Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008D0918

    Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/918/PESK tat- 8 ta’ Diċembru 2008 dwar it-tnedija tal-operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea bil-ħsieb ta’ kontribut għad-deterrenza, il-prevenzjoni u t-trażżin tal-atti ta’ piraterija u ta’ serq bl-użu tal-armi ‘l barra mix-xtut tas-Somalja (Atalanta)

    ĠU L 330, 9.12.2008, p. 19–20 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2008/918/oj

    9.12.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 330/19


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2008/918/PESK

    tat-8 ta’ Diċembru 2008

    dwar it-tnedija tal-operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea bil-ħsieb ta’ kontribut għad-deterrenza, il-prevenzjoni u t-trażżin tal-atti ta’ piraterija u ta’ serq bl-użu tal-armi ‘l barra mix-xtut tas-Somalja (Atalanta)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 17(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2008/851/PESK tal-10 ta’ Novembru 2008 dwar it-tnedija tal-operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea bil-ħsieb ta’ kontribut għad-deterrenza, il-prevenzjoni u t-trażżin tal-atti ta’ piraterija u ta’ serq bl-użu tal-armi ‘l barra mix-xtut tas-Somalja (1) (operazzjoni insejħa “Atalanta”), u b’mod partikolari l-Artikolu 5 tagħha,

    Billi:

    (1)

    Fir-Riżoluzzjoni 1814 (2008) tiegħu dwar is-sitwazzjoni fis-Somalja, adottata fil-15 ta’ Mejju 2008, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (KSNU) talab lill-Istati u lill-organizzazzjonijiet reġjonali, billi jikkoordinaw mill-qrib l-azzjoni tagħhom bejniethom, biex jieħdu miżuri sabiex jipproteġu lill-bastimenti li qed jieħdu sehem fit-trasport u l-ispedizzjoni tal-għajnuna umanitarja għas-Somalja u fl-attivitajiet awtorizzati min-Nazzjonijiet Uniti.

    (2)

    Fir-Riżoluzzjoni 1816 (2008) tiegħu dwar is-sitwazzjoni fis-Somalja, adottata fit-2 ta’ Ġunju 2008, il-KSNU ddikjara li jinsab imħasseb dwar il-periklu li l-atti ta’ piraterija u serq bl-użu tal-armi mwettqin fuq bastimenti qed joħolqu għat-trasport tal-għajnuna umanitarja fis-Somalja, għas-sigurtà tar-rotot marittimi kummerċjali u għat-tbaħħir internazzjonali. Il-KSNU impenja b’mod partikolari lill-Istati li jixtiequ jużaw ir-rotot marittimi kummerċjali li jinsabu ‘l barra mix-xtut Somali biex jirrinfurzaw u jikkoordinaw, f’kooperazzjoni mal-Gvern federali proviżorju (GFP), l-azzjoni meħuda biex tiskoraġġixxi l-atti ta’ piraterija u s-serq bl-użu tal-armi mwettqin fuq il-baħar.

    (3)

    Fir-Riżoluzzjoni 1838 (2008) tiegħu dwar is-sitwazzjoni fis-Somalja, adottata fis-7 ta’ Ottubru 2008, il-KSNU laqa’ l-ippjanar li għaddej ta’ operazzjoni navali militari eventwali tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll ta’ inizjattivi internazzjonali u nazzjonali oħrajn meħudin għall-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjonijiet 1814 (2008) u 1816 (2008) u talab minnufih lill-Istati kollha li għandhom il-mezzi biex jikkooperaw mal-GFT fil-ġlieda kontra l-piraterija u s-serq bl-użu tal-armi mwettqin fuq il-baħar, f’konformità mad-dispożizzjonijiet tar-Riżoluzzjoni 1816 (2008) tiegħu. Huwa talab ukoll minnufih lill-Istati kollha u lill-organizzazzjonijiet reġjonali kollha biex ikomplu jaġixxu, f’konformità mad-dispożizzjonijiet tar-Riżoluzzjoni 1814 (2008) tiegħu, biex jipproteġu l-konvojs marittimi tal-Programm Dinji tal-Ikel (PDI), li huma vitali għat-twassil tal-għajnuna umanitarja għall-popolazzjoni Somala.

    (4)

    Permezz ta’ ittra datata l-14 ta’ Novembru 2008 il-GFT ikkomunika lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti l-offerta li kienet saret lilu, f’konformità mal-paragrafu 7 tar-Riżoluzzjoni 1816(2008).

    (5)

    L-Unjoni Ewropea tista’ tiġi mġiegħla toqgħod fuq riżoluzzjonijiet ulterjuri tal-KSNU li jirrigwardaw is-sitwazzjoni fis-Somalja.

    (6)

    F’konformità mal-Artikolu 6 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u għat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, id-Danimarka ma tipparteċipax fit-tfassil u fl-implementazzjoni ta’ deċiżjonijiet u azzjonijiet tal-Unjoni li jkollhom implikazzjonijiet fir-rigward tad-difiża u b’hekk ma tikkontribwixxix għall-finanzjament tal-operazzjoni,

    IDDEĊIEDA:

    Artikolu 1

    Il-Pjan operazzjonali u r-regoli ta’ ingaġġ rigward l-operazzjoni militari tal-UE bil-ħsieb ta’ kontribut għad-deterrenza, il-prevenzjoni u t-trażżin tal-atti ta’ piraterija u ta’ serq bl-użu tal-armi ‘l barra mix-xtut tas-Somalja, minn issa msejħa “operazzjoni Atalanta”, huma approvati.

    Artikolu 2

    L-operazzjoni Atalanta għandha tiġi mnedija fit-8 ta’ Diċembru 2008.

    Artikolu 3

    Il-kmandant tal-operazzjoni Atalanta huwa awtorizzat, b’effett immedjat, biex jagħti l-ordni ta’ attivazzjoni (ACTORD) sabiex jitwettaq l-iskjerament tal-forzi u jibda t-twettiq tal-missjoni.

    Artikolu 4

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

    Artikolu 5

    Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmula fi Brussell, 8 ta’ Diċembru 2008.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    B. KOUCHNER


    (1)  ĠU L 301 tat-12.11.2008, p. 33.


    Top