Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32005D0909R(01)

2005/909/KE: Rettifika għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal- 4 ta' Diċembru 2005 li twaqqaf grupp ta' esperti biex jagħtu parir lill-Kummissjoni u jiffaċilitaw il-kooperazzjoni bejn sistemi pubbliċi ta' kontroll għal awdituri statutorji u ditti tal-verifika finanzjarja ( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea L 327 M, tal-5 ta' Diċembru 2008 )

ĠU L 71M, 17.3.2009, pp. 320–321 (MT)

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2005/909/corrigendum/2009-03-17/oj

17.3.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

320


Rettifika għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta' Diċembru 2005 li twaqqaf grupp ta' esperti biex jagħtu parir lill-Kummissjoni u jiffaċilitaw il-kooperazzjoni bejn sistemi pubbliċi ta' kontroll għal awdituri statutorji u ditti tal-verifika finanzjarja

( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea L 327 M, tal-5 ta' Diċembru 2008 )

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/909/KE għandha taqra:

DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-4 ta' Diċembru 2005

li twaqqaf grupp ta' esperti biex jagħtu parir lill-Kummissjoni u jiffaċilitaw il-kooperazzjoni bejn sistemi pubbliċi ta' kontroll għal awdituri statutorji u ditti tal-verifika finanzjarja

(2005/909/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Billi:

(1)

It-tisħiħ tal-verifika finanzjarja statutorja huwa essenzjali sabiex ireġġa' l-kunfidenza tal-investituri fis-swieq finanzjarji. It-Tmien Direttiva modernizzata dwar il-verifika finanzjarja statutorja tal-kontijiet annwali u l-kontijiet konsolidati u li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE (1) (minn issa 'l quddiem “it-Tmien Direttiva modernizzata”) tintroduċi, inter alia, rekwiżit għall-Istati Membri biex iwaqqfu sistema pubblika ta' kontroll għal awdituri statutorji u ditti tal-verifika finanzjarja. It-Tmien Direttiva modernizzata timmira wkoll li tistabbilixxi koordinazzjoni tas-sistemi pubbliċi ta' kontroll fil-livell tal-komunità u tinkludi possibilità għall-Kummissjoni li tadotta miżuri ta' implimentazzjoni.

(2)

Sabiex tilħaq il-miri deskritti fil-qosor fit-Tmien Direttiva modernizzata, il-Kummissjoni teħtieġ li tappella lil grupp espert li għandu jikkontribwixxi għall-koordinazzjoni u l-iżvilupp ta' sistemi pubbliċi ta' kontroll fi ħdan l-Unjoni Ewropea. Il-grupp jista' jikkontribwixxi wkoll għall-preparazzjoni teknika tal-miżuri ta' implimentazzjoni tat-Tmien Direttiva modernizzata.

(3)

Il-grupp espert għandu jkun magħmul minn rappreżentanti ta' livell għoli meħuda minn sistemi pubbliċi ta' kontroll għal awdituri statutorji u ditti tal-verifika finanzjarja fl-Istati Membri. Jekk sistemi bħal dawn għadhom ma ġewx stabbiliti, għandhom jingħaqdu fil-grupp rappreżentanti mill-Ministeri nazzjonali responsabbli għat-twaqqif tagħhom fil-ġejjieni. Huma biss dawk li ma jipprattikawx, kif definiti skont l-Arttikolu 2(11.b) tat-Tmien Direttiva modernizzata, li jistgħu jinħatru bħala rappreżentanti jew rappreżentanti ta' riżerva minħabba l-kunflitti potenzjali ta' interess bejn il-professjoni u s-settur privat min-naħa l-waħda, u l-interess pubbliku min-naħa l-oħra. Minkejja dan, il-ħidma tal-Kummissjoni u tal-grupp għandu jirfed fuq l-għarfien u l-esperjenza ta' min jipprattika. B'riżultat ta' dan, il-Kummissjoni, wara diskussjoni mal-grupp espert, għandha tikkonsulta b'mod estensiv u fi stadju bikri mal-parteċipanti fis-suq, il-konsumaturi, il-professjoni tal-awdituri u l-utenti finali f'mod miftuħ u trasparenti, dwar il-ħidma tal-grupp.

(4)

Għalhekk għandu jitwaqqaf il-grupp espert imsejjaħ “Il-Grupp Ewropew tal-Korpi ta' Kontroll tal-Awdituri” u għandhom jiġu ddettaljati t-termini ta' referenza u l-istrutturi tiegħu.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-grupp espert imsejjaħ “Il-Grupp Ewropew tal-Korpi ta' Kontroll tal-Awdituri” minn issa 'l quddiem “il-grupp” huwa permezz ta' dan ta' hawnhekk imwaqqaf mill-Kummissjoni.

Artikolu 2

Il-kompitu

Il-Kummissjoni tista' tikkonsulta l-grupp dwar kwalunkwe mistoqsija relatata mat-tħejjija tal-miżuri ta' implimentazzjoni tat-Tmien Direttiva modernizzata. Il-grupp jista' wkoll jiddiskuti dwar kwalunkwe kwistjoni relatata mal-kooperazzjoni bejn is-sistemi pubbliċi ta' kontroll għal awdituri statutorji u d-ditti tal-verifika finanzjarja.

Il-kompiti tal-grupp huma fil-biċċa l-kbira:

li jiffaċilita l-kooperazzjoni bejn is-sistemi pubbliċi ta' kontroll ta' Stati Membri u joħloq skambju tal-aqwa prassi fir-rigward tat-twaqqif u l-issuktar tal-kooperazzjoni ta' sistemi bħal dawn;

li jikkontribwixxi għal valutazzjoni teknika ta' sistemi pubbliċi ta' kontroll ta' pajjiżi terzi u għall-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi f'dan il-qasam;

li jikkontribwixxi għall-analiżi teknika ta' standards internazzjonali tal-verifika finanzjarja, inklużi l-proċessi għall-elaborazzjoni tagħhom, bil-ħsieb tal-adozzjoni tagħhom fil-livell ta' Komunità.

Artikolu 3

L-istruttura — Il-ħatra

1.   Il-grupp għandu jkun magħmul minn rappreżentanti ta' livell għoli mill-entitajiet responsabbli għall-kontroll pubbliku ta' awdituri statutorji u ditti tal-verifika finanzjarja jew fin-nuqqas ta' preżenza tagħhom, ta' rappreżentanti mill-Ministeri nazzjonali kompetenti.

2.   Kull Stat Membru għandu jaħtar rappreżentant ta' livell għoli minn waħda mill-awtoritajiet imsemmija fil-paragrafu 1 biex jipparteċipa fil-laqgħat tal-grupp. Il-Kummissjoni tista' tirrifjuta rappreżentant maħtur minn Stat Membru meta tqis li rappreżentant ma jkunx xieraq, partikolarment jekk ikun hemm kwalunkwe kunflitt ta' interess. F'każ bħal dan, il-Kummissjoni għandha tinforma malajr lill-Istat Membru kkonċernat li mbagħad jista' jaħtar rappreżentant ieħor.

3.   Huma biss dawk li ma jipprattikawx li jistgħu jinħatru bħala rappreżentanti.

4.   Kull Stat Membru għandu jaħtar rappreżentant wieħed. Rappreżentant wieħed ta' riżerva għal kull Stat Membru jista' jinħatar skont il-kondizzjonijiet stipulati fil-paragrafi 1, 2, 3 u 5.

5.   Għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet li ġejin:

Fil-każ fejn Stat Membru huwa rrappreżentat minn Ministeru, meta titwaqqaf sistema pubblika ta' kontroll għall-awdituri u d-ditti tal-verifika finanzjarja, l-Istat Membru għandu jissostitwixxi r-rappreżentant tiegħu minn rappreżentant meħud mis-sistema pubblika ta' kontroll;

rappreżentanti li ma għadhomx kapaċi jikkontribwixxu b'mod effettiv għad-diskussjonijiet tal-grupp, li jirriżenjaw jew li ma jirrispettawx il-kondizzjonijiet stipulati fl-ewwel jew fit-tielet punt ta' dan l-Artikolu jew l-Artikolu 287 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, għandhom jiġu ssostitwiti;

membri ta' sottogrupp imsemmija fl-Artikolu 4 hawn taħt u li jipprattikaw, għandhom jiffirmaw fil-bidu tal-mandat tagħhom u, kull darba li jitlobhom il-president, impenn li jaġixxu fl-interess pubbliku u dikjarazzjoni li tindika n-nuqqas jew l-eżistenza ta' kwalunkwe interess li jista' jdgħajjef l-oġġettività tagħhom.

Artikolu 4

Il-Ħidma

1.   Il-grupp huwa presidenzjat mill-Kummissjoni.

2.   Bħala regola ġenerali, wara diskussjoni mal-grupp, il-Kummissjoni, għandha tikkonsulta b'mod estensiv u fi stadju bikri mal-parteċipanti fis-suq, il-konsumaturi, il-professjoni tal-awdituri u l-utenti finali f'mod miftuħ u trasparenti, dwar il-ħidma tal-grupp.

3.   Bi qbil mal-Kummissjoni, jistgħu jitwaqqfu sottogruppi biex janalizzaw mistoqsijiet speċifiċi taħt termini ta' referenza stabbiliti mill-grupp; huma se jiġu xolti malli dawn jintlaħqu. Is-sottogruppi jistgħu jinkludu wkoll lil min jipprattika.

4.   Il-president jista' jistaqsi lil esperti jew osservaturi b'kompetenza speċifika f'suġġett fl-aġenda biex jieħdu sehem fid-diskussjonijiet tal-grupp jew tas-sottogrupp jekk dan ikun ta' użu u/jew meħtieġ.

5.   Id-diskussjonijiet tal-grupp mhumiex se jkunu pubbliċi.

6.   Il-grupp u s-sottogruppi tiegħu normalment jiltaqgħu f'bini tal-Kummissjoni skont il-proċeduri u l-iskeda stabbilita minnha. Il-Kummissjoni tipprovdi servizzi ta' segretarjat. Uffiċjali oħra tal-Kummissjoni b'interess fil-proċedimenti jistgħu jattendu l-laqgħat.

7.   Il-grupp għandu jadotta r-regoli tiegħu ta' proċedura fuq il-bażi tar-regoli standard ta' proċedura adottati mill-Kummissjoni.

8.   Il-Kummissjoni tista' tippubblika, fl-ilsien oriġinali tad-dokument ikkonċernat, kwalunkwe sinteżi, konklużjoni, jew konklużjoni parzjali jew dokument ta' ħidma tal-grupp.

Artikolu 5

L-ispejjeż tal-laqgħat

Il-Kummissjoni għandha tħallas lura l-ivvjaġġar u, fejn xieraq, spejjeż ta' kuljum għar-rappreżentanti, il-membri tas-sottogrupp, esperti u osservaturi b'konnessjoni mal-attivitajiet tal-grupp skont id-dispożizzjonijiet fis-seħħ tal-Kummissjoni. Ir-rappreżentanti ma għandhomx jitħallsu għal dmirijiethom.

L-ispejjeż tal-laqgħat jitħallsu lura fil-limiti tal-approprjazzjonijiet allokati lid-dipartiment ikkonċernat skont il-proċedura annwali għall-allokazzjoni tar-riżorsi.

Artikolu 6

Id-dħul fis-seħħ

Id-deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Magħmula fi Brussell, 14 ta' Diċembru 2005

Għall-Kummissjoni

Charlie McCREEVY

Membru tal-Kummissjoni


(1)  Għandha ma ġietx ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.


Top