This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52019XG1210(01)
Conclusions of the Council and of the Representatives of the Governments of the Member States meeting within the Council on Digital Youth Work2019/C 414/02
Konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, mlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill dwar il-Ħidma Diġitali Fost iż-Żgħażagħ2019/C 414/02
Konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, mlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill dwar il-Ħidma Diġitali Fost iż-Żgħażagħ2019/C 414/02
ST/13935/2019/INIT
ĠU C 414, 10.12.2019, p. 2–6
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
10.12.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 414/2 |
Konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, mlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill dwar il-Ħidma Diġitali Fost iż-Żgħażagħ
(2019/C 414/02)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA U R-RAPPREŻENTANTI TAL-GVERNIJIET TAL-ISTATI MEMBRI MLAQQGĦIN FI ĦDAN IL-KUNSILL
JAGĦRFU LI:
1. |
Il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-ħidma intelliġenti fost iż-żgħażagħ jikkontribwixxu għall-iżvilupp innovattiv tal-ħidma fost iż-żgħażagħ fl-Ewropa u għandhom isiru sforzi msaħħa biex tissokta l-ħidma f'din it-triq. |
2. |
Il-litteriżmu diġitali u ħiliet oħra tas-seklu 21 għandhom rwol kruċjali fl-indipendenza, l-inklużjoni soċjali, l-impjegabbiltà u l-ħajja ta' kuljum taż-żgħażagħ. Iż-żgħażagħ għandhom kompetenzi differenti li jippermettulhom joperaw f'ambjent diġitalizzat. Madankollu, iż-żgħażagħ kollha ser ikollhom bżonn approċċ aġili, flessibbli u kritiku għat-teknoloġija diġitali fil-ħidma futura tagħhom u fil-ħajja ta' kuljum. |
3. |
Id-distakk diġitali jeħtieġ li jitnaqqas. (1) Iż-żgħażagħ kollha għandu jkollhom opportunitajiet indaqs biex itejbu l-kompetenzi diġitali tagħhom, irrispettivament mill-ambjent minn fejn jiġu (2). |
4. |
Il-ħidma diġitali fost iż-żgħażagħ tista' tgħin biex jinkisbu l-Għanijiet Ewropej dwar iż-Żgħażagħ (3). |
5. |
Jeħtieġ li jiġu indirizzati d-differenzi bejn is-sessi fil-kompetenzi diġitali u l-involviment f'attivitajiet diġitali, bħalma għandhom jiġu indirizzati l-isterjotipi relatati mal-użu tat-teknoloġiji diġitali. |
6. |
Il-ħidma fost iż-żgħażagħ għandha potenzjal kbir li tippermetti t-tagħlim mill-esperjenza f'ambjent mhux formali u li tinvolvi liż-żgħażagħ f'attivitajiet li jsaħħu l-kompetenzi diġitali u l-litteriżmu medjatiku tagħhom. Il-ħidma fost iż-żgħażagħ tista' tinvolvi wkoll liż-żgħażagħ li jinsabu f'riskju li jitħallew lura f'soċjetà diġitalizzata. |
7. |
L-approċċi, l-għanijiet, il-prinċipji u l-limiti professjonali tal-ħidma fost iż-żgħażagħ għandhom jiġu kkunsidrati fil-kuntest tad-diġitalizzazzjoni u l-impatt tagħhom għandu jiġi vvalutat f'dan id-dawl. |
8. |
Il-ħidma fost iż-żgħażagħ tagħti s-setgħa liż-żgħażagħ biex ikunu attivi u kreattivi fis-soċjetà diġitali, biex jieħdu deċiżjonijiet infurmati u motivati, u biex jieħdu r-responsabbiltà u l-kontroll tal-identità diġitali tagħhom. Il-ħidma fost iż-żgħażagħ tista' tgħin ukoll liż-żgħażagħ jiffaċċjaw riskji online relatati mal-imġiba, il-kontenut, il-kuntatt u l-kummerċjaliżmu (4), inkluż id-diskors ta' mibegħda, il-bullying ċibernetiku, id-diżinformazzjoni u l-propaganda. |
9. |
Id-diġitalizzazzjoni tal-ħidma fost iż-żgħażagħ spiss ġiet mifhuma bħala l-użu tal-media soċjali. Madankollu, teknoloġiji diġitali ġodda qed jiffaċċjaw b'mod rapidu. L-intelliġenza artifiċjali, ir-realtà virtwali, ir-robotika u t-teknoloġija blockchain, fost l-oħrajn, qed jaffettwaw lis-soċjetajiet tagħna lil hinn mill-isfera tal-komunikazzjoni. Mhux biss huma meħtieġa kompetenzi diġitali bażiċi, iżda huma importanti wkoll il-kompetenzi diġitali speċifiċi li jsaħħu l-impjegabbiltà taż-żgħażagħ. Il-ħidma maż-żgħażagħ għandha tkun kapaċi tindirizza l-isfidi tal-konverġenza bejn l-ambjenti diġitali u fiżiċi u tibbenefika mill-opportunitajiet offruti mit-trasformazzjoni diġitali, filwaqt li fl-istess ħin tiffaċċa l-isfidi fir-rigward tas-servizzi. |
10. |
L-avvanzi rapidi fil-media u t-teknoloġija diġitali f'dawn l-aħħar snin influwenzaw ukoll il-ħidma fost iż-żgħażagħ. Madankollu, għadd sinifikanti ta' prattikanti tal-ħidma fost iż-żgħażagħ ma għandhomx il-kompetenzi u l-għarfien diġitali biex jagħmlu l-aqwa użu possibbli mit-teknoloġiji diġitali biex iwettqu ħidma ta' kwalità għolja fost iż-żgħażagħ minħabba raġunijiet finanzjarji, strutturali, materjali jew amministrattivi. |
11. |
Ħafna dokumenti ta' politika dwar iż-żgħażagħ huma nieqsa minn tbassir dwar kif id-diġitalizzazzjoni ser tolqot lis-soċjetà, liż-żgħażagħ u l-ħidma fost iż-żgħażagħ. Ħafna strateġiji huma wkoll nieqsa minn approċċ olistiku lejn l-iżvilupp tal-ħidma fost iż-żgħażagħ fl-era diġitali. |
JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRI, F'KONFORMITÀ MAL-PRINĊIPJU TAS-SUSSIDJARJETÀ U FIL-LIVELLI XIERQA, BIEX:
12. |
Jippromwovu u jiżviluppaw politiki u strateġiji taż-żgħażagħ li jistinkaw biex ikunu proattivi fir-rigward tal-iżvilupp teknoloġiku u d-diġitalizzazzjoni. Meta jitfasslu politiki li jaffettwaw il-ħajja taż-żgħażagħ, jenħtieġ li jitqiesu u jiġu vvalutati l-impatt tad-diġitalizzazzjoni fuq is-soċjetajiet, inklużi l-prattiki u s-servizzi tal-ħidma fost iż-żgħażagħ. Għal dak il-għan, għandha tiġi intensifikata l-kooperazzjoni transsettorjali bejn is-setturi rilevanti tal-politika u l-partijiet ikkonċernati. |
13. |
Jinkludu, fejn applikabbli, fl-istrateġiji tagħhom għaż-żgħażagħ jew fi pjanijiet ta' politika rilevanti oħra, għanijiet ċari u passi konkreti għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-ħidma diġitali fost iż-żgħażagħ u l-valutazzjoni tal-impatt tagħha fuq iż-żgħażagħ u l-ħidma fost iż-żgħażagħ. Dawn l-għanijiet għandhom ikunu bbażati fuq l-għarfien, l-evidenza u d-data rigward il-kompetenzi diġitali taż-żgħażagħ, u l-ħtiġijiet għas-servizzi ta' ħidma fost iż-żgħażagħ. |
14. |
Jinkoraġġixxu l-ħidma fost iż-żgħażagħ u l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ biex isegwu dawn l-għanijiet filwaqt li jiżviluppaw l-attivitajiet u s-servizzi diġitali tagħhom f'konformità mal-interessi u l-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom, u biex jużaw metodoloġiji innovattivi biex jappoġġaw il-kisba tal-eżiti tal-ħidma fost iż-żgħażagħ, inkluż permezz ta' ħidma diġitali fost iż-żgħażagħ. |
15. |
Jikkunsidraw, fejn xieraq, approċċi sperimentali u innovattivi u mudelli ġodda ta' kooperazzjoni, biex iwettqu attivitajiet u servizzi tal-ħidma diġitali fost iż-żgħażagħ. |
16. |
Jinvestu f'linji gwida u jistabbilixxuhom għall-bini ta' kapaċità diġitali fost il-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ, l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u l-organizzazzjonijiet li jagħmlu xogħol maż-żgħażagħ, fejn meħtieġ. Il-ħidma diġitali fost iż-żgħażagħ tista' tiġi integrata kemm fil-kurrikuli professjonali għall-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ kif ukoll fit-taħriġ għall-voluntiera, u tista' tiġi inkorporata fl-edukazzjoni u t-taħriġ kontinwi tal-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ. |
17. |
Jinkoraġġixxu lill-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ u liż-żgħażagħ biex iżidu u jtejbu l-kompetenzi diġitali tagħhom fi proċess ta' tagħlim konġunt. |
18. |
Jippromwovu l-użu ta' materjali eżistenti (5) u jiżviluppaw materjali ġodda ta' ħidma diġitali fost iż-żgħażagħ u taħriġ għal persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ billi jsir użu, fost l-oħrajn, mil-lista tal-ħtiġijiet ta' taħriġ proposta mill-grupp ta' esperti (6) stabbilit taħt il-Pjan ta' Ħidma tal-Unjoni Ewropea għaż-Żgħażagħ għall-2016-2018. Barra minn hekk, jiġi organizzat taħriġ dwar l-iżvilupp strateġiku tal-ħidma diġitali fost iż-żgħażagħ. |
19. |
Joħolqu l-ispazju u l-kondizzjonijiet għall-esperimentazzjoni biex jiżviluppaw għodod u servizzi diġitali fil-ħidma fost iż-żgħażagħ, u biex jiġbru flimkien il-ħidma fost iż-żgħażagħ, ir-riċerka dwar iż-żgħażagħ u s-settur tal-ICT fl-iżvilupp ta' prattiki ta' ħidma diġitali fost iż-żgħażagħ li jirnexxu u l-kondiviżjoni tal-esperjenzi. |
20. |
Jipprovdu opportunitajiet għaż-żgħażagħ biex jipprattikaw u jtejbu l-kompetenzi diġitali f'diversi ambjenti ta' ħidma fost iż-żgħażagħ, inkluż oqsma ewlenin ta' kompetenza diġitali kif elenkat fil-Qafas dwar il-Kompetenza Diġitali DigComp 2.1: il-litteriżmu fl-informazzjoni u fid-data; il-komunikazzjoni u l-kollaborazzjoni; il-ħolqien tal-kontenut; is-sikurezza; u s-soluzzjoni tal-problemi. Il-modalitajiet ta' tagħlim jistgħu jinkludu t-tagħlim esperjenzali, il-mentoraġġ invers u l-kooperazzjoni interġenerazzjonali. |
21. |
Jagħtu s-setgħa liż-żgħażagħ, inkluż dawk li jħossu li mhux qegħdin jinstemgħu u/jew li għandhom inqas opportunitajiet, biex jipparteċipaw b'mod attiv fi proċessi demokratiċi ta' teħid ta' deċiżjonijiet, inkluż id-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ, billi jinvolvuhom f'forom diġitali u f'forom innovattivi u alternattivi oħrajn ta' parteċipazzjoni demokratika. |
22. |
Iqisu l-ostakli kollha, inkluż il-forom kollha ta' diskriminazzjoni u l-isterjotipi tas-sessi, li jistgħu jaffettwaw b'mod negattiv l-opportunitajiet u l-motivazzjoni taż-żgħażagħ biex jiksbu kompetenza diġitali matul l-edukazzjoni, it-taħriġ u l-perkorsi professjonali tagħhom, u biex iwettqu studji u karrieri fix-xjenza, it-teknoloġija, l-arti, l-inġinerija u l-matematika (STEAM). |
23. |
Issaħħu r-rwol tal-ħidma fost iż-żgħażagħ biex jiġi appoġġat l-użu kreattiv tat-teknoloġija miż-żgħażagħ u jingħataw il-ħiliet biex ikunu kemm konsumaturi kritiċi kif ukoll kreaturi attivi f'termini teknoloġiċi. |
24. |
Jippromwovu aċċess aħjar għaż-żgħażagħ, b'mod partikolari dawk li għandhom inqas opportunitajiet u dawk li jgħixu f'żoni rurali u remoti, jew fejn aċċess wiċċ imb'wiċċ ma jkunx fattibbli, għal servizzi ta' ħidma fost iż-żgħażagħ permezz tal-użu ta' teknoloġiji diġitali. |
JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRI U LILL-KUMMISSJONI, FL-OQSMA TA' KOMPETENZI RISPETTIVI TAGĦHOM, BIEX:
25. |
Jinkoraġġixxu l-iskambju tal-aħjar prattiki fir-rigward tal-implimentazzjoni u l-iżvilupp ta' strateġiji diġitali, inkluż bl-użu tal-opportunitajiet ipprovduti mill-Erasmus+ u strumenti ta' finanzjament rilevanti oħra tal-UE. |
26. |
Jippromwovu u jagħmlu użu mill-pjattaformi diġitali u fiżiċi eżistenti għal attivitajiet ta' tagħlim bejn il-pari dwar l-użu tat-teknoloġija diġitali fil-ħidma fost iż-żgħażagħ bħala għodda, attività jew kontenut. |
27. |
Jorganizzaw avvenimenti li jressqu flimkien liż-żgħażagħ, il-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ, l-esperti, ir-riċerkaturi u personalitajiet mis-settur tal-ICT biex isibu modi u approċċi ġodda għall-użu tat-teknoloġija fil-ħidma fost iż-żgħażagħ. |
28. |
Iħeġġu u jappoġġaw riċerka madwar l-Ewropa kollha biex jiżdied l-għarfien dwar l-impatt tad-diġitalizzazzjoni fuq iż-żgħażagħ u l-ħidma fost iż-żgħażagħ. |
29. |
Itejbu l-kompetenzi diġitali permezz ta' tagħlim u taħriġ mhux formali, b'kont meħud tal-proċess ta' aġġornament tal-Pjan ta' Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali bil-ħsieb li jiġi estiż għall-ħidma fost iż-żgħażagħ. |
(1) "Id-distakk diġitali" jinkludi espliċitament l-aċċess għall-ICTs, kif ukoll il-ħiliet relatati li huma meħtieġa biex wieħed jieħu sehem fis-soċjetà tal-informazzjoni.
(2) "Id-distakk diġitali" jista' jiġi kklassifikat skont is-sess, l-età, l-edukazzjoni, id-dħul, il-gruppi soċjali jew il-post ġeografiku.
(3) L-Anness 3 għall-Istrateġija tal-UE dwar iż-Żgħażagħ 2019-2027
(4) https://www.childnet.com/ufiles/Supporting-Young-People-Online.pdf
(5) Eż. is-sett ta' għodod Salto għal taħriġ u ħidma fost iż-żgħażagħ, https://www.salto-youth.net/tools/toolbox/
(6) Il-ħtiġiet tat-taħriġ definiti mill-grupp ta' esperti dwar "Ir-riskji, l-opportunitajiet, u l-implikazzjonijiet tad-diġitalizzazzjoni għaż-żgħażagħ, il-ħidma fost iż-żgħażagħ u l-politika dwar iż-żgħażagħ" jinkludu 1. Id-diġitalizzazzjoni tas-soċjetà, 2. L-ippjanar, it-tfassil u l-evalwazzjoni tal-ħidma diġitali fost iż-żgħażagħ, 3. Il-litteriżmu fl-informazzjoni u fid-data, 4. Il-komunikazzjoni, 5. Il-kreattività diġitali, 6. Is-sikurezza u 7. Ir-riflessjoni u l-evalwazzjoni (https://publications.europa.eu/s/fouj)
ANNESS
A. Referenzi
Fl-adozzjoni ta' dawn il-konklużjonijiet, il-Kunsill jieħu nota tad-dokumenti li ġejjin:
1. |
Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-ħidma intelliġenti fost iż-żgħażagħ (2017/C 418/02) |
2. |
Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tat-tfal fid-dinja diġitali (ĠU C 372, 20.12.2011, p. 15) |
3. |
Grupp ta' esperti stabbilit taħt il-Pjan ta' Ħidma tal-Unjoni Ewropea għaż-Żgħażagħ għall-2016-2018 dwar ir-Riskji, l-opportunitajiet u l-implikazzjonijiet tad-diġitalizzazzjoni għaż-żgħażagħ, il-ħidma fost iż-żgħażagħ u l-politika dwar iż-żgħażagħ: L-iżvilupp ta' ħidma diġitali fost iż-żgħażagħ - Rakkomandazzjonijiet ta' politika u ħtiġijiet ta' taħriġ (2017); |
4. |
Kummissjoni Ewropea. DigComp 2.1: The Digital Competence Framework for Citizens with eight proficiency levels and examples of use (2017) (mhux disponibbli bil-Malti); |
5. |
Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Pjan ta' Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali, COM(2018) 22 final; |
6. |
Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar Strateġija Ewropea għal Internet Aħjar għat-Tfal (COM/2012/0196 final) |
7. |
Kummissjoni Ewropea. Study on the Impact of the Internet and Social Media on Youth Participation and Youth Work (2018) (mhux disponibbli bil-Malti); |
8. |
Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fil-Kunsill dwar qafas għall-Kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ: L-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għaż-Żgħażagħ 2019-2027 (2018/C 456/01) |
9. |
Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data - GDPR), (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1) |
10. |
Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-kompetenzi ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja (2018/C 189/01) |
11. |
Ir-rapport tal-EIGE "L-ugwaljanza bejn is-sessi u ż-żgħażagħ: l-opportunitajiet u r-riskji tad-diġitalizzazzjoni" (14348/18 ADD 2) |
12. |
Screengers: Using ICT, digital and social media in youth work (mhux disponibbli bil-Malti). A review of research findings from Austria, Denmark, Finland, Northern Ireland and the Republic of Ireland (2016) (mhux disponibbli bil-Malti) |
13. |
Rapport ta' Simpożju ta' Sħubija taż-Żgħażagħ UE-KtE - "Connecting the dots: Young people, social inclusion and digitalization" (Tallinn, 26-28 ta' Ġunju 2018) (mhux disponibbli bil-Malti) |
B. Definizzjonijiet
Għall-fini ta' dawn il-konklużjonijiet tal-Kunsill:
— |
"Kompetenzi diġitali" tinvolvi l-użu kunfidenti, kritiku u responsabbli tat-teknoloġiji diġitali u l-involviment tagħhom għat-tagħlim, fuq il-post tax-xogħol, u għall-parteċipazzjoni fis-soċjetà. Din tinkludi [...] litteriżmu fl-informazzjoni u d-data, il-komunikazzjoni u l-kollaborazzjoni, il-litteriżmu fil-media, il-ħolqien ta' kontenut diġitali (inkluż l-ipprogrammar), is-sikurezza (inklużi l-benesseri diġitali u l-kompetenzi relatati maċ-ċibersigurtà), kwistjonijiet relatati mal-propjetà intellettwali, […] is-soluzzjoni tal-problemi u l-ħsieb kritiku. (Sors: Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-kompetenzi ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja (2018/C 189/01) |
— |
"Ħidma diġitali fost iż-żgħażagħ" tfisser l-użu proattiv jew l-indirizzar tal-media u t-teknoloġija diġitali fil-ħidma fost iż-żgħażagħ. Il-media u t-teknoloġija diġitali jistgħu jkunu għodda, attività jew kontenut fil-ħidma fost iż-żgħażagħ. Il-ħidma diġitali fost iż-żgħażagħ mhijiex metodu ta' ħidma fost iż-żgħażagħ. Il-ħidma diġitali fost iż-żgħażagħ tista' tiġi inkluża fi kwalunkwe ambjent ta' ħidma fost iż-żgħażagħ u għandha l-istess għanijiet bħall-ħidma fost iż-żgħażagħ b'mod ġenerali. Il-ħidma diġitali fost iż-żgħażagħ tista' ssir f'sitwazzjonijiet wiċċ imb'wiċċ jew f'sitwazzjonijiet online, jew f'taħlita tat-tnejn. Il-ħidma diġitali fost iż-żgħażagħ hija msejsa fuq l-istess etika, valuri u prinċipji bħall-ħidma fost iż-żgħażagħ. (Sors: https://publications.europa.eu/fi/publication-detail/-/publication/fbc18822-07cb-11e8-b8f5-01aa75ed71a1) |
— |
"Distakk diġitali" tirreferi għad-distinzjoni bejn dawk li għandhom aċċess għall-internet u li huma kapaċi jagħmlu użu minn servizzi ġodda offruti fuq il-World Wide Web, u dawk li huma esklużi minn dawn is-servizzi. Fuq livell bażiku, il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini u l-intrapriżi fis-soċjetà tal-informazzjoni tiddependi fuq l-aċċess għall-informazzjoni u t-teknoloġija tal-komunikazzjoni (ICT), jiġifieri l-preżenza ta' tagħmir elettroniku, bħal kompjuters, u konnessjonijiet tal-internet. It-terminu jinkludi espliċitament l-aċċess għall-ICTs, kif ukoll il-ħiliet relatati li huma meħtieġa biex wieħed jieħu sehem fis-soċjetà tal-informazzjoni. Id-distakk diġitali jista' jiġi kklassifikat skont il-kriterji li jiddeskrivu d-differenza fil-parteċipazzjoni skont is-sess, l-età, l-edukazzjoni, id-dħul, il-gruppi soċjali jew il-post ġeografiku. (Sors: https://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/index.php/Glossary:Digital_divide) |