This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32010R0995
Regulation (EU) No 995/2010 of the European Parliament and of the Council of 20 October 2010 laying down the obligations of operators who place timber and timber products on the market Text with EEA relevance
Regolament (UE) Nru 995/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 20 ta’ Ottubru 2010 li jistabbilixxi l-obbligi tal-operaturi li jqiegħdu fis-suq injam u prodotti tal-injam Test b’relevanza għaż-ŻEE
Regolament (UE) Nru 995/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 20 ta’ Ottubru 2010 li jistabbilixxi l-obbligi tal-operaturi li jqiegħdu fis-suq injam u prodotti tal-injam Test b’relevanza għaż-ŻEE
ĠU L 295, 12.11.2010, p. 23–34
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(HR)
In force: This act has been changed. Current consolidated version: 01/01/2020
12.11.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 295/23 |
REGOLAMENT (UE) Nru 995/2010 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tal-20 ta’ Ottubru 2010
li jistabbilixxi l-obbligi tal-operaturi li jqiegħdu fis-suq injam u prodotti tal-injam
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 192(1) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni,
Waqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),
Billi:
(1) |
Il-foresti jipprovdu varjetà wiesgħa ta’ benefiċċji ambjentali, ekonomiċi u soċjali inklużi prodotti tal-foresta mill-injam u mhux mill-injam u servizzi ambjentali li huma essenzjali għall-bniedem, bħaż-żamma tal-bijodiversità u tal-funzjonijiet tal-ekosistemi u l-protezzjoni tas-sistema tal-klima. |
(2) |
Minħabba d-domanda li dejjem qed tiżdied mad-dinja kollha għall-injam u l-prodotti tal-injam, flimkien man-nuqqasijiet istituzzjonali u ta’ governanza li jinsabu fis-settur tal-foresta f’għadd ta’ pajjiżi li jipproduċu l-injam, il-qtugħ illegali u l-kummerċ marbut miegħu saru kwistjonijiet li jagħtu lok għal dejjem aktar ta’ tħassib. |
(3) |
Il-qtugħ illegali hu problema mifruxa ta’ tħassib internazzjonali ewlieni. Huwa jippreżenta theddida sinifikanti għall-foresti għax jikkontribwixxi għall-proċess ta’ deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti, li hu responsabbli għal madwar 20 % tal-emissjonijiet globali ta’ CO2, jhedded il-bijodiversità, u jimmina l-ġestjoni u l-iżvilupp sostenibbli tal-foresti inkluż il-vijabbiltà kummerċjali tal-operaturi li jaġixxu f’konformità mal-leġiżlazzjoni applikabbli. Huwa jikkontribwixxi wkoll għad-deżertifikazzjoni u l-erożjoni tal-ħamrija u jista’ jħarrax ġrajjiet estremi tat-temp u għargħar. Barra minn hekk, għandu wkoll implikazzjonijiet soċjali, politiċi u ekonomiċi, li sikwit jimminaw il-progress lejn tmexxija tajba u jheddu l-għajxien tal-komunitajiet lokali li jiddependu mill-foresti u jista’ jkollu rabta ma’ kunflitti armati. Il-ġlieda kontra l-problema tal-qtugħ illegali ta’ siġar fil-kuntest ta’ dan ir-Regolament hija mistennija li tikkontribwixxi b’mod sinifikanti għall-istrateġiji tal-UE ta’ mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima b’mod effiċjenti meta mqabbel mal-infiq u għandha titqies bħala komplementari għall-azzjoni u l-impenn tal-UE fil-kuntest tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima. |
(4) |
Id-Deċiżjoni Nru 1600/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Lulju 2002 li tistabbilixxi s-Sitt Programm Komunitarju ta’ Azzjoni Ambjentali (3) tidentifika bħala azzjoni ta’ prijorità l-eżami tal-possibiltà li jittieħdu miżuri attivi biex jiġi evitat u jiġi miġġieled il-kummerċ ta’ injam maħsud b’mod illegali, kif ukoll it-tkomplija tal-parteċipazzjoni attiva tal-Unjoni u tal-Istati Membri fl-implimentazzjoni ta’ riżoluzzjonijiet globali u reġjonali u ta’ ftehimiet dwar kwistjonijiet marbuta mal-foresti. |
(5) |
Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2003 intitolata “Infurzar tal-Liġi tal-Foresta, Governanza u Kummerċ (FLEGT): Pjan ta’ Azzjoni tal-UE” ipproponiet pakkett ta’ miżuri li jappoġġaw l-isforzi internazzjonali sabiex tinstab soluzzjoni għall-problema tal-qtugħ illegali ta’ siġar u l-kummerċ marbut miegħu fil-kuntest tal-isforzi globali tal-Unjoni għall-kisba ta’ ġestjoni sostenibbli tal-foresti. |
(6) |
Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill laqgħu pożittivament dik il-Komunikazzjoni u rrikonoxxu l-ħtieġa li l-Unjoni tikkontribwixxi għall-isforzi globali sabiex tiġi indirizzata l-problema tal-qtugħ illegali. |
(7) |
F’konformità mal-għan ta’ dik il-Komunikazzjoni, jiġifieri li jiġi żgurat li jidħlu biss fl-Unjoni prodotti tal-injam li ġew manifatturati skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-pajjiż produttur tal-injam, l-Unjoni qed tinnegozja Ftehimiet ta’ Sħubija Volontarja (FLEGT VPAs, Voluntary Partnership Agreements) ma’ pajjiżi li jipproduċu l-injam (pajjiżi msieħba), li jimponu obbligu legalment vinkolanti fuq il-partijiet li jimplimentaw skema ta’ liċenzjar u li jirregolaw il-kummerċ fl-injam u l-prodotti tal-injam identifikati f’ dawk l-FLEGT VPAs. |
(8) |
Minħabba l-kobor u l-urġenza tal-problema, jeħtieġ li tkun appoġġata b’mod attiv il-ġlieda kontra l-qtugħ illegali u l-kummerċ marbut miegħu, ikunu kkomplementati u msaħħa l-inizjattiva tal-FLEGT VPAs u jittejbu s-sinerġiji bejn il-linji politiċi li għandhom l-għan li jikkonservaw il-foresti u l-kisba ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent, inkluża l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u t-telf tal-bijodiversità. |
(9) |
Għandhom ikunu rikonoxxuti l-isforzi li saru mill-pajjiżi li kkonkludew VPAs dwar il-FLEGT mal-Unjoni u l-prinċipji inkorporati fihom, b’mod partikolari fir-rigward tad-definizzjoni ta’ injam prodott b’mod legali u għandu jingħata inkuraġġiment akbar biex pajjiżi jikkonkludu VPAs dwar il-FLEGT. Għandu jittieħed ukoll kont tal-fatt li taħt l-iskema ta’ liċenzjar tal-FLEGT, huma biss l-injam li jkun ġie maħsud f’konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti u l-prodotti tal-injam li ġejjin minn dan l-injam li huma esportati fl-Unjoni. Għalhekk, l-injam imqiegħed fil-prodotti tal-injam elenkati fl-Annessi II u III tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2173/2005 tal-20 ta’ Diċembru 2005 dwar l-istabbiliment ta’ skema ta’ liċenzjar tal-FLEGT għal importazzjonijiet ta’ injam fil-Komunità Ewropea (4), li joriġina fil-pajjiżi msieħba elenkati fl-Anness I għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2173/2005 għandhom jitqiesu li ġew maħsuda b’mod legali sakemm dawk il-prodotti tal-injam ikunu konformi ma’ dak ir-Regolament u kwalunkwe dispożizzjoni implimentattiva. |
(10) |
Għandu jittieħed ukoll kont tal-fatt li l-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali tal-Ispeċijiet ta’ Fawna u Flora Selvaġġi fil-Periklu (CITES) titlob mill-partijiet għall-Konvenzjoni sabiex jagħtu biss permess CITES għall-esportazzjoni meta speċi li tkun elenkata fis-CITES tkun ġiet maħsuda, inter alia, f’konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-pajjiż tal-esportazzjoni. Għalhekk, l-injam tal-ispeċijiet elenkati fl-Anness A, B jew C għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 338/97 tad-9 ta’ Diċembru 1996 dwar il-protezzjoni ta’ speċi ta’ fawna u flora selvaġġi billi jkun regolat il-kummerċ fihom (5) għandu jkun ikkunsidrat bħala legalment maħsud sakemm dan jikkonforma ma’ dak ir-Regolament u ma’ kwalunkwe dispożizzjoni implimentattiva. |
(11) |
Meta wieħed jiftakar illi l-użu ta’ injam riċiklat u ta’ prodotti tal-injam riċiklati għandu jkun imħeġġeġ, u li l-inklużjoni ta’ dawn il-prodotti fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament tkun tpoġġi piż sproporzjonat fuq l-operaturi, injam jew prodotti tal-injam użati li temmew iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom, u li kieku jintremew bħala skart għandhom jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. |
(12) |
It-tqegħid fis-suq għall-ewwel darba ta’ injam maħsud b’mod illegali jew ta’ prodotti tal-injam ġejjin minn tali injam għandu jiġi pprojbit bħala waħda mill-miżuri ta’ dan ir-Regolament. Filwaqt li jittieħed kont tal-komplessità tal-qtugħ illegali, ir-raġunjiet sottostanti u l-impatti tiegħu, għandhom jittieħdu miżuri speċifiċi, bħal dawk li jiffukaw fuq l-imġiba tal-operaturi. |
(13) |
Fil-kuntest tal-Pjan ta’ Azzjoni FLEGT, il-Kummissjoni u, fejn xieraq, l-Istati Membri jistgħu jappoġġjaw u jwettqu studji u riċerka dwar il-livelli u x-xorta tal-qtugħ illegali fil-pajjiżi differenti u jagħmlu dan it-tagħrif disponibbli għall-pubbliku, kif ukoll jappoġġjaw l-għoti ta’ gwida prattika lill-operaturi dwar il-leġiżlazzjoni applikabbli fil-pajjiżi produtturi tal-injam. |
(14) |
Fin-nuqqas ta’ definizzjoni bi qbil internazzjonali, il-leġiżlazzjoni tal-pajjiż fejn l-injam ikun ġie maħsud, inklużi r-regolamenti kif ukoll l-implimentazzjoni f’dak il-pajjiż ta’ konvenzjonijiet internazzjonali rilevanti li tagħhom dak il-pajjiż ikun firmatarju, għandha tkun il-bażi sabiex jiġi ddefinit dak li jikkostitwixxi qtugħ illegali. |
(15) |
Ħafna prodotti tal-injam jgħaddu minn għadd ta’ proċessi qabel u wara li jitqiegħdu fis-suq intern għall-ewwel darba. Bil-għan li ma jiġix impost piż amministrattiv bla ħtieġa, l-operaturi li jqiegħdu fis-suq intern l-injam u l-prodotti tal-injam għall-ewwel darba biss għandhom ikunu soġġetti għas-sistema ta’ diliġenza dovuta, filwaqt li kummerċjant fil-katina ta’ forniment għandu jkun meħtieġ li jipprovdi tagħrif bażiku dwar il-fornitur u x-xerrej tiegħu biex tkun possibbli t-traċċabilità tal-injam u tal-prodotti tal-injam. |
(16) |
Fuq il-bażi ta’ approċċ sistematiku, l-operaturi li jqiegħdu injam u prodotti tal-injam għall-ewwel darba fis-suq intern għandhom jieħdu l-passi meħtieġa biex jiżguraw li injam maħsud b’mod illegali jew prodotti tal-injam ġejjin minn tali injam ma jitqegħdux fis-suq intern. Għal dan il-għan, l-operaturi għandhom jeżerċitaw id-diliġenza dovuta permezz ta’ sistema ta’ miżuri u proċeduri sabiex jiġi minimizzat ir-riskju ta’ tqegħid fis-suq intern ta’ injam li ġie maħsud b’mod illegali u ta’ prodotti tal-injam li ġejjin minn dan l-injam. |
(17) |
Is-sistema ta’ diliġenza dovuta tinkludi tliet elementi li huma parti integrali mill-immaniġġar tar-riskju: l-aċċess għall-informazzjoni, l-istima tar-riskju u l-mitigazzjoni tar-riskju identifikat. Is-sistema ta’ diliġenza dovuta għandha tipprovdi aċċess għal informazzjoni dwar is-sorsi u l-fornituri tal-injam u l-prodotti tal-injam li jitqiegħdu fis-suq intern għall-ewwel darba, inkluża informazzjoni rilevanti bħall-konformità mal-leġiżlazzjoni applikabbli, il-pajjiż li fih sar il-ħsad, l-ispeċijiet, il-kwantità u, fejn applikabbli, ir-reġjun subnazzjonali fejn inħasad l-injam u l-konċessjoni tal-ħsad. Fuq il-bażi ta’ din l-informazzjoni l-operaturi għandhom iwettqu stima tar-riskju. Fejn ikun identifikat riskju, l-operaturi għandhom itaffu dak ir-riskju b’mod proporzjonat għar-riskju identifikat, bil-għan li jiġi pprevenut it-tqegħid fis-suq intern ta’ injam li ġie maħsud b’mod illegali u ta’ prodotti tal-injam li ġejjin minn dan l-injam. |
(18) |
Biex jevitaw piżijiet amministrattivi bla bżonn, l-operaturi li diġà jużaw sistemi jew proċeduri li jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament ma għandhomx ikollhom rekwiżit li jistabbilixxu sistemi ġodda. |
(19) |
Biex tkun rikonoxxuta l-prattika korretta fis-settur tal-foresti, fil-proċedura tal-istima tar-riskju jistgħu jintużaw skemi ta’ ċertifikazzjoni jew skemi oħrajn ta’ verifika minn partijiet terzi li jinkludu verifika tal-konformità mal-leġiżlazzjoni applikabbli. |
(20) |
Is-settur tal-injam hu ta’ importanza ewlenija għall-ekonomija tal-Unjoni. L-organizzazzjonijiet tal-operaturi huma atturi importanti fis-settur minħabba li jirrappreżentaw l-interessi ta’ dan tal-aħħar fuq skala kbira u jinteraġixxu ma’ firxa wiesgħa ta’ partijiet interessati. Dawk l-organizzazzjonijiet għandhom ukoll il-ħila u l-kapaċità li janalizzaw il-leġiżlazzjoni rilevanti u jiffaċilitaw il-konformità tal-membri tagħhom, iżda m’għandhomx jużaw din il-kompetenza biex jiddominaw is-suq. Bil-għan li tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament u li jsir kontribut għall-iżvilupp ta’ prattika tajba, huwa kunsiljabbli li jiġu rikonoxxuti l-organizzazzjonijiet li żviluppaw sistemi ta’ diliġenza dovuta li jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament. Ir-rikonoxximent u l-irtirar tar-rikonoxximent ta’ organizzazzjonijiet ta’ monitoraġġ għandu jitwettaq b’mod ġust u trasparenti. Lista ta’ dawn l-organizzazzjonijiet rikonoxxuti ser issir pubblika sabiex l-operaturi jkunu jistgħu jużaw dawn l-organizzazzjonijiet ta’ monitoraġġ rikonoxxuti. |
(21) |
L-awtoritajiet kompenti għandhom iwettqu kontrolli fuq organizzazzjonijiet ta’ monitoraġġ, f’intervalli regolari, sabiex jivverifikaw li dawn qegħdin tassew iwettqu l-obbligi stipulati f’dan ir-Regolament. Barra minn hekk, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jagħmlu ħilithom biex iwettqu kontrolli meta jkollhom f’idejhom tagħrif rilevanti, inkluż tħassib issostanzjat minn partijiet terzi. |
(22) |
L-awtoritajiet kompetenti għandhom jaraw li l-operaturi jissodisfaw effettivament l-obbligi stabbiliti f’dan ir-Regolament. Għal dak l-għan, l-awtoritajiet kompetenti għandhom iwettqu kontrolli uffiċjali, skont pjan kif ikun xieraq, li jistgħu jinkludu verifiki fis-sit tal-operaturi u verifiki fuq il-post, u għandhom ikunu jistgħu jirrikjedu lill-operaturi biex jieħdu azzjonijiet ta’ rimedju fejn ikun meħtieġ. Barra minn hekk, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jagħmlu ħilithom biex iwettqu kontrolli meta jkollhom f’idejhom tagħrif rilevanti, inkluż tħassib issostanzjat minn partijiet terzi. |
(23) |
L-awtoritajiet kompetenti għandhom iżommu reġistri tal-kontrolli u l-informazzjoni rilevanti għandha ssir disponibbli f’konformità mad-Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2003 dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali (6). |
(24) |
B’kont meħud tan-natura internazzjonali tal-qtugħ illegali u l-kummerċ marbut miegħu, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkoperaw bejniethom u mal-awtoritajiet amministrattivi ta’ pajjiżi terzi u mal-Kummissjoni. |
(25) |
Sabiex tkun iffaċilitata l-abbiltà tal-operaturi li jqiegħdu l-injam jew prodotti tal-injam fis-suq intern sabiex jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament, u b’kunsiderazzjoni tal-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, l-Istati Membri, megħjuna mill-Kummissjoni fejn xieraq, jistgħu jipprovdu lill-operaturi b’għajnuna teknika jew ta’ tip ieħor u b’hekk jiffaċilitaw l-iskambju ta’ tagħrif. Din l-għanjuna m’għandhiex teħles lill-operaturi mill-obbligu tagħhom li jeżerċitaw id-diliġenza dovuta. |
(26) |
Kummerċjanti u organizzazzjonijiet ta’ monitoraġġ għandhom jevitaw miżuri li jistgħu jfixxklu l-ksib tal-objettiv ta’ dan ir-Regolament. |
(27) |
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ksur ta’ dan ir-Regolament, inklużi dawk minn operaturi, kummerċjanti interni u minn organizzazzjonijiet ta’ monitoraġġ jiġi sanzjonat b’pieni effettivi, proporzjonati u dissważivi. Ir-regoli nazzjonali jistgħu jistipulaw li, wara l-applikazzjoni ta’ pieni effettivi, proporzjonali u dissważivi għal ksur tal-projbizzjoni tat-tqegħid fis-suq intern ta’ injam maħsud b’mod illegali jew prodotti tal-injam ġejjin minn tali injam, dawn l-injam u prodotti tal-injam m’għandhomx bilfors jiġu meqruda iżda minflok jistgħu jintużaw għal skopijiet ta’ interess pubbliku. |
(28) |
Il-Kummissjoni għandha jkollha s-setgħa li tadotta l-atti delegati f’konformità mal-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) fir-rigward tal-proċeduri għar-rikonoxximent u l-irtirar tar-rikonoxximent ta’ organizzazzjonijiet ta’ monitoraġġ, fir-rigward ta’ aktar kriterji rilevanti ta’ stima tar-riskju li jistgħu jkunu neċessarji biex jissupplimentaw dawk diġà previsti f’dan ir-Regolament u fir-rigward tal-lista ta’ injam u prodotti tal-injam li għaliha japplika dan ir-Regolament. Huwa ta’ importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa fil-ħidma preparatorja tagħha, inkluż f’livell ta’ esperti. |
(29) |
Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni biex tadotta regoli dettaljati fir-rigward tal-frekwenza u x-xorta tal-kontrolli mill-awtoritajiet kompetenti fuq l-organizzazzjonijiet ta’ monitoraġġ u tas-sistemi ta’ diliġenza dovuta barra fir-rigward ta’ kriterji ulterjuri ta’ valutazzjoni tar-riskju rilevanti. Skont l-Artikolu 291 TFUE, ir-regoli u l-prinċipji ġenerali li jikkonċernaw il-mekkaniżmi għall-kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni tal-Kummissjoni għandhom jiġu stabbiliti minn qabel b’regolament adottat skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja. Sakemm jiġi adottat dak ir-regolament il-ġdid, tibqa’ tapplika d-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (7), bl-eċċezzjoni tal-proċedura regolatorja bi skrutinju, li mhix applikabbli. |
(30) |
L-operaturi u l-awtoritajiet kompetenti għandhom jingħataw perijodu ta’ żmien raġonevoli bil-għan li jkunu jistgħu jħejju lilhom infushom biex jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament. |
(31) |
Ladarba l-għan ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri l-ġlieda kontra l-qtugħ illegali tas-siġar u kontra l-kummerċ relatat miegħu, ma jistax jinkiseb mill-Istati Membri individwalment u jista’ għalhekk, minħabba d-daqs tiegħu, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-għan, |
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Suġġett
Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-obbligi tal-operaturi li jqiegħdu injam u prodotti tal-injam għall-ewwel darba fis-suq intern, kif ukoll l-obbligi tal-kummerċjanti.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(a) |
“injam u prodotti tal-injam” tfisser l-injam u l-prodotti tal-injam stabbiliti fl-Anness, ħlief prodotti tal-injam jew komponenti ta’ dawk il-prodotti manifatturati minn injam jew prodotti tal-injam li temmew iċ-ċiklu tagħhom tal-użu u li kieku jintremew bħala skart, kif definiti fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart (8); |
(b) |
“tqegħid fis-suq” tfisser provvista bi kwalunkwe mezz, irrispettivament mit-teknika ta’ bejgħ użata, ta’ injam jew prodotti tal-injam għall-ewwel darba fis-suq intern għad-distribuzzjoni jew l-użu waqt attività kummerċjali, kemm jekk bi ħlas kif ukoll mingħajr ħlas. Għandha tinkludi wkoll provvista permezz ta’ komunikazzjoni minn distanza kif definita fid-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 20 ta’ Mejju 1997 dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi in rigward ta’ kuntratti li jsiru mill-bogħod (9). Il-provvista fis-suq intern ta’ prodotti tal-injam derivati minn injam jew minn prodotti tal-injam li diġà tqiegħdu fis-suq intern m’għandhiex titqies bħala “tqegħid fuq is-suq”; |
(c) |
“operatur” tfisser kull persuna fiżika jew ġuridika li tqiegħed fis-suq injam jew prodotti tal-injam; |
(d) |
“kummerċjant intern” tfisser kull persuna naturali u ġuridika li, waqt attività kummerċjali, tbigħ jew tixtri, fis-suq intern, injam jew prodotti tal-injam li diġà tqiegħdu fis-suq intern; |
(e) |
“pajjiż tal-ħsad” tfisser il-pajjiż jew it-territorju fejn ġie maħsud l-injam jew l-injam imqiegħed fil-prodotti tal-injam; |
(f) |
“maħsud b’mod legali” tfisser li ġie maħsud f’konformità mal-leġiżlazzjoni applikabbli fil-pajjiż tal-ħsad; |
(g) |
“maħsud b’mod illegali” tfisser li ġie maħsud b’kontravenzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli fil-pajjiż tal-ħsad; |
(h) |
“leġiżlazzjoni applikabbli” tfisser il-leġiżlazzjoni fis-seħħ fil-pajjiż tal-ħsad, li tkopri l-oqsma tal-liġi li ġejjin:
|
Artikolu 3
Status tal-injam u tal-prodotti tal-injam koperti mill-FLEGT u s-CITES
Il-prodotti tal-injam elenkati fl-Annessi II u III tar-Regolament (KE) Nru 2173/2005 li joriġinaw f’pajjiżi msieħba elenkati fl-Anness I ta’ dak ir-Regolament u li jkunu f’konformità ma’ dan ir-Regolament u d-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni tiegħu għandhom jitqiesu li huma maħsuda b’mod legali għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament.
L-injam tal-ispeċi elenkati fl-Anness A, B jew C għar-Regolament (KE) Nru 338/97 u li jikkonforma ma’ dak ir-Regolament u mad-dispożizzjonijiet implimentattivi tiegħu għandu jitqies bħala legalment maħsud għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 4
Obbligi tal-operaturi
1. Għandu jkun ipprojbit it-tqegħid fis-suq ta’ injam maħsud b’mod illegali jew prodotti tal-injam ġejjin minn tali injam.
2. L-operaturi għandhom jeżerċitaw id-diliġenza dovuta meta jqiegħdu fis-suq injam jew prodotti tal-injam. Għal dak il-għan, huma għandhom jużaw qafas ta’ proċeduri u miżuri, minn issa ‘l quddiem imsejħa “sistema ta’ diliġenza dovuta” kif dispost fl-Artikolu 6.
3. Kull operatur għandu jżomm u jevalwa regolarment is-sistema ta’ diliġenza dovuta li juża, ħlief jekk l-operatur juża sistema ta’ diliġenza dovuta stabbilita minn organizzazzjoni ta’ monitoraġġ imsemmija fl-Artikolu 8. Is-sistemi ta’ superviżjoni eżistenti taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali eżistenti u kull katina volontarja ta’ mekkaniżmu ta’ kustodja li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament jistgħu jintużaw bħala bażi għal sistema ta’ diliġenza dovuta.
Artikolu 5
Obbligu ta’ traċċabilità
Il-kummerċjanti, tul il-katina ta’ forniment, għandhom ikunu kapaċi li jidentifikaw:
(a) |
l-operaturi jew il-kummerċjanti li pprovdew injam u prodotti tal-injam; u |
(b) |
il-kummerċjanti li lilhom ikunu pprovdew injam jew prodotti tal-injam, fejn applikabbli. |
Il-kummerċjanti għandhom iżommu t-tagħrif imsemmi fl-ewwel paragrafu għal mill-anqas ħames snin u għandhom jgħaddu dan it-tagħrif lill-awtoritajiet kompetenti li jitolbu dan.
Artikolu 6
Sistemi ta’ diliġenza dovuta
1. Is-sistema ta’ diliġenza dovuta msemmija fl-Artikolu 4(2) għandha tinkludi l-elementi li ġejjin:
(a) |
miżuri u proċeduri li jipprovdu aċċess għall-informazzjoni li ġejja dwar il-forniment ta’ injam jew prodotti tal-injam tal-operatur imqiegħda fis-suq:
|
(b) |
proċeduri ta’ stima tar-riskju li jippermettu lill-operatur janalizza, u jagħmel stima tar-riskju li jitqiegħdu fis-suq injam maħsud b’mod illegali jew prodotti tal-injam li ġejjin minn dan l-injam. Dawk il-proċeduri għandhom jieħdu kont tal-informazzjoni msemmija fil-punt (a) kif ukoll ta’ kriterji rilevanti ta’ stima tar-riskju, li jinkludu:
|
(c) |
ħlief fejn ikun negliġibbli r-riskju identifikat matul il-proċeduri ta’ stima tar-riskju imsemmija fil-punt (b), il-proċeduri ta’ mitigazzjoni tar-riskju li huma magħmulin minn sett ta’ miżuri u proċeduri li huma adegwati u proporzjonati biex jimminimizzaw b’mod effettiv dak ir-riskju u li jistgħu jinkludu l-ħtieġa ta’ informazzjoni jew dokumenti addizzjonali u/jew il-ħtieġa ta’ verifika minn parti terza. |
2. Ir-regoli dettaljati meħtieġa biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni uniformi tal-paragrafu 1, ħlief fir-rigward ta’ aktar kriterji ta’ stima tar-riskju msemmijin fit-tieni sentenza tal-punt (b) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 18(2). Dawk ir-regoli għandhom jiġu adottati sat-3 ta’ Ġunju 2012.
3. B’kunsiderazzjoni tal-iżviluppi tas-suq u l-esperjenza miksuba fl-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, b’mod partikolari kif identifikati permezz tal-iskambju ta’ tagħrif imsemmi fl-Artikolu 13 u tar-rappurtar imsemmi fl-Artikolu 20(3), il-Kummissjoni tista’ tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 290 tat-TFUE rigward kriterji rilevanti oħrajn ta’ stima tar-riskju li jistgħu jkunu meħtieġa biex jiġu ssupplimentati dawk imsemmijin fit-tieni sentenza tal-punt (b) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu bil-għan li tkun żgurata l-effettività tas-sistema ta’ diliġenza dovuta.
Għall-atti delegati msemmijin f’dan il-paragrafu għandhom japplikaw il-proċeduri stabbiliti fl-Artikoli 15, 16 u 17.
Artikolu 7
Awtoritajiet kompetenti
1. Kull Stat Membru għandu jaħtar l-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti responsabbli għall-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.
L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni bl-ismijiet u l-indirizzi tal-awtoritajiet kompetenti sat-3 ta’ Ġunju 2011. L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe bidla fl-ismijiet jew l-indirizzi tal-awtoritajiet kompetenti.
2. Il-Kummissjoni għandha tqiegħed għad-disponibilità tal-pubbliku, inkluż fuq l-Internet, lista tal-awtoritajiet kompetenti. Il-lista għandha tiġi aġġornata regolarment.
Artikolu 8
Organizzazzjonijiet ta’ monitoraġġ
1. Organizzazzjoni ta’ monitoraġġ għandha:
(a) |
iżżomm u tevalwa regolarment sistema ta’ diliġenza dovuta kif stabbilit fl-Artikolu 6 u tagħti d-dritt lill-operaturi biex jużawha; |
(b) |
tivverifika l-użu korrett tas-sistema tagħha ta’ diliġenza dovuta minn dawk l-operaturi; |
(c) |
tieħu miżuri adatti fil-każ fejn operatur jonqos milli juża korrettament is-sistema tagħha ta’ diliġenza dovuta, inkluża n-notifika tal-awtoritajiet kompetenti fil-każ ta’ nuqqas sinifikanti jew ripetut mill-operatur. |
2. Organizzazzjoni tista’ tapplika biex tiġi tikonoxxuta bħala organizzazzjoni ta’ monitoraġġ jekk tikkonforma mar-rekwiżiti li ġejjin:
(a) |
ikollha personalità ġuridika u tkun stabbilita legalment fl-Unjoni; |
(b) |
ikollha għelm xieraq u l-kapaċità li teżerċita l-funzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1; u |
(c) |
tiżgura l-assenza ta’ kull kunflitt ta’ interess fit-twettiq tal-funzjonijiet tagħha. |
3. Il-Kummissjoni, wara konsultazzjoni mal-Istat(i) Membru(i) ikkonċernat(i) għandha tagħraf bħala organizzazzjoni ta’ monitoraġġ applikant li jissodisfa r-rekwiżiti msemmijin fil-paragrafu 2.
Id-deċiżjoni li jingħata għarfien lil organizzazzjoni ta’ monitoraġġ għandha tiġi kkomunikata mill-Kummissjoni lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kollha.
4. L-awtoritajiet kompetenti għandhom iwettqu kontrolli f’intervalli regolari biex jivverifikaw li l-organizzazzjonijiet ta’ monitoraġġ li joperaw fil-ġurisdizzjoni tal-awtoritajiet kompetenti jkomplu jissodisfaw il-funzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 u jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 2. Jistgħu jitwettqu kontrolli wkoll meta l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru jkollha tagħrif rilevanti f’idejha, inkluż tħassib sostanzjali minn partijiet terzi jew meta tiskopri nuqqasijiet mill-operaturi fl-implimentazzjoni ta’ sistema ta’ diliġenza dovuta maħluqa minn organizzazzjoni ta’ monitoraġġ. Għandu jkun disponibbli rapport tal-kontrolli skont id-Direttiva 2003/4/KE.
5. Jekk awtorità kompetenti tiddetermina li organizzazzjoni ta’ monitoraġġ ma għadhiex twettaq il-funzjonijiet stipulati fil-paragrafu 1 jew ma għadhiex tikkonforma mar-rekwiżiti stipulati fil-paragrafu 2, hija għandha tgħarraf lill-Kummissjoni mingħajr dewmien.
6. Il-Kummissjoni għandha tirtira rikonoxximent ta’ organizzazzjoni ta’ monitoraġġ meta, b’mod partikolari fuq il-bażi tat-tagħrif provduta msemmija fil-paragrafu 5, tkun iddeterminat li l-organizzazzjoni ta’ monitoraġġ ma għadhiex twettaq il-funzjonijiet stipulati fil-paragrafu 1 jew ir-rekwiżiti stipulati fil-paragrafu 2. Qabel l-irtirar ta’ rikonoxximent ta’ organizzazzjoni ta’ monitoraġġ, il-Kummissjoni għandha tgħarraf lill-Istati Membri konċernati.
Id-deċiżjoni li jiġi rtirat rikonoxximent lil organizzazzjoni ta’ monitoraġġ għandha tiġi kkomunikata mill-Kummissjoni lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kollha.
7. Sabiex tissupplimenta r-regoli proċedurali fir-rigward tar-rikonoxximent u l-irtirar tar-rikonoxximent tal-organizzazzjonijiet ta’ monitoraġġ u, jekk l-esperjenza teħtieġ hekk, biex temendahom, il-Kummissjoni tista’ tadotta l-atti delegati f’konformità mal-Artikolu 290 tat-TFUE, filwaqt li tiżgura li r-rikonoxximent u l-irtirar tar-rikonoxximent jitwettqu b’mod ġust u trasparenti.
Għall-atti delegati msemmijin f’dan il-paragrafu għandhom japplikaw il-proċeduri stabbiliti fl-Artikoli 15, 16 u 17. Dawk l-atti għandhom jiġu adottati sat-3 ta’ Marzu 2012.
8. Ir-regoli dettaljati li jikkonċernaw il-frekwenza u n-natura tal-kontrolli msemmija fil-paragrafu 4, meħtieġa biex tiġi żgurata s-superviżjoni effettiva tal-organizzazzjonijiet ta’ monitoraġġ u l-implimentazzjoni uniformi ta’ dak il-paragrafu, għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 18(2). Dawk ir-regoli għandhom jiġu adottati sat-3 ta’ Ġunju 2012.
Artikolu 9
Lista ta’ organizzazzjonijiet ta’ monitoraġġ
Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-lista tal-organizzazzjonijiet ta’ monitoraġġ f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, serje C, u għandha tagħmilha disponibbli fuq is-sit elettroniku tagħha. Il-lista għandha tiġi aġġornata regolament.
Artikolu 10
Kontrolli fuq l-operaturi
1. L-awtoritajiet kompetenti għandhom iwettqu kontrolli biex jivverifikaw jekk l-operaturi humiex konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 4 u 6.
2. Il-kontrolli msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jitwettqu skont pjan rivedut perjodikament skont approċċ ibbażat fuq ir-riskju. Barra minn hekk, jistgħu jitwettqu kontrolli wkoll meta awtorità kompetenti jkollha f’idejha tagħrif rilevanti, inkluż fuq il-bażi ta’ tħassib sostanzjali mogħti minn partijiet terzi, rigward il-konformità ta’ operatur ma’ dan ir-Regolament.
3. Il-kontrolli msemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jinkludu, inter alia:
(a) |
eżami tas-sistema ta’ diliġenza dovuta, inklużi l-valutazzjoni tar-riskju u l-proċeduri tal-mitigazzjoni tar-riskju; |
(b) |
eżami ta’ dokumentazzjoni u rekords li juru t-tħaddim kif suppost tas-sistema u l-proċeduri ta’ diliġenza dovuta; |
(c) |
kontrolli għal għarrieda, inklużi verifiki fil-post. |
4. L-operaturi għandhom joffru kull għajnuna meħtieġa biex jiffaċilitaw it-twettiq tal-kontrolli msemmija fil-paragrafu 1, b’mod partikolari rigward l-aċċess għall-binjiet u l-preżentazzjoni ta’ dokumenti jew rekords.
5. Bla ħsara għall-Artikolu 19, meta, wara l-kontrolli msemmijin fil-paragrafu 1, jinstabu xi nuqqasijiet, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu joħorġu notifika ta’ azzjonijiet ta’ rimedju li jridu jittieħdu mill-operatur. Barra minn hekk, skont il-gravità tan-nuqqasijiet misjuba, l-Istati Membri jistgħu jieħdu miżuri interim immedjati inkluż inter alia:
(a) |
il-konfiska tal-injam u tal-prodotti tal-injam; |
(b) |
il-projbizzjoni tat-tqegħid fis-suq tal-injam u l-prodotti tal-injam. |
Artikolu 11
Rekords tal-kontrolli
1. L-awtoritajiet kompetenti għandhom iżommu rekords tal-kontrolli msemmijin fl-Artikolu 10(1), u jindikaw b’mod partikolari n-natura tagħhom u r-riżultati, kif ukoll ta’ kwalunkwe notifika ta’ azzjonijiet ta’ rimedju meħuda taħt l-Artikolu 10(5). Għandhom jinżammu rekords tal-kontrolli kollha għal mill-inqas ħames snin.
2. L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun disponibbli f’konformità mad-Direttiva 2003/4/KE.
Artikolu 12
Koperazzjoni
1. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkoperaw ma’ xulxin, mal-awtoritajiet amministrattivi ta’ pajjiżi terzi u mal-Kummissjoni sabiex jiżguraw konformità ma’ dan ir-Regolament.
2. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiskambjaw informazzjoni dwar nuqqasijiet serji li jinstabu permezz tal-kontrolli msemmijin fl-Artikoli 8(4) u 10(1) u dwar it-tipi ta’ pieni imposti f’konformità mal-Artikolu 17 mal-awtoritajiet kompetenti ta’ Stati Membri oħra u mal-Kummissjoni.
Artikolu 13
Għajnuna teknika, gwida u skambju ta’ tagħrif
1. Mingħajr preġudizzju għall-obbligu tal-operatur li jeżerċita d-diliġenza dovuta skont l-Artikolu 4(2), l-Istati Membri, megħjuna mill-Kummissjoni, jistgħu, fejn xieraq, jipprovdu għajnuna teknika u għajnuna u gwida oħrajn lill-operaturi, filwaqt li titqies is-sitwazzjoni ta’ impriżi ta’ daqs żgħir u medju, sabiex tkun iffaċilitata l-konformità mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament, partikolarment b’rabta mal-implimentazzjoni ta’ sistema ta’ diliġenza dovuta skont l-Artikolu 6.
2. L-Istati Membri, megħjuna mill-Kummissjoni, jistgħu, fejn xieraq, jiffaċilitaw l-iskambju u t-tixrid tat-tagħrif rilevanti dwar il-qtugħ illegali, b’mod partikolari bil-għan li jgħinu lill-operaturi jivvalutaw ir-riskju kif stipulat fil-punt (b) tal-Artikolu 6(1), u dwar l-aħjar prattiki rigward l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament.
3. L-għajnuna għandha tingħata b’mod li ma tikkompromettix ir-responsabilitajiet tal-awtoritajiet kompetenti u li tħares l-indipendenza tagħhom fl-infurzar ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 14
Emendi tal-Anness
Sabiex jittieħed kont, min-naħa waħda, tal-esperjenza miksuba fl-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, b’mod partikolari dik identifikata fir-rappurtar imsemmi fl-Artikolu 20(3) u (4) u permezz tal-iskambju ta’ tagħrif kif imsemmi fl-Artikolu 13, u min-naħa l-oħra, l-iżviluppi fir-rigward ta’ karatteristiċi tekniċi, l-utenti finali u l-proċessi ta’ produzzjoni tal-injam u l-prodotti tal-injam, il-Kummissjoni tista’ tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 290 tat-TFUE billi temenda u tissupplimenta l-lista ta’ injam jew prodotti tal-injam stabbiliti fl-Anness. Dawn l-atti m’għandhomx joħolqu piż sproporzjonat fuq l-operaturi.
Għall-atti delegati msemmijin f’dan l-Artikolu għandhom japplikaw il-proċeduri stabbiliti fl-Artikoli 15, 16 u 17.
Artikolu 15
Eżerċizzju tad-delega
1. Is-setgħat ta’ adozzjoni tal-atti delegati msemmija fl-Artikoli 6(3), 8(7) u 14 għandhom jingħataw lill-Kummissjoni għal perijodu ta’ seba’ snin mit-2 ta’ Diċembru 2010. Il-Kummissjoni għandha tagħmel rapport dwar is-setgħat delegati mhux iktar tard minn minn tliet xhur qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ tliet snin wara d-data ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Id-delega tas-setgħat għandha tiġġedded awtomatikament għal perijodi ta’ żmien identiċi, sakemm il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma jirrevokahiex f’konformità mal-Artikolu 16.
2. Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
3. Is-setgħat ta’ adozzjoni tal-atti delegati għandhom jingħataw lill-Kummissjoni taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 16 u 17.
Artikolu 16
Revoka tad-delega
1. Id-delega tas-setgħat imsemmija fl-Artikoli 6(3), 8(7) u 14 tista’ tiġi revokata mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill f’kull mument.
2. L-istituzzjoni li tkun bdiet proċedura interna sabiex tiddeċiedi jekk għandiex tirrevoka d-delega tas-setgħat għandha tagħmel ħilitha sabiex tinforma lill-istituzzjoni l-oħra u lill-Kummissjoni fi żmien raġonevoli qabel ma tittieħed id-deċiżjoni finali, filwaqt li tindika s-setgħat iddelegati li jistgħu jkunu suġġetti għal revoka u r-raġunijiet possibbli għar-revoka.
3. Id-deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħat speċifikati f’dik id-deċiżjoni. Din għandha tieħu effett immedjatament jew f’data aktar tard speċifikata hemmhekk. Hija m’għandhiex taffettwa l-validità tal-atti delegati diġà fis-seħħ. Id-Deċiżjoni għandha tkun ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 17
Oġġezzjonijiet għal atti delegati
1. Il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jistgħu joġġezzjonaw għal att delegat fi żmien xahrejn mid-data ta’ notifika. Fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill, dan il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn.
2. Jekk, meta jiskadi dan il-perijodu, la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma jkunu oġġezzjonaw għall-att delegat, dan għandu jiġi ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u għandu jidħol fis-seħħ fid-data stabbilita fih.
L-att iddelegat jista’ jiġi ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u jidħol fis-seħħ qabel l-iskadenza ta’ dak il-perjodu jekk il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn għarrfu lill-Kummissjoni bil-ħsieb tagħhom li ma jqajmux oġġezzjonijiet.
3. Jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal att delegat, l-att m’għandux jidħol fis-seħħ. L-istituzzjoni li toġġezzjona għandha tiddikjara r-raġunijiet għaliex oġġezzjonat għall-att delegat.
Artikolu 18
Kumitat
1. Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat għall-Infurzar tal-Liġi tal-Foresta, Governanza u Kummerċ (FLEGT) stabbilit taħt l-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 2173/2005.
2. Fejn ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b’kont meħud tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tagħha.
Il-perjodu stabbilit fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun iffissat għal tliet xhur.
Artikolu 19
Pieni
1. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-pieni applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li jiġu implimentati.
2. Il-pieni previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi u jistgħu jinkludu, inter alia:
(a) |
multi proporzjonali għall-ħsara ambjentali, il-valur tal-injam jew tal-prodotti tal-injam konċernati u t-telf ta’ taxxi u d-detriment ekonomiku li jirriżultaw mill-ksur, bil-kalkolu tal-livell ta’ tali pieni isir b’tali mod li jiżgura li dawn iċaħħdu b’mod effikaċi lil min hu responsabbli mill-benefiċċji ekonomiċi li joriġinaw mill-ksur gravi tagħhom, bla ħsara għad-dritt leġittimu li jeżerċitaw professjoni u biż-żieda gradwali tal-limitu ta’ tali multi għal ksur gravi ripetut; |
(b) |
il-konfiska tal-injam u prodotti tal-injam konċernati; |
(c) |
is-sospensjoni immedjata tal-awtorizzazzjoni għall-kummerċ. |
3. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni u għandhom jinnotifikawha mingħajr dewmien bi kwalunkwe emenda sussegwenti li tolqothom.
Artikolu 20
Rappurtar
1. L-Istati Membri għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni, sat-30 ta’ April ta’ kull sentejn wara t-3 ta’ Marzu 2013, rapport dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament matul is-sentejn ta’ qabel.
2. Abbażi ta’ dawn ir-rapporti l-Kummissjoni għandha tfassal rapport li jrid jiġi ppreżentat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill kull sentejn. Fit-tħejjija tar-Rapport, il-Kummissjoni għandha tqis il-progress li jkun sar rigward il-konklużjoni u l-operazzjoni tal-VPAs FLEGT skont ir-Regolament (KE) Nru 2173/2005 u l-kontribut tagħhom sabiex tkun imminizzata l-preżenza tal-injam maħsud b’mod illegali jew prodotti tal-injam ġejjin minn tali injam fis-suq intern.
3. Sat-3 ta’ Diċembru 2015, u kull sitt snin wara dan, il-Kummissjoni għandha tirrevedi, fuq il-bażi tar-rappurtar u l-esperjenza tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, il-funzjonament u l-effikaċja ta’ dan ir-Regolament, inkluża l-prevenzjoni tat-tqegħid fis-suq intern ta’ injam maħsud b’mod illegali jew prodotti tal-injam ġejjin minn tali injam. B’mod partikulari għandha tqis il-konsegwenzi amministrattivi għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju u l-kopertura tal-prodott. Ir-rapporti jistgħu jkunu akkumpanjati, jekk meħtieġ, minn proposti leġiżlattivi adegwati.
4. L-ewwel mir-rapporti msemmija fil-paragrafu 3 għandu jinkludi valutazzjoni tas-sitwazzjoni ekonomika u kummerċjali attwali tal-Unjoni għal dak li għandu x’jaqsam ma’ prodotti elenkati taħt il-Kapitolu 49 tan-Nomenklatura Magħquda, b’kunsiderazzjoni partikolari tal-kompetittività tas-setturi rilevanti, sabiex titqies l-inklużjoni possibbli tagħhom fil-lista ta’ injam u prodotti tal-injam stipulata fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.
Ir-rapport imsemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jinkludi wkoll valutazzjoni tal-effettività tal-projbizzjoni tat-tqegħid fis-suq ta’ injam maħsud b’mod illegali jew prodotti tal-injam ġejjin minn tali injam kif stipulat fl-Artikolu 4(1) kif ukoll tas-sistemi ta’ diliġenza dovuta kif stipulat fl-Artikolu 6.
Artikolu 21
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Huwa għandu japplika mit-3 ta’ Marzu 2013. Madankollu, l-Artikoli 6(2), 7(1), 8(7) u 8(8) għandhom japplikaw mit-2 ta’ Diċembru 2010.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Strasburgu, l-20 ta’ Ottubru 2010.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
J. BUZEK
Għall-Kunsill
Il-President
O. CHASTEL
(1) ĠU C 318, 23.12.2009, p. 88.
(2) Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta’ April 2009 (ĠU C 184 E, 8.7.2010, p. 145), pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tal-1 ta’ Marzu 2010 (ĠU C 114 E, 4.5.2010, p. 17) u pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta’ Lulju 2010 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.
(3) ĠU L 242, 10.9.2002, p. 1.
(4) ĠU L 347, 30.12.2005, p. 1.
(6) ĠU L 41, 14.2.2003, p. 26.
(7) ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.
(8) ĠU L 312, 22.11.2008, p. 3.
(9) ĠU L 144, 4.6.1997, p. 19.
ANNESS
Injam u prodotti tal-injam kif ikklassifikati fin-Nomenklatura Magħquda stabbilita fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (1) , li għalihom japplika dan ir-Regolament
— |
4401 Ħatab, fi zkuk, fi zkuk ħoxnin, fi friegħi, f’qatet ta’ għesieleġ jew forom simili; injam f’laqx jew fi frak; serratura u rimi tal-injam u skart, kemm jekk ikunu miġbura fi zkuk, trab tal-faħam ippressat, pritkuna jew forom bħal dawn, |
— |
4403 Injam mhux irfinat, anki jekk bil-qoxra, l-ilbieba jew skwerrat b’mod mhux preċiż, |
— |
4406 Travi tal-injam mimdudin (sleepers, cross-ties) għal-linji tal-ferrovija jew tat-tramm, |
— |
4407 Injam isserrat jew maqtugħ f’laqx għat-tul, imfellel jew imqaxxar, huwiex jew le inċanat, xkatlat jew imġannat fit-truf, eħxen minn 6 mm, |
— |
4408 Folji għall-kisi tal-injam (inklużi dawk li jinkisbu billi jkun imfettet l-injam laminat), għall-plajwud jew għal injam laminat simili u injam ieħor, maqtugħ għat-tul, imfettet jew imqaxxar, sew jekk illixxat, xkatlat, imwaħħal jew ġonġut mit-tarf u sew jekk le, ta’ ħxuna ta’ mhux iktar minn 6 mm, |
— |
4409 Injam (inklużi strixxi u freġji għal kisi ta’ art bil-parkè, mhux immuntat) b’forma kontinwa (mudullun, kanal, irbattut, ċanfrin, ingast-V, biż-żibeġ, iffurmat, ittundjat jew hekk) tul xi xifer, tarf jew wiċċ tiegħu, inċanat, xkatlat jew imminċottat fit-truf jew le, |
— |
4410 Bord tal-injam mill-frak, bord tat-tip oriented strand board (OSB) u bord simili (per eżempju, waferboard) tal-injam jew ta’ materjali oħrajn għudin, magħqudin bir-rażi jew sustanzi organiċi oħrajn li jgħaqqdu jew le, |
— |
4411 Fibreboard tal-injam jew materjal ieħor tal-injam, sew jekk magħqud bir-raża jew sustanzi organiċi oħra jew le, |
— |
4412 Plajwud, pannelli miksija u injam laminat simili, |
— |
4413 00 00 Injam iddensifikat, fi blokki, folji, strixxi jew forom tal-profil, |
— |
4414 00 Gwarniċi tal-injam għal pitturi, ritratti, mirja jew oġġetti bħal dawn, |
— |
4415 Kontenituri għall-ippakkjar, kaxex, ċestuni, tankijiet u kontenituri simili, tal-injam; rukkelli tal-injam għall-kejbil; pallets, pallets forma ta’ kaxxa jew twavel oħrajn għat-tagħbija, tal-injam; għenuq tal-pallets tal-injam; twiebet, (Materjal mhux tal-ippakkjar użat esklużivament bħala materjal tal-ippakkjar biex jirfed, jipproteġi jew iġorr prodott ieħor imqiegħed fis-suq.) |
— |
4416 00 00 Bittiji, bramel, tankijiet, tnellijiet u prodotti oħra tal-buttar, u partijiet tagħhom, tal-injam, inkluż injam imqawwes, |
— |
4418 Xogħol tal-mastrudaxxa u tal-karpentrija tal-injam għall-bennejja, inklużi pannelli ċellulari tal-injam, panelli mmuntati għall-art, twavel tal-kisi u shakes, |
— |
Polpa u karta tal-Kapitoli 47 u 48 tan-Nomenklatura Magħquda, għajr għal prodotti li għandhom bażi ta’ bambù u rkuprati (rimi u skart), |
— |
Għamara tal-injam 9403 30, 9403 40, 9403 50 00, 9403 60 u 9403 90 30, |
— |
9406 00 20 Bini prefabbrikat. |
(1) Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1).