Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017R0218

    Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/218 tas-6 ta' Frar 2017 dwar ir-reġistru tal-flotta tas-sajd tal-Unjoni

    C/2017/0504

    ĠU L 34, 9.2.2017, p. 9–17 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2017/218/oj

    9.2.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 34/9


    REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/218

    tas-6 ta' Frar 2017

    dwar ir-reġistru tal-flotta tas-sajd tal-Unjoni

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 24(4) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-reġistru tal-flotta tas-sajd tal-Unjoni huwa għodda meħtieġa għall-implimentazzjoni tar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd. Dak ir-reġistru għandu jinkludi kull bastiment tas-sajd tal-Unjoni.

    (2)

    Attwalment ir-regoli li jiggvernaw ir-reġistri tal-flotta tas-sajd nazzjonali u r-reġistru tal-flotta tas-sajd tal-Unjoni huma stabbiliti fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 26/2004 (2).

    (3)

    L-Istati Membri għandhom jirreġistraw l-informazzjoni dwar is-sjieda, dwar il-karatteristiċi tal-bastiment u tal-irkaptu u dwar l-attività tal-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li jtajru l-bandiera tagħhom u għandhom jippreżentaw din l-informazzjoni lill-Kummissjoni b'konformità mal-Artikolu 24(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013. Il-Kummissjoni għandha żżomm reġistru tal-flotta tas-sajd tal-Unjoni bl-informazzjoni li tkun irċeviet mill-Istati Membri.

    (4)

    L-Istati Membri huma responsabbli għall-preċiżjoni tal-informazzjoni li tinsab fir-reġistru tal-flotta tas-sajd nazzjonali. Għalhekk l-Istati Membri għandhom jimmonitorjaw il-ħin kollu l-kwalità ta' tali informazzjoni, filwaqt li jiżguraw li din tiġi aġġornata regolarment u li tista' tiġi verifikata fi kwalunkwe ħin mill-Kummissjoni permezz ta' domandi speċifiċi.

    (5)

    L-ipproċessar ta' dejta personali inkluża fir-reġistri tal-flotta tas-sajd nazzjonali mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri huwa soġġett għar-regoli tad-dritt tal-Unjoni dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali u dwar il-moviment liberu ta' tali dejta, b'mod partikolari d-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), u għall-implimentazzjoni nazzjonali rilevanti. Il-karatteristiċi u l-immarkar esterni rreġistrati fir-reġistru miżmum minn kull Stat Membru għandhom jiġu speċifikati b'konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2930/86 (4) u r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 404/2011 (5).

    (6)

    Sabiex jiġu mmonitorjati l-attivitajiet tal-bastimenti bejn l-Istati Membri u biex tiġi żgurata l-konnessjoni inekwivokabbli bejn l-informazzjoni li tinsab fir-reġistru tal-flotta tas-sajd tal-Unjoni u d-dejta minn sistemi oħra ta' informazzjoni relatata ma' attivitajiet tas-sajd, jenħtieġ li jiġi allokat numru uniku ta' identifikazzjoni għal kull bastiment tas-sajd tal-Unjoni, li taħt l-ebda ċirkostanza ma jista' jiġi assenjat mill-ġdid jew jinbidel.

    (7)

    Biex tiġi żgurata l-applikazzjoni effettiva ta' dan ir-Regolament huwa xieraq li jiġu introdotti għodod u proċeduri ġodda sabiex tiġi simplifikata aktar il-ġestjoni tad-dejta bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni Ewropea u sabiex jiġi żgurat l-aċċess għal dejta aġġornata aktar ta' spiss.

    (8)

    Għall-ġestjoni tal-kapaċità tal-flotot tas-sajd u tal-attività tagħhom, ir-reġistru tal-flotta tas-sajd tal-Unjoni jenħtieġ li jkun disponibbli kollu kemm hu għall-Istati Membri u f'verżjoni ristretta għall-pubbliku. Din il-verżjoni ristretta jenħtieġ li teskludi dejta personali, sabiex tiġi protetta tali dejta, iżda għandha tinkludi l-identifikaturi tal-bastimenti tas-sajd għall-finijiet tat-tisħiħ tal-aċċess għall-informazzjoni u t-trasparenza tagħha għall-pubbliku.

    (9)

    L-ipproċessar ta' dejta personali fil-qafas ta' dan ir-Regolament mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni u l-aċċess mill-Istati Membri għall-informazzjoni fir-reġistru tal-flotta tas-sajd tal-Unjoni huwa soġġett għad-dritt tal-Unjoni dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali u dwar il-moviment liberu ta' tali dejta, b'mod partikolari r-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), b'mod partikolari fir-rigward tar-rekwiżiti tal-kunfidenzjalità u s-sigurtà tal-ipproċessar, it-trasferiment tad-dejta personali mis-sistemi nazzjonali tal-Istati Membri lill-Kummissjoni, il-legalità tal-ipproċessar, u d-drittijiet tas-suġġetti tad-dejta għall-informazzjoni, għall-aċċess għad-dejta personali tagħhom u r-rettifika ta' din id-dejta personali.

    (10)

    L-għodda l-ġdida għall-iskambji ta' dejta żviluppata mill-Kummissjoni jenħtieġ li tintuża għal kull skambju elettroniku ta' dejta.

    (11)

    Peress li l-Artikolu 24(2) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 jistipula li l-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni l-informazzjoni dwar is-sjieda u dwar il-karatteristiċi tal-bastiment u tal-irkaptu tal-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li jtajru l-bandiera tagħhom, dik id-dejta jenħtieġ li tiġi inkluża f'dan ir-Regolament.

    (12)

    Ir-Regolament (KE) Nru 26/2004 jenħtieġ li jitħassar.

    (13)

    L-Istati Membri jenħtieġ li jingħataw żmien biżżejjed biex jadattaw ir-reġistri nazzjonali tagħhom għar-rekwiżiti l-ġodda tad-dejta stabbiliti f'dan ir-Regolament.

    (14)

    Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma b'konformità mal-opinjoni tal-Kumitat għas-Sajd u l-Akkwakultura,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Suġġett

    Dan ir-Regolament:

    (a)

    jistabbilixxi l-obbligi tal-Kummissjoni biex jiġi stabbilit u jinżamm ir-reġistru tal-flotta tas-sajd tal-Unjoni;

    (b)

    jistabbilixxi l-obbligi tal-Istati Membri fir-rigward tal-ġbir u l-validazzjoni tad-dejta fir-reġistru tal-flotta tas-sajd nazzjonali tagħhom, kif ukoll fir-rigward tat-trażmissjoni ta' dik id-dejta lill-Kummissjoni;

    (c)

    jiddetermina l-informazzjoni minima dwar il-karatteristiċi u l-attività tal-bastiment li għandha tidher fir-reġistri tal-flotta tas-sajd nazzjonali.

    Artikolu 2

    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    “bastiment tas-sajd” tfisser kwalunkwe bastiment kif definit fl-Artikolu 4(1)(4) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013;

    (b)

    “bastiment tas-sajd tal-Unjoni” tfisser: bastiment tas-sajd kif definit fl-Artikolu 4(1)(5) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013;

    (c)

    “flotta tas-sajd tal-Unjoni” tfisser il-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni kollha li jtajru l-bandiera ta' Stat Membru u li huma rreġistrati fl-Unjoni;

    (d)

    “bastiment tal-akkwakultura” tfisser bastiment mgħammar esklużivament għall-ħsad, għat-trasport, għall-immaniġġar u/jew għall-ħatt l-art ta' prodotti tal-akkwakultura;

    (e)

    “avveniment” tfisser kwalunkwe dħul fil-flotta jew ħruġ minnha ta' bastiment, jew tibdil f'waħda mill-karatteristiċi tiegħu kif elenkati fl-Anness I;

    (f)

    “trażmissjoni” tfisser trasferiment diġitali ta' avveniment wieħed jew aktar bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni;

    (g)

    “saff tat-trażmissjoni” tfisser in-netwerk elettroniku għall-iskambji ta' dejta dwar is-sajd kif magħmula disponibbli mill-Kummissjoni għall-Istati Membri kollha u għall-korp maħtur minnha għall-iskambju ta' dejta b'mod standardizzat;

    (h)

    “data taċ-ċensiment” tfisser id-data li fiha l-ewwel avveniment ġie kkomunikat minn Stat Membru lill-Kummissjoni, kif stabbilit fl-Anness II;

    (i)

    “stampa” tfisser il-lista ta' avvenimenti rreġistrati għall-bastimenti fir-reġistru tal-flotta tas-sajd ta' Stat Membru f'perjodu ta' żmien definit;

    (j)

    “sid legali” tfisser kull persuna fiżika jew ġuridika li fuq id-dokumenti ta' reġistrazzjoni tal-bastiment tidher bħala li għandha t-titolu legali ta' sjieda tal-bastiment;

    (k)

    “operatur” tfisser persuna fiżika jew ġuridika kif definit fl-Artikolu 4(19) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 (7);

    (l)

    “numru tar-reġistru tal-flotta komuni (CFR)” tfisser in-numru uniku ta' identifikazzjoni tal-bastiment fil-flotta tas-sajd tal-Unjoni, irrispettivament minn kwalunkwe numru tal-flotta tas-sajd nazzjonali;

    (m)

    “dejta personali” tfisser kull informazzjoni relatata ma' persuna fiżika identifikata jew identifikabbli kif definit fl-Artikolu 2(a) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001;

    (n)

    “reġistru tal-flotta tas-sajd nazzjonali” tfisser ir-reġistru li kull Stat Membru jżomm tal-bastimenti tas-sajd kollha li jtajru l-bandiera tiegħu;

    (o)

    “reġistru tal-flotta tas-sajd tal-Unjoni” tfisser ir-reġistru, miżmum mill-Kummissjoni, li fih informazzjoni dwar kull bastiment tas-sajd tal-Unjoni;

    Artikolu 3

    Kamp ta' applikazzjoni

    Dan ir-Regolament għandu japplika għall-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni kollha minbarra għall-bastimenti tal-akkwakultura u għan-nases għat-tonna.

    Artikolu 4

    L-użu tar-reġistru tal-flotta tas-sajd tal-Unjoni

    Id-dejta mir-reġistru tal-flotta tas-sajd tal-Unjoni għandha tintuża għall-applikazzjoni tar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd.

    Artikolu 5

    Il-ġbir ta' dejta fir-reġistru tal-flotta tas-sajd nazzjonali

    Kull Stat Membru għandu jiġbor, jivvalida u jirreġistra d-dejta msemmija fl-Anness I fir-reġistru tal-flotta tas-sajd nazzjonali mingħajr dewmien.

    Artikolu 6

    Preżentazzjoni tad-dejta

    1.   L-Istati Membri għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni kwalunkwe avveniment li jirrigwarda lill-bastimenti tas-sajd imdaħħla fir-reġistru tal-flotta nazzjonali mhux aktar tard minn tmiem il-jum ta' xogħol ta' meta l-avveniment ikun ġie rreġistrat bis-sħiħ.

    2.   Jekk l-avveniment rilevanti huwa korrezzjoni ta' dejta preċedenti, l-avvenimenti kollha li jirrigwardaw dak il-bastiment mid-data taċ-ċensiment jew mill-ewwel dħul tiegħu fir-reġistru tal-flotta tas-sajd nazzjonali għandhom jiġu trażmessi lill-Kummissjoni.

    3.   Id-dejta tal-avveniment għandha tiġi ppreżentata lill-Kummissjoni b'konformità mal-Artikolu 9.

    4.   Il-Kummissjoni għandha tivverifika l-korrettezza tal-preżentazzjoni li tirċievi u għandha tirreġistra l-avveniment fir-reġistru tal-flotta tas-sajd tal-Unjoni jekk il-preżentazzjoni tikkonforma mar-rekwiżiti tal-Artikolu 9. F'każ kuntrarju l-preżentazzjoni għandha tiġi miċħuda. F'dak il-każ, il-Kummissjoni għandha tinnotifika l-osservazzjonijiet tagħha lill-Istat Membru, li għandu jagħmel it-tibdil meħtieġ fir-reġistru tal-flotta tas-sajd nazzjonali mhux aktar tard minn tlett ijiem ta' xogħol nazzjonali wara d-data tan-notifika mill-Kummissjoni.

    Artikolu 7

    Stampi

    1.   Fi kwalunkwe ħin, il-Kummissjoni tista' titlob stampa lil kwalunkwe Stat Membru.

    2.   Il-ħolqien ta' stampa għandu jkun kompletament awtomatizzat.

    3.   Id-dejta għandha tiġi ppreżentata lill-Kummissjoni b'konformità mal-Artikolu 9.

    4.   Il-Kummissjoni għandha tivverifika l-korrettezza tal-istampa li tirċievi u għandha tissostitwixxi d-dejta tal-bastiment li tinsab fir-reġistru tal-flotta tas-sajd tal-Unjoni, jekk il-preżentazzjoni tikkonforma mar-rekwiżiti tal-Artikolu 9. F'każ kuntrarju, l-istampa għandha tiġi miċħuda. F'dak il-każ il-Kummissjoni għandha tinnotifika l-osservazzjonijiet tagħha lill-Istat Membru, li għandu jagħmel it-tibdil meħtieġ fir-reġistru tal-flotta tas-sajd nazzjonali mhux aktar tard minn ħamest ijiem ta' xogħol nazzjonali wara d-data tan-notifika mill-Kummissjoni.

    Artikolu 8

    Numru tar-Reġistru tal-Flotta Komuni

    1.   L-Istati Membri għandhom jassenjaw numru tar-Reġistru tal-Flotta Komuni (CFR) għal kwalunkwe bastiment tas-sajd li jidħol fil-flotta tas-sajd tal-Unjoni għall-ewwel darba.

    2.   In-numru tas-CFR ma għandux jinbidel matul il-perjodu li fih il-bastiment tas-sajd jappartjeni għall-flotta tas-sajd tal-Unjoni, anke jekk il-bastiment jiġi trasferit lejn Stat Membru ieħor.

    3.   In-numru tas-CFR ma għandux jiġi assenjat mill-ġdid lil bastiment ieħor. Jekk bastiment tas-sajd jiġi esportat barra mill-Unjoni u jiġi importat mill-ġdid fi Stat Membru, il-bastiment tas-sajd għandu jerġa' jingħata l-istess numru tas-CFR.

    4.   In-numru tas-CFR għandu jiġi inkluż fit-trażmissjonijiet kollha tad-dejta bejn l-Istat Membru u l-Kummissjoni fir-rigward tal-bastiment tas-sajd.

    Artikolu 9

    L-istandards għall-iskambju ta' dejta bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri

    1.   Id-dejta għandha tiġi trażmessa bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri abbażi tal-istandards taċ-Ċentru tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Iffaċilitar tal-Kummerċ u għan-Negozju Elettroniku (UN/CEFACT), li huma disponibbli fuq il-paġna tar-Reġistru tad-Dejta Ewlenija tas-sit web dwar is-Sajd tal-Kummissjoni Ewropea.

    2.   Kull trażmissjoni għandha tkun kompletament awtomatizzata u immedjata, bl-użu tas-saff tat-trażmissjoni.

    3.   L-Istati Membri għandhom jużaw id-dokument ta' implimentazzjoni disponibbli fuq is-sit web dwar is-Sajd tal-Kummissjoni Ewropea, id-Dokument ta' Implimentazzjoni tal-Bastimenti FLUX, sabiex jiġi żgurat l-iskambju ta' messaġġi.

    4.   L-emendi tal-istandards u tad-dokument ta' implimentazzjoni għandha tiddeċiedi dwarhom il-Kummissjoni flimkien mal-Istati Membri.

    Artikolu 10

    Aċċess għad-dejta tal-bastiment

    1.   L-Istati Membri għandu jkollhom aċċess għall-informazzjoni li tinsab fir-reġistru tal-flotta tas-sajd tal-Unjoni. Dan l-aċċess jista' jingħata permezz ta' interfaċċa tal-utent ta' applikazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni jew permezz ta' servizz tal-Internet.

    2.   Il-pubbliku għandu jkollu aċċess għal verżjoni ristretta tar-reġistru tal-flotta tas-sajd tal-Unjoni li ma għandhiex tinkludi dejta personali.

    Artikolu 11

    Dejta personali

    L-ipproċessar, il-ġestjoni u l-użu ta' dejta miġbura skont dan ir-Regolament li fihom dejta personali għandhom jikkonformaw mad-Direttiva 95/46/KE u mar-Regolament (KE) Nru 45/2001.

    Artikolu 12

    Tħassir

    Ir-Regolament (KE) Nru 26/2004 jitħassar.

    Artikolu 13

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-1 ta' Frar 2018.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, is-6 ta' Frar 2017.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22.

    (2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 26/2004 tat-30 ta' Diċembru 2003 dwar ir-reġistru tal-flotta tas-sajd tal-Komunità (ĠU L 5, 9.1.2004, p. 25).

    (3)  Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31).

    (4)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2930/86 tat-22 ta' Settembru 1986 li jiddefinixxi l-karatteristiċi tad-dgħajjes tas-sajd (ĠU L 274, 25.9.1986, p. 1).

    (5)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 404/2011 tat-8 ta' April 2011 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta' kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd (ĠU L 112, 30.4.2011, p. 1).

    (6)  Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).

    (7)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta' Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta' kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1).


    ANNESS I

    Definizzjoni tad-dejta u deskrizzjoni ta' reġistrazzjoni

    Isem tad-dejta

    Definizzjoni u kummenti

    Obbligatorju (C)/Obbligatorju jekk (CIF)/Fakultattiv (O) (7)

    Pajjiż ta' reġistrazzjoni

    L-Istat Membru li fih il-bastiment huwa rreġistrat għas-sajd skont ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013

    Dejjem l-Istati Membri li qed jirrapportaw — il-kodiċi (6)

    C

    CFR

    In-numru uniku ta' identifikazzjoni ta' bastiment tas-sajd fl-Unjoni

    Il-kodiċi ISO-3 tal-Istat Membru segwit minn serje ta' identifikazzjoni (disa' karattri). Meta serje jkollha inqas minn disa' karattri, għandhom jiddaħħlu żeri addizzjonali fuq in-naħa tax-xellug

    C

    UVI

    L-Identifikatur Uniku tal-Bastiment (in-numru tal-OMI) skont ir-Regolament (UE) Nru 404/2011

    CIF

    Avveniment

    Il-kodiċi (6) li jidentifika t-tip ta' avveniment irrapportat

    C

    Data tal-avveniment (1)

    Id-data ta' meta seħħ l-avveniment

    C

    Numru ta' reġistrazzjoni

    In-numru ta' reġistrazzjoni mogħti mill-Istat Membru

    O

    Immarkar estern

    Skont ir-Regolament (UE) Nru 404/2011

    CIF

    Isem il-bastiment

    L-isem tal-bastiment tas-sajd irreġistrat fir-reġistru nazzjonali

    C

    Post tar-reġistrazzjoni

    Il-kodiċi (6) li jidentifika l-post (primarjament port) fejn huwa rreġistrat il-bastiment

    CIF

    IRCS

    Is-sinjal internazzjonali tas-sejħa bir-radju

    CIF

    Indikatur tal-IRCS

    Bastiment b'radju internazzjonali abbord — il-kodiċi (6)

    C

    Indikatur tal-liċenzja

    Bastiment b'liċenzja tas-sajd skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 u l-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) Nru 404/2011 — il-kodiċi (6)

    CIF

    Indikatur tal-VMS

    Sistema ta' Monitoraġġ tal-Bastimenti — il-kodiċi (6).

    Il-bastiment b'sistema ta' monitoraġġ abbażi ta' satellita skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 u l-Artikoli 18-28 tar-Regolament (UE) Nru 404/2011

    CIF

    Indikatur tal-ERS

    Il-bastiment b'Sistema ta' Rappurtar Elettroniku (ġurnal ta' abbord) skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 u l-Artikoli 29 u skont ir-Regolament (UE) Nru 404/2011 — il-kodiċi (6)

    CIF

    Indikatur tal-AIS

    Bastiment b'Sistema Awtomatika ta' Identifikazzjoni skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 — il-kodiċi (6)

    CIF

    MMSI

    Indentità tas-Servizz Mobbli Marittimu

    O

    Tip ta' bastiment

    Skont il-Klassifika Statistika Standard Internazzjonali tal-Bastimenti tas-Sajd (ISSCFV) — il-kodiċi (6)

    CIF

    Irkaptu prinċipali (2)

    Skont il-Klassifika Statistika Standard Internazzjonali tal-Irkaptu (ISSCFCG) — il-kodiċi (6)

    C

    Irkaptu sussidjarju (3)

    Skont il-Klassifika Statistika Standard Internazzjonali tal-Irkaptu (ISSCFCG) — il-kodiċi (6)

    C

    LOA

    It-Tul Kollu f'metri, definit skont ir-Regolament (KEE) Nru 2930/86

    CIF

    LBP

    It-Tul ta' Bejn il-Perpendikulari f'metri, definit skont ir-Regolament (KEE) Nru 2930/86

    CIF

    Tunnellaġġ GT

    F'GT, skont ir-Regolament (KEE) Nru 2930/86

    CIF

    Tunnellaġġ ieħor

    F'tunnellati skont il-Konvenzjoni ta' Oslo jew skont definizzjoni li għandha tiġi stabbilita mill-Istati Membri

    CIF

    GTs

    F'GT, żieda fit-tunnellaġġ permess għal raġunijiet ta' sikurezza (id-dejta storika).

    CIF

    Qawwa tal-magna prinċipali

    F'kW, skont ir-Regolament (KEE) Nru 2930/86

    C

    Qawwa tal-magna awżiljarja

    F'kW. Tinkludi l-qawwa tal-magna stallata kollha mhux inkluża taħt l-intestatura “Qawwa tal-magna prinċipali”

    C

    Materjal tal-buq

    Il-materjal tal-buq — il-kodiċi (6)

    C

    Data tal-bidu tas-servizz

    Skont ir-Regolament (KEE) Nru 2930/86

    C

    Segment

    Il-kodiċi (6)

    C

    Pajjiż tal-importazzjoni/tal-esportazzjoni

    Il-kodiċi (6)

    CIF

    Tip ta' esportazzjoni

    Il-kodiċi (6)

    CIF

    Għajnuna pubblika

    Il-kodiċi (6)

    CIF

    Data tal-kostruzzjoni

    Id-data ta' meta bdiet il-kostruzzjoni.

    CIF

    Għall-kuntatti/għas-sid legali (4)

    Isem

    Persuna fiżika: kunjom, isem

    Persuna ġuridika: isem

    CIF

     

    Indikatur tal-Persuna Ġuridika

    “Y” għal persuna ġuridika, “N” għal persuna fiżika — il-kodiċi (6)

    O

     

    Triq (5)

    L-isem tat-triq u l-kaxxa postali

    CIF

     

    Kaxxa postali (5)

    Il-kaxxa postali

    O

     

    Belt (5)

    L-isem tal-belt

    O

     

    Kodiċi postali (5)

    Il-kodiċi postali

    O

     

    Pajjiż (5)

    Il-pajjiż — il-kodiċi (6)

    O

     

    Numru tat-telefown

    In-numru internazzjonali tat-telefown:

    O

     

    Numru tal-faks

    In-numru internazzjonali tal-faks:

    O

     

    Indirizz tal-posta elettronika

    L-indirizz tal-posta elettronika

    O

     

    Nazzjonalità

    In-nazzjonalità tal-kuntatt — il-kodiċi (6)

    O

     

    Identifikatur tal-kumpanija tal-OMI

    In-numru uniku ta' identifikazzjoni tal-kumpanija u tas-sid legali rreġistrat tal-OMI

    O

    Għall-kuntatti/għall-operatur (4)

    Isem

    Persuna fiżika: kunjom, isem

    Persuna ġuridika: isem

    CIF

     

    Indikatur tal-Persuna Ġuridika

    “Y” għal persuna ġuridika, “N” għal persuna fiżika — il-kodiċi (6)

    O

     

    Triq (5)

    L-isem tat-triq u l-kaxxa postali

    CIF

     

    Kaxxa postali (5)

    Il-kaxxa postali

    O

     

    Belt (5)

    L-isem tal-belt

    O

     

    Kodiċi postali (5)

    Il-kodiċi postali

    O

     

    Pajjiż (5)

    Il-pajjiż — il-kodiċi (6)

    O

     

    Numru tat-telefown

    In-numru internazzjonali tat-telefown:

    O

     

    Numru tal-faks

    In-numru internazzjonali tal-faks:

    O

     

    Indirizz tal-posta elettronika

    L-indirizz tal-posta elettronika

    O

     

    Nazzjonalità

    In-nazzjonalità tal-kuntatt — il-kodiċi (6)

    O

     

    Identifikatur tal-kumpanija tal-OMI

    In-numru uniku ta' identifikazzjoni tal-kumpanija u tas-sid legali rreġistrat tal-OMI

    O


    (1)  Fil-każ ta' ċensiment tal-flotta, din hija d-data taċ-ċensiment fl-Istat Membru (l-Anness II). Għat-tipi l-oħra kollha ta' avveniment, id-data tad-dokument uffiċjali ta' reġistrazzjoni tal-avveniment għandha tiġi notifikata.

    (2)  L-irkaptu meqjus bħala li jintuża l-aktar ta' spiss abbord il-bastiment għal perjodu tas-sajd ta' sena jew għal kampanja tas-sajd.

    (3)  Jistgħu jiġu ddikjarati sa ħames irkapti.

    (4)  Jistgħu jiġu rreġistrati sa ħames kuntatti.

    (5)  L-indirizz ibbażat fuq it-triq, il-kaxxa postali, il-belt, il-kodiċi postali u l-pajjiż għandu jkun ċar biżżejjed biex il-kuntatt tal-flotta jista' jiġi kkuntattjat.

    (6)  Il-kodiċijiet (jew referenzi xierqa) huma elenkati fir-Reġistru tad-Dejta Ewlieni (MDR) tas-sit web dwar is-Sajd tal-Kummissjoni: https://ec.europa.eu/fisheries/cfp/control/codes_mt

    (7)  Ir-regoli dettaljati jinsabu fid-Dokument ta' Implimentazzjoni tal-Bastiment fir-Reġistru tad-Dejta Ewlieni (MDR) tas-sit web dwar is-Sajd tal-Kummissjoni: https://ec.europa.eu/fisheries/cfp/control/codes_mt


    ANNESS II

    Data taċ-ċensiment stabbilita skont il-pajjiż

    BEL, DNK, FRA, GBR, PRT

    1.1.1989

    NLD

    1.9.1989

    DEU, ESP

    1.1.1990

    IRL

    1.10.1990

    ITA

    1.1.1991

    GRC

    1.7.1991

    SWE, FIN

    1.1.1995

    CYP, EST, LTU, LVA, MT, POL, SVN

    1.5.2004

    BGR, ROM

    1.1.2007

    HRV

    1.7.2013

    Stati Membri li ssieħbu wara l-1 ta' Lulju 2013

    Id-data tal-adeżjoni

    FRA — Mayotte

    Kwalunkwe dati mill-1 ta' Jannar 2014 'il quddiem (1)


    (1)  Skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1385/2013 tas-17 ta' Diċembru 2013 li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 850/98 u (KE) Nru 1224/2009, u r-Regolamenti (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1379/2013 u (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, wara l-emenda tal-istatus tal-Majott fir-rigward tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 86).


    Top