu aħjar jekk tiġi evitata d-duplikazzjoni ta' suġġetti u oqsma ta' kompetenza bejn l-aġenziji differenti;

27.

Jilqa' l-kooperazzjoni fi ħdan in-Network tal-Aġenziji tal-ĠAI; jistieden lill-aġenziji jkomplu jiżviluppaw sinerġiji, iżidu l-kooperazzjoni u l-iskambju tal-aħjar prattiki bejniethom bil-għan li jtejbu l-effiċjenza;

28.

Jistieden lill-aġenziji jkomplu jiżviluppaw is-sinerġiji tagħhom, iżidu l-kooperazzjoni u l-iskambju tal-aħjar prattiki mal-aġenziji tal-Unjoni l-oħra bil-għan li tittejjeb l-effiċjenza (ir-riżorsi umani, il-ġestjoni tal-bini, is-servizzi tal-IT u s-sigurtà);

29.

Jemmen li jeħtieġ li jissaħħaħ ir-rwol tal-aġenziji bħala ċentri ta' għarfien espert u networking;

30.

Jilqa' l-ħolqien ta' task force ta' servizzi kondiviżi min-Network tal-Aġenziji tal-UE (''in-Network'') u l-iżvilupp ta' proposta strateġika "Servizzi u Kapaċitajiet kondiviżi 2.0" biex tiġi mħeġġa u appoġġjata l-kooperazzjoni bejn l-aġenziji; jirrakkomanda li r-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti fir-rapport tagħha dwar "Il-futur tal-Aġenziji tal-UE" fir-rigward tal-użu flessibbli tar-riżorsi (rakkomandazzjonijiet 1 u 2) u l-aġenziji bħala ċentri għall-kondiviżjoni tal-għarfien espert u n-networking (rakkomandazzjoni 4) jiġu integrati f'dan l-eżerċizzju);

31.

Jindika l-eżempju pożittiv mogħti mill-ECDC fir-rigward tal-kooperazzjoni ma' aġenziji oħra tal-Unjoni, inkluż permezz tan-Network; iħeġġeġ lill-aġenziji jikkooperaw u jiskambjaw l-aħjar prattiki fejn possibbli, inkluż pereżempju dwar it-telexogħol;

32.

Ifakkar fl-importanza li tiżdied id-diġitalizzazzjoni tal-aġenziji f'termini ta' operazzjoni u ġestjoni interni iżda anki sabiex titħaffef id-diġitalizzazzjoni tal-proċeduri; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-Aġenzija tibqa' tkun proattiva f'dan ir-rigward sabiex jiġi evitat distakk diġitali bejn l-aġenziji akkost ta' kollox; jiġbed l-attenzjoni, madankollu, għall-ħtieġa li jittieħdu l-miżuri ta' sigurtà kollha meħtieġa biex jiġi evitat kwalunkwe riskju għas-sigurtà online tal-informazzjoni pproċessata;

33.

Ifakkar li l-iskambju ta' fehmiet ta' kull sena dwar il-programmi ta' ħidma annwali u l-istrateġiji pluriennali tal-aġenziji fil-kumitati responsabbli huwa strumentali biex jiġi żgurat li l-programmi u l-istrateġiji jkunu allinjati mal-prijoritajiet politiċi attwali, speċjalment fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-prinċipji minquxa fil-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali; ifakkar li l-aġenziji huma l-aktar entitajiet kwalifikati fil-valutazzjoni tal-użu tar-riżorsi u għandhom rwol kruċjali fl-appoġġ għall-proġetti sostenibbli adatti f'konformità mal-Patt Ekoloġiku Ewropew; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura finanzjament li jappoġġja l-aġenziji tal-Unjoni fl-iżgurar tad-djalogu soċjali; jinnota li l-aġenziji tal-Unjoni għandhom rwol kruċjali fl-iżgurar tad-djalogu soċjali mal-istituzzjonijiet tal-Unjoni;

Politika dwar il-persunal

34.

Jinnota li fl-2019, it-32 aġenzija deċentralizzata impjegaw total ta' 7 880 membru tal-persunal, li jinkludu uffiċjali, aġenti temporanji, aġenti kuntrattwali u esperti nazzjonali sekondati (meta mqabbel ma' 7 626 fl-2018), u dan jirrappreżenta żieda sinifikanti ta' 3,33 % meta mqabbel mas-sena preċedenti;

35.

Jilqa' l-informazzjoni aktar dettaljata u strutturata pprovduta dwar il-bilanċ bejn il-ġeneri fl-aġenziji;

36.

Jesprimi t-tħassib tiegħu li fil-maġġoranza l-kbira tal-aġenziji hemm nuqqas ta' bilanċ bejn il-ġeneri fost il-persunal fil-ġestjoni ġenerali; jinnota li fl-2019, fil-livell ta' maniġment superjuri, ġie rrappurtat bilanċ bejn il-ġeneri minn tliet aġenziji, inkiseb bilanċ tajjeb minn għaxar aġenziji, iżda ma kien hemm l-ebda bilanċ bejn il-ġeneri f'sittax-il aġenzija (erbgħa minnhom kien fihom rappreżentanza ta' rġiel biss u waħda kien fiha rappreżentanza ta' nisa biss); jiddeplora l-fatt li l-ugwaljanza bejn il-ġeneri hija kompletament nieqsa fl-Istrateġija 2021-2027 għan-Network; jistieden lill-aġenziji u lin-Network jintegraw l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-istrateġiji tagħhom u jallinjaw l-ambizzjoni tal-aġenziji mal-għan tal-Kummissjoni li tilħaq bilanċ bejn il-ġeneri ta' 50 % fil-livelli kollha tal-maniġment tagħha sa tmiem l-2024;

37.

Jinnota wkoll li f'termini ta' bilanċ bejn il-ġeneri fil-bords maniġerjali fl-2019, ma kien hemm l-ebda aġenzija b'bilanċ ugwali bejn il-ġeneri, kien hemm bilanċ tajjeb f'seba' aġenziji, u ma kien hemm l-ebda bilanċ bejn il-ġeneri f'erbatax-il bord maniġerjali; jitlob lill-Istati Membri u lill-organizzazzjonijiet rilevanti li jipparteċipaw fil-bords maniġerjali jqisu l-importanza li jiżguraw bilanċ bejn il-ġeneri meta jinnominaw lill-membri tagħhom f'Bord Maniġerjali ta' Aġenzija;

38.

Jinnota wkoll li, fir-rigward tal-persunal ġenerali, tmien aġenziji għandhom bilanċ ugwali bejn il-ġeneri, dsatax-il aġenzija għandhom bilanċ tajjeb bejn il-ġeneri u tliet aġenziji m'għandhom l-ebda bilanċ bejn il-ġeneri; jistieden lill-aġenziji jkomplu jistinkaw għal bilanċ tajjeb bejn il-ġeneri fil-futur;

39.

Jinnota bi tħassib li fl-2019, 34 % biss tal-membri tal-ogħla korpi deċiżjonali tal-aġenziji kollha tal-Unjoni kienu nisa u jfakkar li l-bilanċ bejn il-ġeneri għandu jiġi żgurat fi ħdan l-aġenziji tal-Unjoni f'konformità mar-regolamenti bażiċi li jistabbilixxuhom; jitlob, għalhekk, li l-aġenziji tal-Unjoni jiġbru u jippreżentaw data dwar il-bilanċ bejn il-ġeneri għall-kategoriji kollha tal-persunal maniġerjali (mil-livell l-aktar baxx sal-ogħla livell) biex jiġbru d-data bażika li skontha l-aġenziji tal-Unjoni huma mħeġġa jindirizzaw l-iżbilanċ bejn il-ġeneri fil-maniġment u jsegwu l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fl-oqsma kollha;

40.

Jinnota li l-bilanċ ġeografiku tal-persunal tal-aġenziji tal-Unjoni jsegwi l-popolazzjoni tal-Istati Membri bħala perċentwal tal-UE27 ftit aktar qrib il-bilanċ ġeografiku tal-persunal tal-Kummissjoni; jinnota sottorappreżentanza għal tmien Stati Membri, rappreżentanza żejda għal sbatax-il Stat Membru u bilanċ approssimattiv għal żewġ Stati Membri; jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' politiki fost l-aġenziji biex titjieb id-diversità fost il-persunal tagħhom; jistieden lill-aġenziji, kif ukoll lin-Network, iressqu pjanijiet biex jintlaħaq dan l-għan;

41.

Jinnota li l-aġenziji rrappurtaw medja ta' 8,42 ijiem ta' liv minħabba mard għal kull membru tal-persunal fis-sena; jiddispjaċih li fil-preżent ma hemm l-ebda data affidabbli disponibbli biex tingħata ħarsa ġenerali tal-liv minħabba mard ikkawżat minn eżawriment, l-aktar minħabba li diversi aġenziji rrappurtaw li ma setgħux jipprovdu l-informazzjoni rilevanti minħabba kunfidenzjalità medika;

42.

Jinnota li, fuq talba tal-awtorità ta' kwittanza, l-aġenziji rrappurtaw it-tnaqqis fl-għadd ta' persunal li kienu wettqu mill-2013 sal-2019 u jekk it-tnaqqis fil-persunal permanenti u temporanju kienx ikkumpensat billi ġew impjegati aktar aġenti kuntrattwali u persunal estern; jinnota li l-aġenziji rrappurtaw tnaqqis totali ta' 447 impjegat fil-perjodu mitlub; jinnota li l-aġenziji rrappurtaw ukoll li żdiedu 266 post għal aġenti temporanji fl-istess perjodu, li rriżulta fi tnaqqis nett ta' 181 post; jinnota wkoll li t-tabelli tal-persunal tal-aġenziji kollha fl-istess perjodu wrew tnaqqis ta' 32 post għal persunal permanenti u l-ħolqien ta' 845 post għal aġenti temporanji, li rriżultaw f'ħolqien nett ta' 813-il post;

43.

Jissottolinja l-effett importanti tad-dawran tal-persunal tal-aġenziji tal-Unjoni, u jitlob li jiġu implimentati politiki umani u soċjali biex dan jiġi rimedjat;

44.

Jinnota b'dispjaċir li xi wħud mill-aġenziji qed iħabbtu wiċċhom mal-isfida ta' nuqqas ta' persunal suffiċjenti, speċjalment meta jiġu allokati kompiti ġodda mingħajr persunal adattat għall-implimentazzjoni tagħhom, u li l-awtorità ta' kwittanza hija mħassba partikolarment dwar id-diffikultajiet li xi aġenziji jesperjenzaw fir-reklutaġġ ta' persunal bi kwalifiki fi gradi speċifiċi, fatt li jfixkel il-prestazzjoni ġenerali tal-aġenziji u jeħtieġ l-impjieg ta' atturi esterni; jinnota, f'dan ir-rigward, ir-rakkomandazzjonijiet 1 u 2 tal-Qorti fir-rapport tagħha "Il-futur tal-Aġenziji tal-UE" fir-rigward tal-ħtieġa akbar ta' flessibbiltà, u jħeġġeġ lin-Network u lill-Kummissjoni jaħdmu flimkien fuq l-implimentazzjoni ta' dawn ir-rakkomandazzjonijiet; jinnota wkoll, f'dan ir-rigward, li r-Rapport Speċjali tal-Qorti dwar l-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO) (Rapport Speċjali 23/2020) jenfasizza l-fatt li l-proċess attwali ta' selezzjoni jirrikjedi riċerka għal proċeduri ta' selezzjoni aktar flessibbli mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni biex jissodisfaw il-ħtiġijiet immedjati tagħhom ta' reklutaġġ; jenfasizza wkoll il-ħtieġa tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni ta' persunal aktar speċjalizzat, li fil-każ tal-aġenziji huwa essenzjali minħabba l-mandati speċifiċi tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni, u b'mod partikolari lill-EPSO, biex jassistu aħjar lill-aġenziji f'dan ir-rigward u biex jadattaw il-politiki ta' reklutaġġ tagħhom b'mod li jiġi attirat persunal bl-aqwa kwalifiki u aktar speċjalizzat; jitlob lill-Kummissjoni u lill-EPSO juru grad ta' flessibbiltà fl-adattament tal-offerti ta' impjieg għall-kundizzjonijiet partikolari, biex jiġi żgurat reklutaġġ effiċjenti; jenfasizza l-importanza li jittejbu l-proċeduri ta' selezzjoni tal-Unjoni u impjiegi li jattiraw; jenfasizza li n-nuqqas ta' persunal tal-aġenziji joħloq riskju serju ta' impatt negattiv fuq il-prestazzjoni, kif ukoll fuq il-benesseri u d-dawran tal-persunal;

45.

Jinnota li l-aġenziji rrappurtaw total ta' sitt ex Membri tal-Parlament Ewropew (MPE), ex Kummissarji jew ex uffiċjali ta' livell għoli li wettqu dmirijiet imħallsa għal aġenzija u li dan kien jikkonċerna erba' ex Membri tal-PE, ex Kummissarju u ex uffiċjal ta' livell għoli; jinnota li dawn il-persuni rċevew indennizzi u rimborżi għall-kostijiet li saru;

46.

Jenfasizza l-importanza ta' politika ta' benesseri tal-persunal; isostni li l-aġenziji għandhom jipprovdu kundizzjonijiet tax-xogħol diċenti u ta' kwalità għolja għall-persunal kollu;

47.

Iħeġġeġ lill-aġenziji jimmiraw li jiżviluppaw qafas ta' politika fit-tul dwar ir-riżorsi umani li jindirizza l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, il-gwida tul il-ħajja u l-iżvilupp tal-karriera, il-bilanċ bejn il-ġeneri, it-telexogħol, il-bilanċ ġeografiku kif ukoll ir-reklutaġġ u l-integrazzjoni ta' persuni b'diżabbiltà;

48.

Jiddispjaċih għall-fatt li xi Stati Membri talbu biex u rnexxielhom ikollhom aġenzija fit-territorju tagħhom, mingħajr ma pprovdew faċilitajiet għall-installazzjoni tagħhom u mingħajr ma ħadu miżuri biex iżidu jaraw li r-reklutaġġ tal-persunal ikun aktar attraenti;

49.

Jinsab imħasseb dwar id-daqs ta' xi bords tad-diretturi tal-aġenziji li tqiesu kbar wisq mill-Qorti u li għalhekk jagħmluha diffiċli li jittieħdu deċiżjonijiet u jiġġeneraw kostijiet amministrattivi konsiderevoli;

50.

Jinnota li l-Qorti identifikat nuqqasijiet fil-proċeduri ta' reklutaġġ tal-aġenziji rigward il-ġestjoni ta' kunflitti ta' interessi potenzjali (aġenzija waħda), l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' trattament ugwali jew trasparenza (tliet aġenziji), u ż-żamma ta' rekord xieraq tal-awditjar tal-proċedura (aġenzija waħda); jiddeplora l-fatt li kien hemm każijiet (f'mill-inqas tliet aġenziji) ta' membri tal-bord f'kunflitt ta' interess sinifikanti fir-rigward tal-proċedura ta' selezzjoni li għaddejja bħalissa; jenfasizza li l-kunflitti ta' interess mhux iddikjarati jistgħu jfixklu l-proċeduri ta' selezzjoni, li jikkawżaw dewmien sostanzjali u telf ta' fondi, kif ukoll danni għar-reputazzjoni tal-aġenziji;

51.

Jinnota li l-Ombudsman sabet żewġ każijiet ta' amministrazzjoni ħażina fil-każ 2168/2019/KR dwar id-deċiżjoni tal-Awtorità Bankarja Ewropea li tapprova t-talba tad-direttur eżekuttiv tagħha biex issir CEO ta' grupp ta' lobbying finanzjarju; jilqa' r-rakkomandazzjonijiet li saru mill-Ombudsman f'dan il-każ, b'mod partikolari biex tiġi invokata l-għażla li l-persunal f'kariga għolja tagħha jiġi pprojbit milli jieħu ċerti karigi wara t-tmiem tal-mandat tiegħu fejn meħtieġ, biex jiġu stabbiliti kriterji għal meta se tipprojbixxi tali ċaqliq fil-futur u biex jiġu stabbiliti proċeduri interni biex jitnaqqas l-aċċess għal informazzjoni kunfidenzjali b'effett immedjat f'każ li l-membri tal-persunal jiċċaqilqu għal impjieg ieħor; jistieden lill-aġenziji kollha jimplimentaw dawn ir-rakkomandazzjonijiet bħala kwistjoni ta' prijorità;

52.

Jesprimi tħassib dwar il-fatt li xi aġenziji ddependew b'mod qawwi u fuq perjodi ta' żmien estiżi fuq ħaddiema interim; jiddeplora l-fatt li f'xi każijiet il-ħaddiema interim tħallsu inqas mill-persunal tal-aġenzija impjegat fl-istess pożizzjoni; jinnota bi tħassib li kien hemm kwistjonijiet ta' konformità identifikati fl-akkwist u fl-iffirmar ta' kuntratti u ftehimiet qafas mar-reklutaġġ ta' ħaddiema interim; jistieden lill-aġenziji jikkonformaw b'mod diliġenti mar-regoli ta' proċedura; itenni s-sejħiet biex jittejbu l-miżuri tal-ippjanar u l-proċeduri ta' selezzjoni fl-aġenziji kollha;

53.

Jirrikonoxxi l-passi meħuda mill-aġenziji lejn l-istabbiliment ta' ambjent ħieles mill-fastidju, bħat-taħriġ addizzjonali għall-persunal u l-maniġment kif ukoll l-introduzzjoni ta' konsulenti kunfidenzjali; iħeġġeġ lill-aġenziji li għadhom ma introduċewx passi bħal dawn biex jagħmlu dan u jħeġġeġ lill-aġenziji li rċevew ilmenti relatati mal-fastidju biex jittrattawhom bħala prijorità;

54.

Iħeġġeġ lill-aġenziji tal-Unjoni jikkunsidraw li jadottaw strateġija għad-drittijiet fundamentali, inkluża referenza għad-drittijiet fundamentali f'kodiċi ta' kondotta li jista' jiddefinixxi d-dmirijiet tal-persunal tagħhom u t-taħriġ tiegħu; joħolqu mekkaniżmi għall-iżgurar li kwalunkwe ksur tad-drittijiet fundamentali jiġi identifikat u rrapportat, filwaqt li tinġibed l-attenzjoni tal-korpi ewlenin tal-aġenzija kkonċernata dwar ir-riskji ta' ksur bħal dan; jistabbilixxu, meta jkun rilevanti, il-pożizzjoni ta' uffiċjal għad-drittijiet fundamentali, li jirrapporta direttament għand il-bord maniġerjali biex jiġi żgurat grad stabbilit ta' indipendenza fil-konfront tal-persunal l-ieħor, sabiex ikunu ċerti li t-theddid għad-drittijiet fundamentali jiġi indirizzat immedjatament u jsir aġġornament kontinwu tal-politika dwar id-drittijiet fundamentali fl-organizzazzjoni; jiżviluppaw djalogu regolari mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti dwar kwistjonijiet ta' drittijiet fundamentali; ikunu konformi mad-drittijiet fundamentali bħala parti ċentrali tat-termini ta' referenza tal-kollaborazzjoni tal-aġenzija kkonċernata ma' atturi esterni, inkluż b'mod partikolari membri tal-amministrazzjonijiet nazzjonali li jinteraġixxu magħhom fuq livell operattiv;

Akkwist

55.

Jinnota bi tħassib li l-Qorti għamlet 82 osservazzjoni li jindirizzaw oqsma għat-titjib f'29 aġenzija; jinnota li l-maġġoranza tal-osservazzjonijiet jikkonċernaw nuqqasijiet fil-proċeduri tal-akkwist pubbliku u li dan kien il-każ ukoll fl-2018; jinnota li dawn in-nuqqasijiet jikkonċernaw l-aktar il-ġestjoni finanzjarja tajba u r-regolarità; iħeġġeġ lill-aġenziji jimplimentaw rakkomandazzjonijiet u jeliminaw in-nuqqasijiet; itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni ttejjeb l-isforzi tagħha biex timplimenta miżuri u proċeduri baġitarji ċari u unifikati fl-aġenziji biex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet identifikati li jseħħu fil-maġġoranza tal-aġenziji;

56.

Jissottolinja l-fatt li l-akkwist pubbliku għadu l-qasam ewlieni suxxettibbli għal żball fir-rigward tal-aġenziji deċentralizzati kollha tal-Unjoni; jistieden għalhekk lill-aġenziji tal-ĠAI affettwati, jiġifieri Europol u CEPOL, itejbu l-proċeduri tagħhom tal-akkwist pubbliku sabiex jiżguraw il-konformità mar-regoli applikabbli, u b'riżultat ta' dan, jiksbu il-bilanċ xieraq bejn it-tliet pilastri tal-iżvilupp sostenibbli (ekonomiku, soċjali u ambjentali), filwaqt li jirrispettaw il-prinċipji tat-trasparenza, tal-proporzjonalità, tat-trattament ugwali u tan-nondiskriminazzjoni u jistieden lil eu-LISA ttejjeb il-proċedura ta' reklutaġġ; ifakkar li l-akkwist pubbliku huwa stadju importanti għall-kisba tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tagħha;

57.

Jinnota bi tħassib li aġenzija tal-Unjoni waħda biss, l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea, tippubblika rapport dwar is-sostenibbiltà; jistieden lill-aġenziji jintroduċu rappurtar dwar is-sostenibbiltà, jallinjaw ir-rappurtar tagħhom mal-ħidma tal-OECD dwar l-Akkwist Pubbliku u l-Imġiba Responsabbli fin-Negozju u l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni li jmiss dwar id-diliġenza dovuta korporattiva, isaħħu l-isforzi tagħhom fl-adozzjoni ta' soluzzjonijiet operattivi diġitalizzati, u jiżguraw l-implimentazzjoni rapida tal-iskema Ewropea ta' ġestjoni u verifika ambjentali (EMAS) kif rakkomandat mill-Qorti; jistieden lill-aġenziji jagħtu l-attenzjoni dovuta lit-taħlita enerġetika tas-sorsi tal-elettriku tagħhom u jinkoraġġixxi l-akkwist ta' elettriku ġġenerat minn sorsi ta' enerġija rinnovabbli;

58.

Jilqa' ż-żieda fl-użu tal-għodod tal-akkwist elettroniku mill-aġenziji tal-Unjoni; jinnota li l-aktar moduli komuni tal-e-PRIOR użati mill-aġenziji huma s-sejħiet għall-offerti elettroniċi, is-sottomissjoni elettronika u l-fatturazzjoni elettronika; jistieden lin-Network ta' Uffiċjali tal-Akkwist (NAPO) biex iħaffef il-forniment tal-Għodda għall-Ġestjoni tal-Akkwist Pubbliku (PPMT) tal-JRC lill-aġenziji;

Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta' interess u trasparenza

59.

Jinnota bi tħassib li jibqa' l-fatt li mhux l-aġenziji kollha ppubblikaw fuq is-siti web tagħhom is-CVs u d-dikjarazzjonijiet ta' interess għall-membri tal-bords maniġerjali, it-tmexxija eżekuttiva u l-esperti sekondati; jesprimi dispjaċir għall-fatt li xi aġenziji għadhom jippubblikaw dikjarazzjonijiet ta' nuqqas ta' kunflitti ta' interess; jenfasizza li mhuwiex f'idejn il-membri jew l-eżekuttivi tal-bord li jiddikjaraw li m'għandhomx kunflitti ta' interess; itenni l-appelli tiegħu għal mudell unifikat ta' dikjarazzjonijiet ta' interess li għandu jiġi implimentat mill-aġenziji kollha; jenfasizza l-importanza li jissaħħu r-regoli eżistenti, titjieb l-implimentazzjoni tagħhom u titħeġġeġ l-omoġenizzazzjoni biex jiġu vvalutati jew indirizzati sitwazzjonijiet ta' kunflitt ta' interess u ta' bibien iduru fl-istituzzjonijiet, l-aġenziji u l-korpi l-oħra tal-Unjoni; iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw li l-esperti sekondati kollha jippubblikaw id-dikjarazzjonijiet ta' interess u s-CVs rispettivi tagħhom fuq is-siti web tal-aġenziji rispettivi;

60.

Jitlob li l-politiki ta' protezzjoni tal-informaturi tal-aġenziji kollha tal-Unjoni jinġiebu f'konformità mad-Direttiva (UE) 2019/1937 dwar il-protezzjoni ta' persuni li jirrapportaw ksur tad-dritt tal-Unjoni;

61.

Jinnota li l-istudju "Kunflitti ta' Interessi u l-Aġenziji tal-UE", li ġie ppubblikat f'Jannar 2020, ikkonkluda li t-trasparenza hija l-prinċipju ewlieni li għandu jirfed il-politiki tal-aġenziji sabiex ikun jista' jsir skrutinju pubbliku effikaċi; jirrikonoxxi d-differenzi fil-fatturi ta' riskju, id-daqs u l-pressjoni esterna fost l-aġenziji u l-ħtieġa li l-politiki dwar il-kunflitt ta' interess jiġu adattati għal dawk id-differenzi; jinnota r-rakkomandazzjonijiet li saru f'dan l-istudju biex jittejbu r-regoli dwar il-kunflitt ta' interess u biex jinkisbu aktar koerenza u konsistenza u jħeġġeġ lill-aġenziji jagħtu segwitu għal dawn ir-rakkomandazzjonijiet u jivvalutaw u jtejbu kontinwament il-politiki tagħhom minħabba l-każijiet ta' kunflitti ta' interess preżunti jew perċepiti li seħħew fl-2019;

62.

Jinnota bi tħassib li mhux l-aġenziji kollha jirrapportaw il-laqgħat li l-persunal tal-aġenziji jkollu mal-partijiet ikkonċernati esterni, b'mod partikolari l-laqgħat tal-livell maniġerjali mal-organizzazzjonijiet u mal-individwi li jaħdmu għal rashom; jistieden lill-aġenziji jirrapportaw u jagħmlu disponibbli l-laqgħat fuq is-sit web tal-aġenziji sabiex tissaħħaħ it-trasparenza tal-attivitajiet tagħhom;

63.

Jistieden lill-aġenziji kollha jipparteċipaw fil-ftehim interistituzzjonali dwar ir-reġistru ta' trasparenza għal rappreżentanti ta' interess li qed isiru negozjati dwarhom bħalissa bejn il-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Parlament;

64.

Iħeġġeġ lill-aġenziji kollha tal-ĠAI jieħdu miżuri biex jiżguraw konformità sħiħa mar-regoli tal-Unjoni dwar it-trasparenza kif ukoll mad-drittijiet fundamentali u mal-istandards tal-protezzjoni tad-data; u jitlobhom jikkonformaw strettament mar-regolament finanzjarju u ma' standards ta' ġestjoni għolja;

Kontrolli interni

65.

Jirrikonoxxi l-osservazzjoni tal-Qorti li, meta jużaw kuntratti interistituzzjonali, l-aġenziji jibqgħu responsabbli għall-applikazzjoni tal-prinċipji tal-akkwist pubbliku għax-xiri speċifiku tagħhom, jenfasizza li l-kontrolli interni tal-aġenziji jridu jiżguraw li dawn il-prinċipji jiġu rrispettati;

66.

Jinnota li fi tmiem l-2019, il-maġġoranza tal-aġenziji rrappurtaw li kienu implimentaw il-qafas ta' kontroll intern rivedut u li kienu wettqu valutazzjoni annwali; iħeġġeġ l-adozzjoni u l-implimentazzjoni tal-qafas ta' kontroll intern mill-aġenziji kollha sabiex il-kontrolli interni tagħhom jiġu allinjati mal-aħjar prattika internazzjonali, u sabiex jiġi żgurat li l-kontrolli interni jappoġġjaw b'mod effettiv u effiċjenti l-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet; jiddeplora l-fatt li fl-2019, f'xi aġenziji, ma kien hemm l-ebda proċedura ta' awditjar imwettqa mill-IAS;

67.

Jinnota li fl-2019, skont ir-rapport tal-Qorti dwar is-segwitu tal-osservazzjonijiet tas-snin preċedenti, 98 osservazzjoni ngħalqu, 71 osservazzjoni kienu għadhom qed jiġu implimentati, u 16-il osservazzjoni tqiesu li ma kinux taħt il-kontroll (uniku) tal-aġenziji, li jfisser li deċiżjonijiet ewlenin li jikkonċernaw dawn is-16-il osservazzjoni jeħtieġ li jittieħdu mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, mill-Kummissjoni jew mill-Istati Membri; jistieden lill-aġenziji jimplimentaw b'mod diliġenti l-osservazzjonijiet u jtejbu aktar l-oqfsa ta' kontroll intern tagħhom;

Kummenti oħra

68.

Jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, l-aġenziji li qabel kienu bbażati f'Londra (l-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) u l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA)) ġew rilokati mir-Renju Unit fl-2019 u li l-kontijiet tagħhom jinkludu dispożizzjonijiet għall-ispejjeż tal-ġarr relatati; jinnota, barra minn hekk, fil-każ tal-EMA, li l-Qorti rreferiet għall-ftehim li ntlaħaq f'Lulju 2019 mas-sid tal-kera tagħha biex tissulloka s-siti tal-uffiċċju li kellha qabel, b'kundizzjonijiet li huma konsistenti mat-termini tal-kirja prinċipali filwaqt li tinżamm ir-responsabbiltà tal-EMA għall-ammont kollu pagabbli skont il-kuntratt ta' lokazzjoni inizjali;

69.

Jirrimarka li huwa meħtieġ approċċ kumpless sabiex il-paġni inizjali tas-siti tal-aġenziji tal-Unjoni jsiru aċċessibbli għal persuni b'kull xorta ta' diżabbiltà, kif previst fid-Direttiva (UE) 2016/2102, inkluża d-disponibbiltà tal-lingwi tas-sinjali nazzjonali; jissuġġerixxi li l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-persuni b'diżabbiltà jiġu involuti f'dan il-proċess;

70.

Jinnota li l-aġenziji rrappurtaw li kienu qed jagħtu l-attenzjoni dovuta lill-protezzjoni taċ-ċibersigurtà, bl-aktar miżuri komuni fis-seħħ ikunu ftehim dwar il-livell ta' servizz iffirmat bejn l-aġenzija u d-Direttorat Ġenerali għall-Informatika tal-Kummissjoni Ewropea (u l-Iskwadra ta' Rispons tiegħu Relatata mal-Kompjuters tal-UE / CERT-EU), u l-użu tal-ARES bħala dokument elettroniku u sistema ta' ġestjoni tar-rekords; jinnota wkoll li 77 % tal-aġenziji rrappurtaw li kellhom politika taċ-ċibersigurtà fis-seħħ, filwaqt li l-aġenziji l-oħra rrappurtaw li kienu f'diversi stadji ta' żvilupp ta' politika bħal din;

71.

Ifakkar li nħolqu aġenziji għal ħtiġijiet speċifiċi u li ġew stabbiliti għadd sinifikanti ta' aġenziji b'reazzjoni għal ċerti kriżijiet; jaqbel mal-pożizzjoni tal-Qorti fir-rapport tagħha "Il-futur tal-Aġenziji tal-UE" li r-rwol ta' aġenzija jeħtieġ li jiġi vvalutat mill-ġdid fi stadji differenti tal-perjodu operattiv tagħha sabiex jiġi vverifikat jekk aġenzija għadhiex rilevanti u jekk l-azzjonijiet tagħha humiex koerenti ma' aġenziji oħra u d-direttorati ġenerali sħab tagħhom;

72.

Jenfasizza r-riskji tal-użu ta' konsulenti esterni tal-IT u l-esternalizzazzjoni tal-ġestjoni ta' eżerċizzji baġitarji jew relatati mal-persunal;

73.

Jemmen li l-istruttura u l-funzjonament tal-aġenziji għandhom ikunu flessibbli sabiex jgħinu fl-implimentazzjoni tal-politika tal-Unjoni u biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni Ewropea; jirrikonoxxi f'dan ir-rigward l-opinjoni tal-Qorti fir-rapport tagħha "Il-futur tal-Aġenziji tal-UE" li ma hemmx flessibbiltà suffiċjenti fl-istabbiliment u fl-operat tal-aġenziji u li l-potenzjal għalihom biex jikkooperaw għal objettivi ta' politika komuni fl-interess taċ-ċittadini jkun jista' jiġi sfruttat aktar;

74.

Ifakkar fin-nuqqas ġenerali ta' għarfien fost iċ-ċittadini Ewropej dwar l-eżistenza tal-aġenziji, anke fil-pajjiż fejn jinsabu l-aġenziji, kif ukoll il-fatt li ċ-ċittadini ftit li xejn jirċievu informazzjoni dwar il-benefiċċji tal-aġenziji; jistieden lill-aġenziji f'dan ir-rigward ikomplu jiżviluppaw l-istrateġiji ta' komunikazzjoni tagħhom u jżidu l-preżenza tal-midja u tal-midja soċjali tagħhom sabiex iqajmu kuxjenza dwar il-ħidma, ir-riċerka u l-attivitajiet tagħhom fost il-pubbliku ġenerali;

75.

Jinnota li l-Qorti ma awditjatx il-kontijiet tal-2019 tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew ("UPPE"), peress li dak il-korp tal-Unjoni kien għadu mhuwiex finanzjarjament awtonomu;

76.

Jinnota d-diffikultà inerenti li l-aġenziji jiffaċċjaw meta jkunu meħtieġa jippreżentaw id-Dokument Uniku ta' Programmazzjoni tagħhom filwaqt li l-istrumenti legali rilevanti jkunu għadhom qed jiġu nnegozjati mill-koleġiżlaturi, u b'hekk tinħoloq sitwazzjoni insodisfaċenti fejn il-linji baġitarji jsiru disponibbli qabel ma jiġu adottati l-istrumenti legali korrispondenti tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb il-komunikazzjoni tagħha mal-aġenziji biex jiġu organizzati aħjar l-iskedi ta' żmien mistennija għall-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni u l-linji baġitarji korrispondenti; jieħu nota tar-Rakkomandazzjoni tal-Qorti li l-Kummissjoni u l-aġenziji għandhom jallokaw riżorsi b'mod aktar flessibbli filwaqt li jenfasizza l-importanza tar-rappurtar dovut, it-trasparenza u l-awditjar;

77.

Ifakkar li l-Awtorità Ewropea tax-Xogħol (ELA) inħolqot f'Marzu 2018 u bdiet l-operat tagħha f'Ottubru 2019; jenfasizza l-importanza li l-ELA ssir kompletament operattiva mingħajr dewmien żejjed sabiex jittejbu l-applikazzjoni u l-infurzar tad-dritt tal-Unjoni relatat mal-mobbiltà tal-ħaddiema u l-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali b'tali mod li jiġu żgurati mobbiltà ġusta u infurzar transfruntier effettiv tad-drittijiet tal-ħaddiema; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żgurati biżżejjed riżorsi finanzjarji f'dan ir-rigward;

78.

Jirrimarka li l-ELA se tgħin biex ikun żgurat li r-regoli tal-Unjoni dwar il-mobbiltà tal-forza tax-xogħol u l-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali jiġu infurzati b'mod effettiv u ġust, se tassisti lill-awtoritajiet nazzjonali jikkooperaw biex jinfurzaw dawn ir-regoli, u se tagħmilha aktar faċli għaċ-ċittadini u għan-negozji biex jibbenefikaw mis-suq intern; huwa tal-fehma li, għalkemm l-erba' aġenziji (il-Eurofound, is-Cedefop, l-ETF u l-EU-OSHA) huma fil-biċċa l-kbira ffukati fuq ir-riċerka, jistgħu jappoġġjaw il-ħidma tal-ELA u jikkontribwixxu għaliha b'mod utli;

79.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-aġenziji soġġetti għal din il-proċedura ta' kwittanza, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1)   ĠU C 351, 21.10.2020, p. 7. Rapport Annwali tal-QEA dwar l-aġenziji tal-UE għas-sena finanzjarja 2019: https://www.eca.europa.eu/Lists/ECADocuments/AGENCIES_2019/agencies_2019_MT.pdf.

(2)   ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1.

(3)   ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.

(4)   ĠU L 122, 10.5.2019, p. 1.

(5)   ĠU C 358, 26.10.2020, p. 6.


Top