This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32012L0029
Directive 2012/29/EU of the European Parliament and of the Council of 25 October 2012 establishing minimum standards on the rights, support and protection of victims of crime, and replacing Council Framework Decision 2001/220/JHA
Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 25 ta' Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/ĠAI
Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 25 ta' Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/ĠAI
ĠU L 315, 14.11.2012, p. 57–73
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(HR)
In force
14.11.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 315/57 |
DIRETTIVA 2012/29/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tal-25 ta' Ottubru 2012
li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/ĠAI
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 82(2) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-Parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (3),
Billi:
(1) |
L-Unjoni stipulat għaliha stess l-objettiv li żżomm u tiżviluppa żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja msejsa fuq il-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku ta' deċiżjonijiet ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili u kriminali. |
(2) |
L-Unjoni hija impenjata għall-protezzjoni ta', u għat-twaqqif ta' standards minimi fir-rigward tal-vittmi ta' atti kriminali u l-Kunsill adotta id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/ĠAI tal-15 ta' Marzu 2001 dwar il-pożizzjoni tal-vittmi fil-proċedimenti kriminali (4). Skont il-Progamm ta’ Stokkolma - Ewropa miftuħa u sigura għas-servizz u l-protezzjoni taċ-ċittadini (5), li ġie adottat mill-Kunsill Ewropew fil-laqgħa tiegħu tal-10 u tal-11 ta’ Diċembru 2009, il-Kummissjoni u l-Istati Membri ġew mitluba jeżaminaw kif se jiġu mtejba l-leġislazzjoni u l-miżuri prattiċi ta’ appoġġ għall-protezzjoni tal-vittmi, b'attenzjoni speċjali għas-sostenn u r-rikonoxximent tal-vittmi kollha, inkluż għall-vittmi tat-terroriżmu, bħala prijorità. |
(3) |
L-Artikolu 82(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi l-istabbiliment tar-regoli minimi applikabbli fl-Istati Membri sabiex ikunu ffaċilitati r-rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi u ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji u l-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali ta’ natura transkonfinali, b'mod partikolari fir-rigward tad-drittijiet tal-vittimi tal-kriminalità. |
(4) |
Fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Ġunju 2011 dwar Pjan direzzjonali biex jiġu msaħħa d-drittijiet u l-protezzjoni tal-vittmi b'mod partikolari fi proċedimenti kriminali (6), (“il-Pjan Direzzjonali ta' Budapest”) il-Kunsill iddikjara li għandha tittieħed azzjoni fil-livell tal-Unjoni sabiex jissaħħu d-drittijiet ta', l-appoġġ għal u l-protezzjoni tal-vittimi tal-kriminalità. Għal dan il-għan u f'konformità ma' dik ir-riżoluzzjoni, din id-Direttiva għandha l-għan li tirrevedi u tissupplimenta l-prinċipji stipulati fid-Deċiżjoni Qafas 2001/220/ĠAI u li jittieħdu passi 'l quddiem sinifikanti fil-livell tal-protezzjoni tal-vittmi fl-UE kollha, b'mod partikolari fil-qafas tal-proċedimenti kriminali. |
(5) |
Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta’ Novembru 2009 dwar l-eliminazzjoni tal-vjolenza fuq in-nisa (7) appellat lill-Istati Membri biex itejbu l-liġijiet u l-politiki nazzjonali tagħhom biex jiġu miġġielda l-forom kollha ta' vjolenza fuq in-nisa u biex jaġixxu bil-ħsieb li jingħelbu r-raġunijiet tal-vjolenza fuq in-nisa, billi jadottaw b'mod partikolari miżuri preventivi, u appella lill-Unjoni biex tiggarantixxi d-dritt għall-għajnuna u l-appoġġ għall-vittmi kollha tal-vjolenza. |
(6) |
Fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' April 2011 dwar prijoritajiet u punti prinċipali ta' qafas politiku ġdid tal-UE rigward il-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa (8) il-Parlament Ewropew ippropona strateġija għall-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa, il-vjolenza domestika u l-mutilazzjoni ġenitali femminili bħala bażi għal strumenti leġislattivi tad-dritt kriminali futuri kontra l-vjolenza abbażi tas-sessi, inkluż qafas għall-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa (politika, prevenzjoni, protezzjoni, prosekuzzjoni, proviżjoni u sħubija) li għandu jiġi segwit minn pjan ta' azzjoni tal-Unjoni. Ir-regolamentazzjoni internazzjonali f'dan il-qasam tinkludi l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW) adottata fit-18 ta' Diċembru 1979, ir-rakkomandazzjonijiet u d-deċiżjonijiet tal-Kumitat CEDAW, u l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda Kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika adottata fis-7 ta' April 2011. |
(7) |
Id-Direttiva 2011/99/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 2011 dwar l-ordni Ewropea ta' protezzjoni (9) tistabbilixxi mekkaniżmu għar-rikonoxximent reċiproku tal-miżuri ta' protezzjoni f'materji kriminali bejn l-Istati Membri. Id-Direttiva 2011/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' April 2011 dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu (10) u d-Direttiva 2011/93/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 2011 dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija (11) jindirizzaw, inter alia, il-ħtiġijiet speċifiċi tal-kategoriji partikolari tal-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin, l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal,il-pedopornografija. |
(8) |
Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/475/ĠAI tat-13 ta' Ġunju 2002 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu (12), tirrikonoxxi li t-terroriżmu jikkostitwixxi wieħed mill-akbar vjolazzonijiet tal-prinċipji li fuqhom hija bbażata l-Unjoni, inkluż il-prinċipju tad-demokrazija u tikkonferma illi huwa jikkostitwixxi, inter alia, theddida għall-eżerċizzju ħieles tad-drittijiet tal-bniedem. |
(9) |
Il-kriminalità hija dannu kontra s-soċjetà kif ukoll ksur tad-drittijiet individwali tal-vittmi. Għalhekk, il-vittmi tal-kriminalità għandhom jiġu rikonoxxuti u trattati b'rispett u b'mod sensittiv u professjonali mingħajr diskriminazzjoni ta' kwalunkwe tip ibbażata fuq kwalunkwe raġuni bħar-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew twemmin, l-opinjoni politika jew kwalunkwe opinjoni oħra, li wieħed ikun membru ta' minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabbiltà, is-sessi, l-espressjoni tas-sessi, l-identità tas-sessi, l-orjentazzjoni sesswali, l-istatus ta' residenza jew l-istat ta' saħħa. Fil-kuntatti kollha ma' kull awtorità kompetenti li topera fil-kuntest ta' proċedimenti kriminali, u kull servizz li jiġi f'kuntatt mal-vittmi, bħas-servizzi ta' appoġġ għall-vittmi jew ta' ġustizzja restorattiva, għandhom jitqiesu s-sitwazzjoni personali u l-ħtiġijiet immedjati, l-età, is-sess, diżabbiltà possibbli u l-livell ta' maturità tal-vittmi tal-kriminalità filwaqt li tiġi rispettata bis-sħiħ l-integrità fiżika, mentali u morali tagħhom. Il-vittmi tal-kriminalità għandhom jiġu protetti minn vittimizzazzjoni sekondarja u ripetuta mill-intimidazzjoni u mir-ritaljazzjoni, għandhom jirċievu appoġġ xieraq biex jiġi ffaċilitat l-irkupru tagħhom u għandhom jingħataw aċċess suffiċjenti għall-ġustizzja. |
(10) |
Din id-Direttiva ma tindirizzax il-kundizzjonijiet ta' residenza tal-vittmi ta' atti kriminali fit-territorju tal-Istati Membri. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li d-drittijiet stabbiliti f'din id-Direttiva ma jsirux kundizzjonali fuq l-istatus ta' residenza tal-vittma fit-territorju tagħhom jew fuq iċ-ċittadinanza jew in-nazzjonalità tal-vittma. Ir-rappurtar ta' att kriminali jew il-parteċipazzjoni fi proċedimenti kriminali ma joħolqu ebda dritt fir-rigward tal-istatus ta' residenza tal-vittma. |
(11) |
Din id-Direttiva tistipula regoli minimi. L-Istati Membri jistgħu jestendu d-drittijiet stipulati f’din id-Direttiva bil-għan li jipprovdu livell ogħla ta' protezzjoni. |
(12) |
Id-drittijiet stipulati f'din id-Direttiva huma mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tal-awtur ta' ksur. L-użu tat-terminu "awtur ta' ksur" jirreferi għalpersuna li tkun ġiet misjuba ħatja ta' reat. Madanakollu, għall-finijiet ta' din id-Direttiva, huwa jirreferi wkoll għal persuna suspettata jew akkużata qabel kwalunkwe rikonoxximent ta' ħtija jew kundanna, u huwa mingħajr preġudizzju għall-preżunzjoni ta' innoċenza. |
(13) |
Din id-Direttiva tapplika għar-reati kriminali mwettqa fl-Unjoni u għall-proċedimenti kriminali li jsiru fl-Unjoni. Hija tagħti drittijiet lill-vittmi ta' reati extraterritorjali biss fir-rigward tal-proċedimenti kriminali li jsiru fl-Unjoni. L-ilmenti li jsiru lill-awtoritajiet kompetenti barra mill-Unjoni, bħall-ambaxxati, ma jagħtux bidu għall-obbligi stipulati f'din id-Direttiva. |
(14) |
Fl-applikazzjoni ta' din id-Direttiva, l-aħjar interessi tat-tfal għandhom ikunu konsiderazzjoni primarja, skont il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal adottata fl-20 ta' Novembru 1989. Vittmi li huma tfal għandhom jitqiesu u jiġu trattati bħala persuni li għandhom b'mod sħiħ id-drittijiet stipulati f'din id-Direttiva u għandhom jiġu intitolati li jeżerċitaw dawk id-drittijiet b'mod li jqis il-kapaċità tagħhom li jiffurmaw il-fehmiet tagħhom stess. |
(15) |
Fl-applikazzjoni ta' din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-vittmi b'diżabbiltajiet ikunu jistgħu iġawdu bis-sħiħ id-drittijiet stipulati f'din id-Direttiva fuq bażi ugwali ma' persuni oħrajn, inkluż billi jiffaċilitaw l-aċċessibbiltà għall-bini fejn isiru l-proċedimenti kriminali u l-aċċess għall-informazzjoni. |
(16) |
Il-vittmi tat-terroriżmu ġarrbu attakki li fl-aħħar mill-aħħar huma maħsuba biex jagħmlu ħsara lis-soċjetà. Għaldaqstant huma jistgħu ikunu jeħtieġu attenzjoni, appoġġ u protezzjoni minħabba n-natura partikolari tal-att kriminali li jkun twettaq kontrihom. Il-vittmi tat-terroriżmu jistgħu ikunu taħt skrutinju pubbliku sinifikanti u ta' spiss ikunu jeħtieġu rikonoxximent soċjali u trattament b'rispett mis-soċjetà. Għaldaqstant l-Istati Membri għandhom għalhekk jieħu kont partikolari tal-bżonnijiet tal-vittmi tat-terroriżmu, u għandhom ifittxu li jipproteġu d-dinjità u s-sigurtà tagħhom. |
(17) |
Il-vjolenza diretta kontra persuna minħabba s-sess ta' dik il-persuna, l-identità tas-sessi jew l-espressjoni tas-sessi jew li taffettwa lil persuni ta' sess partikolari b'mod disproporzjonat, titqies bħala vjolenza abbażi tas-sessi. Din tista' tirriżulta fi ħsara fiżika, sesswali, emozzjonali jew psikoloġika jew telf ekonomiku għall-vittma. Vjolenza abbażi tas-sessi titqies bħala forma ta' diskriminazzjoni u ksur tal-libertajiet fundamentali tal-vittma u tinkludi vjolenza f'relazzjonijiet mill-qrib, vjolenza sesswali (inkluż stupru, attakk u abbuż sesswali), traffikar tal-bnedmin, skjavitù u forom differenti ta' prattiki li jagħmlu l-ħsara, bħal żwiġijiet sfurzati, mutilazzjoni ġenitali femminili u l-hekk imsejjaħ "reati tal-unur". Vittmi nisa ta' vjolenza abbażi tas-sessi u t-tfal tagħhom ta' spiss ikunu jeħtieġu appoġġ u protezzjoni speċjali minħabba r-riskju għoli ta' vittimizzazzjoni sekondarja u ripetuta,ta' intimidazzjoni u ta' ritaljazzjoni marbuta ma' tali vjolenza. |
(18) |
Meta l-vjolenza ssir f'relazzjoni mill-qrib, din issir minn persuna li tkun konjuġi jew sieħeb/sieħba attwali jew preċedenti jew membru ieħor tal-familja tal-vittma, kemm jekk l-awtur tar-reat jaqsam jew kien jaqsam l-istess dar mal-vittma u kemm jekk dan ma jaqsamx jew ma kienx jaqsam l-istess dar. Tali vjolenza tista' tkopri vjolenza fiżika, sesswali, psikoloġika jew ekonomika u tista' tirriżulta f'dannu fiżiku, mentali jew ħsara emozzjonali jew telf ekonomiku. Il-vjolenza f'relazzjonijiet mill-qrib hija problema soċjali serja u ta' spiss moħbija li tista' tikkawża trawma psikoloġika u fiżika sistematika b'konsegwenzi qawwija minħabba li l-awtur ta' ksur tkun persuna li l-vittma għandha tkun tista' tafda. Għaldaqstant il-vittmi tal-vjolenza f'relazzjonijiet mill-qrib jistgħu ikunu jeħtieġu miżuri speċjali ta' protezzjoni. In-nisa jiġu affettwati b'mod disproporzjonat minn dan it-tip ta' vjolenza u s-sitwazzjoni tista' tkun agħar jekk il-mara tkun dipendenti mill-awtur ta' ksur ekonomikament, soċjalment jew fir-rigward tad-dritt ta' residenza tagħha. |
(19) |
Persuna għandha titqies li hija vittma irrispettivament minn jekk awtur ta' ksur jiġix identifikat, maqbud, imressaq il-qorti jew jekk jinstabx ħati u irrispettivament mir-relazzjoni ta' familja bejniethom. Huwa possibbli li anki l-membri tal-familja tal-vittmi jsofru d-danni b’riżultat tal-att kriminali. B'mod partikolari, il-membri tal-familja ta' persuna li l-mewt tagħha tkun ġiet ikkawżata direttament minn reat kriminali jista' jsirilhom ħsara b'riżultat tal-att kriminali. Għalhekk, tali membri tal-familja li huma vittmi indiretti tal-att kirminali għandhom ukoll igawdu mill-protezzjoni permezz ta' din id-Direttiva. Madankollu, l-Istati Membri għandhom ikunu kapaċi jistabbilixxu proċeduri biex jillimitaw l-għadd ta' membri tal-familja li jistgħu jibbenefikaw mid-drittijiet stipulati f'din id-Direttiva. Fil-każ tat-tfal, it-tfal jew, sakemm dan ma jkunx kontra l-aħjar interessi tat-tfal, id-detentur tar-responsabbiltà ta' ġenitur f'isem it-tfal għandhom ikunu intitolati jeżerċitaw id-drittijiet stipulati f'din id-Direttiva. Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe proċedura jew formalità amministrattiva nazzjonali meħtieġa sabiex jiġi stabbilit li persuna hija vittma. |
(20) |
Ir-rwol tal-vittmi fis-sistema tal-ġustizzja kriminali u l-possibbiltà li huma jieħdu sehem attiv fil-proċedimenti kriminali jvarja minn Stat Membru għall-ieħor, skont is-sistema nazzjonali, u jiġu ddeterminati minn wieħed jew aktar mill-kriterji li ġejjin:jekk is-sistema nazzjonali tipprevedix status legali bħala parti għall-proċedimenti kriminali; jekk il-vittma tkunx taħt rekwiżit legali jew tkun mitluba tieħu sehem attiv fil-proċedimenti kriminali, per eżempju bħala xhieda; u/jewjekk il-vittma tkunx legalment intitolata skont il-liġi nazzjonali li tieħu sehem attiv fil-proċedimenti kriminali u tkun qed tfittex li tagħmel dan, fejn is-sistema nazzjonali ma tipprevedix li l-vittmi jkollhom status legali bħala parti għall-proċedimenti kriminali. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw liema minn dawk il-kriterji japplikaw biex jiġi ddeterminat l-ambitu tad-drittijiet stipulati f'din id-Direttiva, fejn ikun hemm referenzi għar-rwol tal-vittma fis-sistema tal-ġustizzja kriminali rilevanti. |
(21) |
L-informazzjoni u l-pariri mogħtija mill-awtoritajiet kompetenti, mis-servizzi ta’ appoġġ għall-vittmi u tal-ġustizzja restorattiva għandhom jingħataw kemm jista’ jkun permezz ta' firxa ta' mezzi u b'mod li jista' jinftiehem mill-vittma. Tali informazzjoni u pariri għandhom jingħataw b'lingwaġġ sempliċi u aċċessibbli. Għandu jiġi żgurat ukoll li l-vittma tista' tinftiehem waqt il-proċedimenti. F’dan ir-rigward, għandhom jitqiesu l-għarfien mill-vittma tal-lingwa użata biex tingħata l-informazzjoni, l-età, il-maturità, il-kapaċitajiet intellettwali u emozzjonali, il-litteriżmu u kwalunkwe indeboliment mentali jew fiżiku tagħha. Għandhom jitqiesu b'mod partikolari d-diffikultajiet fil-ftehim jew fil-komunikazzjoni li jistgħu ikunu minħabba diżabbiltà ta' xi tip, bħal problemi fis-smigħ jew fil-kliem. Bl-istess mod, għandhom jitqiesu l-limitazzjonijiet fil-kapaċitajiet tal-vittma li tikkomunika l-informazzjoni waqt il-proċedimenti kriminali. |
(22) |
Il-mument meta jsir l-ilment għandu, għall-finijiet ta' din id-Direttiva, jitqies li jaqa' fil-kuntest tal-proċediment kriminali. Dan għandu jinkludi wkoll sitwazzjonijet fejn l-awtoritajiet ex officio jibdew il-proċedimenti kriminali bħala riżultat ta' reat kriminali mġarrab minn vittma. |
(23) |
L-informazzjoni dwar ir-rimborż tal-ispejjeż għandha, mill-mument tal-ewwel kuntatt ma' awtorità kompetenti, tingħata pereżempju f'fuljett li jagħti l-kundizzjonijiet bażiċi għal tali rimborż tal-ispejjeż. L-Istati Membri m'għandhomx ikunu mitluba, f'dan l-istadju bikri tal-proċedimenti kriminali, jiddeċiedu dwar jekk il-vittma kkonċernata tissodisfax il-kundizzjonijiet għar-rimborż tal-ispejjeż. |
(24) |
Meta jirrappurtaw att kriminali, il-vittmi għandhom jirċievu għarfien bil-miktub tal-ilment tagħhom mill-pulizija, li jagħti l-elementi bażiċi tal-att kriminali, bħat-tip ta' att kriminali, il-ħin u l-post, u kwalunkwe ħsara jew dannu kkawżati mill-att kriminali, eċċ. Dan l-għarfien għandu jinkludi numru ta' fajl u l-ħin u l-post għar-rappurtar tal-att kriminali sabiex potenzjalment iservi bħala evidenza li l-att kriminali jkun ġie rrappurtat, pereżempju b'rabta ma' pretensjonijiet ta' assigurazzjoni. |
(25) |
Mingħajr preġudizzju għal egoli relatati ma' perjodi ta' limitazzjoni, ir-rappurtar tard ta' reat kriminali minħabba l-biża' ta' ritaljazzjoni, umiljazzjoni jew stigmatizzazzjoni, m'għandux iwassal biex jiġi mċaħħad l-għarfien tal-ilment tal-vittma. |
(26) |
Meta tingħata l-informazzjoni, għandu jingħata biżżejjed dettall biex jiġi żgurat li l-vittmi jiġu trattati b'rispett u biex dawn ikunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet infurmati dwar is-sehem tagħhom fil-proċedimenti. F’dan ir-rigward, l-informazzjoni li tippermetti lill-vittma tkun taf dwar l-istat attwali ta' kwalunkwe proċediment hija partikolarment importanti. Dan huwa rilevanti bl-istess mod għall-informazzjoni li tippermetti lill-vittma tiddeċiedi jekk għandhiex tressaq talba għal reviżjoni ta’ deċiżjoni li ma jiġix mixli l-awtur. Sakemm mhux meħtieġ mod ieħor, għandu jkun possibbli li l-informazzjoni komunikata lill-vittma tingħata jew bil-fomm jew bil-miktub, inkluż permezz ta' mezzi elettroniċi. |
(27) |
L-informazzjoni lil vittma għandha tintbagħat lill-aħħar indirizz għall-korrispondenza jew dettalji ta' kuntatt elettroniku magħrufa mogħtija lill-awtorità kompetenti mill-vittma. F'każijiet eċċezzjonali, pereżempju minħabba l-għadd kbir ta' vittmi involuti f'każ, għandu jkun possibbli li l-informazzjoni tingħata permezz tal-istampa, permezz ta' websajt uffiċjali tal-awtorità kompetenti jew permezz ta' kwalunkwe mezz ta' komunikazzjoni simili. |
(28) |
L-Istati Membri m'għandhomx ikunu obbligati jagħtu informazzjoni, fejn l-iżvelar ta' dik l-informazzjoni jista' jaffettwa t-trattament xieraq tal-każ jew jagħmel ħsara lil każ jew persuna partikolari, jew jekk huma jqisu li dan ikun imur kontra l-interessi essenzjali tas-sigurtà tagħhom. |
(29) |
L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li l-vittmi jirċievu dettalji ta' kuntatt aġġornati għall-komunikazzjoni dwar il-każ tagħhom, sakemm il-vittma ma tkunx esprimiet xewqa li ma tirċevix informazzjoni bħal din. |
(30) |
Referenza għal "deċiżjoni" fil-kuntest tad-dritt għall-informazzjoni, l-interpretazzjoni u t-traduzzjoni, għandha tinftiehem biss bħala referenza għall-istabbiliment tal-ħtija jew mod ieħor li jtemm il-proċedimenti kriminali. Ir-raġunijiet għal dik id-deċiżjoni jistgħu jingħataw lill-vittma permezz ta' kopja tad-dokument li jkun fih dik id-deċiżjoni jew permezz ta' sommarju qasir tagħhom. |
(31) |
Id-dritt għall-informazzjoni dwar il-ħin u l-post ta' proċess li jirriżulta mill-ilment rigward ir-reat kriminali mġarrab mill-vittma għandu japplika wkoll għall-informazzjoni dwar il-ħin u l-post ta' smigħ relatat ma' appell ta' sentenza fil-każ. |
(32) |
Għandha tingħata informazzjoni speċifika dwar ir-rilaxx jew il-ħarba tal-awtur ta' ksur lill-vittmi, fuq talba, tal-inqas fil-każijiet li fihom jista' jkun hemm periklu jew riskju identifikat ta' ħsara lill-vittmi, sakemm ma jkunx hemm riskju identifikat ta' ħsara għall-awtur ta' ksur li jirriżulta min-notifika. Fejn ikun hemm riskju identifikat ta' ħsara lill-awtur ta' ksur li jirriżulta min-notifika, l-awtorità kompetenti għandha tqis ir-riskji kollha l-oħra meta tiddetermina azzjoni adatta. Ir-referenza għal "riskju identifikat ta' ħsara għall-vittmi" għandha tkopri fatturi bħan-natura u s-severità tal-att kriminali u r-riskju ta' ritaljazzjoni. Għalhekk, ma għandhiex tkun applikata għal dawk is-sitwazzjonijiet fejn ġew kommessi reati minuri u b'hekk fejn ikun hemm biss riskju żgħir ħafna ta' ħsara lill-vittma. |
(33) |
Il-vittmi għandha tingħatalhom informazzjoni dwar kwalunkwe dritt għall-appell ta' deċiżjoni li jiġi rilaxxat l-awtur ta' ksur, jekk tali dritt ikun jeżisti fil-liġi nazzjonali. |
(34) |
Ma tistax tinkiseb ġustizzja b’mod effettiv sakemm il-vittmi ma jkunux jistgħu jispjegaw sew iċ-ċirkostanzi tal-att kriminali u jipprovdu l-provi tagħhom lill-awtoritajiet kompetenti b’mod li jinftiehem. Huwa daqstant importanti li jigi żgurat li l-vittmi jiġu trattati b'mod rispettuż u li jkollhom il-possibilità li jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom. Għaldaqstant l-interpretazzjoni għandha tkun disponibbli, bla ħlas, waqt l-interrogazzjoni tal-vittma sabiex din tkun tista' tipparteċipa b'mod attiv tagħhom fis-smigħ tal-qorti, f'konformità mar-rwol tal-vittma fis-sistema tal-ġustizzja kriminali rilevanti. Għal aspetti oħrajn tal-proċedimenti kriminali, il-ħtieġa għall-interpretazzjoni u t-traduzzjoni tista’ tvarja skont kwistjonijiet speċifiċi, ir-rwol tal-vittma fis-sistema tal-ġustizzja kriminali rilevanti u l-involviment tagħha fil-proċedimenti u kwalunkwe drittijiet speċifiċi li jkollha. Fil-fatt, l-interpretazzjoni u t-traduzzjoni għal dawn il-każijiet l-oħrajn jeħtieġ li jiġu pprovduti biss sa fejn ikun meħtieġ biex il-vittmi jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom. |
(35) |
Il-vittma għandu jkollha d-dritt tikkuntesta deċiżjoni li ssib li m'hemmx ħtieġa għatgħal interpretazzjoni jew traduzzjoni, skont il-proċeduri fil-liġi nazzjonali. Dan id-dritt ma jinvolvix l-obbligu għall-Istati Membri li jipprevedu mekkaniżmu separat jew proċedura ta' lmenti li fihom tista' tiġi kkuntestata deċiżjoni u m'għandhomx itawlu l-proċedimenti kriminali b'mod mhux raġonevoli. Reviżjoni interna tad-deċiżjoni skont il-proċeduri nazzjonali eżistenti tkun biżżejjed. |
(36) |
Il-fatt li vittma titkellem lingwa waħda, li ma tkunx mitkellma b'mod wiesa', m'għandux fih innifsu jkun raġuni għalxiex jiġi deċiż li l-interpretazzjoni jew it-traduzzjoni ttawwal il-proċedimenti kriminali b'mod mhux raġonevoli. |
(37) |
L-appoġġ għandu jkun disponibbli mill-mument li l-awtortitajiet kompetenti ikunu konxji mill-vittma u matul il-proċedimenti kriminali u għal żmien adatt wara tali proċedimenti skont il-ħtiġijiet tal-vittma u d-drittijiet stipulati f'din id-Direttiva. L-appoġġ għandu jingħata b’mezzi varji, mingħajr formalitajiet żejda u b’distribuzzjoni ġeografika suffiċjenti bejn l-Istati Membri, li jippermettu li l-vittmi kollha jkollhom l-opportunità ta' aċċess għal dawn is-servizzi. Il-vittmi li ġarrbu ħsara konsiderevoli minħabba s-severità tal-att kriminali jistgħu jirrikjedu servizzi speċjalisti ta' appoġġ. |
(38) |
Persuni li huma partikolarment vulnerabbli jew li jsibu ruħhom f'sitwazzjonijiet li jesponuhom għal riskju partikolarment għoli ta' dannu, bħal persuni li jkunu soġġetti għal vjolenza ripetuta f'relazzjonijiet mill-qrib, vittmi ta' vjolenza bbażata fuq is-sess, jew persuni li jkunu vittmi ta' tipi oħrajn ta' kriminalità fi Stat Membru li mhumiex ċittadini tiegħu jew residenti fih, għandhom jiġu provduti b'appoġġ speċjalizzatu protezzjoni legali. Is-servizzi ta' appoġġ speċjalizzat għandhom ikunu bbażati fuq approċċ integrat u mmirat li b'mod partikolari għandu jqis il-ħtiġijiet speċifiċi tal-vittmi, is-severità tal-ħsara mġarrba b'riżultat ta' reat kriminali, kif ukoll ir-relazzjoni bejn il-vittmi, l-awturi ta' ksur, it-tfal u l-ambjent soċjali usa' tagħhom. Kompitu ewlieni ta' dawn is-servizzi u l-persunal tagħhom, li jaqdu rwol importanti fl-appoġġ lill-vittma biex tirkupra minn u tegħleb il-ħsara jew trawma potenzjali li tirriżulta minn reat kriminali, għandu jkun li jgħarrfu lill-vittmi dwar id-drittijiet stipulati f'din id-Direttiva sabiex dawn ikunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet f'ambjent ta' appoġġ li jittrattahom b'dinjità, rispett u sensittività. It-tipi ta' appoġġ li għandhom joffru servizzi speċjalizzati bħal dawn jistgħu jinkludu il-provvista ta' kenn u akkomodazzjoni sikura, appoġġ mediku immedjat, riferiment għal eżami mediku u forensiku għal evidenza f'każijiet ta' stupru jew attakk sesswali, konsulenza psikoloġika fuq perijodu qasir u twil, kura għat-trawmi, konsulenza legali, sostenn attiv u servizzi speċifiċi għat-tfal bħala vittmi diretti jew indiretti. |
(39) |
Is-servizzi ta' appoġġ għall-vittmi mhumiex meħtieġa illi jipprovdu għarfien espert speċjalist u professjonali estensiv. Jekk ikun meħtieġ, is-servizzi ta' appoġġ għall-vittmi għandhom jgħinu lill-vittmi biex jitolbu l-appoġġ professjonali eżistenti, pereżempju l-psikologi. |
(40) |
Għalkemm l-għoti ta’ appoġġ m’għandux jiddependi mill-fatt li l-vittmi jagħmlu lment dwar reat ma' awtorità kompetenti bħall-pulizija, tali awtoritajiet spiss ikunu fl-aħjar pożizzjoni biex jinfurmaw lill-vittmi dwar il-possibilità ta’ appoġġ. L-Istati Membri huma għaldaqstant imħeġġa jistabbilixxu kundizzjonijiet xierqa biex il-vittmi jkunu jistgħu jiġu rreferiti għas-servizzi ta’ appoġġ għall-vittmi, anki billi jiġi żgurat li r-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-data jistgħu jiġu rrispettati u li qed jiġu rrispettati. Għandhom jiġu evitati riferimenti ripetuti. |
(41) |
Id-dritt tal-vittmi li jinstemgħu għandu jitqies li ġie milħuq fejn il-vittmi jkunu permessi li jagħmlu stqarrijiet jew spjegazzjonijiet bil-miktub. |
(42) |
Id-dritt tal-vittmi tfal li jinstemgħu fi proċedimenti kriminali m'għandux jiġi prekluż biss fuq il-bażi li l-vittma tkun tifel/tifla jew abbażi tal-età ta' dik il-vittma. |
(43) |
Id-dritt għal reviżjoni ta' deċiżjoni li ma ssirx prosekuzzjoni għandu jkun meqjus li jirreferi għal deċiżjonijiet meħuda minn prosekuturi u mħallfin jew awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi investigattivi bħal uffiċjali tal-pulizija, iżda mhux għad-deċiżjonijiet meħuda mill-qrati. Kwalunkwe reviżjoni ta’ deċizjoni li ma ssirx prosekuzzjoni għandha titwettaq minn persuna jew awtorità differenti minn dik li tkun għamlet id-deċiżjoni oriġinali, sakemm id-deċiżjoni inizjali li ma ssirx prosekuzzjoni ma tkunx ittieħdet mill-ogħla awtorità ta' prosekuzzjoni, li kontra d-deċiżjoni tagħha ma tista' ssir l-ebda reviżjoni, u li f'liema każ ir-reviżjoni tista' ssir minn dik l-istess awtorità. Id-dritt għal reviżjoni ta' deċiżjoni li ma ssirx prosekuzzjoni ma tikkonċernax proċeduri speċjali, bħall-proċedimenti kontra membri tal-parlament jew tal-gvern, b'rabta mat-tħaddim tal-pożizzjoni uffiċjali tagħhom. |
(44) |
Deċiżjoni li ttemm il-proċedimenti kriminali għandha tkopri sitwazzjonijiet fejn il-prosekutur jiddeċiedi li jirtira l-akkużi jew li ma jkomplix il-proċedimenti. |
(45) |
Deċiżjoni tal-prosekutur li tirriżulta f'riżoluzzjoni barra l-qorti u li għalhekk ittemm il-proċediment kriminali, teskludi biss lill-vittmi mid-dritt għal reviżjoni ta' deċiżjoni tal-prosekutur li ma ssirx prosekuzzjoni, jekk ir-riżoluzzjoni tkun timponi twissija jew obbligu. |
(46) |
Servizzi ta' ġustizzja restorattiva, li jinkludu pereżempju l-medjazzjoni bejn il-vittma u l-awtur ta' ksur, konferenzi fi grupp tal-familja u l-gruppi ta’ konsulenti li jissuġġerixxu lill-imħallfin l-aħjar piena ("sentencing circles"), jistgħu jkunu ta’ benefiċċju kbir għall-vittma, imma jeħtieġu salvagwardji biex jiġu evitati vittimizzazzjoni sekondarja u ripetuta, intimadazzjoni u ritaljazzjoni. Għaldaqstant servizzi bħal dawn għandhom primarjament iqisu l-interessi u l-ħtiġijiet tal-vittma, biex tissewwa l-ħsara lill-vittma u l-prevenzjoni ta’ iktar ħsara. Meta każ jiġi riferut għas-servizzi tal-ġustizzja restorattiva u fit-twettiq tall-proċess tal-ġustizzja restorattiva, għandhom jitqiesu fatturi bħan-natura u s-severità tal-att kriminali, il-grad ta' trawma sussegwenti, il-vjolazzjoni ripetuta tal-integrità fiżika, sesswali jew psikoloġika ta' vittma, l-iżbilanċ fil-poteri, l-età, il-maturità jew il-kapaċità intellettwali tal-vittma li jistgħu jillimitaw jew inaqqsu l-kapaċità tal-vittma li tagħmel għażla infurmata jew li jistgħu jtellfu lill-vittma milli jkollha riżultat pożittivIl-proċessi tal-ġustizzja restorattiva għandhom bi prinċipju jkunu kunfidenzjali, sakemm mhux maqbul mod ieħor mill-partijiet, jew kif meħtieġ mil-liġi nazzjonali minħabba interess pubbliku iktar importanti. Fatturi bħal theddid li jkun sar jew kull forma ta' vjolenza mwettqa matul il-proċess jistgħu jitqiesu bħala li jeħtieġ li jiġu żvelati fl-interess pubbliku. |
(47) |
Il-vittmi m'għandhomx ikunu mistennija li jġarrbu spejjeż marbutin mal-parteċipazzjoni tagħhom fi proċedimenti kriminali.L-Istati Membri għandhom ikunu meħtieġa jirrimborżaw biss l-ispejjeż meħtieġa tal-vittmi fir-rigward tal-partepiċazzjoni tagħhom fi proċedimenti kriminali u, m'għandhomx ikunu meħtieġa jirrimborżaw l-onorarji legali tal-vittmi. L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jimponu kundizzjonijiet dwar ir-rimborż tal-ispejjeż fil-liġi nazzjonali, bħal limiti ta' żmien għal talba ta' rimborż, rati standard għall-ispejjeż ta' għajxien u vvjaġġar u ammonti massimi għal kuljum għat-telf ta' qligħ. Id-dritt għal rimborż tal-ispejjeż fi proċedimenti kriminali ma għandux jeżisti f'sitwazzjoni fejn il-vittma tagħmel dikjarazzjoni dwar reat kriminali. L-ispejjeż għandhom ikunu koperti biss sa fejn il-vittma tkun obbligata jew mitluba mill-awtoritajiet kompetenti li tkun preżenti u tieħu sehem attiv fil-proċedimenti kriminali. |
(48) |
Propjetà sekwestrata fi proċedimenti kriminali li tista' tiġi rkuprata għandha tintradd lura lill-vittma tal-att kriminali kemm jista' jkun malajr, sakemm ma jkunx hemm kundizzjonijiet eċċezzjonali, bħal f'tilwim dwar is-sjieda jew fejn il-pussess tal-proprjetà jew il-proprjetà nnifisha tkun illegali. Id-dritt ta' radd lura tal-proprjetà għandu jkun mingħajr preġudizzju għaż-żamma leġittima tagħha għall-iskop ta' proċedimenti legali oħra. |
(49) |
Id-dritt għal deċiżjoni dwar kumpens mill-awtur ta' ksur u l-proċedura applikabbli rilevanti għandhom japplikaw ukoll għall-vittmi residenti fi Stat Membru ieħor apparti l-Istat Membru fejn twettaq ir-reat kriminali. |
(50) |
L-obbligu stabbilit f'din id-Direttiva li jiġu trasmessi l-ilmenti m'għandux jaffettwa l-kompetenza tal-Istati Membri li jibdew proċedimenti u huwa bla preġudizzju għar-regoli ta' kunflitt dwar l-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni kif stipulat fid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/948/ĠAI tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni ta’ kunflitti tal-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni fi proċedimenti kriminali (13). |
(51) |
Jekk il-vittma tkun telqet it-territorju tal-Istat Membru fejn ikun twettaq ir-reat kriminali, dak l-Istat Membru m'għandux jibqa' jiġi obbligat jagħti għajnuna, appoġġ u ħarsien ħlief għal dak li huwa direttament relatat ma' kwalunkwe proċediment kriminali li jkun qed iwettaq fir-rigward tar-reat kriminali kkonċernat, bħal miżuri ta' protezzjoni speċjali waqt il-proċedimenti tal-qorti. L-Istat Membru ta' residenza tal-vittma għandu jagħti l-assistenza, l-appoġġ u l-protezzjoni meħtieġa għall-ħtieġa tal-vittma li jirkupra. |
(52) |
Għandhom ikunu disponibbli miżuri biex jitħarsu s-sikurezza u d-dinjità tal-vittmi u l-membri tal-familja tagħhom minn vittimizzazzjoni sekondarja u ripetuta, minn intimidazzjoni jew minn ritaljazzjoni, bħal mandati interim jew ta' protezzjoni jew ordnijiet ta' trażżin. |
(53) |
Għandu jiġi limitat ir-riskju ta’ vittimizzazzjoni sekondarja u ripetuta, ta' intimidazzjoni u ta' ritaljazzjoni mill-awtur ta' ksur jew b’riżultat tal-parteċipazzjoni fi proċedimenti kriminali billi l-proċedimenti jitwettqu b’mod koordinat u rispettuż, li jippermetti l-vittmi jiksbu fiduċja fl-awtoritajiet. L-interazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti għandha tkun faċli kemm jista’ jkun filwaqt li jiġi limitat l-għadd ta’ interazzjonijiet li l-vittma jkollha magħhom pereżempju permezz ta' reġistrazzjoni ta' filmati tal-intervisti u billi jkun permess l-użu ta' dan fil-proċedimenti tal-qorti. Il-prattikanti għandu jkollhom medda wiesgħa ta’ miżuri disponibbli biex tigi evitata t-tbatija lill-vittma waqt il-proċedimenti fil-qorti b’mod partikolari bħala riżultat tal-kuntatt viżwali mal-awtur tal-ksur, mal-familja tiegħu jew tagħha, mal-kompliċi jew mal-membri tal-pubbliku. Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom ikunu mħeġġa jintroduċu, speċjalment fir-rigward tal-bini tal-qrati u l-għases tal-pulizija, miżuri fattibbli u prattiċi li jippermettu li l-faċilitajiet ikunu jinkludu, per eżempju, entrati u żoni ta' stennija separati għall-vittmi. Barra minn hekk l-Istati Membri għandhom, sa fejn ikun possibbli, jippjanaw il-proċedimenti kriminali sabiex jiġu evitati l-kuntatti il-vittmi u l-membri tal-familja tagħhom u l-awtur tal-ksur, pereżempju billi l-vittmi u l-awturi tal-ksur jissejħu għas-smigħ f'ħinijiet differenti. |
(54) |
Il-protezzjoni tal-privatezza tal-vittma tista’ tkun mezz importanti ta' kif tiġi evitata vittimizzazzjoni sekondarja u ripetuta, intimidazzjoni u ritaljazzjonii u tista' tinkiseb permezz ta' firxa ta' miżuri li jinkludu l-projbizzjoni tal-iżvelar jew limitazzjonijiet fuq l-iżvelar ta' informazzjoni li tirrigwarda l-identità u l-post fejn tkun tinsab il-vittma. Protezzjoni bħal din hija partikolarment importanti għall-vittmi tfal, u tinkludi l-projbizzjoni tal-iżvelar tal-isem tat-tifel jew tat-tifla. Madankollu, jista' jkun hemm każijiet fejn, b'eċċezzjoni, it-tfal ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-iżvelar jew anke publikazzjoni wiesa', pereżempju meta t-tfal ikunu nħatfu. Il-miżuri biex jitħarsu l-privatezza u x-xbihat tal-vittmi u tal-membri tal-familji tagħhom għandhom dejjem ikunu konsistenti mad-dritt għal proċess ġust u l-libertà tal-espressjoni, kif rikonoxxuti mill-Artikoli 6 u 10, rispettivament, tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali. |
(55) |
Uħud mill-vittmi huma partikolarment vulnerabbli għall-vittimizzazzjoni sekondarja u ripetuta, għall-intimidazzjoni u r-ritaljazzjoni min-naħa tal-awtur ta' ksur waqt il-proċedimenti kriminali. Huwa possibbli li tali riskju joħroġ mill-karatteristiċi personali tal-vittma, jew it-tip, in-natura u ċ-ċirkostanzi tal-att kriminali. Huwa biss permezz ta' valutazzjonijiet individwali, imwettqa kemm jista' jkun malajr, li tali riskju jista' jiġi identifikat b'mod effettiv. Tali valutazzjonijiet għandhom jitwettqu għall-vittmi kollha biex jiddeterminaw jekk humiex f'riskju ta vittimizzazzjoni sekondarja jew ripetuti, ta' intimidazzjoni u ta' ritaljazzjoni u liema miżuri ta' protezzjoni speċjali huma jeħtieġu. |
(56) |
Il-valutazzjonijiet individwali għandhom iqisu l-karatteristiċi personali tal-vittma bħall-età, is-sess, l-identità jew l-espressjoni tas-sessi, l-etniċità, ir-razza, ir-reliġjon, l-orjentazzjoni sesswali, is-saħħa, id-diżabbiltà, l-istatus ta' residenza, id-diffikultajiet komunikattivi, ir-relazzjoni mal-awtur ta' ksur jew id-dipendenza minnu, esperjenza preċedenti tal-kriminalità. Għandhom jieħdu kont tat-tip jew in-natura u ċ-ċirkostanzi tal-att kriminali bħal jekk huwiex att kriminali ta' mibegħda, att kriminali ta' preġudizzju jew att kriminali mwettaq bi skop diskriminatorju, vjolenza sesswali, vjolenza f'relazzjoni mill-qrib, jekk l-awtur ta' ksur kien f'pożizzjoni ta' kontroll, jekk ir-residenza tal-vittma tkunx f'żona b'livell għoli ta' kriminalità jew iddominata mill-gruppi kriminali, jew jekk il-pajjiż tal-oriġini tal-vittma ma jkunx l-Istat Membru fejn ikun twettaq l-att kirminali. |
(57) |
Il-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin, it-terroriżmu, il-kriminalità organizzata, il-vjolenza f'relazzjonijiet mill-qrib, il-vjolenza jew l-isfruttament sesswali, il-vjolenza abbażi tas-sessi, l-atti kriminali ta' mibegħda, u l-vittmi b'diżabbiltajiet jew il-vittmi tfal x'aktarx jgħaddu minn rata għolja ta' vittimizzazzjoni sekondarja jew ripetuta, ta' intimidazzjoni u ta' ritaljazzjoni. Il-valutazzjoni ta' jekk vittmi bħal dawn ikunux f'riskju ta' tali vittimizzazzjoni, intimidazzjoni u ritaljazzjoni għandha ssir b'reqqa partikolari u għandu jkun hemm preżunzjoni qawwija li dawk il-vittmi ser jibbenefikaw minn miżuri speċjali ta' protezzjoni. |
(58) |
Vittmi li ġew identifikati bħala vulnerabbli għal vittimizzazzjoni sekondarja u ripetuta, intimidazzjoni u ritaljazzjoni għandhom jingħataw il-miżuri adatti biex jipproteġuhom matul il-proċedimenti kriminali. In-natura eżatta ta' tali miżuri għandha tiġi determinata permezz tal-valutazzjoni individwali, b'kont meħud tax-xewqa tal-vittma. Sa fejn kwalunkwe tali miżura għandha tiġi determinata mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tad-difiża u f'konformità mar-regoli tad-diskrezzjoni ġudizzjarja. It-tħassib u l-biża' tal-vittmi b'rabta mal-proċedimenti għandhom ikunu fattur ewlieni fid-determinazzjoni ta’ jekk ikunux jeħtieġu xi mizura partikolari. |
(59) |
Il-ħtiġijiet u l-limiti operattivi immedjati jistgħu jagħmlu impossibli li jiġi żgurat pereżempju li l-istess uffiċjal tal-pulizija jintervista b'mod konsistenti lill-vittma: il-mard, il-maternità jew il-leave tal-ġenituri huma eżempji ta' tali limiti. Barra minn hekk, postijiet strutturati speċjalment għall-intervisti mal-vittmi, jista' jkun li ma jkunux disponibbli, pereżempju, minħabba renovazzjoni. Fil-każ ta' tali limiti operattivi jew prattiċi, jista' ma jkunx possibbli li miżura speċjali prevista wara valutazzjoni individwali tiġi provduta abbażi ta' każ b'każ. |
(60) |
Fejn, f'konformità ma' din id-Direttiva, ikollu jinħatar gwardjan jew rappreżentant għat-tifel jew tifla, dawk ir-rwoli jistgħu jitwettqu mill-istess persuna jew minn persuna ġuridika, istituzzjoni jew awtorità. |
(61) |
Kwalunkwe uffiċjal involut fi proċedimenti kriminali li x'aktarx ikollu kuntatt personali mal-vittmi għandu jkollu aċċess għal u jirċievi taħriġ adatt inizjali u kurrenti, sa livell adatt għall-kuntatt tiegħu mal-vittmi,,sabiex ikun jista' jidentifika l-vittmi u l-ħtiġijiet tagħhom u jittratthom b'manjiera rispettuża, sensittiva, professjonali u non-diskriminatorja. Persuni li x'aktarx ikunu involuti fil-valutazzjoni individwali biex jiġu identifikati l-ħtiġijiet għall-protezzjoni speċifika tal-vittmi u tiġi determinata l-ħtieġa tagħhom għall-miżuri ta' protezzjoni speċjali għandhom jirċievu taħriġ speċifiku dwar kif titwettaq tali valutazzjoni. L-Istati Membri għandhom jiżguraw tali taħriġ għall-persunal tal-pulizija u l-persunal tal-qorti. Ugwalment, it-taħriġ għandu jkun promoss għall-avukati, il-prosekuturi u l-imħallfin u għall-prattikanti li jipprovdu appoġġ lill-vittmi jew servizzi tal-ġustizzja risorattiva. Dan ir-rekwiżit għandu jinkludi taħriġ dwar is-servizzi ta' appoġġ speċifiċi lill-vittmi għandhom ikunu riferuti għalihom jew taħriġ speċjalizzat fejn xogħolhom jiffoka fuq il-vittmi bi ħtiġiet speċjali u taħriġ psikoloġiku speċifiku, kif adatt. Fejn relevanti, tali taħriġ għandu jkun sensittiv għall-ugwaljanza bejn is-sessi. L-azzjonijiet tal-Istati Membri dwar it-taħriġ għandhom jiġu kumplementati b'linji gwida, rakkomandazzjonijiet u skambju tal-aħjar prattiki f'konformità mal-Pjan Direzzjonali ta' Budapest. |
(62) |
L-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu u jaħdmu mill-qrib mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, inklużi organizzazzjonijiet mhux governattivi rikonoxxuti u attivi li jaħdmu mal-vittmi tal-att kriminali, b'mod partikolari f'inizjattivi ta' tfassil tal-politika, kampanji ta' informazzjoni u sensibilizzazzjoni, programmi ta' riċerka u edukazzjoni u fit-taħriġ, kif ukoll fil-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-impatt tal-mizuri biex joffru appoġġ u protezzjoni lill-vittmi tal-att kriminali. Sabiex il-vittmi tal-att kriminali jirċievu l-grad korrett ta' assistenza, appoġġ u protezzjoni, is-servizzi pubbliċi għandhom jaħdmu f'manjiera koordinata u għandhom ikunu involuti fil-livelli amministrattivi kollha — fil-livell tal-Unjoni, u fil-livell nazzjonali, reġjonali u dak lokali. Il-vittmi għandhom ikunu megħjuna biex isibu u jindirizzaw id-drittijiet lill-awtoritajiet kompetenti sabiex jiġu evitati r-rinviji ripetuti. L-Istati Membri għandhom jikkunsidraw li jiżviluppaw “punti uniċi ta' aċċess” jew “punti uniċi ta' servizz”, li jindirizzaw il-ħtiġijiet multipli tal-vittmi meta jkunu involuti fi proċedimenti kriminali, inkluża l-ħtieġa li jirċievu informazzjoni, assitenza, appoġġ, protezzjoni u kumpens. |
(63) |
Sabiex jiġi inkoraġġut u ffaċilitat ir-rappurtar ta' atti kriminali u l-vittmi jkunu jistgħu jiksru ċ-ċiklu tal-vittimizzazzjoni ripetuta, hu essenzjali li s-servizzi ta' appoġġ affidabbli jkunu disponibbli għall-vittmi u li l-awtoritajiet komptenti jkunu lesti li jirrispondu għar-rapporti tal-vittmi b'manjiera rispettuża, sensittiva, professjonali u mhux diskiriminatorja. Dan jista' jżid il-fiduċja tal-vittmi fis-sistema tal-ġustizzja kriminali tal-Istati Membri u jnaqqas in-numru ta' atti kriminali mhux irrappurati. Il-prattikanti li x'aktarx jirċievu lmenti mill-vittmi fir-rigward ta' reati kriminali għandhom ikunu mħarrġa b'mod adatt biex jiffaċilitaw ir-rappurtar ta' atti kriminali, u għandhom jiġu attwati miżuri biex ikun jista' jsir ir-rappurtar minn parti terza, inklużi l-organizzazzjoniet tas-soċjetà ċivili. Għandu jkun possibbli li jsir użu mit-teknoloġiji ta' komunikazzjoni, bħall-posta elettronika, video, reġistrazzjonijiet jew forom elettroniċi online sabiex isiru l-ilmenti. |
(64) |
Il-ġbir sistematiku u adegwat tad-data tal-istatistika huwa rikonoxxut bħala komponenti essenzjali tat-tfassil effettiv tal-politika fil-qasam tad-drittijiet stipulat f'din id-Direttiva. Sabiex tiġi ffaċiltata l-evalwazzjoni tal-applikazzjoni ta' din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni d-data tal-istatistika relevanti relatata mal-applikazzjoni tal-proċeduri nazzjonali dwar il-vittmi ta' att kriminali, inklużi tal-anqas in-numru, it-tip jew in-natura tal-atti kriminali rrappurtati, u safejn tali data hi magħrufa jew disponibbli, in-numru u l-età u s-sess tal-vittmi. Data ta' statistika rilevanti tista' tinkludi data rreġistrata mill-awtoritajiet ġudizzjarji u l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi u, sa fejn possibbli, data amministrattiva miġbura mis-servizzi tal-kura tas-saħħa u tal-ħarsien soċjali u appoġġ mhux governattiv lill-vittmi, jew servizzi ta' ġustizzja restorattiva u organizzazzjonijiet oħrajn li jaħdmu ma' vittmi ta' att kriminali. Data ġudizzjarja tista' tinkludi informazzjoni dwar att kriminali rappurtati, l-għadd ta' kawżi li huma investigati, u l-persuni li jgħaddu prosekuzzjoni u li jiġu ssentenzjati. Data amministrattiva bbażata fuq servizzi tista' tinkludi, sa fejn possibbli, data dwar kif il-vittmi qed jużaw is-servizzi pprovduti mill-aġenziji tal-gvern u l-organizzazzjonijiet ta' appoġġ pubbliċi u privati, bħall-għadd ta' riferimenti mill-pulizija lis-servizzi ta' appoġġ għall-vittmi, l-għadd ta' vittmi li jitolbu, jirċievu jew li ma jirċivux appoġġ jew ġustizzja restorattiva. |
(65) |
Din id-Direttiva għandha l-għan li temenda u li tespandi d-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas 2001/220/ĠAI. Peress li l-emendi li għandhom isiru huma ta’ għadd u ta' natura sostanzjali, dik id-Deċiżjoni Qafas għandha tiġi sostitwita kompletament fl-interess taċ-ċarezza fir-rigward tal-Istati Membri li qed jipparteċipaw fl-adozzjoni ta' din id-Direttiva. |
(66) |
Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tħares il-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. B’mod partikolari, tfittex li tippromwovi d-dritt għad-dinjità, għall-ħajja, għall-integrità fiżika u mentali, il-libertà u s-sigurtà, ir-rispett tal-ħajja privata u l-ħajja tal-familja, id-dritt għall-proprjetà, il-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni, il-prinċipju ta' ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa, id-drittijiet tat-tfal, tal-anzjani u tal-persuni b'diżabilità, u d-dritt għal smigħ xieraq. |
(67) |
Peress li l-objettiv ta' din id-Direttiva, jiġifieri li jiġu stabbiliti standards minimi dwar id-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni ta' vittmi ta' att kriminali, ma jistax jintlaħaq b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri,, u għalhekk, minħabba l-iskala u l-effetti potenzjali, jista' jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif imniżżel fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). F'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif imniżżel f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-objettiv. |
(68) |
Data personali pproċessata meta tiġi implimentata din id-Direttiva għandha tiġi protetta skont id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI tas-27 ta’ Novembru 2008 dwar il-protezzjoni tad-data personali pproċessata fil-qafas tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali (14) u skont il-prinċipji stabbiliti fil-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa tat-28 ta’ Jannar 1981 dwar il-Protezzjoni tal-Individwi fir-rigward tal-Ipproċessar Awtomatiku ta' Data Personali, irratifikata mill-Istati Membri kollha. |
(69) |
Din id-Direttiva ma taffettwax dispożizzjonijiet aktar usa' li jinsabu f'atti oħra tal-Unjoni li jindirizzaw il-ħtiġijiet speċifiċi ta' kategoriji ta' vittmi partikolari, bħall-vittmi ta' traffikar ta' bnedmin u vittmi ta' abbuż sesswali tat-tfal, sfruttament sesswali u pedopornografija, b'mod aktar immirat. |
(70) |
F'konformità mal-Artikolu 3 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u tal-Irlanda fir-rigward taż-Żona ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja, anness għat-TUE u għat-TFUE, dawk l-Istati Membri nnotifikaw ix-xewqa tagħhom li jipparteċipaw fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva. |
(71) |
Skont l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness għat-TUE u għat-TFUE, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Direttiva u mhix marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha. |
(72) |
Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta ta opinjoni fis-17 ta' Ottubru 2011 (15) ibbażata fuq l-Artikolu 41(2) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta' dak id-data (16), |
ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:
KAPITOLU 1
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
Artikolu 1
Objettivi
1. L-għan ta' din id-Direttiva huwa li tiżgura li vittmi tal-kriminalità, jirċievu informazzjoni, appoġġ u protezzjoni xierqa u li jkunu jistgħu jipparteċipaw fil-proċedimenti kriminali.
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-vittmi huma rikonoxxuti u trattati b'rispett, b'mod sensittiv, speċifikament indirizzat,professjonali u mhux diskriminatorju, fil-kuntatti kollha b'appoġġ għall-vittmi jew bis-servizzi ta' ġustizzja restorattiva jew awtorità kompetenti, li topera fil-kuntest tal-proċedimenti kriminali. Id-drittijiet stipulati f'din id-Direttiva għandhom japplikaw għall-vittmi b'mod mhux diskriminatorju, inkluż fir-rigward tal-istatus ta' residenza tagħhom.
2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fl-applikazzjoni ta' din id-Direttiva, fejn il-vittmi huma tfal, l-aqwa interessi tat-tfal għandhom ikunu l-ewwel konsiderazzjoni u għandhom jiġu evalwati fuq bażi individwali. Approċċ sensittiv għat-tfal, li jqis l-età tat-tfal, il-livell ta' maturità, il-fehmiet, il-ħtiġijiet u t-tħassib, għandu jipprevali. It-tfal u d-detentur tar-responsabbiltà parentali jew rappreżentant legali ieħor, jekk ikun hemm, għandhom jiġu informati bi kwalunkwe miżura jew dritt iffukat speċifikament fuq it-tfal.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
1. Għall-finijiet ta' din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(a) |
“vittma” tfisser:
|
(b) |
“membri tal-familja” tfisser wieħed mill-konjuġi, il-persuna li qed tgħix mal-vittma f'relazzjoni intima, f' dar konġuntau impenjata fuq bażi stabbli u kontinwa, il-qraba diretti, l-aħwa, u d-dipendenti tal-vittma; |
(c) |
“tfal” tfisser kwalunkwe persuna taħt it-18-il sena. |
(d) |
ġustizzja restorattiva' tfisser kwalunkwe proċess li permezz tiegħu l-vittma u l-awtur tar-reat jistgħu, jekk jagħtu kunsens b'mod liberu, jipparteċipaw b'mod attiv fir-riżoluzzjoni ta' kwistjonijiet li joħorġu mir-reatpermezz tal-għajnuna ta' parti terza imparzjali. |
2. L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu proċeduri:
(a) |
biex jillimitaw l-għadd ta' membri tal-familja li jistgħu jgawdu mid-drittijiet taħt din id-Direttiva b'kont meħud taċ-ċirkostanzi individwali ta' kull każ; u |
(b) |
fir-rigward tal-paragrafu 1(a)(ii), biex jiddeterminaw liema membri tal-familja għandhom prijorità fir-rigward tal-eżerċitar tad-drittijiet stipulati f'din id-Direttiva. |
KAPITOLU 2
GĦOTI TA’ INFORMAZZJONI U APPOĠĠ
Artikolu 3
Id-dritt li wieħed jifhem u li jinftiehem
1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri adatti biex jgħinu lill-vittmi biex dawn jifhmu u jkunu jistgħu jinftiehmu mill-ewwel kuntatt u waqt kwalunkwe interazzjoni ulterjuri meħtieġa tagħhom ma' awtorità kompetenti fil-kuntest ta' proċedimenti kriminali, inkluż meta l-informazzjoni tiġi trasmessa minn dik l-awtorità.
2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li komunikazzjonijiet mal-vittmi jingħataw b'lingwa sempliċi u aċċessibbli, bil-fomm jew bil-miktub. Tali komunikazzjonijiet għandhom iqisu l-karatteristiċi personali tal-vittmi inkluż kwalunkwe diżabbiltà li tista' taffettwa l-abbiltà biex jifhmu jew jiġu miftiehma.
3. Sakemm dan ma jmurx kontra l-interessi tal-vittmi jew sakemm ma jiġix ippreġudikat il-proċess tal-proċedimenti, l-Istati Membri għandhom iħallu lill-vittmi jiġu akkumpanjati minn persuna li jagħżlu huma fl-ewwel kuntatt ma' awtorità kompetenti, fejn, minħabba l-impatt tar-reat kriminali, il-vittma tkun tinħtieġ l-għajnuna biex tifhem jew tinftiehem.
Artikolu 4
Dritt li tingħata informazzjoni mal-ewwel kuntatt li jsir ma' awtorità kompetenti
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-vittmi jiġu offruti din l-informazzjoni li ġejja, mingħajr dewmien mhux neċessarju, mill-ewwel kuntatt tagħhom ma' awtorità kompetenti biex ikunu jistgħu jingħataw aċċess għad-drittijiet stipulati f'din id-Direttiva:
(a) |
it-tip ta' appoġġ li jista' jinkiseb u minn min, inkluż, fejn rilevanti, informazzjoni bażika dwar l-aċċess għall-appoġġ mediku, kwalunkwe appoġġ ta' speċjalista, inkluż appoġġ psikoloġiku, u akkomodazzjoni alternattiva; |
(b) |
il-proċeduri dwar kif isir ilment fir-rigward ta' reat u r-rwol tagħhom b’rabta ma’ proċeduri bħal dawn; |
(c) |
kif u taħt liema kundizzjonijiet jistgħu jiksbu protezzjoni, inklużi miżuri ta' protezzjoni; |
(d) |
kif u taħt liema kundizzjonijiet jistgħu jiksbu aċċess għal parir legali, għajnuna legali jew kwalunkwe tip ieħor ta' parir; |
(e) |
kif u taħt liema kundizzjonijiet jistgħu jiksbu aċċess għall-kumpens; |
(f) |
kif u taħt liema kundizzjonijiet huma intitolati għall-interpretazzjoni u t-traduzzjoni; |
(g) |
jekk ikunu residenti fi Stat Membru apparti minn dak li fih ikun twettaq ir-reat, kull miżura, proċedura jew arranġament speċjali, li huma disponibbli sabiex jipproteġu l-interessi tagħhom fl-Istat Membru, fejn ikun sar l-ewwel kuntatt ma' awtorità kompetenti; |
(h) |
il-proċeduri disponibbli biex jitressqu lmenti meta d-drittijiet tagħhom ma jiġux irrispettati mill-awtorità kompetenti li topera fil-kuntest ta' proċedimenti kriminali; |
(i) |
id-dettalji ta’ kuntatt għall-komunikazzjonijiet dwar il-każ tagħhom; |
(j) |
is-servizzi ta' ġustizzja restorattiva disponibbli; |
(k) |
kif u taħt liema kundizzjonijiet jistgħu jiġu rimborżati għal spejjeż imġarrba b'riżultat tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-proċedimenti kriminali. |
2. Il-firxa jew id-dettall tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 tista' tvarja abbażi tal-ħtiġijiet speċifiċi u ċ-ċirkostanzi personali tal-vittma u t-tip jew in-natura tal-att kriminali. Jistgħu jiġu pprovduti dettalji addizzjonali wkoll fi stadji aktar tard skont il-ħtiġijiet tal-vittma u r-rilevanza, f'kull stadju tal-proċedimenti, ta' tali dettalji.
Artikolu 5
Dritt tal-vittmi meta jagħmlu ilment
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-vittmi jirċievu rikonoxximent bil-miktub tal-ilment formali tagħhom magħmul minnhom lill-awtorità kompetenti ta' Stat Membru, li jiddikjara l-elementi bażiċi tar-reat kriminali kkonċernat.
2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-vittmi li jixtiequ jagħmlu ilment fir-rigward ta' reat kriminali u li ma jifhmux jew ma jitkellmux il-lingwa tal-awtorità kompetenti għandhom ikunu jistgħu jagħmlu l-ilment b'lingwa li jifhmu jew billi jirċievu l-għajnuna lingwistika neċessarja.
3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-vittmi, li ma jifhmux jew ma jitkellmux il-lingwa tal-awtorità kompetenti, jirċievu t-traduzzjoni mingħajr ħlas, tal-konferma bil-miktub tal-ilment tagħhom, prevista fil-paragrafu 1, jekk jixtiequ hekk, b'lingwa li jifhmu.
Artikolu 6
Dritt li jingħataw informazzjoni dwar il-każ tagħhom
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-vittmi jiġu notifikati mingħajr dewmien żejjed bid-dritt tagħhom li jirċievu l-informazzjoni li ġejja dwar il-proċedimenti kriminali mibdija bħala riżultat tal-ilment fir-rigward ta' reat kriminali mġarrab mill-vittma u li, fuq talba, huma jirċievu tali informazzjoni:
(a) |
kwalunkwe deċiżjoni li ma tkomplix jew li ttemm investigazzjoni jew li ma tixlix l-awtur ta' ksur; |
(b) |
il-ħin u l-post tal-proċess, u n-natura tal-akkużi kontra l-awtur ta' ksur. |
2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, f'konformità mar-rwol tagħhom fis-sistema tal-ġustizzja kriminali rilevanti, il-vittmi jiġu notifikati mingħajr dewmien żejjed bid-dritt tagħhom li jirċievu l-informazzjoni li ġejja dwar il-proċedimenti kriminali mibdija bħala riżultat tal-ilment fir-rigward ta' reat kriminali mġarrab mill-vittma u li, fuq talba, jirċievu tali informazzjoni:
(a) |
kwalunkwe sentenza finali fi proċess; |
(b) |
informazzjoni li tippermetti lill-vittma li tkun mgħarrfa bis-sitwazzjoni tal-proċedimenti kriminali, sakemm f’każijiet eċċezzjonali tali notifika ma taffettwax ħażin it-trattament tal-każ. |
3. Informazzjoni prevista taħt il-paragrafu 1(a) u l-paragrafu2(a) għandha tinkludi raġunijiet jew sommarju ta' raġunijiet għad-deċiżjoni inkwistjoni, ħlief fil-każ ta' deċiżjoni ta ġuri jew deċiżjoni fejn ir-raġunjiet huma kunfidenzjali f'liema każijiet ir-raġunijiet ma jingħatawx bħala kwistjoni tal-liġi nazzjonali.
4. Ix-xewqa tal-vittmi dwar jekk jixtiqux li jingħataw informazzjoni għandha torbot lill-awtorità kompetenti, ħlief jekk dik l-informazzjoni jkollha tiġi pprovduta minħabba l-intitolament tal-vittma għal parteċipazzjoni attiva fil-proċedimenti kriminali. L-Istati Membri għandhom iħallu l-vittmi jimmodifikaw ix-xewqa tagħhom fi kwalunkwe żmien, u mbagħad għandhom joħduha inkunsiderazzjoni.
5. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-vittmi jingħataw l-opportunità li jiġu notifikati, mingħajr dewmien mhux meħtieġ, meta l-persuna miżmuma f'kustodja, mixlija jew ikkundannata għal reati kriminali li jikkonċernawhom tinħeles jew tkun ħarbet mid-detenzjoni. L-Istati Membri għandhom jiżguraw lil-vittmi jiġu informati bi kwalunkwe miżura maħruġa għall-protezzjoni tagħhom f'każ ta' rilaxx jew ħarba tal-awtur ta' ksur.
6. Il-vittmi għandhom, fuq talba, jingħataw l-informazzjoni prevista fil-paragrafu 2, tal-inqas f'każijiet fejn hemm periklu jew riskju identifikat għalihom, sakemm ma jkunx hemm riskju identifikat ta' ħsara għall-awtur ta' ksur li jirriżulta min-notifika.
Artikolu 7
Dritt għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-vittmi li ma jifhmux jew li ma jitkellmux il-lingwa li biha jsiru l-proċedimenti kriminali kkonċernati jingħataw, fuq talba, b'interpretazzjoni, f'konformità mar-rwol tagħhom fis-sistema tal-ġustizzja kriminali rilevanti fi proċedimenti kriminali, bla ħlas, tal-anqas matul kwalunkwe intervista jew interrogazzjoni tal-vittma waqt il-proċedimenti kriminali quddiem awtoritajiet investigattivi u ġudizzjarji, inkluż waqt l-interrogazzjoni tal-pulizija, u jingħataw servizzi ta' interpretazzjoni għas-smigħ fil-qorti li jipparteċipaw fihom b'mod attiv u fi kwalunkwe smigħ interim meħtieġ.
2. Mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tad-difiża u f'konformità mar-regoli ta' diskrezzjoni ġudizzjarja, jistgħu jintużaw teknoloġiji tal-komunikazzjoni bħall-konferenzi bil-vidjo, telefon jew internet, sakemm il-preżenza fiżika tal-interpretu ma tkunx meħtieġa sabiex il-vittma tkun tista’ teżerċita d-drittijiet tagħha kif xieraq jew biex tifhem il-proċedimenti.
3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li vittmi li ma jifhmux jew li ma jitkellmux il-lingwa tal-proċedimenti kriminali kkonċernata jiġu provduti, skont ir-rwol tagħhom fis-sistema tal-ġustizzja kriminali rilevanti fi proċedimenti kriminali, fuq talba, it-traduzzjonijiet ta'informazzjoni essenzjali għall-eżerċizzju tad-drittijiet tagħhom fil-proċedimenti kriminali, f'lingwa li jifhmu, u bla ħlas, sakemm din l-informazzjoni tkun disponibbli għall-vittmi. Traduzzjonijiet ta' tali informazzjoni għandhom jinkludu tal-anqas kwalunkwe deċiżjoni li permezz tagħha jintemmu l-proċedimenti kriminali marbuta mar-reat kriminali mġarrab mill-vittma, u fuq talba tal-vittma, ir-raġunijiet jew sommarju tar-raġunijiet għal deċiżjoni bħal din, ħlief fil-każ ta' deċiżjoni ta' ġuri jew deċiżjoni fejn ir-raġunijiet ikunu kunfidenzjali, f'liema każijiet ir-raġunijiet ma jingħatawx minħabba l-liġi nazzjonali.
4. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-vittmi, li huma intitolati għall-informazzjoni dwar il-ħin u l-post tal-proċess, f'konformità mal-Artikolu 6(1)(b), u li ma jifhmux il-lingwa tal-awtorità kompetenti, jiġu provduti, traduzzjoni tal-informazzjoni li huma intitolati għaliha fuq talba.
5. Il-vittmi jistgħu jressqu talba rraġunata biex id-dokument jitqies bħala essenzjali. M'għandux ikun hemm ħtieġa li jiġu tradotti siltiet minn dokumenti essenzjali li mhumiex rilevanti biex il-vittmi jkunu jistgħu jipparteċipaw b'mod attiv fil-proċedimenti kriminali.
6. Minkejja l-paragrafi 1 u 3, traduzzjoni bil-fomm jew sommarju bil-fomm tad-dokumenti essenzjali jistgħu jingħataw minflok traduzzjoni bil-miktub bil-kondizzjoni li tali traduzzjoni jew sommarju bil-fomm ma jippreġudikawx kemm ikunu ġusti l-proċedimenti.
7. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorità kompetenti tevalwa jekk il-vittmi jeħtiġux interpretazzjoni jew traduzzjoni kif previst taħt il-paragrafi 1 u 3. Il-vittmi jistgħu jikkontestaw deċiżjoni biex ma jiġux ipprovduti interpretazzjoni jew traduzzjoni. Ir-regoli proċedurali għal tali kontestazzjoni għandhom ikunu determinati bil-liġi nazzjonali.
8. L-interpretazzjoni u t-traduzzjoni u, kif ukoll kwalunkwe kunsiderazzjoni ta' kontestazzjoni ta' deċiżjoni biex ma jiġux pprovduti interpretazzjoni jew traduzzjoni taħt dan l-Artikolu, m'għandhiex ittawwal il-proċedimenti kriminali b'mod mhux raġonebvoli.
Artikolu 8
Dritt għall-aċċess għas-servizzi ta' appoġġ għall-vittmi
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-vittmi f'konformità mal-ħtiġijiet tagħhom, ikollhom aċċess għas-servizzi ta’ appoġġ għall-vittmi kunfidenzjali, bla ħlas, filwaqt li jaġixxu fl-interessi tal-vittmi qabel, matul u għal żmien adatt wara l-proċedimenti kriminali. Il-membri tal-familja għandu jkollhom aċċess għal servizzi ta' appoġġ għall-vittmi f'konformità mal-ħtiġijiet tagħhom u l-grad ta' ħsara mġarrba b'riżultat tar-reat mwettaq kontra l-vittma.
2. L-Istati Membri għandhom jiffaċilitaw ir-riferiment tal-vittmi għas-servizzi ta’ appoġġ għall-vittmi mill-awtorità kompetenti li tkun irċeviet l-ilment u minn entitajiet rilevanti oħra.
3. L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri biex jistabbilixxu servizzi ta' appoġġ speċjalizzat bla ħlas u kunfidenzjali flimkien ma', jew bħala parti integrata ta', servizzi ġenerali ta' appoġġ għall-vittmi, jew billi l-organizzazzjonijiet ta' appoġġ tal-vittmi jkunu jistgħu jitolbu tali appoġġ speċjalizzat minn entitajiet speċjalizzati eżistenti. F'konformità mal-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom, il-vittmi għandu jkollhom aċċess għal tali servizzi u l-membri tal-familja għandu jkollhom aċċess skont il-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom u l-grad ta' ħsara li jkunu ġarrbu b'riżultat tal-offiża kriminali li jkun sar kontra l-vittma.
4. Is-servizzi ta' appoġġ u kwalunkwe servizz ta' appoġġ speċjalizzat jista' jiġi stabbilit bħala organizzazzjoni pubblika jew li mhix governattiva u tista' tiġi organizzata fuq bażi professjonali jew volontarja.
5. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-aċċess għal servizzi ta' appoġġ għall-vittmi ma jiddependix fuq il-fatt li vittma tressaq ilment formali fir-rigward ta' reat kriminali quddiem awtorità kompetenti.
Artikolu 9
Appoġġ mis-servizzi ta' appoġġ għall-vittmi
1. Is-servizzi ta' appoġġ għall-vittmi, kif jirreferi għalihom l-Artikolu 8(1), għandhom tal-anqas jipprovdu:
(a) |
informazzjoni, parir u appoġġ rilevanti għad-drittijiet tal-vittmi inkluż dwar l-aċċess għal skemi nazzjonali ta’ kumpens għal danni ta' reat kriminali, u dwar ir-rwol tagħhom fil-proċedimenti kriminali inkluż fit-tħejjija għall-attendenza fil-proċess; |
(b) |
informazzjoni dwar jew referenza diretta għal kwalunke servizz ta' appoġġ rilevanti fis-seħħ; |
(c) |
appoġġ emottiv u, fejn disponibbli, psikoloġiku; |
(d) |
parir marbut ma' kwistjonijiet finanzjarji u prattiċi li jqumu mill-att kriminali; |
(e) |
sakemm ma jkunx ipprovdut mod ieħor minn servizzi pubbliċi jew privati, parir relatat mar-riskju u l-prevenzjoni ta' vitimizzazzjoni sekondarja u repetuta, ta' intimidazzjoni u ta' ritaljazzjoni. |
2. L-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu s-servizzi ta' appoġġ għall-vittmi biex jagħtu attenzjoni partikolari għall-ħtiġijiet speċifiċi tal-vittmi li ġarrbu ħsara konsiderevoli minħabba s-severità tal-att kriminali.
3. Sakemm ma jiġix ipprovdut mod ieħor minn servizzi pubbliċi jew privati oħra, servizzi ta' appoġġ speċjalizzati msemmija fl-Artikolu 8(3), għandhom tal-anqas jiżviluppaw u jipprovdu:
(a) |
kenn jew kwalunkwe akkomodazzjoni interim adatta għal vittmi li għandhom bżonn post sikur minħabba riskju imminenti ta' vitimizzazzjoni sekondarja u repetuta, ta' intimidazzjoni u ta' ritaljazzjoni; |
(b) |
appoġġ immirat u integrat għal vittmi bi ħtiġijiet speċifiċi, bħal vittmi ta' vjolenza sesswali, vittmi ta' vjolenza bbażata fuq is-sessi u vittmi ta' vjolenza f'relazzjonijiet mill-qrib, inklużi appoġġ fi trawma u konsultazzjoni. |
KAPITOLU 3
PARTEĊIPAZZJONI FI PROĊEDIMENTI KRIMINALI
Artikolu 10
Id-dritt li wieħed jinstema'
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-vittmi jistgħu jinstemgħu waqt il-proċedimenti kriminali u jkunu jistgħu jipprovdu xhieda. Fejn il-vittma li tkun għadha tfal tkun ser tinstema', għandha titqies l-età u l-maturità tagħha.
2. Ir-regoli proċedurali li taħthom il-vittmi jistgħu jinstemgħu waqt il-proċedimenti kriminali u jistgħu jipprovdu xhieda għandhom ikunu determinati mil-liġi nazzjonali.
Artikolu 11
Drittijiet f'każ li tittieħed deċiżjoni li permezz tagħha l-awtur ma jiġix mixli
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-vittmi, f'konformità mar-rwol tagħhom fis-sistema tal-ġustizzja kriminali rilevanti, għandhom id-dritt għal reviżjoni ta' deċiżjoni li permezz tagħha l-awtur ta' ksur ma jkunx ser jiġi mixli. Ir-regoli proċedurali għal reviżjoni bħal din għandhom ikunu determinati mil-liġi nazzjonali.
2. Meta, f'konformità mal-liġi nazzjonali, ir-rwol tal-vittma fis-sistema tal-ġustizzja kriminali rilevanti jkun ġie stabbilit biss wara li tkun ittieħdet deċiżjoni biex jiġi mixli l-awtur ta' ksur, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li tal-anqas il-vittmi ta' reati serji għandhom id-dritt għal reviżjoni ta' deċiżjoni li permezz tagħha l-awtur ta' ksur ma jkunx ser jiġi mixli. Ir-regoli proċedurali għal reviżjoni bħal din għandhom ikunu determinati mil-liġi nazzjonali.
3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-vittmi jiġu notifikati mingħajr dewmien mhux meħtieġ tad-dritt tagħhom li jingħataw informazzjoni, u li humajirċievu biżżejjed informazzjoni biex jiddeċiedu dwar jekk għandhomx jitolbu reviżjoni ta’ kwalunkwe deċiżjoni li permezz tagħha l-awtur ta' ksur ma jkunx ser jiġi mixli, fuq talba.
4. Fejn id-deċiżjoni inizjali li l-awtur ma jiġix mixli tittieħed mill-ogħla awtorità ta' prosekuzzjoni li ma tista' titwettaq l-ebda reviżjoni kontra d-deċiżjoni tagħha skont il-liġi nazzjonali, id-dritt għar-reviżjoni jista' jitwettaq mill-istess awtorità.
5. Il-paragrafi 1, 3 u 4 m'għandhomx japplikaw għal deċiżjoni tal-prosekutur li ma ssirx prosekuzzjoni, jekk tali deċiżjoni tirriżulta f'soluzzjoni barra mill-qorti, sa fejn il-liġi nazzjonali tipprevedi possibbiltà bħal din.
Artikolu 12
Dritt għal salvagwardji fil-kuntest ta’ servizzi ta' ġustizzja restorattiva
1. L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri li jissalvagwardjaw il-vittma minn vitimizzazzjoni sekondarja u repetuta, minn intimidazzjoni u minn ritaljazzjoni, li għandhom jiġu applikati meta jingħataw kwalunkweservizzi ta’ ġustizzja restorattiva. Tali miżuri għandhom jiżguraw li l-vittmi, li jagħżlu li jipparteċipaw fi proċessi ta' ġustizzja restorattiva jkollhom aċċess għal servizzi ta' ġustizzja restorattiva sikura u kompetenti, soġġett tal-anqas għall-kundizzjonjijiet li ġejjin:
(a) |
is-servizzi ta’ ġustizzja restorattiva jintużaw biss jekk ikunu fl-interess tal-vittma, soġġetti għal kwalunkwe konsiderazzjoni sikura, u jkunu bbażati fuq il-kunsens liberu u infurmat tal-vittma; li jista’ jiġi rtirat fi kwalunkwe ħin; |
(b) |
qabel ma taqbel li tipparteċipa fil-proċess ta' ġustizzja ristorattiva, il-vittma tingħata informazzjoni sħiħa u imparzjali dwar dak il-proċess u l-eżiti potenzjali kif ukoll informazzjoni dwar il-proċeduri ta' sorveljanza tal-implimentazzjoni ta' kwalunkwe ftehim; |
(c) |
l-awtur ta' ksur irid jkun irrikonoxxa l-fatti bażiċi tal-kawża; |
(d) |
kwalunkwe ftehim jintlaħaq b’mod volontarju u jista' jitqies fi kwalunkwe proċediment kriminali ulterjuri; |
(e) |
diskussjonijiet fi proċessi ta’ ġustizzja restorattiva li ma jitwettqux fil-pubbliku huma kunfidenzjali u għalhekk ma jiġux żvelati, ħlief bil-ftehim tal-partijiet jew kif meħtieġ mil-liġi nazzjonali minħabba interess pubbliku iktar importanti. |
2. L-Istati Membri għandhom jiffaċilitaw ir-riferiment ta' każijiet, kif adatt, għal servizzi ta' ġustizzja restorattiva, inkluż permezz tal-istabbiliment ta' proċeduri jew linji gwida dwar il-kundizzjonijiet għal tali riferiment.
Artikolu 13
Dritt għal għajnuna legali
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-vittmi jkollhom aċċess għal għajnuna legali, fejn ikollhom l-istatus ta' partijiet għall-proċedimenti kriminali. Il-kundizzjonijiet jew regoli proċedurali li taħthom il-vittmi jkollhom aċċess għal għajnuna legali għandhom jiġu determinati mil-liġi nazzjonali.
Artikolu 14
Dritt għal rimborż tal-ispejjeż
L-Istati Membri għandhom jagħtu lill-vittmi, li jipparteċipaw fil-proċedimenti kriminali, il-possibbiltà li jiġu rimborżati għall-ispejjeż li jkunu ġarrbu b’riżultat tal-parteċipazzjoni attiva tagħhom fi proċedimenti kriminali, f'konformità mar-rwol tagħhom fis-sistema tal-ġustizzja kriminali rilevanti. Il-kondizzjonijiet jew ir-regoli proċedurali li taħthom il-vittmi jistgħu jiġu rimborżati għall-ispejjeż għandhom jiġu determinati mil-liġi nazzjonali.
Artikolu 15
Dritt ta’ radd lura tal-proprjetà
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, wara deċiżjoni minn awtorità kompetenti, il-proprjetà li tista' tiġi rkuprata li tiġi sekwestrata matul il-proċedimenti kriminali tintradd lura lill-vittmi mingħajr dewmien, sakemm ma tkunx meħtieġa għall-iskop tal-proċedimenti kriminali. Il-kundizzjonijiet jew ir-regoli proċedurali li taħthom tali proprjetà tintradd lura lill-vittmi għandhom jiġu determinati mil-liġi nazzjonali.
Artikolu 16
Dritt għal deċiżjoni dwar il-kumpens mill-awtur ta' ksur matul il-proċedimenti kriminali
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, matul il-proċedimenti kriminali, il-vittmi jkunu intitolati li jiksbu deċiżjoni dwar il-kumpens mill-awtur ta' ksur, fi żmien raġonevoli, ħlief fejn il-liġi nazzjonali tipprevedi li tali deċiżjoni ssir fi proċedimenti legali oħrajn.
2. L-Istati Membri għandhom jippromwovu miżuri biex iħeġġu lill-awturi ta' ksur jipprovdu kumpens adegwat lill-vittmi.
Artikolu 17
Drittijiet ta’ vittmi residenti fi Stat Membru ieħor
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti tagħhom ikunu jistgħu jieħdu miżuri adattati biex inaqqsu d-diffikultajiet li jħabbtu wiċċhom magħhom il-vittmi meta dawn ikunu residenti fi Stat Membru differenti minn dak fejn ikun twettaq ir-reat, partikolarment fir-rigward tal-organizzazzjoni tal-proċedimenti. Għal dan il-għan, l-awtoritajiet tal-Istat Membru fejn ikun twettaq ir-reat għandhom, b’mod partikolari, ikunu f’pożizzjoni li:
(a) |
jieħdu dikjarazzjoni mingħand il-vittma immedjatament wara li jsir l-ilment dwar ir-reat kriminali lill-awtorità kompetenti; |
(b) |
jirrikorru sa fejn ikun possibbli għad-dispożizzjonijiet dwar il-konferenzi bil-vidjo u t-telefonati ta' konferenza stabbiliti fil-Konvenzjoni dwar l-Assistenza Reċiproka fi Kwistjonijiet Kriminali bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea tad-29 ta' Mejju 2000 (17) bil-għan li jinstemgħu l-vittmi li jkunu residenti barra mill-pajjiż. |
2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-vittmi ta’ reat kriminal mwettaq fi Stati Membri differenti minn dak ta’ fejn jgħixu jkunu jistgħu jagħmlu lment lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ residenza tagħhom, jekk ma jkunux jistgħu jagħmlu dan fl-Istat Membru fejn ikun seħħ ir-reat jew, fil-każ ta' reat serju, kif iddeterminat mil-liġi nazzjonali ta' dak l-Istat Membru, jekk ma jkunux jixtiequ jagħmlu dan.
3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorità kompetenti li magħha jkun sar l-ilment tibagħtu mingħajr dewmien lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn ikun seħħ ir-reat kriminali, jekk il-kompetenza li jinbdew il-proċdimenti ma tkunx ġiet eżerċitata mill-Istat Membru fejn sar l-ilment.
KAPITOLU 4
PROTEZZJONI TAL-VITTMI U RIKONOXXIMENT TA' VITTMI BI ĦTIĠIJIET SPEĊIFIĊI TA' PROTEZZJONI
Artikolu 18
Dritt għal protezzjoni
Bla preġudizzju għad-drittijiet tad-difiża, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun hemm miżuri disponibbli għall-protezzjoni tal-vittmi u l-membri tal-familja tagħhom minn vitimizzazzjoni sekondarja u repetuta, minn intimidazzjoni u minn ritaljazzjoni, inkluż kontra r-riskju ta' ħsara emozzjonali jew psikoloġika, u għall-protezzjoni tad-dinjità tal-vittmi waqt l-interrogazzjoni u meta jagħtu x-xhieda tagħhom. Meta meħtieġ, tali miżuri għandhom jikludu wkoll proċeduri stabbiliti taħt il-liġi nazzjonali għall-protezzjoni fiżika tal-vittmi u l-membri tal-familja tagħhom.
Artikolu 19
Dritt li jiġi evitat kuntatt bejn il-vittma u l-awtur ta' ksur
1. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-kundizzjonijiet meħtieġa biex ikun jista' jiġi evitat kuntatt bejn il-vittmi u l-membri tal-familja tagħhom, fejn meħtieġ, u l-awtur ta' ksur fil-binjiet fejn jitwettqu l-proċedimenti kriminali sakemm il-proċedimenti kriminali ma jkunux jeħtieġu tali kuntatt.
2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li binjiet ġodda tal-qorti jkollhom kmamar fejn jistennew separati għall-vittmi.
Artikolu 20
Dritt għall-protezzjoni tal-vittmi waqt l-investigazzjonijiet kriminali
Bla preġudizzju għad-drittijiet tad-difiża u f'konformità mar-regoli ta' diskrezzjoni ġudizzjarja, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li waqt investigazzjonijiet kriminali:
(a) |
l-intervisti tal-vittmi jsiru mingħajr dewmien mhux ġustifikat wara li jkun sar l-ilment fir-rigward tar-reat kriminali lill-awtorità kompetenti; |
(b) |
l-għadd ta’ intervisti mal-vittmi jkun limitat kemm jista’ jkun u l-intervisti jsiru biss fejn strettament meħtieġ għall-iskopijiet tal-investigazzjonijiet kriminali; |
(c) |
il-vittmi jkunu jistgħu jiġu akkumpanjati mir-rappreżentant legali tagħhom u minn persuna li jagħżlu huma stess, sakemm ma tkunx ingħatat deċiżjoni motivata kuntrarja; |
(d) |
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-eżamijiet mediċi jinżammu għall-minimu u jitwettqu biss meta jkunu strettament meħtieġa għall-iskop tal-proċedimenti kriminali. |
Artikolu 21
Dritt għall-protezzjoni tal-privatezza
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li waqt il-proċedimenti kriminali, l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jieħdu miżuri xierqa biex jipproteġu l-privatezza, inklużi karatteristiċi personali tal-vittma meqjusa fil-valutazzjoni individwali prevista fl-Artikolu 22, u immaġini tal-vittmi u tal-membri tal-familji tagħhom. Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jieħdu l-miżuri legali kollha biex jipprevjenu d-disseminazzjoni pubblika ta' kwalunkwe informazzjoni li tista' twassal għall-identifikazzjoni ta' vittmi tfal.
2. Sabiex jiġu protetti l-privatezza, l-integrità personali u d-data personali tal-vittmi, l-Istati Membri għandhom, b'rispett għal-libertà tal-espressjoni u l-informazzjoni u l-libertà u l-pluraliżmu tal-medja, iħeġġu lill-medja sabiex tieħu miżuri awtoregolatorji.
Artikolu 22
Valutazzjoni individwali tal-vittmi biex jiġu identifikati ħtiġijiet speċifiċi ta' protezzjoni
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-vittmi ssirilhom valutazzjoni individwali u f’waqtha, skont il-proċeduri nazzjonali, biex jiġu identifikati ħtiġijiet speċifiċi ta' protezzjoni u biex jiġi ddeterminat jekk u sa liema punt jibbenefikaw minn miżuri speċjali matul il-proċedimenti kriminali, kif previst fl-Artikoli 23 u 24, minħabba li jkunu partikolarment vulnerabbli għal vitimizzazzjoni sekondarja u repetuta, għal intimidazzjoni u għal ritaljazzjoni.
2. Il-valutazzjoni għandha tieħu kont partikolarment ta':
(a) |
il-karatteristiċi personali tal-vittma; |
(b) |
it-tip jew in-natura tal-att kriminali; u |
(c) |
iċ-ċirkostanzi tal-att kriminali. |
3. Fil-kuntest tal-valutazzjoni individwali, għandha tingħata attenzjoni partikolari lil vittmi li jkunu ġarrbu ħsara konsiderevoli minħabba s-severità u tal-att kriminali; vittmi li jkunu ġarrbu att kriminali mwettaq bi preġudizzju jew raġuni diskriminatorja, li jista', b'mod partikolari, jkun marbuta mal-karatteristiċi personali tagħhom; vittmi li r-relazzjoni tagħhom ma' u d-dipendenza tagħhom fuq l-awtur ta' reat tagħmilhom partikolarment vulnerabbli. F'dan ir-rigward, vittmi ta' terroriżmu, kriminalità organizzata, traffikar tal-bnedmin, vjolenza abbażi tas-sessi, vjolenza f'relazzjonit mill-qrib, vjolenza sesswali, sfruttament jewreati ta' mibegħda, u vittmi b'diżabbiltàgħadhom jitqiesu kif dovut.
4. Għall-fini ta' din id-Direttiva, vittmi tfal għandhom jitqiesu li għandhom ħtiġijiet speċifiċi ta' protezzjoni minħabba l-vulnerabbiltà tagħhom għal vittimizzazzjoni sekondarja u ripetuta, għal intimidazzjoni u għal ritaljazzjoni. Biex jiġi ddeterminat jekk u sa liema punt huma jibbenefikaw minn miżuri speċjali kif previsti skont l-Artikoli 22 u 24, il-vittmi tfal għandhom ikunu soġġetti għal valutazzjoni individwali kif previst fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.
5. L-ambitu tal-valutazzjoni individwali jista' jiġi adattat skont il-gravità tal-att kriminali u l-livell ta' ħsara viżibbli li tkun ġarrbet il-vittma.
6. Tali valutazzjoni individwali għandha ssir b'involviment mill-qrib tal-vittmi u għandha tieħu kont tax-xewqat tagħhom inkluż fejn ma jkunux jixtiequ jibbenefikaw minn miżuri speċjali prevsiti fl-Artikoli 22 u 24.
7. Jekk l-elementi li jiffurmaw il-bażi tal-valutazzjoni individwali ikunu nbidlu b'mod sinifikanti, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li din tkun aġġornata matul il-proċedimenti kriminali.
Artikolu 23
Dritt għall-protezzjoni ta’ vittmi bi ħtiġijiet speċifiċi ta' protezzjoni waqt il-proċedimenti kriminali
1. Mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tad-difiża u skont ir-regoli tad-diskrezzjoni ġudizzjarja, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li vittmi bi ħtiġijiet speċifiċi ta' protezzjoni li jibbenefikaw minn miżuri speċjali identifikati bħala riżultat ta' valutazzjoni individwali prevista fl-Artikolu 22(1) jistgħu jibbenefikaw mill-miżuri previsti fil-paragrafi 2 u 3 ta' dan l-Artikolu. Miżura speċjali prevista wara l-valutazzjoni individwali mżgħandiex titpoġġa għad-dispożizzjoni jekk restrizzjonijiet operazzjonali jew prattiċi jagħmlu dan impossibbli, jew fejn ikun hemm ħtieġa urġenti li tiġi interrogata l-vittma u jekk dan ma jsirx tkun tista' ssir ħsara lill-vittma jew persuna oħra jew tista' tippreġudika l-kors tal-proċedimenti.
2. Il-miżuri li ġejjin għandhom ikunu disponibbli matul l-investigazzjonijiet kriminali għal vittmi bi ħtiġijiet speċifiċi ta' protezzjoni identifikati skont l-Artikolu 22(1):
(a) |
interrogazzjonijiet mal-vittma jiġu mwettqa f'binjiet imfasslin jew addattati għal dak l-iskop; |
(b) |
interrogazzjonijiet mal-vittma jiġu mwettqa minn jew permezz ta' professjonisti mħarrġa għal dak il-għan; |
(c) |
l-intervisti kollha tal-vittma jitwettqu mill-istess persuni sakemm dan ma jmurx kontra l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja; |
(d) |
l-intervisti kollha mal-vittmi ta' vjolenza sesswali, vjolenza abbażi tas-sessi jew vjolenza f'relazzjonijiet mill-qrib, sakemm ma jsirux minn prosekutur jew imħallef, isiru minn persuna tal-istess sess bħall-vittma, jekk il-vittma tkun tixtieq hekk, sakemm il-kors tal-proċedimenti kriminali ma jiġix ippreġudikat. |
3. Il-miżuri li ġejjin għandhom ikunu disponibbli għal vittmi bi ħtiġijiet speċifiċi ta' protezzjoni identifikati skont l-Artikolu 22(1) matul il-proċediment tal-qorti:
(a) |
miżuri biex jiġi evitat kuntatt viżwali bejn il-vittmi u l-awturi ta' ksur matul l-għoti ta' xhieda, b'mezzi adatti inkluż l-użu tat-teknoloġija ta' komunikazzjoni; |
(b) |
miżuri biex jiġi żgurat li l-vittma tkun tista’ tixhed fl-awla tal-qorti mingħajr ma tkun preżenti, partikolarment bl-użu ta’ teknoloġija ta’ komunikazzjoni xierqa; |
(c) |
miżuri biex jiġu evitati mistoqsijiet mhux meħtieġa dwar il-ħajja privata tal-vittma mhux marbuta mar-reat kriminali; u |
(d) |
miżuri li jippermettu li jsir smigħ mingħajr il-preżenza tal-pubbliku. |
Artikolu 24
Dritt għall-protezzjoni ta’ vittmi tfal waqt il-proċedimenti kriminali
1. Minbarra l-miżuri previsti fl-Artikolu 23, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li fejn il-vittma hija tifel jew tifla:
(a) |
f'investigazzjonijiet kriminali, l-intervisti kollha mal-vittmi tfal jistgħu jiġu rreġistrati awdjoviżwalment u tali intervisti rreġistrati jistgħu jintużaw bħala evidenza fi proċedimenti kriminali; |
(b) |
f'investigazzjonijiet u proċedimenti kriminali, f'konformità mar-rwol tal-vittmi fis-sistema tal-ġustizzja kriminali rilevanti, l-awtoritajiet kompetenti jaħtru rappreżentant speċjali għat-tfal vittmi fejn, skont il-liġi nazzjonali, id-detenturi tar-responsabbiltà ta' ġenitur jinżammu milli jirrapreżentaw it-tifel jew tifla vittma bħala riżultat ta' kunflitt ta' interess bejnhom u t-tifel jew tifla vittma, jew fejn it-tifel jew tifla vittma ma tkunx akkumpanjata jew tkun separata mill-familja; |
(c) |
fejn it-tfal vittmi jkollhom id-dritt għal avukat, it-tfal għandu jkollhom id-dritt għall-parir u r-rappreżentazzjoni legali tagħhom, f'isimhom, fi proċediment fejn hemm, jew jista' jkun hemm, kunflitt ta' interess bejn it-tfal vittmi u d-detenturi tar-responsabbiltà parentali. |
Ir-regoli proċedurali għar-reġistrazzjonijiet awdjoviżivi msemmija fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu 1 u l-użu tagħhom għandu jiġi ddeterminat mil-liġi nazzjonali.
2. Fejn l-età ta' vittma ma tkunx ċerta, u hemm raġunijiet għaliex wieħed jemmen li l-vittma hija tifel jew tifla, il-vittma għandha, għall-fini ta' din id-Direttiva, titqies bħala tifel jew tifla.
KAPITOLU 5
DISPOŻIZZJONIJIET OĦRA
Artikolu 25
Taħriġ tal-prattikanti
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li uffiċjali li x'aktarx ikollhom kuntatt mal-vittmi, bħal uffiċjali tal-pulizija u persunal tal-qorti jirċievu kemm taħriġ ġenerali kif ukoll speċjalizzat għal livell adatt għall-kuntatt tagħhom mal-vittmi biex isiru aktar konxji tal-ħtiġijiet tal-vittmi u sabiex ikunu jistgħu jittrattaw mal-vittmi b'mod imparzjali, rispettuż u professjonali.
2. Mingħajr preġudizzju għall-indipendenza ġudizzjarja u d-differenzi fl-organizzazzjoni tal-ġudikatura fl-Unjoni, l-Istati Membri għandhom jitolbu li dawk responsabbli għat-taħriġ tal-imħallfin u l-prosekuturi involuti fi proċedimenti kriminali jagħmlu disponibbli kemm taħriġ ġenerali kif ukoll speċjalizzat biex l-imħallfin u l-prosekuturi jsiru aktar konxji tal-ħtiġijiet tal-vittmi.
3. Bir-rispett dovut għall-indipendenza tal-professjoni legali, l-Istati Membri għandhom jirrakkomandaw li dawk responsabbli għat-taħriġ tal-avukati jagħmlu disponibbli kemm taħriġ ġenerali kif ukoll speċjalizzat biex l-avukati jsiru aktar konxji tal-ħtiġijiet tal-vittmi.
4. Permezz tas-servizzi pubbliċi tagħhom jew billi jiffinanzjaw l-organizzazzjonijiet ta' appoġġ għall-vittmi, l-Istati Membri għandhom iħeġġu inizjattivi li jagħmluha possibbli għal dawk li jagħtu appoġġ lill-vittmi u servizzi ta' ġustizzja restorattiva li jirċievu taħriġ adegwat għal livell adatt għall-kuntatt tagħhom mal-vittmi u josservaw standards professjonali biex jiġi żgurat li servizzi bħal dawn jingħataw b'mod imparzjali, rispettuż u professjonali.
5. Skont id-dmirijiet involuti, u n-natura u l-livell ta' kuntatt li l-prattikant ikollu mal-vittmi, it-taħriġ għandu jkollu l-għan li jagħmilha possibbli għall-prattikant li jirrikonoxxi l-vittmi u li jitrattahom b'mod rispettuż, professjonali u mhux diskriminatorju.
Artikolu 26
Kooperazzjoni u koordinazzjoni tas-servizzi
1. L-Istati Membri għandhom jieħdu azzjoni adatta biex tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri biex itejbu l-aċċess tal-vittmi għad-drittijiet stabbiliti f'din id-Direttiva u skont il-liġi nazzjonali. Kooperazzjoni bħal din għandha mill-inqas tkun immirata lejn:
(a) |
l-iskambju tal-aħjar prattika; |
(b) |
il-konsultazzjoni f'każijiet individwali; u |
(c) |
l-għajnuna lil netwerks Ewropej li jaħdmu fuq kwistjonijiet direttament rilevanti għad-drittijiet tal-vittmi. |
2. L-Istati Membri għandhom jieħdu azzjoni adatta, inkluż permezz tal-internet, bil-għan li ssir sensibilizzazzjoni dwar id-drittijiet stipulati f'din id-Direttiva, jitnaqqas ir-riskju ta' vittimizzazzjoni, u jiġi minimizzat l-impatt negattiv tal- kriminalità u r-riskji ta' vittimizzazzjoni sekondarja u ripetuta, tal-intimidazzjoni u tar-ritaljazzjoni, b'mod partikolari billi jkunu fil-mira gruppi f'riskju bħal tfal, vittmi ta' vjolenza abbażi tas-sessi u ta' vjolenza f'relazzjonijiet mill-qrib. Azzjoni bħal din għandha tinkludi kampanji ta' informazzjoni u sensibilizzazzjoni, u programmi ta’ riċerka u edukazzjoni, fejn adatt f'kooperazzjoni ma' aġenziji rilevanti tas-soċjetà ċivili u partijiet interessati oħrajn.
KAPITOLU 6
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
Artikolu 27
Traspożizzjoni
1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa 16 ta’ Novembru 2015.
2. Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn referenza bħal din fil-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif għandha ssir tali referenza.
Artikolu 28
Għoti ta’ data u statistika
L-Istati Membri għandhom sas-16 ta’ Novembru 2017 u kull tliet snin wara dan jikkomunikaw lill-Kummissjoni data disponibbli li turi kif il-vittmi kellhom aċċess għad-drittijiet stabbiliti f'din id-Direttiva.
Artikolu 29
Rapport
Il-Kummissjoni għandha, sas-16 ta’ Novembru 2017, tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, li jivvaluta kemm l-Istati Membri ħadu l-miżuri meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva, u jinkludi deskrizzjoni tal-azzjoni meħuda skont l-Artikoli 8, 9 u 23, akkumpanjat, jekk meħtieġ, minn proposti leġislattivi.
Artikolu 30
Sostituzzjoni tad-Deċiżjoni Qafas 2001/220/ĠAI
Id-Deċiżjoni Qafas 2001/220/ĠAI hija b'dan sostitwita b'rabta mal-Istati Membri li qed jipparteċipaw fl-adozzjoni ta' din id-Direttiva, mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-Istati Membri marbuta mal-iskadenzi għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali.
B'rabta mal-Istati Membri li qed jipparteċipaw fl-adozzjoni ta' din id-Direttiva, ir-referenzi għal dik id-Deċiżjoni Qafas għandhom jiġu interpretati bħala referenzi għal din id-Direttiva.
Artikolu 31
Dħul fis-seħħ
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 32
Destinatarji
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri f'konformità mat-Trattati.
Magħmul fi Strasburgu, il-25 ta’ Ottubru 2012.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
M. SCHULZ
Għall-Kunsill
Il-President
A. D. MAVROYIANNIS
(1) ĠU C 43, 15.2.2012, p. 39.
(2) ĠU C 113, 18.4.2012, p. 56.
(3) Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Settembru 2012 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali)] u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-4 ta' Ottubru 2012.
(6) ĠU C 187, 28.6.2011, p. 1.
(7) ĠU C 285E, 21.10.2010, p. 53.
(8) ĠU C 296E, 2.10.2012, p. 26.
(9) ĠU L 388, 21.12.2011, p. 2.
(10) ĠU L 101, 15.4.2011, p. 1.
(11) ĠU L 335, 17.12.2011, p. 1.
(12) ĠU L 164, 22.6.2002, p. 3.
(13) ĠU L 328, 15.12.2009, p. 42.
(14) ĠU L 350, 30.12.2008, p.60.