Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017R0571

    Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/571 tat-2 ta' Ġunju 2016 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' standards tekniċi regolatorji dwar l-awtorizzazzjoni, ir-rekwiżiti organizzazzjonali u l-pubblikazzjoni ta' tranżazzjonijiet għal fornituri tas-servizzi ta' rapportar tad-dejta (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )

    C/2016/3201

    ĠU L 87, 31.3.2017, p. 126–141 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 06/02/2018

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2017/571/oj

    31.3.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 87/126


    REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/571

    tat-2 ta' Ġunju 2016

    li jissupplimenta d-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' standards tekniċi regolatorji dwar l-awtorizzazzjoni, ir-rekwiżiti organizzazzjonali u l-pubblikazzjoni ta' tranżazzjonijiet għal fornituri tas-servizzi ta' rapportar tad-dejta

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2014/65/UE tal-15 ta' Mejju 2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (1), u b'mod partikolari l-Artikoli 61(4), 64(6), 64(8), 65(6), 65(8), u 66(5) tagħha,

    Billi:

    (1)

    Skont id-Direttiva 2014/65/UE fornituri tas-servizzi ta' rapportar tad-dejta jkopru tliet tipi differenti ta' entitajiet: mekkaniżmi ta' rapportar approvati (ARMs), arranġamenti ta' pubblikazzjoni approvati (APAs) u fornituri ta' tejps ikkonsolidati (CTPs). Għalkemm dawk it-tipi ta' entitajiet huma involuti f'attivitajiet differenti, id-Direttiva 2014/65/UE tipprevedi proċess ta' awtorizzazzjoni simili għal dawk l-entitajiet kollha.

    (2)

    Applikant li jipprova jikseb awtorizzazzjoni bħala fornitur ta' servizzi tar-rapportar għandu jipprovdi, fl-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni, programm ta' operazzjonijiet u ċart organizzazzjonali. Iċ-ċart organizzazzjonali għandha tidentifika min huwa responsabbli għall-attivitajiet differenti li jippermettu lill-awtorità kompetenti tivvaluta jekk il-fornitur tas-servizzi ta' rapportar tad-dejta jkollux riżorsi umani suffiċjenti u jkollux sorveljanza fuq in-negozju tiegħu. Iċ-ċart organizzazzjonali ma għandhiex tkopri biss l-ambitu tas-servizzi ta' rapportar tad-dejta, iżda għandha tinkludi wkoll kwalunkwe servizz ieħor li l-entità tipprovdi peress li dan jista' jenfasizza oqsma li jistgħu jaffettwaw l-indipendenza tal-fornitur tas-servizzi ta' rapportar tad-dejta u jista' jwassal għal kunflitt ta' interess. Applikant li jfittex awtorizzazzjoni bħala fornitur tas-servizzi ta' rapportar għandu jipprovdi wkoll informazzjoni dwar il-kompożizzjoni, il-funzjonament u l-indipendenza tal-korpi ta' regolazzjoni tiegħu sabiex l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jivvalutaw jekk il-politiki, il-proċeduri u l-istruttura tal-governanza korporattiva jiżgurawx l-indipendenza tal-fornitur tas-servizzi ta' rapportar u l-evitar tal-kunflitti ta' interess.

    (3)

    Jistgħu jinħolqu kunflitti ta' interess bejn il-fornitur tas-servizzi ta' rapportar tad-dejta u l-klijenti li jużaw is-servizzi tiegħu sabiex jissodisfaw l-obbligi regolatorji tagħhom u entitajiet oħra li jixtru dejta minn fornituri ta' servizzi ta' rapportar tad-dejta. B'mod partikolari, dawn il-kunflitti jistgħu jirriżultaw meta l-fornitur ta' servizzi ta' rapportar ta' dejta jkun involut f'attivitajiet oħra bħal li jaġixxi bħala operatur tas-suq, ditta ta' investiment jew repożitorju tat-tranżazzjonijiet. Jekk il-kunflitti jibqgħu ma jiġux indirizzati, dan jista' jwassal għal sitwazzjoni fejn il-fornitur tas-servizzi ta' rapportar tad-dejta jkollu inċentiva li jdewwem il-pubblikazzjoni jew il-preżentazzjoni ta' dejta jew li jinnegozja abbażi ta' informazzjoni kunfidenzjali li jkun irċieva. Il-fornitur tas-servizzi ta' rapportar tad-dejta, għalhekk, għandu jadotta approċċ komprensiv biex jidentifika, jipprevjeni u jimmaniġġja kunflitti ta' interess eżistenti u potenzjali, inkluż li jħejji inventarju tal-kunflitti ta' interess u li jimplimenta politiki u proċeduri adegwati biex jimmaniġġja dawk il-kunflitti u, fejn ikun meħtieġ, jissepara l-funzjonijiet ta' negozju u l-persunal biex jillimita l-fluss ta' informazzjoni sensittiva bejn oqsma differenti ta' negozju tal-fornitur ta' servizzi ta' rapportar tad-dejta.

    (4)

    Kull membru tal-korp maniġerjali ta' fornitur ta' servizzi ta' rapportar tad-dejta għandu jkun persuna li jkollha reputazzjoni tajba biżżejjed u li tkun fil-pussess ta' għarfien, ħiliet u esperjenza suffiċjenti, billi dawk il-persuni jkollhom rwol ewlieni biex jiżguraw li l-fornitur ta' servizzi ta' rapportar tad-dejta jissodisfa l-obbligi regolatorji tiegħu u jikkontribwixxu għall-istrateġija ta' negozju tal-fornitur tas-servizz ta' rapportar tad-dejta. Huwa importanti, għalhekk, li l-fornitur tas-servizzi ta' rapportar tad-dejta juri li jkollu proċess robust għall-ħatra tal-membri tal-korp maniġerjali u l-evalwazzjoni tal-prestazzjoni tagħhom u li jkun hemm fis-seħħ linji ta' rapportar ċari u rapportar regolari lill-korp maniġerjali.

    (5)

    L-esternalizzazzjoni tal-attivitajiet, b'mod partikolari tal-funzjonijiet kritiċi, tista' tikkostitwixxi bidla materjali fil-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni ta' fornitur ta' servizzi ta' rapportar tad-dejta. Biex ikun żgurat li l-esternalizzazzjoni tal-attivitajiet ma timpedixxix l-abbiltà tal-fornitur ta' servizzi ta' rapportar tad-dejta li jissodisfa l-obbligi tiegħu skont id-Direttiva 2014/65/UE u ma twassalx għal kunflitti ta' interess, il-fornitur ta' servizzi ta' rapportar tad-dejta għandu jkun jista' juri sorveljanza u kontroll suffiċjenti fuq dawk l-attivitajiet.

    (6)

    Is-sistemi tal-IT użati mill-fornitur tas-servizzi ta' rapportar tad-dejta għandhom ikunu adatti sew għat-tipi differenti ta' attivitajiet imwettqa minn dawk l-entitajiet, jiġifieri li jippubblikaw rapporti ta' negozjar, jippreżentaw rapporti ta' tranżazzjoni jew jipprovdu tejp ikkonsolidat, u għandom ikunu robusti biżżejjed biex jiżguraw il-kontinwità u r-regolarità fil-provvista ta' dawk is-servizzi. Dan jinkludi l-iżgurar li s-sistemi tal-IT tal-fornitur ta' servizzi ta' rapportar tad-dejta jkunu jistgħu jlaħħqu ma' fluttwazzjonijiet fl-ammont ta' dejta li jkollu jimmaniġġja. Tali fluttwazzjonijiet, partikolarment żidiet mhux mistennija fil-fluss tad-dejta, jista' jkollhom impatt negattiv fuq l-effikaċja tas-sistemi tal-fornitur tas-servizzi ta' rapportar tad-dejta u riżultat ta' dan, fuq l-abbiltà tiegħu li jippubblika jew jirrapporta informazzjoni kompluta u eżatta fl-ambitu tal-oqfsa ta' żmien rikjesti. Sabiex jimmaniġġja dan, fornitur ta' servizzi ta' rapportar tad-dejta għandu jittestja s-sistemi tiegħu perjodikament biex jiżgura li jkunu robusti biżżejjed biex jimmaniġġjaw il-bidliet fil-kondizzjonijiet ta' operazzjoni u li jkunu kapaċi biżżejjed li jlaħħqu ma' tkabbir.

    (7)

    Il-faċilitajiet u l-arranġamenti ta' backup stabbiliti minn fornitur ta' servizzi ta' rapportar ta' dejta għandhom ikunu suffiċjenti biex jippermettu lill-fornitur ta' servizzi ta' rapportar tad-dejta jipprovdi s-servizzi tiegħu, anki fil-każ ta' inċident li jikkawża tfixkil. Il-fornitur ta' servizzi ta' rapportar tad-dejta għandu jistabbilixxi ħinijiet ta' rkupru massimi aċċettabbli għal funzjonijiet kritiċi li japplikaw fil-każ ta' inċident li jikkawża tfixkil, li għandhom jippermettu konformità mal-iskadenza għar-rapportar u l-iżvelar tal-informazzjoni.

    (8)

    Sabiex jiġi żgurat li l-fornitur ta' servizzi ta' rapportar tad-dejta jkun jista' jipprovdi s-servizzi tiegħu, huwa għandu jkun sottomess għal analiżi ta' liema funzjonijiet u attivitajiet ikunu kritiċi għall-provvista tas-servizzi tiegħu u ta' xenarji possibli li jistgħu jwasslu għal inċidenti li jikkawżaw tfixkil, inkluż li jittieħdu passi biex jipprevjenu u jnaqqsu dawk is-sitwazzjonijiet.

    (9)

    Meta jokkorri tfixkil fis-servizz, il-fornitur tar-rapportar tad-dejta għandu jinnotifika lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti, lil kull awtorità rilevanti kompetenti, lill-klijenti u lill-pubbliku, peress billi t-tfixkil jista' jfisser ukoll li dawk il-partijiet ma jkunux jistgħu jissodisfaw l-obbligi regolatorji tagħhom, bħall-obbligu li jkunu trażmessi rapporti ta' tranżazzjoni lil awtoritajiet kompetenti oħra jew li d-dettalji tat-tranżazzjonijiet eżegwiti jsiru pubbliċi. In-notifika għandha tippermetti lil dawk il-partijiet jagħmlu arranġamenti alternattivi biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom.

    (10)

    L-użu ta' kull aġġornament ta' sistemi tal-IT jista' jkollu impatt potenzjali fuq l-effikaċja u r-robustezza tas-sistemi li jintużaw għall-provvista tas-servizz tad-dejta. Sabiex jiġi evitat li l-operazzjoni tas-sistema tal-IT tkun f'xi ħin inkompatibbli mal-obbligi regolatorji tagħha, b'mod partikolari dik li jkollha mekkaniżmu ta' sigurtà san fis-seħħ imfassal biex jiggarantixxi s-sigurtà ta' mezzi ta' trasferiment ta' informazzjoni, jiġi mminimizzat ir-riskju tal-korruzzjoni tad-dejta u jiġi evitat il-kxif tal-informazzjoni qabel il-pubblikazzjoni, fornitur tas-servizzi tar-rapportar tad-dejta għandu jagħmel użu minn żvilupp indikat b'mod ċar u minn metodoloġiji tal-ittestjar biex jiġi żgurat li l-kontrolli tal-konformità u tal-immaniġġjar tar-riskju inkorporati fis-sistemi jaħdmu kif maħsub u li s-sistema tkun tista' tkompli taħdem b'mod effettiv fil-kundizzjonijiet kollha. Meta fornitur tas-servizzi ta' rapportar ta' dejta jwettaq tibdil sinifikanti fis-sistema, huwa għandu jinnotifika lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti u lill-awtoritajiet kompetenti l-oħra, meta jkun rilevanti, sabiex huma jkunu jistgħu jivvalutaw jekk l-aġġornament huwiex se jkollu impatt fuq is-sistemi tagħhom stess u jekk il-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni jibqgħux issodisfati.

    (11)

    Żvelar pubbliku prematur, fil-każ ta' rapporti tan-negozju, jew żvelar mhux awtorizzat fil-każ ta' rapporti ta' tranżazzjonijiet, jistgħu jipprovdu indikazzjoni ta' strateġija tan-negozjar jew jiżvelaw informazzjoni sensittiva bħall-identità tal-klijenti tal-fornitur tas-servizzi ta' rapportar tad-dejta. Għalhekk, il-kontrolli fiżiċi, bħal faċilitajiet illokkjati, u kontrolli elettroniċi inklużi firewalls u passwords għandhom jitqiegħdu fis-seħħ mill-fornitur ta' servizzi ta' rapportar ta' dejta biex jiżgura li persunal awtorizzat biss ikollu aċċess għad-dejta.

    (12)

    Ksur tas-sigurtà fiżika jew elettronika ta' fornituri ta' servizzi ta' rapportar tad-dejta huwa ta' theddida għall-kunfidenzjalità tad-dejta tal-klijent. Konsegwentement, meta tali ksur iseħħ, il-fornitur ta' servizzi ta' rapportar ta' dejta għandu jinnotifika minnufih lill-awtorità kompetenti rilevanti, kif ukoll lil kull klijent li seta' ġie affettwat mill-ksur. In-notifika lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti hija meħtieġa biex tippermetti lil dik l-awtorità kompetenti twettaq ir-responsabbiltajiet superviżorji attwali tagħha fir-rigward ta' jekk il-fornitur ta' servizzi ta' rapportar ta' dejta huwiex qed imantni mekkaniżmi ta' sigurtà sani b'mod xieraq biex jiggarantixxi s-sigurtà tal-informazzjoni u jimminimizza r-riskju tal-korruzzjoni tad-dejta u l-aċċess mhux awtorizzat. Awtoritajiet kompetenti oħra li għandhom interfaċċa teknika mal-fornitur tas-servizzi ta' rapportar tad-dejta għandhom jiġu notifikati wkoll peress li jistgħu jiġu affettwati b'mod ħażin, partikolarment meta l-ksur jirrelata mal-mezz ta' trasferiment ta' informazzjoni bejn il-fornitur tas-servizzi ta' rapportar tad-dejta u l-awtorità kompetenti.

    (13)

    Ditta ta' investiment li għandha obbligi ta' rapportar ta' tranżazzjonijiet, magħrufa bħala “ditta li tirrapporta”, tista' tagħżel li tuża parti terza biex tippreżenta rapporti ta' tranżazzjoni f'isimha lil ARM, li hija “ditta li tippreżenta”. Permezz tar-rwol tagħha, id-ditta li tippreżenta se jkollha aċċess għall-informazzjoni kunfidenzjali ppreżentata minnha. Madankollu, id-ditta li tippreżenta m'għandhiex tkun intitolata għal aċċess għal kull dejta oħra dwar it-tranżazzjonijiet tad-ditta li tirrapporta li huma miżmuma fl-ARM. Tali dejta tista' tkun marbuta ma' rapporti ta' tranżazzjonijiet li d-ditta li tirrapporta tkun ippreżentat hija stess lill-ARM jew li tkun bagħtet lil ditta li tippreżenta biex tibgħat lill-ARM. Din id-dejta għandha tkun aċċessibbli għad-ditta li tippreżenta peress li jista' jkun fiha informazzjoni kunfidenzjali bħall-identità tal-klijenti tad-ditta li tirrapporta.

    (14)

    Il-fornitur ta' servizzi ta' rapportar għandu jissorvelja li d-dejta li jkun qiegħed jippubblika jew jippreżenta tkun preċiża u kompluta u għandu jiżgura li jkollu mekkaniżmi għad-detezzjoni ta' żbalji jew omissjonijiet ikkawżati mill-klijenti jew minnu. Fil-każ ta' ARM, dan jista' jinkludi rikonċiljazzjonijiet ta' kampjun ta' popolazzjoni ta' dejta ppreżentata lill-ARM minn ditta ta' investiment jew iġġenerata mill-ARM f'isem id-ditta ta' investment flimkien mad-dejta rispettiva pprovduta mill-awtorità kompetenti. Il-frekwenza u l-estent ta' tali rikonċiljazzjonijiet għandha tkun proporzjonali mal-volum tad-dejta mmaniġġjata mill-ARM u proporzjonali ma' kemm qiegħda tiġġenera rapporti ta' tranżazzjonijiet mid-dejta tal-klijenti jew tgħaddi rapporti ta' tranżazzjonijiet kompluti mill-klijenti. Sabiex jiġi żgurat rapportar fil-ħin li jkun ħieles minn żbalji u omissjonijiet, l-ARM għandu jimmoniterja b'mod kontinwu l-prestazzjoni tas-sistemi tiegħu.

    (15)

    Meta l-ARM innifsu jikkawża żball jew omissjoni, huwa għandu jikkoreġi din l-informazzjoni mingħajr dewmien, kif ukoll jinnotifika lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti tiegħu u lil kull awtorità kompetenti li jippreżentalha rapporti, dwar l-iżball jew l-omissjoni peress li dawk l-awtoritajiet kompetenti għandhom interess fil-kwalità tad-dejta li tiġi ppreżentatha lilhom. L-ARM għandu jinnotifka wkoll lill-klijent dwar l-iżball jew l-ommissjoni u jipprovdi informazzjoni aġġornata lill-klijent sabiex ir-rekords interni tal-klijent ikunu allinjati mal-informazzjoni li l-ARM jippreżenta lill-awtorità kompetenti f'isem il-klijent.

    (16)

    L-APAs u s-CTPs għandhom ikunu jistgħu jħassru u jemendaw l-informazzjoni li jirċievu minn entità li tipprovdihom b'informazzjoni biex jindirizzaw is-sitwazzjonijiet fejn f'ċirkostanzi ta' eċċezzjoni, l-entità li tirrapporta tkun qed tesperjenza diffikultajiet tekniċi u ma tkunx tista tħassar jew temenda l-informazzjoni nnifisha. Madankollu, l-APAs u s-CTPs ma għandhomx ikunu responsabbli għall-korrezzjoni ta' informazzjoni li tinsab fir-rapporti ppubblikati meta l-iżball jew l-ommissjoni kien attribwibbli għall-entità li tipprovdi l-informazzjoni. Dan huwa dovut għall-fatt li l-APAs u s-CTPs ma jistgħux ikunu jafu b'ċertezza jekk żball jew ommissjoni perċepiti humiex filfatt inkorretti, peress li ma kinux parti min-negozju eżegwit.

    (17)

    Sabiex tkun iffaċilitata l-komunikazzjoni bejn APA u ditta tal-investiment li tirrapporta tranżazzjoni, partikolarment fir-rigward ta' kanċellazzjonijiet u emendi ta' tranżazzjonijiet speċifiċi, APA għandu jinkludi fil-messaġġi ta' konfermazzjoni lil ditti ta' investiment il-kodiċi ta' identifikazzjoni tat-tranżazzjoni li ġiet assenjata lill-APA meta l-informazzjoni ssir pubblika.

    (18)

    Sabiex ikun konformi mal-obbligu ta' rapportar skont ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), ARM għandu jiżgura l-fluss mexxej ta' informazzjoni lejn u mill-awtorità kompetenti, inkluż l-abbiltà ta' trasferiment ta' rapporti u li jindirizza r-rapporti rifjutati. L-ARM għandu, għalhekk, ikun jista' juri li jista' jkun konformi mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi stabbiliti mill-awtorità kompetenti rigward l-interfaċċa bejn l-ARM u l-awtorità kompetenti.

    (19)

    Fornitur tas-servizzi ta' rapportar tad-dejta għandu jiżgura wkoll li huwa jaħżen it-tranżazzjoni u l-informazzjoni tar-rapportar tan-negozju li huwa jimmaniġġja għal perjodu ta' żmien twil biżżejjed sabiex jiffaċilita l-irkupru ta' informazzjoni storika mill-awtoritajiet kompetenti. Fil-każ speċifiku ta' APAs u CTPs, huma għandhom jiżguraw li jistabbilixxu l-arranġamenti organizzazzjonali meħtieġa biex imantnu d-dejta għal tal-anqas il-perjodu speċifikat fir-Regolament (UE) Nru 600/2014 u li jkunu jistgħu jwieġbu għal kwalunkwe talba li jipprovdu servizzi regolati minn dan ir-Regolament.

    (20)

    Dan ir-Regolament jistabbilixxi għadd ta' servizzi addizzjonali li jistgħu jitwettqu minn CTP li jżidu l-effiċjenza tas-suq. Fid-dawl tal-iżviluppi possibbli tas-suq, ma jkunx xieraq li tkun ipprovduta lista komprensiva ta' servizzi addizzjonali li jista' jagħmel CTP. CTP għandu, għalhekk, jipprovdi servizzi ulterjuri li jmorru lil hinn mis-servizzi addizzjonali elenkati speċifikament f'dan ir-Regolament, sakemm dawk is-servizzi l-oħra ma joffru ebda riskju għall-indipendenza tas-CTP jew għall-kwalità tat-tejp ikkonsolidat.

    (21)

    Sabiex jiġi żgurat it-tixrid effiċjenti ta' informazzjoni li tiġi ppubblikata minn APAs u CTPs, u l-aċċess u l-użu faċli ta' tali informazzjoni minn parteċipanti tas-suq, l-informazzjoni għandha tiġi ppubblikata f'format li jinqara mill-magni permezz ta' kanali robusti li jippermettu aċċess awtomatiku għad-dejta. Filwaqt li l-websajts mhux dejjem joffru arkitettura li tkun robusta u skalabbli biżżejjed u li tippermetti aċċess awtomatiku faċli għad-dejta, dawn il-limiti teknoloġiċi jistgħu jingħelbu fil-futur. Ma għandhiex, għalhekk, tiġi preskritta teknoloġija partikolari, iżda għandhom jiġu stabbiliti kriterji li jeħtieġ li jiġu ssodisfati mit-teknoloġija li se tintuża.

    (22)

    Fir-rigward ta' strumenti ta' ekwità u strumenti li jixbhu lil dawk ta' ekwità, ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 ma jeskludix li ditti ta' investiment jippubblikaw it-tranżazzjonijiet tagħhom permezz ta' aktar minn APA wieħed. Madankollu, arranġament speċifiku għandu jkun fis-seħħ biex jippermetti lil partijiet interessati jikkonsolidaw l-informazzjoni tat-tranżazzjoni minn diversi APAs, b'mod partikolari CTPs, biex jiġu identifikati dawn it-tranżazzjonijiet duplikati potenzjali, peress li inkella l-istess tranżazzjoni tista' tkun ikkonsolidata diversi drabi, u ppubblikata repetutament mis-CTPs. Dan jista' jdgħajjef il-kwalità u l-utilità tat-tejp ikkonsolidat.

    (23)

    Meta tkun ippubblikata tranżazzjoni, l-APAs għandhom, għalhekk, jippubblikaw tranżazzjonijiet rapportati minn ditti ta' investiment billi jinkludu qasam ta' “ipprintjar mill-ġdid” li jindika jekk rapport huwiex duplikat. Sabiex jiġi permess approċċ li jkun newtrali f'termini tat-teknoloġija użata, jeħtieġ li jiġu pprovduti modi possibbli differenti li fihom l-APA jista' jidentifika d-duplikati.

    (24)

    Sabiex ikun żgurat li kull tranżazzjoni tkun inkluża darba biss fit-tejp ikkonsolidat, u għalhekk tissaħħaħ l-affidabilità tal-informazzjoni pprovduta, is-CTPs ma għandhomx jippubblikaw informazzjoni rigward tranżazzjoni ppubblikata minn APA li jiġi identifikat bħala duplikat.

    (25)

    L-APAs għandhom jippubblikaw informazzjoni dwar tranżazzjonijiet, inklużi l-kronogrammi rilevanti, bħaż-żmien meta t-tranżazzjonijiet ġew eżegwiti u ż-żmien meta ġew irrapportati t-tranżazzjonijiet. Barra minn hekk, il-granularità tal-kronogrammi għandha tirrifletti n-natura tas-sistema ta' negozjar li t-tranżazzjoni ġiet eżegwita fuqha. Għandha tkun ipprovduta aktar granularità meta tkun ippubblikata informazzjoni dwar tranżazzjonijiet eżegwiti f'sistemi elettroniċi milli dwar tranżazzjonijiet eżegwiti f'sistemi mhux elettroniċi.

    (26)

    Is-CTPs jistgħu jippubblikaw informazzjoni dwar strumenti ta' ekwità u mhux ta' ekwità. Minħabba r-rekwiżiti differenti għall-operazzjoni ta' dawk it-tejps, u b'mod partikolari l-ambitu usa' b'mod sinifikanti ta' strumenti finanzjarji koperti għal strumenti mhux ta' ekwità u l-applikazzjoni diferita tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/65/UE għat-tejp ikkonsolidat mhux tal-ekwità, dan ir-Regolament jispeċifika biss l-ambitu tal-informazzjoni tas-CTP dwar strumenti mhux ta' ekwità.

    (27)

    Id-dispożizzjonijiet f'dan ir-Regolament huma marbuta mill-qrib, peress li huma jindirizzaw l-awtorizzazzjoni, ir-rekwiżiti organizzazzjonali u l-pubblikazzjoni ta' tranżazzjonijiet għal fornituri ta' servizzi ta' rapportar tad-dejta. Biex tiġi żgurata koerenza bejn dawk id-dispożizzjonijiet, li għandhom jidħlu fis-seħħ fl-istess ħin, u tkun iffaċilitata perspettiva komprensiva minn partijiet kkonċernati u, b'mod partikolari dawk soġġetti għall-obbligi, huwa meħtieġ li dawn l-istandards tekniċi regolatorji jkunu inklużi f'Regolament wieħed.

    (28)

    Dan ir-Regolament jispeċifika r-rekwiżiti tal-pubblikazzjoni tad-dejta applikabbli għall-ATAs u l-CTPs. Sabiex jiġu żgurati prattiki konsistenti għall-pubblikazzjoni ta' informazzjoni fiċ-ċentri tan-negozjar kollha, l-APAs u s-CTPs u biex tkun iffaċilitata l-konsolidazzjoni tad-dejta mis-CTPs, dan ir-Regolament għandu japplika b'rabta mar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/587 (3) u r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/583 (4) fejn jiġu stabbiliti rekwiżiti dettaljati applikabbli għall-pubblikazzjoni ta' informazzjoni ta' tranżazzjonijiet.

    (29)

    Għal raġunijiet ta' konsistenza u sabiex ikun żgurat il-funzjonament bla xkiel tas-swieq finanzjarji, jeħtieġ li d-dispożizzjonijiet stabbiliti f'dan ir-Regolament u d-dispożizzjonijiet nazzjonali relatati li jittrasponu d-Direttiva 2014/65/UE japplikaw mill-istess data. Peress li l-Artikolu 65(2) tad-Direttiva 2014/65/UE japplika mit-3 ta' Settembru tas-sena wara s-sena ta' dħul fl-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, ċertu dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament għandhom japplikaw minn din id-data aktar tard.

    (30)

    Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-istandards tekniċi regolatorji abbozzati ppreżentati mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) lill-Kummissjoni.

    (31)

    L-ESMA għamlet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-istandards tekniċi regolatorji abbozzati li fuqhom huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat il-kosti u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq stabbilit bl-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5).

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    KAPITOLU I

    AWTORIZZAZZJONI

    (Artikolu 61(2) tad-Direttiva 2014/65/UE)

    Artikolu 1

    Informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti

    1.   Applikant li jipprova jikseb awtorizzazzjoni biex jipprovdi servizzi ta' rapportar tad-dejta għandu jippreżenta lill-awtorità kompetenti l-informazzjoni stabbilita fl-Artikoli 2, 3u 4 u l-informazzjoni rigward ir-rekwiżiti organizzazzjonali kollha stabbiliti fil-Kapitoli II and III.

    2.   Fornitur tas-servizzi ta' rapportar tad-dejta għandu jinforma minnufih lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti tiegħu dwar kull bidla materjali fl-informazzjoni pprovduta fiż-żmien tal-awtorizzazzjoni u warajha.

    Artikolu 2

    Informazzjoni dwar l-organizzazzjoni

    1.   Applikant li jfittex awtorizzazzjoni biex jipprovdi servizzi ta' rapportar tad-dejta għandu jinkludi programm ta' operazzjonijiet msemmi fl-Artikolu 61(2) tad-Direttiva 2014/65/UE fl-applikazzjoni tiegħu għall-awtorizzazzjoni. Il-programm ta' operazzjonijiet għandu jinkludi l-informazzjoni li ġejja:

    (a)

    informazzjoni dwar l-istruttura organizzazzjonali tal-applikant, inklużi ċart organizzazzjonali u deskrizzjoni tar-riżorsi umani, tekniċi u ġuridiċi allokati għall-attivitajiet kummerċjali tiegħu;

    (b)

    informazzjoni dwar il-politiki u l-proċeduri ta' konformità tal-fornitur tas-servizzi tar-rapportar tad-dejta, inkluż:

    (i)

    l-isem tal-persuna jew persuni responsabbli għall-approvazzjoni u l-manutenzjoni ta' dawk il-politiki;

    (ii)

    l-arranġamenti biex jiġu mmonitorjati u infurzati l-politiki u l-proċeduri ta' konformità;

    (iii)

    il-miżuri li għandhom jiġu meħuda f'każ ta' ksur li jista' jirriżulta f'nuqqas li jiġu ssodisfati l-kondizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni inizjali;

    (iv)

    deskrizzjoni tal-proċedura għar-rapportar lill-awtorità kompetenti ta' kull ksur li jista' jirriżulta f'nuqqas li jiġu ssodisfati l-kondizzzjonijiet għall-awtorizzazzjoni inizjali;

    (c)

    lista tal-funzjonijiet esternalizzati kollha u tar-riżorsi kollha allokati għall-kontroll tal-funzjonijiet esternalizzati;

    2.   Fornitur ta' servizzi tar-rapportar tad-dejta li joffri servizzi barra minn servizzi ta' rapportar tad-dejta għandu jiddeskrivi dawk is-servizzi fiċ-ċart organizzazzjonali.

    Artikolu 3

    Governanza korporattiva

    1.   Applikant li jipprova jikseb awtorizzazzjoni biex jipprovdi servizzi ta' rapportar tad-dejta għandu jinkludi fl-applikazzjoni tiegħu għal awtorizzazzjoni informazzjoni dwar il-politiki ta' governanza korporattiva interna u l-proċeduri li jirregolaw il-korp maniġerjali tiegħu, il-maniġment superjuri u, fejn ikun stabbilit, il-kumitati.

    2.   L-informazzjoni stabbilita fil-paragrafu 1 għandha tkun tinkludi:

    (a)

    deskrizzjoni tal-proċessi għall-għażla, il-ħatra, l-evalwazzjoni tal-prestazzjoni u t-tneħħija ta' maniġment superjuri u membri tal-korp maniġerjali;

    (b)

    deskrizzjoni tal-linji ta' rapportar u tal-frekwenza tar-rapportar lill-maniġment superjuri u lill-korp maniġerjali;

    (c)

    deskrizzjoni tal-politiki u l-proċeduri dwar l-aċċess għad-dokumenti minn membri tal-korp maniġjerali.

    Artikolu 4

    Informazzjoni dwar il-membri tal-korp maniġerjali

    1.   Applikant li jipprova jikseb awtorizzazzjoni biex jipprovdi servizzi ta' rapportar ta' dejta għandu jinkludi fl-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni tiegħu l-informazzjoni li ġejja fir-rigward ta' kull membru tal-korp maniġerjali:

    (a)

    l-isem, id-data u l-post tat-twelid, in-numru tal-identifikazzjoni nazzjonali personali jew ekwivalent tiegħu, l-indirizz u d-dettalji ta' kuntatt;

    (b)

    il-pożizzjoni li l-persuna nħatret/ħa tinħatar għaliha;

    (c)

    curriculum vitae li jagħti prova ta' esperjenza u għarfien suffiċjenti biex jitwettqu r-responsabbiltajiet b'mod adegwat;

    (d)

    rekords kriminali, speċjalment permezz ta' ċertifikat uffiċjali, jew, meta tali dokument ma jkunx disponibbli fl-Istat Membru rilevanti, awtodikjarazzjoni ta' reputazzjoni tajba u l-awtorizzazzjoni lill-awtorità kompetenti biex tinvestiga jekk il-membru ġiex akkużat b'reat kriminali inkonnessjoni mal-provvista ta' servizzi finanzjarji jew ta' dejta jew fir-rigward ta' atti ta' frodi jew ta' approprjazzjoni indebita;

    (e)

    awtodikjarazzjoni ta' reputazzjoni tajba u l-awtorizzazzjoni lill-awtorità kompetenti biex tinvestiga jekk il-membru:

    (i)

    kienx soġġett għal deċiżjoni negattiva fi kwalunkwe proċediment ta' natura dixxiplinarja mibdi minn awtorità regolatorja jew korp tal-gvern jew huwiex is-soġġett ta' kwalunkwe tali proċediment li mhuwiex konkluż;

    (ii)

    kienx soġġett għal sejba ġudizzjarja negattiva fi proċedimenti ċivili quddiem qorti f'konnessjoni mal-forniment ta' servizzi finanzjarji jew ta' dejta, jew imġiba ħażina jew frodi fl-immaniġġjar ta' negozju;

    (iii)

    kienx parti minn korp maniġjerali ta' impriża li kienet soġġetta għal deċiżjoni negattiva jew piena minn awtorità regolatorja jew li r-reġistrazzjoni jew l-awtorizzazzjoni tagħha ġiet irtirata mill-awtorità regolatorja;

    (iv)

    kienx miċħud id-dritt li jwettaq attivitajiet li jirrikjedu reġistrazzjoni jew awtorizzazzjoni mill-awtorità regolatorja;

    (v)

    kienx parti minn korp maniġerjali ta' impriża li saret insolventi jew ġiet likwidata filwaqt li l-persuna kellha tali pożizzjoni jew fi żmien sena wara li l-persuna waqfet milli jkollha tali pożizzjoni;

    (vi)

    kienx b'xi mod immultat, sospiż, skwalifikat, jew soġġett għal kwalunkwe sanzjoni oħra b'relazzjoni ma' frodi, miżapproprjazzjoni jew f'konnessjoni mal-forniment ta' servizzi finanzjarji jew ta' dejta, minn korp professjonali;

    (vii)

    kienx skwalifikat milli jaġixxi bħala direttur, skwalifikat milli jaġixxi fi kwalunkwe kapaċità maniġerjali, tkeċċiex mill-impjieg jew kariga oħra f'impriża b'konsegwenza ta' mġiba ħażina jew prattika ħażina;

    (f)

    Indikazzjoni taż-żmien minimu li għandu jiġi ddedikat għall-prestazzjoni tal-funzjonijiet ta' persuna fil-fornitur tas-servizzi ta' rapportar tad-dejta;

    (g)

    dikjarazzjoni ta' kull kunflitt ta' interess potenzjali li jista' jeżisti jew jirriżulta fit-twettiq tad-dmirijiet u kif jiġu mmaniġjati dawk il-kunflitti.

    KAPITOLU II

    REKWIŻITI ORGANIZZAZZJONALI

    (Artikoli 64(3), 64(4), 64(5), 65(4), 65(5), 65(6), 66(2), 66(3) u 66(4) tad-Direttiva 2014/65/UE)

    Artikolu 5

    Kunflitti ta' interess

    1.   Fornitur ta' servizzi ta' rapportar tad-dejta għandu jopera u jmantni arranġamenti amministrattivi effettivi, imfassla biex jipprevjenu kunflitti ta' interess mal-klijenti li juzaw is-servizzi tiegħu biex jissodisfaw l-obbligi regolatorji tagħhom u entitajiet oħra li jixtru dejta minn fornituri ta' servizzi ta' rapportar ta' dejta. Tali arranġamenti għandhom jinkludu politiki u proċeduri biex jiġu identifikati, immaniġġjati u żvelati kunflitti ta' interess attwali u potenzjali u għandhom jinkludu:

    (a)

    inventarju tal-kunflitti ta' interess attwali u potenzjali, li jistabbilixxi d-deskrizzjoni, l-identifikazzjoni, il-prevenzjoni, l-immaniġġjar u l-iżvelar tagħhom;

    (b)

    is-separazzjoni tal-obbligi u l-funzjonijiet kummerċjali fl-ambitu tal-fornitur tas-servizzi ta' rapportar tad-dejta, inklużi;

    (i)

    miżuri biex jipprevjenu jew jikkontrollaw l-iskambju ta' informazzjoni fejn jistgħu jirriżultaw kunflitti ta' interess;

    (ii)

    is-superviżjoni separata ta' persuni rilevanti li l-funzjonijiet ewlenin tagħhom jinvolvu interessi li jkunu potenzjalment f'kunflitt ma' dawk ta' klijent;

    (c)

    deskrizzjoni tal-politika tat-tariffi biex jiġu ddeterminati tariffi mitluba mill-fornitur tas-servizzi ta' rapportar tad-dejta u minn impriżi li l-fornitur tas-servizzi ta' rapportar tad-dejta jkollu rabtiet mill-qrib magħhom;

    (d)

    deskrizzjoni tal-politika ta' remunerazzjoni għall-membri tal-korp maniġerjali u l-maniġment superjuri;

    (e)

    ir-regoli rigward l-aċċettazzjoni ta' flus, rigali jew favuri minn persunal tal-fornitur tas-servizzi ta' rapportar tad-dejta u l-korp maniġerjali tiegħu.

    2.   L-inventarju tal-kunflitti ta' interess kif imsemmi fil-paragrafu 1(a) għandu jinkludi l-kunflitti ta' interess li jirriżultaw minn sitwazzjonijiet fejn il-fornitur tas-servizzi ta' rapportar tad-dejta:

    (a)

    jista' jikseb qligħ finanzjarju jew jevita telf finanzarju, għad-dannu ta' klijent;

    (b)

    jista' jkollu interess fl-eżitu ta' servizz ipprovdut lil klijent, li jkun distint mill-interess tal-klijent f'dak l-eżitu;

    (c)

    jista' jkollu inċentiv biex jagħti prijorità lill-interessi tiegħu jew lill-interess ta' klijent jew grupp ta' klijenti oħra minflok l-interess ta' klijent li ngħata s-servizz;

    (d)

    jirċievi jew jista' jirċievi minn persuna minbarra l-klijent, rigward is-servizz ipprovdut lil klijent, inċentiv fil-forma ta' flus, oġġetti jew servizzi, barra minn ħlasijiet jew tariffi rċevuti għas-servizz.

    Artikolu 6

    Rekwiżiti organizzazzjonali rigward l-esternalizzazzjoni

    1.   Meta fornitur ta' servizzi ta' rapportar tad-dejta jorganizza sabiex attivitajiet jitwettqu f'ismu minn partijiet terzi, inkluż impriżi li jkollu rabtiet mill-qrib magħhom, huwa għandu jiżgura li l-fornitur ta' servizz terz ikollu l-abbiltà u l-kapaċità li jwettaq l-attivitajiet b'mod affidabbli u professjonali.

    2.   Fornitur ta' servizzi ta' rapportar tad-dejta għandu jispeċifika liema attivitajiet għandhom jiġu esternalizzati, inkluż speċifikazzjoni tal-livell ta' riżorsi umani u tekniċi meħtieġa biex titwettaq kull attività minn dawn.

    3.   Fornitur ta' servizzi ta' rapportar tad-dejta li jesternalizza attivitajiet għandu jiżgura li l-esternalizzazzjoni ma tnaqqasx l-abbiltà jew is-setgħa tiegħu li jwettaq funzjonijiet ta' maniġment superjuri jew funzjonijiet ta' korp maniġerjali.

    4.   Fornitur ta' servizzi ta' rapportar tad-dejta għandu jibqa' responsabbli għal kull attività esternalizzata u jadotta miżuri organizzazzjonali biex jiżgura:

    (a)

    li jivvaluta jekk fornitur ta' servizz terz ikunx qed iwettaq attivitajiet esternalizzati b'mod effettiv u f'konformità mad-dritt applikabbli u mar-rekwiżiti regolatorji u jekk ikunx qiegħed jindirizza n-nuqqasijiet identifikati b'mod adegwat;

    (b)

    l-identifikazzjoni tar-riskji fir-rigward ta' attivitajiet esternalizzati u monitoraġġ perjodiku adegwat;

    (c)

    proċeduri ta' kontroll adegwati fir-rigward ta' attivitajiet esternalizzati, inkluż is-superviżjoni b'mod effettiv tal-attivitajiet u r-riskji fl-ambitu tal-fornitur tas-servizzi ta' rapportar tad-dejta;

    (d)

    kontinwità tal-operat adegwata tal-attivitajiet esternalizzati;

    Għall-finijiet tal-punt (d), il-fornitur ta' servizzi ta' rapportar tad-dejta għandu jakkwista informazzjoni dwar l-arranġamenti ta' kontinwità tal-operat tal-fornitur ta' servizz terz, jivvaluta l-kwalità tagħhom u, fejn meħtieġ, jitlob li jsir titjib.

    5.   Fornitur ta' servizzi tar-rapportar tad-dejta għandu jiżgura li fornitur ta' servizz terz jikkoopera mal-awtorità kompetenti tal-fornitur tas-servizzi tar-rapportar tad-dejta f'konnessjoni mal-attivitajiet esternalizzati.

    6.   Meta fornitur ta' servizzi ta' rapportar tad-dejta jesternalizza xi funzjoni kritika, huwa għandu jipprovdi lill-Istat Membru ospitanti tiegħu bi:

    (a)

    l-identifikazzjoni tal-fornitur ta' servizz terz;

    (b)

    il-miżuri u l-politiki organizzazzjonali fir-rigward tal-esternalizzazzjoni u tar-riskji imposti minnha, kif speċifikat fil-paragrafu 4;

    (c)

    rapporti interni jew esterni dwar l-attivitajiet esternalizzati.

    Għall-fini tal-ewwel subparagrafu 6, funzjoni għandha titqies bħala kritika jekk difett jew nuqqas fil-prestazzjoni tagħha jista' jkun ta' dannu materjali għat-tkomplija tal-konformità tal-fornitur tas-servizzi ta' rapportar tad-dejta mal-kondizzjonijiet u mal-obbligi tal-awtorizzazzjoni tiegħu jew mal-obbligi tiegħu skont id-Direttiva 2014/65/UE.

    Artikolu 7

    Kontinwità tal-operat u faċilitajiet ta' back-up

    1.   Fornitur ta' servizzi tar-rapportar tad-dejta għandu juża sistemi u faċilitajiet li huma adegwati u robusti biżżejjed biex jiżgura l-kontinwità u r-regolarità fil-prestazzjoni tas-servizzi pprovduti msemmija fid-Direttiva 2014/65/UE.

    2.   Fornitur ta' servizzi ta' rapportar tad-dejta għandu jwettaq rieżamijiet perjodiċi, tal-anqas darba f'sena, li jevalwaw l-infrastrutturi tekniċi tiegħu u l-politiki u l-proċeduri assoċjati, inkluż l-arranġamenti ta' kontinwità tal-operat. Fornitur ta' servizzi ta' rapportar tad-dejta għandu jirrimedja kull nuqqas identifikat waqt ir-rieżami.

    3.   Fornitur ta' servizzi ta' rapportar tad-dejta għandu jkollu fis-seħħ arranġamenti ta' kontinwità tal-operat effettivi biex jindirizza inċidenti li jfixklu, inkluż:

    (a)

    il-proċessi li huma kritiċi biex jiżguraw is-servizzi tal-fornitur ta' servizzi ta' rapportar tad-dejta, inklużi proċeduri eskalanti, attivitajiet esternalizzati rilevanti jew dipendenzi fuq fornituri esterni;

    (b)

    arranġamenti ta' kontinwità speċifiċi, li jkopru firxa adegwata ta' xenarji possibbli, f'terminu qasir u medju, inkluż fallimenti tas-sistemi, diżastri naturali, tfixkil fil-komunikazzjoni, telf ta' persunal prinċipali u nuqqas ta' abbiltà li jintuża l-bini użat normalment;

    (c)

    dupplikazzjoni ta' komponenti ta' ħardwer, li tpatti għal nuqqas ta' infrastruttura ta' back-up, inkluż konnettività ta' netwerk u ta' kanali ta' komunikazzjoni;

    (d)

    back-up ta' dejta kritika għall-operat u informazzjoni aġġornata tal-kuntatti meħtieġa, li jiżguraw komunikazzjoni fl-ambitu tal-fornitur tas-servizzi ta' rapportar tad-dejta u mal-klijenti;

    (e)

    il-proċeduri ta' ċaqliq ta' servizzi ta' rapportar tad-dejta lejn sit ta' back-up u t-tħaddim tagħhom;

    (f)

    iż-żmien ta' rkupru massimu mmirat lejn funzjonijiet kritiċi, li għandu jkun kemm jista' jkun qasir u f'kull każ mhux itwal minn sitt sigħat fil-każ ta' arranġamenti ta' pubblikazzjoni approvati (APAs) u fornituri ta' tejps ikkonsolidati (CTPs) u sakemm jintemm l-operat tal-jum tax-xogħol segwenti fil-każ ta' mekkaniżmi ta' rapportar approvati (approved reporting mechanisms, ARMs);

    (g)

    taħriġ tal-persunal dwar l-operazzjoni tal-arranġamenti ta' kontinwità tal-operat, ir-rwoli tal-individwi inklużi persunal ta' operazzjonijiet ta' sigurtà speċifiċi lesti biex jirreaġixxu immedjatament għal tfixkil ta' servizzi;

    4.   Fornitur ta' servizzi ta' rapportar tad-dejta għandu jistabbilixxi programm għal ittestjar perjodiku, rieżami u, fejn meħtieġ, modifikazzjoni tal-arranġamenti tal-kontinwità tal-operat.

    5.   Fornitur ta' servizzi ta' rapportar tad-dejta għandu jippubblika fuq is-sit web tiegħu u immedjatament jinforma lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti tiegħu u lill-klijenti tiegħu dwar kull interruzzjoni fis-servizz jew tfixkil ta' konnessjoni, kif ukoll iż-żmien stmat sabiex jerġa' jinbeda servizz regolari.

    6.   Fil-każ ta' ARMs, in-notifiki msemmija fil-paragrafu 5 għandhom jingħataw lil kull awtorità kompetenti li l-ARM jippreżenta rapporti ta' tranżazzjoni lilha.

    Artikolu 8

    Ittestjar u kapaċità

    1.   Fornitur ta' servizzi ta' rapportar tad-dejta għandu jimplimenta metodoloġiji ta' żvilupp u ta' ittestjar immarkati b'mod ċar, filwaqt li jiżgura li:

    (a)

    l-operazzjoni tas-sistemi tal-IT tissodisfa l-obbligi regolatorji tal-fornitur tas-servizzi ta' rapportar tad-dejta;

    (b)

    il-kontrolli tal-konformità tal-maniġjar tar-riskji inkorporati fis-sistemi tal-IT jaħdmu kif maħsub;

    (c)

    is-sistemi tal-IT ikunu jistgħu jkomplu jaħdmu b'mod effettiv fil-ħinijiet kollha.

    2.   Fornitur ta' servizzi ta' rapportar tad-dejta għandu juża wkoll il-metodoloġiji msemmija fil-paragrafu 1 qabel u wara l-użu ta' kull aġġornament tas-sistemi tal-IT.

    3.   Fornitur ta' servizzi ta' rapportar tad-dejta għandu jinnotifika immedjatament lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti tiegħu dwar kull bidla sinifikanti ppjanata fis-sistema tal-IT qabel l-implimentazzjoni tagħha.

    4.   Fil-każ ta' ARMs, in-notifiki msemmija fil-paragrafu 3 għandhom jingħataw lil kull awtorità kompetenti li l-ARM jippreżenta rapporti ta' tranżazzjoni lilha.

    5.   Fornitur ta' servizzi ta' rapportar tad-dejta għandu jistabbilixxi programm attwali għal rieżami perjodiku u, fejn ikun meħtieġ, modifikazzjoni tal-metodoloġiji tal-iżvilupp u tal-ittestjar.

    6.   Fornitur ta' servizzi ta' rapportar tad-dejta għandu jwettaq testijiet tal-istress perjodikament, tal-anqas fuq bażi annwali. Fornitur ta' servizzi ta' rapportar tad-dejta għandu jinkludi fix-xenarji negattivi tat-test tal-istress imġiba mhux mistennija ta' elementi kostitwenti kritiċi tas-sistemi u tal-linji ta' komunikazzjoni tiegħu. It-test tal-istress għandu jidentifika kif ħardwer, softwer u komunikazzjonijiet iwieġbu għal theddid potenzjal, filwaqt li jispeċifika sistemi li ma jistgħux ilaħħqu max-xenarji negattivi. Fornitur ta' servizzi ta' rapportar tad-dejta għandu jieħu miżuri biex jindirizza n-nuqqasijiet identifikati f'dawk is-sistemi.

    7.   Fornitur ta' servizzi ta' rapportar tad-dejta għandu:

    (a)

    ikollu kapaċità biżżejjed biex iwettaq il-funzjonijiet tiegħu mingħajr qtugħ ta' servizz jew nuqqasijiet, inkluż dejta nieqsa jew inkorretta;

    (b)

    ikollu skalabbiltà suffiċjenti biex jakkomoda mingħajr dewmien mhux dovut kull żieda fl-ammont ta' informazzjoni li tiġi pproċessata u fl-għadd ta' talbiet ta' aċċess mill-klijenti tiegħu.

    Artikolu 9

    Sigurtà

    1.   Fornitur ta' servizzi ta' rapportar tad-dejta għandu jistabbilixxi u jżomm proċeduri u arranġamenti għas-sigurtà fiżika u elettronika mfassla biex:

    (a)

    jipproteġu s-sistemi tal-IT tiegħu minn użu ħażin jew minn aċċess mhux awtorizzat;

    (b)

    jimminimizzaw ir-riskji ta' attakki kontra s-sistemi ta' informazzjoni kif iddefiniti fl-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2013/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6);

    (c)

    jipprevjenu l-iżvelar mhux awtorizzat ta' informazzjoni kunfidenzjali;

    (d)

    jiżguraw is-sigurtà u l-integrità tad-dejta.

    2.   Meta ditta ta' investiment (“ditta li tirrapporta”) tuża parti terza (“ditta li tippreżenta”) biex tippreżenta informazzjoni lil ARM f'isimha, l-ARM għandu jkollu l-proċeduri u l-arranġamenti fis-seħħ biex jiżgura li d-ditta li tippreżenta ma jkollhiex aċċess għal informazzjoni oħra dwar id-ditta li tirrapporta jew ippreżentata minnha lill-ARM, li setgħet intbagħtet mid-ditta ta' rapportar direttament lill-ARM jew permezz ta' ditta li tippreżenta oħra.

    3.   Fornitur ta' servizzi ta' rapportar tad-dejta għandu jistabbilixxi u jmantni miżuri u arranġamenti biex jidentifika mill-ewwel u jimmaniġġja r-riskji identifikati fil-paragrafu 1.

    4.   Fir-rigward tal-ksur fil-miżuri ta' sigurtà fiżika u elettronika msemmija fil-paragrafi 1, 2 u 3, fornitur ta' servizz ta' rapportar tad-dejta għandu immedjatament jinnotifika lill-:

    (a)

    l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti u jipprovdi rapport dwar l-inċident, li jindika n-natura tal-inċident, il-miżuri adottati biex jiġi indirizzat l-inċident u l-inizjattivi meħuda biex jipprevjenu inċidenti simili;

    (b)

    il-klijenti tagħha li setgħu ġew affettwati mill-ksur fis-sigurtà.

    5.   Fil-każ tal-ARMs, in-notifika msemmija fil-paragrafu 4(a) għandha ssir ukoll lil kull awtorità kompetenti oħra li l-ARM jippreżenta rapporti ta' tranżazzjoni lilha.

    Artikolu 10

    Maniġment ta' informazzjoni mhux kompluta jew potenzjalment żbaljata mill-APAs u mis-CTPs

    1.   L-APAs u s-CTPs għandhom jistabbilixxu u jmantnu arranġamenti adegwati biex jiżguraw li jippubblikaw b'mod eżatt ir-rapporti ta' negozjar riċevuti minn ditti tal-investiment u, fil-każ tas-CTPs, minn ċentri tan-negozjar u APAs, mingħajr ma huma stess jintroduċu xi żball jew iħallu informazzjoni barra u għandhom jikkoreġu informazzjoni meta huma stess ikunu kkawżaw l-iżball jew l-ommissjoni.

    2.   L-APAs u s-CTPs għandhom kontinwament jimmoniterjaw f'ħin reali l-prestazzjoni tas-sistemi tal-IT tagħhom, filwaqt li jiżguraw li r-rapporti ta' negozjar li rċevew ġew ippubblikati b'suċċess.

    3.   L-APAs u s-CTPs għandhom iwettqu rikonċiljazzjonijiet perjodiċi bejn ir-rapporti ta' negozjar li jirċievu u r-rapporti ta' negozjar li jippubblikaw, filwaqt li jivverifikaw il-pubblikazzjoni korretta tal-informazzjoni.

    4.   APA għandu jikkonferma l-irċevuta tar-rapport ta' negozjar lid-ditta tal-investiment li tirrapporta, inkluż il-kodiċi ta' identifikazzjoni tat-tranżazzjoni assenjat mill-APA. APA għandu jirreferi għall-kodiċi ta' identifikazzjoni tat-tranżazzjoni f'kull komunikazzjoni sussegwenti mad-ditta ta' rapportar fir-rigward ta' rapport ta' tranżazzjoni speċifiku.

    5.   APA għandu jistabbilixxi u tmantni arranġamenti adegwati biex tidentifika rapporti ta' negozjar li ma jkunux kompluti jew li jkun fihom informazzjoni li x'aktarx tkun żbaljata malli jiġu riċevuti. Dawn l-arranġamenti għandhom jinkludu avviżi awtomatizzati tal-prezz u tal-volum, filwaqt li jikkunsidraw:

    (a)

    is-settur u s-segment li fih jiġi nnegozjat l-istrument finanzjarju;

    (b)

    il-livelli ta' likwidità, inkluż livelli ta' negozjar storiċi;

    (c)

    valuri referenzjarji adegwati tal-prezz u tal-volum;

    (d)

    jekk ikun hemm bżonn, parametri oħra skont il-karatteristiċi tal-istrument finanzjarju.

    6.   Meta APA jiddetermina li rapport ta' negozjar li jirċievi jkun mhux komplut jew ikun fih informazzjoni li x'aktarx tkun żbaljata, huwa ma għandux jippubblika dak ir-rapport ta' negozjar u għandu javża immedjatament lid-ditta ta' investiment li tippreżenta r-rapport ta' negozjar.

    7.   F'ċirkostanzi ta' eċċezzjoni, l-APAs u s-CTPs għandhom iħassru u jemendaw informazzjoni f'rapport ta' negozjar meta jintalbu jagħmlu dan mill-entità li tipprovdi l-informazzjoni, meta dik l-entità ma tkunx tista' tħassar jew temenda l-informazzjoni tagħha stess għal raġunijiet tekniċi.

    8.   L-APAs għandhom jippubblikaw politiki diskrezzjonarji dwar il-kanċellazzjoni tal-informazzjoni u emendi fir-rapporti ta' negozjar li jistabbilixxu l-pieni li jistgħu jiġu imposti minn APAs fuq ditti tal-investiment li jipprovdu rapporti ta' negozjar fejn l-informazzjoni mhux kompluta jew żbaljata tkun wasslet għat-tħassir jew l-emenda ta' rapporti ta' negozjar.

    Artikolu 11

    Maniġjar ta' informazzjoni mhux kompluta jew potenzjalment żbaljata mill-ARMs

    1.   ARM għandu jistabbilixxi u jmantni arranġamenti adegwati biex tidentifika rapporti ta' tranżazzjoni li mhumiex kompluti jew li fihom żbalji ovvji kkawżati mill-klijenti. L-ARM għandha twettaq validazzjoni tar-rapporti ta' tranżazzjoni tar-rekwiżiti stabbiliti skont l-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 għal parti, format u kontenut ta' oqsma skont it-Tabella 1 tal-Anness I tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/590 (7).

    2.   ARM għandu jistabbilixxi u jmantni arranġamenti adegwati biex jidentifika rapporti ta' tranżazzjoni li fihom żbalji jew omissijonijiet ikkawżati mill-ARM innifisu u biex jikkoreġu, inkluż iħassru jew jemendaw, tali żbalji jew omissjonijiet. ARM għandu jwettaq validazzjoni għal parti, format u kontenut ta' oqsma skont it-Tabella 1 tal-Anness I tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/590.

    3.   ARM għandu jimmoniterja kontinwament f'ħin reali l-prestazzjoni tas-sistemi tiegħu filwaqt li jiżgura li rapport ta' tranżazzjoni li jkun irċeva jkun ġie rapportat b'suċċess lill-awtorità kompetenti skont l-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) Nru 600/2014.

    4.   ARM għandu jwettaq rikonċiljazzjonijiet perjodiċi, fuq talba tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti jew l-awtorità kompetenti li l-ARM jippreżenta rapporti ta' tranżazzjoni lilha, bejn l-informazzjoni li l-ARM jirċievi mill-klijent tiegħu jew jiġġenera f'isem il-klijent għal finijiet ta' rapportar ta' tranżazzjoni u kampjuni tad-dejta tal-informazzjoni pprovduta mill-awtorità kompetenti.

    5.   Kull korrezzjoni, inkluż kanċellazzjoni jew emenda ta' rapporti ta' tranżazzjoni, li ma tikkoreġix żbalji jew ommissjonijiet ikkawżati minn ARM, għandha ssir biss fuq talba ta' klijent u għal kull rapport ta' tranżazzjoni. Meta ARM jikkanċella jew jemenda rapport ta' tranżazzjoni fuq talba ta' klijent, huwa għandu jipprovdi rapport ta' tranżazzjoni aġġornat lill-klijent.

    6.   Meta ARM, qabel jippreżenta rapport ta' tranżazzjoni, jidentifika żball jew ommissjoni kkawżati minn klijent, huwa ma għandux jippreżenta dak ir-rapport ta' tranżazzjoni u għandu jinnotifika d-ditta tal-investiment dwar id-dettalji tal-iżball jew tal-omissjoni biex jiffaċilita lill-klijent li jippreżenta sett ikkoreġut ta' informazzjoni.

    7.   Meta ARM isir konxju ta' żbalji jew ommissjonijiet ikkawżati mill-ARM innifsu, huwa għandu jippreżenta immedjatament rapport korrett u komplut.

    8.   ARM għandu jinnotifka lill-klijent dwar id-dettalji tal-iżball jew tal-ommissjoni u jipprovdi rapport ta' tranżazzjoni aġġornat lill-klijent. ARM għandu wkoll jinnotifka immedjatament lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tiegħu u lill-awtorità kompetenti li l-ARM irrapporta r-rapport ta' tranżazzjoni lilha dwar l-iżball jew l-omissjoni.

    9.   Ir-rekwiżit li jiġu kkoreġuti jew ikkanċellati rapporti ta' tranżazzjoni żbaljati jew jiġu rrapportati tranżazzjonijiet maqbuża ma għandux jestendi għal żbalji jew omissjonijiet li jokkorru aktar minn ħames snin qabel id-data meta l-ARM sar konxju dwar tali żbalji jew omissjonijiet.

    Artikolu 12

    Konnettività tal-ARMs

    1.   ARM għandu jkollu fis-seħħ politiki, arranġamenti u kapaċitajiet tekniċi biex jikkonforma mal-ispeċifikazzjoni teknika għall-preżentazzjoni ta' rapporti ta' tranżazzjoni rikjesti mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti u mill-awtoritajiet kompetenti l-oħra li l-ARM jibgħat rapporti ta' tranżazzjoni lihom.

    2.   ARM għandu jkollu fis-seħħ politiki, arranġamenti u kapaċitajiet tekniċi biex jirċievi rapporti ta' tranżazzjoni minn klijenti u biex jittrażmetti informazzjoni lura lill-klijenti tiegħu. L-ARM għandu jipprovdi lill-klijenti b'kopja tar-rapport ta' tranżazzjoni li l-ARM ippreżenta lill-awtorità kompetenti f'isem il-klijent.

    Artikolu 13

    Servizzi oħra pprovduti minn CTPs

    1.   CTP jista' jipprovdi s-servizzi addizzjonali li ġejjin:

    (a)

    provvediment ta' dejta ta' trasparenza ta' qabel in-negozju;

    (b)

    provvediment ta' dejta storika;

    (c)

    provvediment ta' dejta ta' referenza;

    (d)

    provvediment ta' riċerka;

    (e)

    proċessar, distribuzzjoni u marketing ta' dejta u statistiki dwar strumenti finanzjarji, ċentri tan-negozjar, u dejta oħra relatata mas-suq;

    (f)

    diżinn, maniġment, manutenzjoni u marketing ta' softwer, ħardwer u netwerks fir-rigward tat-trażmissjoni tad-dejta u tal-informazzjoni.

    2.   CTP jista' jwettaq servizzi barra minn dawk speċifikati skont il-paragrafu 1 li jżidu l-effiċjenza tas-suq, sakemm tali servizzi ma joħolqu ebda riskju li jaffettwa l-kwalità tat-tejp ikkonsolidat jew l-indipendenza tas-CTP li ma jistax jiġi prevenut jew mitigat b'mod adegwat.

    KAPITOLU III

    ARRANĠAMENTI TA' PUBBLIKAZZJONI

    (Artikoli 64(1), 64(2) u 65(1) tad-Direttiva 2014/65/UE)

    Artikolu 14

    Kapaċità tal-qari tal-magni

    1.   L-APAs u s-CTPs għandhom jippubblikaw l-informazzjoni li għandha tiġi ppubblikata skont l-Artikoli 64(1) u 65(1) tad-Direttiva 2014/65/UE b'mod li jinqara mill-magni.

    2.   Is-CTPs għandhom jippubblikaw l-informazzjoni li għandha ssir skont l-Artikolu 65(2) tad-Direttiva 2014/65/UE b'mod li jinqara mill-magni.

    3.   L-informazzjoni għandha tiġi kkunsidrata ppubblikata b'mod li jinqara mill-magni biss meta jiġu ssodisfati l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

    (a)

    tkun f'format elettroniku mfassal li jinqara direttament u awtomatikament minn kompjuter;

    (b)

    tkun maħżuna f'arkitettura tal-IT adegwata skont l-Artikolu 8(7) li jippermetti aċċess awtomatiku;

    (c)

    tkun robusta biżżejjed biex tiżgura kontinwità u regolarità fil-prestazzjoni tas-servizzi pprovduti u tiżgura aċċess adegwat f'termini ta' veloċità;

    (d)

    tista' tiġi aċċessata, moqrija, użata u kkopjata minn softwer tal-kompjuter li jkun bla ħlas u disponibbli għall-pubbliku.

    Għall-finijiet tal-punt (a) tal-ewwel subparagrafu, il-format elettroniku għandu jiġi speċifikat skont standards bla ħlas, nonproprjetarji u miftuħa.

    4.   Għall-finijiet tal-paragrafu 3(a), il-format elettroniku għandu jinkludi t-tip ta' fajls jew messaġġi, ir-regoli biex dawn jiġu identifikati, u l-isem u t-tip ta' dejta tal-attributi li jkun fihom.

    5.   L-APAs u s-CTPs għandhom:

    (a)

    jagħtu struzzjonijiet disponibbli lill-pubbliku, filwaqt li jispjegaw kif u fejn wieħed jista' jaċċessa u juża d-dejta faċilment, inkluż l-identifikazzjoni tal-format elettroniku;

    (b)

    jippubblikaw kull bidla fl-istruzzjonijiet imsemmija fil-punt (a) tal-anqas tliet xhur qabel ma tidħol fis-seħħ, sakemm ma jkunx hemm ħtieġa urġenti u ġustifikata b'mod xieraq biex bidliet fl-istruzzjonijiet jieħdu effett aktar malajr;

    (c)

    tinkludi rabta mal-istruzzjonijiet imsemmija fil-punt (a) fil-homepage tas-sit web tagħhom.

    Artikolu 15

    Kamp ta' applikazzjoni tat-tejp ikkonsolidat għal ishma, riċevuti depożitorji, ETFs, ċertifikati u strumenti finanzjarji simili oħra

    1.   CTP għandu jinkludi fid-data stream elettronika tiegħu dejta li ssir pubblika skont l-Artikoli 6 u 20 tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 relatata mal-istrumenti finanzjarji kollha msemmija f'dawk l-Artikoli.

    2.   Meta APA ġdid jew ċentru tan-negozjar ġdid jibda jopera, CTP għandu jinkludi mill-aktar fis id-dejta ppubblikata minn dak l-APA jew ċentru tan-negozjar fid-data stream elettronika tat-tejp ikkonsolidat tagħha, u f'kull każ mhux aktar tard minn sitt xhur wara l-bidu tal-operazzjonijiet tal-APA jew taċ-ċentru tan-negozjar.

    Artikolu 16

    Identifikazzjoni ta' rapporti tan-negozju oriġinali u duplikattivi f'ishma, riċevuti depożitarji, ETFs, ċertifikati u strumenti finanzjarji simili oħra

    1.   Meta APA jippubblika rapport ta' negozju li jkun duplikat, huwa għandu jinserixxi l-kodiċi “DUPL” fil-parti ta' reprint biex jippermetti lir-riċevituri tad-dejta jagħmlu differenza bejn ir-rapport ta' negozju oriġinali u xi duplikat ta' dak ir-rapport.

    2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, APA għandu jirrikjedi li kull ditta tal-investiment tikkonforma ma' waħda mill-kondizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    li tiċċertifika li tirrapporta biss tranżazzjonijiet fi strument finanzjarju partikolari permezz ta' dak l-APA;

    (b)

    li tuża mekkaniżmu ta' identifikazzjoni li jimmarka rapport wieħed bħala l-oriġinali (“ORGN”), u lir-rapporti l-oħra kollha tal-istess tranżazzjoni bħala duplikati (“DUPL”).

    Artikolu 17

    Pubblikazzjoni ta' rapporti oriġinali f'ishma, riċevuti depożitarji, ETFs, ċertifikati u strumenti finanzarji simli

    CTP ma għandux jikkonsolida rapporti ta' negozju bil-kodiċi “DUPL” fil-parti tar-reprint.

    Artikolu 18

    Dettalji li għandhom jiġu ppubblikati mill-APA

    1.   APA għandu jippubblika:

    (a)

    għal tranżazzjonijiet eżegwiti fir-rigward ta' ishma, riċevuti depożitarji, fondi negozjati fil-borża (ETFs), ċertifikati u strumenti finanzjarji simili, id-dettalji ta' tranżazzjoni speċifikati fit-Tabella 2 tal-Anness I tar-Regolament Delegat (UE) 2017/587 u, juża l-marki adegwati elenkati fit-Tabella 3 tal-Anness I tar-Regolament Delegat (UE) 2017/587;

    (b)

    għal tranżazzjonijiet eżegwiti fir-rigward ta' bonds, prodotti finanzjarji strutturati, kwoti tal-emissjonijiet u derivattivi, id-dettalji ta' tranżazzjoni speċifikati fit-Tabella 1 tal-Anness II tar-Regolament Delegat (UE) 2017/583 u jużaw il-marki adegwati elenkati fit-Tabella 2 tal-Anness II tar-Regolament Delegat (UE) 2017/583.

    2.   Meta jippubblika l-informazzjoni dwar meta ġiet rapportata t-tranżazzjoni, APA għandu jinkludi d-data u l-ħin, sa kull sekonda, ta' meta jippubblika t-tranżazzjoni.

    3.   Permezz ta' deroga mill-paragrafu 2, APA li jippubblika informazzjoni rigward tranżazzjoni eżegwita f'sistema elettronika għandu jinkludi d-data u l-ħin, sa kull millisekonda, tal-pubblikazzjoni ta' dik it-tranżazzjoni fir-rapport ta' negozju tiegħu.

    4.   Għall-finijiet tal-paragrafu 3, “sistema elettronika” tfisser sistema fejn l-ordnijiet huma negozjabbli elettronikament jew fejn l-ordnijiet huma negozjabbli barra mis-sistema sakemm jiġu reklamati permezz tas-sistema msemmija.

    5.   Il-kronogrammi msemmija fil-paragrafi 2 u 3 ma għandhomx, rispettivament, jitbiegħdu b'aktar minn sekonda jew millisekonda mill-Ħin Universali Koordinat (UTC) maħruġ u mantnut minn wieħed miċ-ċentri tal-kronometraġġ elenkati fl-aħħar Rapport Annwali dwar Attivitajiet tal-Ħin tal-Bureau International des Poids et Mesures (BIPM).

    Artikolu 19

    Nondiskriminazzjoni

    APAs u CTPs għandhom jiżguraw li l-informazzjoni li għandha titqiegħed għall-pubbliku tintbagħat permezz tal-kanali ta' distribuzzjoni kollha fl-istess ħin, inkluż meta l-informazzjoni titqiegħed għall-pubbliku teknikament kemm jista' jkun qrib tal-ħin reali jew 15-il minuta wara l-ewwel pubblikazzjoni.

    Artikolu 20

    Dettalji li għandhom jiġu ppubblikati mis-CTP

    CTP għandu jippubblika:

    (a)

    għal tranżazzjonijiet eżegwiti fir-rigward ta' ishma, riċevuti depożitorji, ETFs, ċertifikati u strumenti finanzjarji simili oħra, id-dettalji ta' tranżazzjoni speċifikati fit-Tabella 2 tal-Anness I tar-Regolament Delegat ((UE) 2017/587 u juża l-marki adegwati elenkati fit-Tabella 3 tal-Anness I tar-Regolament Delegat (UE) 2017/587;

    (b)

    għal tranżazzjonijiet eżegwiti fir-rigward ta' bonds, prodotti finanzjarji strutturati, kwoti tal-emissjonijiet u derivattivi, id-dettalji ta' tranżazzjoni speċifikata fit-Tabella 1 tal-Anness II tar-Regolament Delegat (UE) 2017/583 u juża l-marki adegwati elenkati fit-Tabella 2 tal-Anness II tar-Regolament Delegat (UE) 2017/583.

    Artikolu 21

    Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

    Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Japplika mid-data li tidher l-ewwel fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 93(1) tad-Direttiva 2014/65/UE.

    Madankollu, l-Artikoli 14(2) u 20(b) japplikaw mill-ewwel jum tad-disa' xahar wara d-data ta' applikazzjoni tad-Direttiva 2014/65/UE.

    Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmula fi Brussell, it-2 ta' Ġunju 2016.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349.

    (2)  Ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 84).

    (3)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/587 tal-14 ta' Lulju 2016 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji fir-rigward ta' standards tekniċi regolatorji dwar rekwiżiti ta' trasparenza għall-ċentri tan-negozjar u ditti ta' investiment fir-rigward ta' ishma, irċevuti depożitarji, fondi nnegozjati fil-boroż, ċertifikati u strumenti finanzjarji simili oħrajn u dwar obbligi ta' eżekuzzjoni tat-tranżazzjoni fir-rigward ta' ċertu ishma f'ċentru tan-negozjar jew minn internalizzaturi sistematiċi (ara l-paġna 387 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

    (4)  Ir- Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/583 tal-14 ta' Lulju 2016 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji dwar rekwiżiti ta' trasparenza għal ċentri tan-negozjar u ditti ta' investiment fir-rigward tal-bonds, il-prodotti finanzjarji strutturati, il-kwoti ta' emissjonijiet u d-derivattivi (ara l-paġna 229 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

    (5)  Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).

    (6)  Id-Direttiva 2013/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Awwissu 2013 dwar attakki kontra s-sistemi tal-informazzjoni u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2005/222/ĠAI (ĠU L 218, 14.8.2013, p. 8),

    (7)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/590 tat-28 ta' Lulju 2016 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' standards tekniċi regolatorji għar-rapportar ta' tranżazzjonijiet lill-awtoritajiet kompetenti (ara l-paġna 449 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).


    Top