Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02008R0820-20100219

Consolidated text: Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 820/2008 tat- 8 ta’ Awwissu 2008 li jistipula miżuri għall-implimentazzjoni ta’ l-istandards bażiċi komuni dwar is-sigurtà fl-avjazzjoni (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2008/820/2010-02-19

2008R0820 — MT — 19.02.2010 — 002.001


Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

►B

REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 820/2008

tat-8 ta’ Awwissu 2008

li jistipula miżuri għall-implimentazzjoni ta’ l-istandards bażiċi komuni dwar is-sigurtà fl-avjazzjoni

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(ĠU L 221, 19.8.2008, p.8)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  No

page

date

►M1

REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 483/2009 tad-9 ta’ Ġunju 2009

  L 145

23

10.6.2009

►M2

REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 133/2010 tal-4 ta’ Frar 2010

  L 43

1

18.2.2010

►M3

REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 134/2010 tad-9 ta' Frar 2010

  L 43

3

18.2.2010




▼B

REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 820/2008

tat-8 ta’ Awwissu 2008

li jistipula miżuri għall-implimentazzjoni ta’ l-istandards bażiċi komuni dwar is-sigurtà fl-avjazzjoni

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)



IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 2320/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2002 li jistabbilixxi regoli komuni fil-qasam tas-sigurtà fl-avjazzjoni ċivili ( 1 ), u b’mod partikolari l-Artikolu 4(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Skond l-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 2320/2002, il-Kummissjoni għandha l-obbligu li, meta meħtieġ, tadotta miżuri għall-implimentazzjoni ta’ l-istandards bażiċi komuni tas-sigurtà fl-avjazzjoni fil-Komunità kollha. Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 622/2003 ta’ l-4 ta’ April 2003 li jistabbilixxi l-miżuri sabiex jiġu implimentati l-istandards bażiċi komuni dwar is-sigurtà fl-avjazzjoni ( 2 ) kien l-ewwel att li jistabbilixxi miżuri bħal dawn.

(2)

Ir-Regolament (KE) Nru 622/2003 kien emendat 14-il darba mill-adozzjoni tiegħu. Għal finijiet ta’ ċarezza u razzjonalità, huwa f’loku li l-emendi kollha jkunu kkonsolidati f’Regolament ġdid.

(3)

L-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KE) Nru 2320/2002 jipprovdi li l-miżuri ta’ implimentazzjoni adottati mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 4(2) ta’ dak ir-Regolament għandhom ikunu sigrieti u ma għandhomx ikunu ppubblikati meta jirrigwardaw kriterji ta’ prestazzjoni u testijiet għall-approvazzjoni ta’ tagħmir, proċeduri dettaljati dwar informazzjoni sensittiva jew kriterji dettaljati għall-eżenzjoni minn miżuri ta’ sigurtà. Barra minn hekk, l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 622/2003 jipprovdi li l-miżuri ta’ implimentazzjoni stipulati fl-Anness għalih għandhom ikunu sigrieti, ma għandhomx ikunu ppubblikati u għandhom jitqiegħdu biss għad-dispożizzjoni ta’ persuni bl-awtorizzazzjoni dovuta minn Stat Membru jew mill-Kummissjoni. Emendi sussegwenti għar-Regolament (KE) Nru 622/2003 stipulaw li din id-dispożizzjoni għandha tapplika għal emendi tali.

(4)

Biex ittejjeb it-trasparenza tal-miżuri ta’ implimentazzjoni li adottathom sallum skond l-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 2320/2002, il-Kummissjoni rrivediet il-miżuri fl-Anness għar-Regolament (KE) Nru 622/2003, kif emendat suċċessivament, fid-dawl tal-kriterji stipulati fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KE) Nru 2320/2002. Ir-reviżjoni wriet li bosta minn dawk il-miżuri ma għandhomx għalfejn jibqgħu sigrieti, u li għaldaqstant għandhom ikunu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

(5)

Madankollu, jibqa’ essenzjali li jinżammu sigrieti ċerti miżuri li l-kxif tagħhom jista’ jiffaċilita l-evitar tagħhom u t-twettiq ta’ atti ta’ interferenza illegali. Miżuri bħal dawn jinkludu, b’mod partikolari, ċerti proċeduri dettaljati, u eżenzjonijiet minnhom, rigward it-tgħarbil ta’ vetturi li jidħlu f’żoni ristretti ta’ sigurtà, it-tiftix ta’ l-inġenji ta’ l-ajru u tal-passiġġieri, it-trattament ta’ passiġġieri li jikkawżaw disturb, it-tgħarbil ta’ bagalji ta’ l-istiva mhux akkumpanjati u ta’ bagalji ta’ l-istiva bl-użu ta’ Sistemi għar-Rilevament ta’ l-Isplussivi u l-kontroll tal-merkanzija u l-posta, kif ukoll l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tat-tagħmir ta’ tgħarbil. Dawn il-miżuri għandhom ikunu adottati separatament, permezz ta’ deċiżjoni indirizzata lill-Istati Membri kollha.

(6)

Fid-dawl ta’ valutazzjoni tar-riskju lokali, għandha tkun permessa distinzjoni bejn ajruporti differenti. Għalhekk, il-Kummissjoni għandha tiġi mgħarrfa bl-ajruporti li huma kkunsidrati li jippreżentaw riskju iżgħar.

(7)

Għandhom jiġu permessi wkoll miżuri ta’ l-implimentazzjoni li jvarjaw skond it-tip ta’ l-attività tat-titjir. Il-Kummissjoni għandha għalhekk tiġi mgħarrfa meta jiġu applikati miżuri kumpensatorji sabiex jiġu żgurati l-livelli ekwivalenti tas-sigurtà.

(8)

Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat dwar is-Sigurtà ta’ l-Avjazzjoni Ċivili,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:



Artikolu 1

L-għan

Dan ir-Regolament jistipula miżuri għall-implimentazzjoni u l-adattament tekniku ta’ l-istandards bażiċi komuni li jirrigwardaw is-sigurtà ta’ l-avjazzjoni li għandhom jiddaħħlu fil-programmi nazzjonali tas-sigurtà ta’ l-avjazzjoni ċivili.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom jgħoddu t-tifsiriet li ġejjin:

 “Programm nazzjonali tas-sigurtà ta’ l-avjazzjoni ċivili” għandu jfisser ir-regolamenti, il-prattiki u l-proċeduri adottati mill-Istati Membri skond l-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 2320/2002, biex jiżguraw is-sigurtà ta’ l-avjazzjoni ċivili fit-territorju tagħhom,

 “Awtorità xierqa” għandha tfisser l-awtorità nazzjonali ddeżinjata minn Stat Membru skond l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 2320/2002 biex tkun responsabbli għall-koordinament u l-monitoraġġ ta’ l-implimentazzjoni tal-programm nazzjonali tas-sigurtà ta’ l-avjazzjoni ċivili.

Artikolu 3

Il-miżuri msemmija fl-Artikolu 1 huma stipulati fl-Anness.

Artikolu 4

Metodi u proċessi tekniċi ġodda

1.  L-Istati Membri jistgħu jippermettu metodu jew proċess tekniku għall-kontrolli tas-sigurtà li jintuża minflok dawk stipulati fl-Anness, bil-kundizzjoni li:

(a) ikun qed jintuża għall-finijiet ta’ l-evalwazzjoni ta’ mod ġdid kif jitwettaq il-kontroll ikkonċernat, u

(b) mhuwiex sejjer jaffettwa ħażin il-livell globali ta’ sigurtà li jintlaħaq.

2.  Talanqas erba’ xhur qabel ma jkun ippjanat li jiddaħħal, l-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Kummissjoni bil-miktub dwar il-metodu jew il-proċess li jkun biħsiebu jsegwi, filwaqt li jinkludi valutazzjoni ta’ kif sejjer jiggarantixxi li l-applikazzjoni tal-metodu jew il-proċess il-ġdid sejjer jissodisfa r-rekwiżit tal-punt (b) tal-paragrafu 1. In-notifika għandu jkun fiha wkoll informazzjoni dettaljata dwar il-lokazzjoni(jiet) fejn se jintuża l-metodu jew il-proċess u t-tul previst tal-perjodu ta’ valutazzjoni.

3.  Jekk il-Kummissjoni lill-Istat Membru tagħtih risposta pożittiva, jew jekk ma tasal l-ebda risposta fi żmien tliet xhur mill-wasla tat-talba bil-miktub, l-Istat Membru jkun jista’ jippermetti li jiddaħħal il-metodu jew il-proċess il-ġdid.

Jekk il-Kummissjoni ma tkunx sodisfatta li l-metodu jew il-proċess il-ġdid propost jipprovdi biżżejjed garanziji li l-livell globali tas-sigurtà ta’ l-avjazzjoni sejjer jinżamm fil-Komunità, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istat Membru b’dan fi żmien tliet xhur mill-wasla tan-notifika msemmija fil-paragrafu 2, filwaqt li tispjega t-tħassib tagħha. F’tali ċirkustanza, l-Istat Membru kkonċernat ma għandux jibda bil-metodu jew il-proċess sakemm ma jkunx issodisfa lill-Kummissjoni.

4.  Il-perjodu massimu ta’ valutazzjoni għal kull metodu jew proċess tekniku għandu jkun 18-il xahar. Il-Kummissjoni tista’ testendi l-perjodu ta’ valutazzjoni b’massimu ta’ 12-il xahar ieħor, bil-kundizzjoni li l-Istat Membru jipprovdi ġustifikazzjoni adegwata għall-estensjoni.

5.  F’intervalli ta’ mhux aktar minn 6 xhur matul il-perjodu ta’ valutazzjoni, l-awtorità xierqa fl-Istat Membru kkonċernat għandha tagħti lill-Kummisjsoni rapport dwar il-progress li jkun sar fil-valutazzjoni. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri dwar ir-riżultati tar-rapport dwar il-progress.

6.  L-ebda perjodu ta’ valutazzjoni ma għandu jkun itwal minn 30 xahar.

Artikolu 5

Notifika

L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni bil-miktub dwar l-ajruporti kollha li fir-rigward tagħhom ħadu l-opportunità ta’ l-għażla permessa jew taħt il-punt (a) jew il-punt (c) ta’ l-Artikolu 4(3) tar-Regolament (KE) Nru 2320/2002.

Artikolu 6

Miżuri kumpensatorji

L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni bil-miktub dwar il-miżuri kumpensatorji li jkunu applikati skond il-punt 4.2 ta’ l-Anness għar-Regolament (KE) Nru 2320/2002.

Artikolu 7

Ir-Regolament (KE) Nru 622/2003 huwa rrevokat.

Artikolu 8

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.




ANNESS ( 3 )

1.   DEFINIZZJONIJIET

Flimkien mad-definizzjonijiet stipulati fl-anness tar-Regolament (KE) Nru 2320/2002, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

1.1. “A.C.A.M.S” tfisser Sistema ta’ Kontroll ta’ l-Aċċess u tal-Monitoraġġ ta’ l-Allarm li għandha tikkontrolla elettronikament l-aċċess għall-bibien, gradi u punti tad-dħul oħra li jwasslu direttament jew indirettament għal żoni ristretti ta’ sigurtà, u li għandha tallarma lill-awtorità rilevanti meta jseħħ dħul mhux awtorizzat;

1.2. “Utent ta’ ajruport” tfisser kwalunkwe persuna naturali jew ġuridika responsabbli għall-ġarr tal-passiġġieri, posta u/jew merkanzija bl-ajru minn, jew lejn, l-ajruport ikkonċernat, kif definit fl-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 96/67/KE ( 4 );

1.3. “Ground handling” tfisser is-servizzi pprovduti għall-utenti ta’ l-ajruporti fl-ajruporti kif deskritt fl-Anness għad-Direttiva 96/67/KE;

1.4. “trasportatur ta’ l-ajru” tfisser impriża tat-trasport bl-ajru b’liċenzja valida għall-operat, li tkun attiva f’operazzjonijiet bl-ajru.

1.5. “Service Panel” tfisser punt estern ta’ aċċess għal inġenju ta’ l-ajru li jintuża għall-forniment ta’ servizzi fuq l-inġenji ta’ l-ajru; punti ta’ dan it-tip jinkludu l-konnessjonijiet fuq l-art ta’ l-ilma, tat-tojlits u ta’ l-elettriku u kompartiemtni oħra tas-servizz li jkollhom panewijiet esterni li jagħlqu bi klipp;

1.6. “Inġenju ta’ l-ajru li mhux fis-servizz” tfisser inġenju ta’ l-ajru li huwa pparkjat għal perjodu ta’ aktar minn 12-il siegħa jew li mhux taħt biżżejjed sorveljanza biex jinqabdu każijiet ta’ aċċess mhux awtorizzat.

2.   SIGURTÀ FL-AJRUPORT

2.1.   Rekwiżiti ta’ Ppjanar fl-Ajruport

L-ebda dispożizzjoni f’dan ir-Regolament.

2.2.   Kontroll ta’ l-Aċċess

2.2.1.   Żoni ristretti ta’ sigurtà u Żoni Airside Oħrajn

1. L-awtorità rilevanti għandha tiżgura li l-aċċess għal żoni ristretti ta’ sigurtà jkun ikkontrollat:

Fejn żoni mhux ristretti ta’ sigurtà li jkunu maġenb, u jippermettu aċċess għal, żoni ristretti ta’ sigurtà, għandhom jiġu stabbiliti konfini u kontrolli li jippermettu r-rilevament ta’ aċċess mhux awtorizzat u biex jittieħdu miżuri xierqa.

2. L-awtorità rilevanti li tawtorizza l-aċċess għal żoni ristretti ta’ sigurtà għandha tiżgura li l-istaff kollha b’aċċess għal dawn iż-żoni jeżegwixxi miżuri stretti tal-kontroll ta’ l-aċċess. Dawn il-miżuri għandhom jinkludu:

(a) persunal b’identifikazzjoni ta’ l-ajruport għall-aċċess għal żoni ristretti ta’ sigurtà għandhom ikunu familjari mal-forom ta’ identifikazzjoni maħruġa mill-ajruport u dawk approvati iżda li ma jinħarġux mill-ajruport, u fejn dawn ikunu validi għall-aċċess għal żoni ristretti ta’ sigurtà;

(b) il-membri tal-persunal għandhom iwaqqfu jew jirrappurtaw lill-awtorità rilevanti l-persuni kollha f’żoni ristretti ta’ sigurtà li ma jurux identifikazzjoni valida;

(ċ) il-membri tal-persunal għandhom iwaqqfu jew jirrappurtaw lill-awtorità rilevanti l-vetturi kollha mhux awtorizzati li jaraw f’żoni ristretti ta’ sigurtà.

3. L-awtorità rilevanti fil-programm nazzjonali tas-sigurtà fl-avjazzjoni ċivili għandha tiżgura li l-karti ta’ l-identifikazzjoni fl-ajruporti li jippermettu l-aċċess għal żoni ristretti ta’ sigurtà jkunu kkontrollati kif ġej:

(a) il-karti ta’ l-identità fl-ajruport għandhom jillimitaw l-aċċess tal-persunal għal dawk iż-żoni skond kif meħtieġ għal xogħolhom biss;

(b) malli jintemm jew jinbidel l-istatus tax-xogħol ta’ impjegat, il-karta ta’ l-identità tiegħu tiegħu fl-ajruport għandha tintradd lura lill-awtorità ta’ l-ajruport u tinqered;

(ċ) id-detentur jeħtieġlu jinforma immedjatament lil min iħaddmu u lill-awtorità li toħroġ il-karta dwar it-telfien jew is-serq tal-karta ta’ identità fl-ajruport. Wara n-notifika il-karta ta’ identità fl-ajruport għandha tiġi invalidata minnufih.

4. L-awtorità xierqa għandha tiżgura li l-bibien ta’ aċċess li jintużaw għal skopijiet ta’ żbark biss, li jippermettu l-aċċess għar-rampa jew żoni ristretti ta’ sigurtà għandhom jibqgħu miftuħin biss matul il-proċess ta’ żbark.

5. Il-punti ta’ kontroll fejn isir it-tgħarbil tas-sigurtà għandhom jitħarsu minn gwardji jew tagħmir ta’ sorveljanza adegwat, għad-deterrenza u l-prevenzjoni ta’ dgħajfien tas-sigurtà fil-punti ta’ kontroll għas-sigurtà tad-dħul u ħruġ, u biex il-protezzjoni tiġi estiża għall-persunal involut fil-proċess ta’ tgħarbil.

6. Materjali maħżuna f’żoni ristretti tas-sigurtà u f’żoni airside oħra li jintużaw għall-finijiet ta’ l-ipproċessar tal-passiġġieri u tal-bagalji għandhom ikunu protetti, jew ikunu taħt is-sorveljanza l-ħin kollu biex ma jitħalliex li jkun hemm aċċess mhux awtorizzat. Il-materjali mormija għandhom jinqerdu biex ikun żgurat li ma jintużawx minn persuni mhux awtorizzati.

Sistemi għall-kontroll tat-tluq u sistemi għaċ-check in fl-ajruporti għandhom ikunu kkontrollati biex ma jitħalliex li jkun hemm aċċess mhux awtorizzat.

Iċ-check-in magħmul mill-passiġġier innifsu u alternattivi applikabbli ta’ l-internet għall-użu mill-passiġġieri għandhom jitqiesu bħala aċċess għal tali materjali jew sistemi.

2.2.2.   Żoni tat-Terminal

Ir-rekwiżiti stipulati fil-punt 2.2.1.6 għandhom japplikaw ukoll għaż-żoni tat-terminal li huma miftuħa għall-pubbliku.

2.2.3.   Żoni Pubbliċi Oħra

L-ebda dispożizzjoni f’dan ir-Regolament.

2.3.   Tgħarbil ta’ staff, oġġetti fuq il-persuna u vetturi

2.3.1.   Tgħarbil tal-persunal u l-oġġetti ttrasportati

Il-persunal tas-sigurtà jista jirrifjuta d-dħul f’żona ristretta ta’ sigurtà lil kwalunkwe membru tal-persunal li jkollu fuqu oġġett li jikkawża tħassib.

2.3.2.   Tgħarbil ta’ vetturi

1. Il-vetturi għandhom ikunu eżaminati biex ikunu rilevati oġġetti pprojbiti u persuni mhux awtorizzati.

2. Is-sewwieq jew kull okkupant ieħor tal-vettura ma għandux ikun fil-vettura meta jsir l-eżami.

2.3.3.   Proċeduri ta’ sikurezza għall-provvisti ta’ likwidi u boroż li juru kull tbagħbis

Id-dispożizzjonijiet ġenerali

1. “Provvisti ta’ likwidi” għandhom jiġu kkunsidrati bħala likwidi għall-bejgħ fi ħwienet li jinstabu jew f’żona airside lil hinn mill-punt fejn jiġu kkontrollati l-karti ta’ l-imbarkazzjoni jew f’żona ristretta ta’ siġurtà, mill-ewwel ilqugħ tagħhom fl-airside sa meta jaslu fil-ħwienet bħal dawn.

2. “Provvisti ta boroż li juru kull tbagħbis” għandhom ikunu kkunsidrati bħala boroż li juru kull tbagħbis li jinsabu f’żona airside lil hinn mill-punt fejn jiġu kkontrollati il-karti ta’ l-imbarkazzjoni, mill-ewwel ilqugħ tagħhom fl-airside sa l-użu finali tagħhom.

Kontrolli tal-provvisti

L-ebda dispożizzjoni f’dan ir-Regolament.

Il-fornitur magħruf

L-ebda dispożizzjoni f’dan ir-Regolament.

Boroż li juru kull tbagħbis

3. Il-provvisti ta’ boroż li juru kull tbagħbis għandhom jintbagħtu f’pakketti li juru kull tbagħbis lil ħwienet li jinstabu f’żona airside lil hinn mill-punt fejn jiġu kkontrollati l-karti ta’ l-imbarkazzjoni.

4. Wara li jaslu fi ħwienet bħal dawn u sa l-użu finali tagħhom, il-provvisti ta’ boroż li juru kull tbagħbis għandhom jitħarsu minn intereferenza mhux awtorizzata.

2.4   Sigurtà fiżika u għassa mobbli

L-ebda dispożizzjoni f’dan ir-Regolament.

3.   SIGURTÀ TA’ L-INĠENJI TA’ L-AJRU

3.1.   Tiftix u kontroll ta’ l-inġenji ta’ l-ajru

It-trasportatur bl-ajru għandu jiżgura li l-persunali jwettaq tiftix u kontrolli ta’ sigurtà fuq l-inġenji ta’ l-ajru jkun familjari mat-tip ta’ inġenju ta’ l-ajru li jkun qed jiġi kkontrollat u li jkun ġie mħarreġ biżżejjed fit-twettiq ta’ attivitajiet bħal dawn.

3.1.1.   Kontroll tas-sigurtà ta’ l-inġenji ta’ l-ajru

Malli jitlesta l-kontroll tas-sigurtà fuq inġenju ta’ l-ajru, għandu jinżamm reġistru mit-trasportatur ta’ l-ajru għal 24 siegħa jew kemm iddum it-titjira, skond liema jkun l-itwal.

3.1.2.   Tiftix tas-sigurtà fuq l-inġenji ta’ l-ajru

1. Malli titlesta t-tiftixa tas-sigurtà fuq inġenju ta’ l-ajru, għandu jinżamm reġistru mit-trasportatur ta’ l-ajru għal 24 siegħa jew kemm iddum it-titjira, skond liema jkun l-itwal perjodu.

2. Tiftix tas-sigurtà fuq l-inġenji ta’ l-ajru għandu jsir f’kabina ta’ l-inġenju vojta.

3.2.   Protezzjoni ta’ l-inġenju ta’ l-ajru

It-trasportatur bl-ajru għandu jkun responsabbli għall-istabbiliment tal-protezzjoni ta’ l-inġenji ta’ l-ajru tiegħu.

4.   PASSIĠĠIERI U BAGALJI TAL-KABINA

4.1.   Tgħarbil tal-Passiġġieri

4.1.1.   Oġġetti pprojbiti

1.

Il-passiġġieri mhumiex permessi jdaħħlu l-oġġetti li ġejjin fiż-żona ristretta tas-sigurtà u fil-kabina ta’ l-ajruplan:

a)   Pistoli, armi tan-nar u armi

Kwalunkwe oġġett li jista’, jew li jidher li jista’, jispara projettili jew li jikkawża ġrieħi, inklużi:

 L-armi tan-nar kollha (pistoli, revolvers, xkubetti, snieter, eċċ.)

 Repliki u imitazzjonijiet ta’ armi tan-nar

 Partijiet komponenti ta’ armi tan-nar, (esklużi t-trombi teleskopiċi ta’ avvistament u għajnuniet għall-mira)

 Pistoli u xkubetti ta’ l-arja u pistoli tal-pellets

 Pistoli tas-sinjalar (flares)

 Pistoli tat-tlielaq

 L-armi tan-nar tal-logħob kollha

 Armi tan-nar li jisparaw il-ball bearings

 Pistoli industrijali tal-boltijiet u ta’ l-imsiemer

 Balestri

 Katapulti

 Ħarpuni u froxxni

 Tagħmir għall-qtil uman ta’ l-annimali

 Tagħmir għall-istordiment jew l-ixxukkjar (eż. niggieża elettriċi għall-bhejjem, armi ballistiċi li jwasslu l-enerġija (taser))

 Lajters f’forma ta’ arma tan-nar

b)   Armi ppuntati bix-xifer jaqta u Oġġetti jaqtgħu

Oġġetti ppuntati jew b’xafra li jistgħu jikkawżaw ġrieħi, fosthom:

 Imnanar u mannaretti

 Vleġeġ u darts

 Ganċijiet

 Ħarpuni u lanez

 Fisien u baqquni tas-silġ

 Skejz tas-silġ

 Imwies li jissakkru jew li jisparaw ’il barra bi xfafar ta’ kwalunkwe tul

 Skieken, inklużi skieken ċerimonjali, bi xfafar ta’ aktar minn 6 ċm, magħmula minn metall jew kwalunkwe materjal li hu b’saħħtu biżżejjed biex jintuża bħala arma potenzjali.

 Skieken tal-biċċiera

 Machetes

 Imwies u xfafar miftuħa (esklużi l-imwies tal-leħja ta’ sikurezza jew li jintremew, li x-xfafar tagħhom ikunu magħluqa)

 Xwabel u lasti bix-xwabel fuqhom

 Skieken ta’ l-operazzjonijiet

 Imqassijiet bi xfafar ta’ aktar minn 6 ċm tul

 Arbli ta’ l-iskijjar u tal-mixi

 Stilel tat-tfigħ

 Għodod tas-sengħa li jistgħu jintużaw bħala arma bil-ponta jew arma li taqta’ eż. brejsijiet u golji, xfafar tal-karti, xfafar, kull tip ta’ sega, turnaviti, skalpellini, mrietel, tnalji, spaners, blow torches.

ċ)   Strumenti mhux bil-ponta/li ma jaqtgħux

Kwalunkwe strument mhux bil-ponta/li ma jaqtax, iżda li jista’ jikkawża ġrieħi, inklużi:

 Mazez tal-baseball u tas-softball

 Mazez jew bsaten – riġidi jew flessibbli – eż Billy clubs, blackjacks, night sticks u bsaten

 Mazez tal-krikit

 Mazez tal-golf

 Mazez tal-ħoki

 Mazez tal-Lacrosse

 Imqadef tal-kajak u tal-kanu

 Skejtbords

 Lasti tal-biljard u tas-snooker

 Qasab tas-sajd

 Apparat ta’ l-arti marzjali eż. knuckle dusters, mazez, coshes, rice flails, num chucks, kubatons, kubasaunts

d)   Splussivi u sustanzi li jieħdu n-nar

Kwalunkwe sustanzi splussivi jew li faċli jieħdu n-nar li huma ta’ riskju għas-saħħa tal-passiġġieri u l-ekwipaġġ jew is-sigurtà / sikurezza ta’ l-inġenju ta’ l-ajru jew tal-proprjetà, fosthom:

 Munizzjon

 Mezzi detonaturi

 Detonaturi u niċeċ

 Splussivi u tagħmir splussiv

 Repliki jew imitazzjonijiet ta’ tagħmir jew materjal splussiv

 Mini u mħażen militari splussivi oħra

 Granati ta’ kull tip

 Gass u kontenituri tal-gass (eż. butejn, propejn, aċitilena, ossiġnu) f’volumi kbar

 Logħob tan-nar, flares (fi kwalunkwe forma) u oġġetti pirotekniċi oħra (inklużi l-party poppers u l-faqqaturi tal-logħob)

 Sulfarini mhux tas-sikurezza

 Bottijiet jew skrataċ li jiġġeneraw id-duħħan

 Fjuwil likwidu li jaqbad (eż. Petrol/gażolina, diżil, likwidu tal-lajters, alkoħol, etanol)

 Żebgħa ta’ l-isprej fil-bottijiet

 Terpentina u żejt taż-żebgħa

 Xorb alkoħoliku li jaqbeż is-70 % tal-volum (140 % proof)

e)   Sustanzi kimiċi u tossiċi

Kwalunkwe sustanzi kimiċi jew tossiċi li jistgħu jkunu ta’ riskju għas-saħħa tal-passiġġieri u l-ekwipaġġ jew għas-sigurtà jew sikurezza ta’ l-inġenju ta’ l-ajru jew il-proprjetà, fosthom:

 Aċidi u Alkali eż. (batteriji “mxarrbin” li jista’ joħroġ il-likwidu minnhom)

 Sustanzi korrożivi jew li jqaxxru (eż. merkurju, klorin)

 Sprejs li jiddiżabilitaw jew li jinkapaċitaw (eż. mace jew sprej tal-bżar, gass tad-dmugħ)

 Materjal radjuattiv (eż iżotopi mediċinali jew kummerċjali)

 Veleni

 Materjal infettuż jew bijoloġikament perikoluż (eż demm infettat, batterji u vajrusis)

 Materjal li jista’ jieħu n-nar jew jaqbad waħdu.

 Ċilindri tat-tifi tan-nar

f)   Likwidi

Likwidi, sakemm mhux f’kontenituri individwali b’kapaċità ta’ mhux aktar minn 100 millilitru jew ekwivalenti u li jinsabu f’borża tal-plastik trasparenti u li tista’ tiġi ssiġillata b’kapaċità ta’ mhux aktar minn 1 litru. Il-kontenuti tal-borża tal-plastik għandhom joqogħdu faċilment fiha u l-borża għandha tkun kompletament magħluqa. Likwidi inklużi ġels, pejsts, sustanzi tad-dlik, taħlitiet ta’ likwidi/solidi u l-kontenuti ta’ kontenituri taħt pressjoni eż, toothpaste, ġel tax-xagħar, xorb, sopop, xiroppi, fwieħa, fowm tal-leħja, bottijiet ta’ l-isprej u oġġetti oħra ta’ konsistenza simili.

Jistgħu jingħataw eżenzjonijiet jekk il-likwidu huwa:

(1) biex jintuża matul il-vjaġġ u huwa meħtieġ għall-raġunijiet mediċi inkella bħala rekwiżit djetetiku speċjali, inkluż l-ikel tat-trabi. Meta jintalab jagħmel dan, il-passiġġier għandu jagħti prova ta’ l-awtentiċità tal-likwidu eżentat; jew

(2) jinxtara fuq in-naħa “airside”, lil hinn mill-punt fejn jiġu kkontrollati tal-karti tat-tlugħ, minn ħwienet li huma soġġetti għall-proċeduri approvati tas-sigurtà bħala parti mill-programm tas-sigurtà ta’ l-ajruport, bil-kundizzjoni li l-likwidu jkun ippakkjat f’borża li turi li ma ġietx imbagħbsa u li juri biżżejjed provi li jkun inxtara mill-ajruport dakinhar; jew

(3) jinkiseb fiż-żona ristretta tas-sigurtà minn ħwienet li huma soġġetti għall-proċeduri approvati tas-sigurtà bħala parti mill-programm tas-sigurtà fl-ajruport; jew

(4) miksub minn ajruport ieħor tal-Komunità, bil-kundizzjoni li l-likwidu jkun ippakkjat f’borża li turi li ma ġietx imbagħbsa u li juri biżżejjed provi li jkun inxtara mill-ajruport fin-naħa “airside” dakinhar; jew

(5) miksub minn fuq ajruplan ta’ trasportatur ta’ l-ajru tal-Komunità, bil-kundizzjoni li l-likwidu jkun ippakkjat f’borża li turi li ma ġietx imbagħbsa u li juri biżżejjed provi li jkun inxtara minn dak l-ajruplan dakinhar; jew

(6) miksuba minn ħwienet li jinsabu f’żona airside lil hinn mill-punt fejn jiġu kkontrollati l-karti ta’ l-imbarkazzjoni jew f’żona ristretta ta’ sigurtà f’ajruport li jinstab f’pajjiż terz elenkat fid-Dokument Mehmuż 1. Il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi, skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 9(2) tar-Regolament KE) Nru 2320/2002, li tinkludi fid-Dokument Mehmuż 1 ajruport ta’ pajjiż terz, sakemm jintlaħqu l-kundizzjonijiet li ġejjin:

 il-pajjiż terz għandu rapport tajjeb ta’ kooperazzjoni mal-Komunità u l-Istati Membri tagħha; u

 il-Kummissjoni rikonoxxiet wara verifika li:

 

(a) il-pajjiż terz japplika standards sodisfaċenti ta’ sigurtà fl-avjazzjoni; u

(b) fl-ajruport jiġu applikati miżuri ta’ sigurtà li jkunu ekwivalenti għal dawk stabbiliti fil-punt 2.3.3 ta’ dan l-Anness u l-paragrafu 2.3.6 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Awwissu 2008 ( 5 ); u

(ċ) il-linji ta’ gwida irrakkomandati għall-kontroll tas-sigurtà ta’ l-Organizzazzjoni Internazzjonali ta’ l-Avjazzjoni Ċivili għat-tgħarbil ta’ likwidi, gels u aerosols jiġu implimentati fl-ajruport, kif stabbilit fl-ittra ta’ l-istat ta’ l-1 ta’ Diċembru 2006 (Referenza: AS 8/11-06/100 Kunfidenzjali) u fl-ittra ta’ l-istat tat-30 ta’ Marzu 2007 (Referenza: AS 8/11-07/26 Kunfidenzjali) jew, fil-każ tal-boroż tamper-evident, speċifikazzjonijiet ekwivalenti; u

(d) il-borża li f’borża li turi li ma ġietx imbagħbsa li fiha jitqiegħed il-likwidu turi prova sodisfaċenti ta’ xiri fin-naħa “airside” fl-ajruport tal-pajjiż terz matul is-sitta u tletin siegħa preċedenti.

2.

Passiġġier jista’ jiġi eżentat mir-rekwiżiti tal-punt 4.1.1.1 bil-kundizzjoni li:

a) L-awtorità xierqa tkun ġiet infurmata minn qabel u tkun qablet li l-oġġett(i) jita’ jinġarr/jistgħu jinġarru; u

b) Il-kaptan ta’ l-inġenju ta’ l-ajru jkun ġie infurmat dwar il-passiġġier u dwar l-oġġett(i) ipprojbit(i) li jkun qed jinġarru minnu/ha.

Fejn xieraq, l-oġġett(i) pprojbit(i) għandu/hom jitqiegħ/jitqiegħdu f’kundizzjonijiet sikuri.

3.

Il-lista ta’ oġġetti pprojbiti msemmija fil-punt 4.1.1.1 u l-informazzjoni dwar l-eżenzjonijiet permess għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku.

4.

L-awtorità xierqa tista’ tipprojbixxi oġġetti minbarra dawk koperti bil-punt 4.1.1.1. L-awtorità xierqa għandha tagħmel sforzi raġjonevoli biex tinforma lill-passiġġieri dwar oġġetti bħal dawn qabel ma jkunu lestew il-proċedura taċ-check in għall-bagalji ta’ l-istiva.

5.

Sakemm ma jkunux ipprojbiti mill-punt 5.2.3.1, l-oġġetti pprojbiti mill-punti 4.1.1.1 jew 4.1.1.4 jistgħu jinġarru f’bagalji ta’ l-istiva, bil-kundizzjoni li l-passiġġieri ma jkollhom l-ebda aċċess mhux sorveljat għal bagalji bħal dawn mill-punt li fih il-bagalji jiddaħħlu fiċ-check-in sal-punt fejn jinġabru mal-wasla.

6.

L-istaff tas-sigurtà jista’ jirrifjuta l-aċċess għal-żona ristretta tas-sigurtà u l-kabina ta’ ajruplan kwalunkwe passiġġier li jkollu fil-pussess tiegħu oġġett li ma jinsabx fil-punt 4.1.1.3 li dwaru jkunu kkonċernati.

4.1.2.   Kalibrazzjoni tat-tagħmir fiss ta’ ditezzjoni tal-metall fuq il-persuna

L-ebda dispożizzjoni f’dan ir-Regolament.

4.1.3.   It-tgħarbil ta’ passiġġieri b’mobilità mnaqqsa.

L-ebda dispożizzjoni f’dan ir-Regolament.

4.1.4.   Dispożizzjonijiet ta’ sigurtà għal passiġġieri potenzjalment ta’ sfrattu

1. Għandhom jiġu introdotti miżuri speċifiċi ta’ sigurtà għat-trasport bl-ajru tal-gruppi li ġejjin ta’ passiġġieri potenzjalment ta’ sfrattu

a) Deportati:

 Persuni li tħallew jidħlu legalment fi Stat Membru mill-awtoritajiet tiegħu jew li daħlu fi Stat Membru b’mod illegali, u li f’xi stadju aktar tard ikun ġie ordnat formalment mill-Awtoritajiet biex jitlaq minn dak l-Istat Membru.

b) Persuni inammissibbli:

 Persuni li d-dħul tagħhom fi Stat Membru huwa rrifjutat mill-awtoritajiet kompetenti u li qed jittieħdu lura fil-pajjiż tat-tluq tagħhom jew lejn kwalunkwe pajjiż ieħor fejn huma ammissibbli dawk il-persuni.

ċ) Persuni miżmuma skond il-liġi:

 Persuni arrestati jew ikkundannati minn qorti tal-liġi, li għandhom jiġu ttrasportati.

2. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jgħarrfu lit-trasportatur bl-ajru kkonċernat fi żmien xieraq, u bil-miktub, meta jkunu biħsiebhom itellgħu abbord passiġġeri potenzjalment ta’ sfrattu.

3. In-notifika bil-miktub lit-trasportatur bl-ajru u lill-pilota fil-kmand għandu jkun fiha d-dettalji li ġejjin:

 l-identità tal-persuna;

 ir-raġuni għall-vjaġġ;

 l-isem u t-titlu ta’ l-iskorta/i, jekk rilevanti;

 valutazzjoni tar-riskju mill-awtoritajiet kompetenti (inklużi r-raġunijiet għall-iskorta jew nuqqas ta’ skorta);

 arranġamenti minn qabel għall-akkomodazzjoni, jekk meħtieġa; u

 in-natura tad-dokument(i) disponibbli.

4. Għandhom jiġu introdotti miżuri speċifiċi ta’ sigurtà għal passiġġieri ta’ sfrattu. Passiġġieri ta’ sfrattu huma persuni li waqt li jkunu abbord inġenju ta’ l-ajru ċivili, mill-mument li jingħalaq il-bieb ta’ l-inġenju qabel it-tluq, sal-mument li fih jinfetaħ, iwettqu att ta’:

 attakk, inditimidazzjoni, theddid jew ta’ traskuraġni volontarja li jipperikola l-ordni pubblika jew is-sikurezza tal-proprjetà jew tal-persuni;

 attakk, intimidazzjoni, theddid jew indħil ma’ membru ta’ l-ekwipaġġ fil-qadi ta’ dmirijietu jew li jnaqqaslu l-kapaċità li jwettaq dmirijietu;

 traskuraġni jew ħsara volontarja lill-inġenju ta’ l-ajru, it-tagħmir tiegħu jew strutturi u tagħmir anċillari b’tali mod li jiġu pperikolati l-ordni pubblika u s-sikurezza ta’ l-inġenju ta’ l-ajru jew ta’ l-okkupanti tiegħu;

 komunikazzjoni ta’ informazzjoni li hija magħrufa bħala falza, biex b’hekk tiġi pperikolata s-sikurezza ta’ l-inġenju ta’ l-ajru matul it-titjira;

 diżubbidjenza ta’ ordnijiet jew struzzjonijiet legali għall-operat sikur, ordnat u effiċjenti.

5. Persuni miżmuma legalment dejjem għandhom ikunu skurtati.

4.2.   Separazzjoni tal-Passiġġieri

Fil-każ li parti mill-faċilitajiet tat-terminal ta’ l-ajru li jinsabu bejn punti ta’ kontroll tas-sigurtà bit-tgħarbil u l-punt ta’ l-imbark fuq l-inġenju ta’ l-ajru jkunu ntużaw minn passiġġieri tal-wasla li ma ġewx skrinjati skond ir-Regolament (KE) Nru 2320/2002, qabel ma jseħħ kwalunkwe imbark ta’ passiġġieri skrinjati għandha ssir tiftixa f’din iż-żona sabiex jiġi żgurat li ma jkunu tħallew l-ebda oġġetti pprojbiti.

4.3.   It-tgħarbil tal-Bagalji tal-Kabina

1. Il-likwidi kollha għandhom jiġu ppreżentati għall-eżaminar fil-punti tat-tgħarbil.

2. Kompjuters portabbli u oġġetti elettroniċi kbar oħra għandhom jitneħħew mill-bagalji tal-kabin qabel ma jsir it-tgħarbil u jiġu skrinjati b’mod separat.

3. Il-kowtijiet u l-ġkieket tal-passiġġieri għandhom jgħaddu mit-tgħarbil bħala bagalja separata tal-kabina.

4.3.1.   It-tgħarbil tal-bagalji tal-kabina li jużaw apparat ta’ l-xray ta’ definizzjoni għolja bit-TIP installat u użat

L-ebda dispożizzjoni f’dan ir-Regolament.

4.4   It-tgħarbil ta’ Staff Diplomatiku

L-ebda dispożizzjoni f’dan ir-Regolament.

5.   BAGALJI TA’ L-ISTIVA

5.1.   Rikonċiljazzjoni tal-Bagalji ta’ l-Istiva

L-ebda dispożizzjoni f’dan ir-Regolament.

5.2.   It-tgħarbil tal-Bagalji ta’ l-Istiva

5.2.1.   Bagalji ta’ l-Istiva Akkumpanjati

1. It-trasportatur bl-ajru għandu jiżgura li kull passiġġier jivvjaġġja fuq l-istess titjira bħall-bagalji għall-istiva li għaddew miċ-check-in. Fejn dan ma jkunx il-każ dawk il-bagalji ta’ l-istiva għandhom jitqiesu bħala bagalji mhux akkumpanjati.

2. L-awtorità xierqa għandha tistipula l-proċeduri dettaljati fil-programm nazzjonali għas-sigurtà ta’ l-avjazzjoni ċivili dwar kif għandu jintlaħaq l-għan tat-tgħarbil fil-każ li l-apparat tat-tgħarbil jieqaf jaħdem sew.

5.2.2.   Bagalji ta’ l-Istiva Mhux Akkumpanjati

Trasportatur bl-ajru li jaċċetta bagalji ta’ l-istiva mhux akkumpanjati minn trasportatur bl-ajru ieħor għandu jikseb dikjarazzjoni bil-miktub li l-kontrolli tas-sigurtà stipulati fl-Anness tar-Regolament (KE) Nru 2320/2002 twettqu għal dawn il-bagalji ta’ l-istiva qabel ma jiġu aċċettati għall-ġarr.

5.2.3.   Oġġetti pprojbiti mill-bagalji ta’ l-istiva

1. L-oġġetti li ġejjin m’għandhomx jitqiegħdu fil-bagalji ta’ l-istiva:

 Splussivi, inklużi detonaturi, niċeċ, grenati, mini u splussivi

 Gassijiet inklużi propejn u butejn

 Likwidi li jieħdu n-nar inklużi l-gażolina u l-metanol

 Solidi li jieħdu n-nar u sustanzi reattivi, inkluż il-manjeżju, lajters, logħob tan-nar u flares

 Ossidizzanti u perossidi organiċi, inkluż bliċ u kits għat-tiswija tal-karrozzerija

 Sustanzi tossiċi jew infettwużi, inkluż velenu tal-firien u demm infettat

 Materjal radjuattiv inklużi iżotopi mediċinali jew kummerċjali

 Sustanzi korrużivi, inkluż il-merkurju u batteriji tal-vetturi

 Komponenti tas-sistemi tal-karburant tal-vetturi li kien fihom il-karburant

2. Il-lista ta’ oġġetti pprojbiti msemmija fil-punt 5.2.3.1 għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku fl-aġenziji tat-trasportaturi bl-ajru u permezz ta’ meżżi xierqa oħra.

3. L-awtorità xierqa tista’ tipprojbixxi oġġetti minbarra dawk koperti bil-punt 5.2.3.1. L-awtorità xierqa għandha tagħmel l-isforzi raġjonevoli biex tinforma lill-passiġġieri b’oġġetti bħal dawn.

4. L-istaff tas-sigurtà jista’ jirrifjuta t-trasport ta’ bagalji ta’ l-istiva li jkun fihom oġġett mhux kopert mill-punt 5.2.3.1 u li dwaru jkunu kkonċernati.

5.2.4   It-tgħarbil tal-bagalji ta’ l-istiva permezz ta’ Sistema għad-Ditezzjoni ta’ l-Isplussivi (EDS)

L-ebda dispożizzjoni f’dan ir-Regolament.

5.2.5   It-tgħarbil tal-bagalji tal-kabina li juża apparat x-ray konvenzjonali ta’ definizzjoni għolja bit-TIP installat u użat

L-ebda dispożizzjoni f’dan ir-Regolament.

5.3.   Protezzjoni tal-Bagalji ta’ l-Istiva

1. L-aċċess għaż-żoni ta’ pproċessar u tal-ħżin tal-bagalji għandu jkun limitat għal dawk l-istaff bi ħtieġa operattiva li jidħol f’dawk iż-żoni. Dawn għandhom jinkludu dawk involuti fit-tagħbija, fil-ħatt u fil-protezzjoni tal-bagalji ta’ l-istiva u persuni awtorizzati mill-awtorità xierqa biex jitħallew ikollhom aċċess għaż-żoni ta’ pproċessar u ta’ ħżin.

2. Il-passiġġieri jistgħu jitħallew ikollhom aċċess għall-oġġetti tagħhom tal-bagalji ta’ l-istiva skrinjati fejn dan ikun meħtieġ, bil-kundizzjoni li jiġu ssorveljati l-ħin kollu sabiex jiġi żgurat li l-ebda oġġett ipprojbit ma:

(a) jiddaħħal fil-bagalji ta’ l-istiva; jew

(b) jitneħħa mill-bagalji ta’ l-istiva u jitella’ fil-kabina ta’ l-inġenju ta’ l-ajru jew żona ristretta ta’ sigurtà.

6.   TAGĦBIJA, PAKKETTI TAL-KURRIER U EKSPRESS

6.1.   Applikazzjoni

Għall-fini ta’ dan ir-Regolament:

“konsenjatur akkont” tfisser konsenjatur li l-kunsinni tiegħu jistgħu jiġu identifikati pożittivament għall-ġarr esklussiv fuq inġenji ta’ l-ajru tal-merkanzija biss, kif jissemma fil-punt 6.5 ta’ l-Anness għar-Regolament (KE) Nru 2320/2002.

6.2   Kwalifiki għal Aġent Irregolat

Nominazzjoni, approvazzjoni jew lenekar mill-awtorità xierqa

6.2.1. Sabiex entità tkun nominata, approvata jew elenkata mill-awtorità xierqa bħala aġent irregolat, l-Istati Membri għandho jiżguraw li tiġi implimentata l-proċedura li ġejja:

(a) L-entità għandha tapplika għand l-awtorità xierqa ta’ l-Istat Membru li fih tinsab għall-istatus ta’ aġent regolat.

L-applikant għandu jressaq programm ta’ sigurtà lill-awtorità xierqa. Il-programm għandu jiddeskrivi l-metodi u l-proċeduri li għandu jsegwi l-aġent biex jaderixxi kemm ma’ dan ir-Regolament kif ukoll mal-programm nazzjonali ta’ sigurtà ta’ l-avjazzjoni ċivili ta’ l-Istat Membru li fih tinsab. Il-programm għandu jiddeskrivi wkoll kif l-aderenza ma’ dawn il-metodi u proċeduri għandha tiġi sorveljata mill-aġent innifsu.

L-applikant għandu jippreżenta wkoll dikjarazzjoni bil-miktub dwar l-impenn tiegħu li jżomm l-istandards tas-sigurtà stipulati fil-programm tiegħu u li jinnotifikaw lill-awtorità xierqa minnufih dwar kwalunkwe tibdil fil-programm tiegħu. Dan għandu jiġi ffirmat mir-rappreżentant legali jew mill-persuna rresponsabbli għas-sigurtà.

(b) L-awtorità xierqa għandha teżamina l-programm tas-sigurtà sabiex tiżgura li l-miżuri tas-sigurtà stipulati fil-programm jilħqu l-istandard meħtieġ. L-awtorità xierqa mbagħad għandha tagħmel verifika fuq il-post fil-proprjetà ta’ l-applikant li tkun se tiġi koperta biex tivvaluta jekk l-applikant huwiex kapaċità jikkonforma kemm ma’ dan ir-Regolament kif ukoll mal-programm nazzjonali ta’ sigurtà ta’ l-avjazzjoni ċivili ta’ l-Istat Membru li fih tinsab il-proprjetà.

(ċ) Jekk l-awtorità xierqa tkun sodisfatta bl-informazzjoni pprovduta skond il-punti a) u b), tista’ taħtar, tapprova jew tleneka l-aġent bħal aġent irregolat għal siti speċifiċi.

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Marzu 2008.

6.2.2. Spezzjoni mill-awtorità xierqa fuq il-proprjetà ta’ l-aġent irregolat tista’ titqies bħala verifika fuq il-post għall-finijiet tal-punt 6.2.1(b).

6.2.3. Jekk l-awtorità xierqa m’għadhiex sodisfatta li l-aġent irregolat huwa kapaċi jikkonforma kemm ma’ dan ir-Regolament kif ukoll mal-programm nazzjonali tas-sigurtà fl-avjazzjoni ċivili, għandha tirtira l-istatus ta’ aġent irregolat.

6.3.   Kontrolli ta’ sigurtà

6.3.1. Waqt it-tgħarbil tal-merkanzija skond il-punt 6.3.1(b) ta’ l-Anness għar-Regolament (KE) Nru 2320/2002, l-aġenti jew it-trasportaturi ta’ l-ajru għandhom:

a) jużaw il-mezzi jew il-metodu li l-aktar li huwa probabbli li jirrileva oġġetti pprojbiti, fil-qies tan-natura tal-kunsinna; u

b) jiżguraw li l-mezzi jew il-metodu użat ikun ta’ standard biżżejjed li jiżgura li l-ebda oġġett ipprojbit ma’ jkun moħbi fil-merkanzija.

6.3.2. L-awtorità xierqa għandha tinnotifika lill-Kummissjoni bil-mezzi l-oħrajn kollha, kif imsemmi fil-punt 6.3.1(b) taħt (iv) ta’ l-Anness għar-Regolaent (KE) Nru 2320/2002, li tippermetti għat-tgħarbil tal-merkanzija.

6.4.   Kriterji għal Konsenjatur Magħruf

6.4.1. Id-dikjarazzjoni tal-konsenjatur magħruf kif imsemmi fil-punt 6.4.1(b) ta’ l-Anness għar-Regolament (KE) Nru 2320/2002 għandha ssir darba kull sena bil-miktub u bl-użu ta’ format nazzjonali standardizzat.

Id-dikjarazzjoni għandha tinkludi ċ-ċertifika li l-kunsinni ma fihom l-ebda oġġett ipprojbit kif elenkat fil-punti (iv) u (v) tal-Hemża, kif imsemmi fil-punt 6.4.1(c) taħt (i) ta’ l-Anness għar-Regolament (KE) Nru 2320/2002.

Il-kunsenjatur magħruf għandu jieħu r-responsabbiltà kollha għad-dikjarazzjoni tiegħu.

6.4.2. Meta kunsinna jkun fiha kwalunkwe oġġett ipprojbit, il-konsejatur magħruf għandu jiċċertifika bil-kitba, fi kwalunkwe waqt, lill-aġent regolat jew lit-trasportatur ta’ l-ajru li kunsinna fiha dawk l-oġġetti.

6.4.3. Jekk il-konsenjatarju magħruf ma jkunx għadu jista’ jikkonforma ruħu ma’ dan l-obbligu, l-istatus tal-konsejatur magħruf għandu jkun irtirat mill-awtorità xierqa jew mill-aġent regolat jew mit-trasportatur ta’ l-ajru responsabbli għall-validazzjoni.

6.5.   Ġarr fuq inġenji ta’ l-ajru esklussivament għall-ġarr tal-merkanzija

6.5.1. Biex aġent regolat jew trasportatur ta’ l-ajru jiddeżinjaw entità bħala konsenjatur akkunt, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li tkun implimentata l-proċedura li ġejja:

(a) L-entità għandha tissottometti dikjarazzjoni ffirmata ta’ impenji, li fiha tiddikjara li hija:

 tikkonferma r-riċevuta ta’ struzjonjiet nazzjonali dwar is-sigurtà ta’ l-artijiet u l-bini, tal-persunal u tat-trasport;

 tiżgura li l-istruzzjonijiet nazzjonali dwar is-sigurtà jkunu kkomunikati lill-persunal li jaħdem fl-artijiet u l-bini tagħha;

 iżżomm il-merkanzija fis-sigurtà sakemm tingħadda f’idejn l-aġent regolat jew it-trasportatur ta’ l-ajru;

 taċċetta li l-kunsinni jkunu jistgħu jkunu suġġetti għal-kontrolli tas-sigurtà, inkluż it-tgħarbil; u

 taċċetta spezzjonijiet bla avviż minn qabel min-naħa ta’ l-awtorità xierqa fl-artijiet u l-bini tagħha biex ikun eżaminat jekk il-konsenjatur akkont jikkonformax ma’ l-istruzzjonijiet nazzjonali;

l-entità għandha tiddeżinja talanqas persuna waħda responsabbli għas-sigurtà fl-artijiet u l-bini tagħha u għandha tinforma lill-aġent regolat jew lit-trasportatur ta’ l-ajru bl-isem u bid-dettalji ta’ kuntatt ta’ din il-persuna.

(b) L-aġent regolat jew it-trasportatur ta’ l-ajru għandhom jistabbilixxu d-dettalji li ġejjin ta’ l-entità:

 id-dettalji tal-kumpanija, inklu l-indirizz kemmerċjali bona fide;

 in-natura ta’ l-azjenda;

 id-dettalji ta’ kuntatt, inklużi dawk tal-persuna/i responsabbli għas-sigurtà;

 in-numru ta’ referenza tal-Vat jew in-numru tar-reġistrazzjoni tal-kumpanija; u

 l-kont bankarju.

(ċ) Jekk l-aġent regolat jew it-trasportatur ta’ l-ajru jkun sodisfatt bl-informazzjoni pprovduta skond il-punti a) u b), l-entità tista’ tkun deżijata bħala konsenjatur akkont.

6.5.2. L-aġent regolat jew it-trasportatur ta’ l-ajru għandu jżomm database bl-informazzjoni msemmija fil-punt 6.5.1(b). Id-database għandu jkun disponibbli għal-ispezzjoni min-naħa ta’ l-awtorità xierqa.

6.5.3. Jekk l-aġent regolat jew it-trasportatur ta’ l-ajru ma jibqax sodisfatt li l-konsenjatarju akkont jista’ jikkonforma ma’ l-istruzzjonijiet nazzjonali, għandu jirtiralu l-istatus ta’ konsenjatur akkont.

7.   POSTA

L-ebda dispożizzjoni f’dan ir-Regolament.

8.   POSTA U MATERJALI TAT-TRASPORTATUR BL-AJRU

L-ebda dispożizzjoni f’dan ir-Regolament.

9.   STOKKIJIET U PROVVISTI TAL-CATERING TAT-TRASPORTATUR BL-AJRU

L-ebda dispożizzjoni f’dan ir-Regolament.

10.   STOKKIJIET U PROVVISTI TAT-TINDIF TAT-TRASPORTATUR BL-AJRU

L-ebda dispożizzjoni f’dan ir-Regolament.

11.   AVJAZZJONI ĠENERALI

L-ebda dispożizzjoni f’dan ir-Regolament.

12.   REKLUTAĠĠ U TAĦRIĠ TAL-PERSUNAL

12.1.   Programm Nazzjonali ta’ Taħriġ fis-Sigurtà ta’ l-Avjazzjoni

Il-programm nazzjonali ta’ taħriġ fis-sigurtà ta’ l-avjazzjoni għandu jinkludi rekwiżiti ta’ taħriġ għat-trattament ta’ passiġġieri ta’ sfrattu.

12.2.   Persunal tas-Sigurtà

12.2.1.   Il-Ġestjoni tas-Sigurtà tat-Trasportatur bl-Ajru u ta’ l-Ajruport.

1. L-awtorità xierqa għandha tiżgura li kull ajruport Komunitarju u trasportatur bl-ajru għandu jkollu sistemi kkwalifikati kif jixraq għall-ġestjoni tas-sigurtà. L-awtorità rilevanti għandha tiżgura li jkun hemm organizzazzjoni adegwata tal-ġestjoni tas-sigurtà. Maniġers ta’ livell għoli li huma responsabbli għall-konformità tat-trasportaturi jew ta’ l-ajruporti man-normi tas-sigurtà għandhom ikollhom il-livelli xierqa ta’ kwalifiki, għarfien u esperjenza, li għandhom jinkludu:

(a) esperjenza fl-operazzjonijiet tas-sigurtà ta’ l-avjazzjoni; jew

(b) esperjenza minn oqsma oħra rrelatati mas-sigurtà, bħall-infurzar tal-liġi, il-militar jew oħrajn; u

(ċ) ċertifikazzjoni jew approvazzjoni ekwivalenti mill-awtorità rilevanti; u

(d) għarfien fl-oqsma li ġejjin:

 is-sistemi ta’ sigurtà u l-kontroll ta’ l-aċċess;

 is-sigurtà fuq l-art u matul it-titjira;

 armi u oġġetti pprojbiti;

 għarfien ġenerali dwar it-terroriżmu.

12.3   Persunal ieħor

L-ebda dispożizzjoni f’dan ir-Regolament.

13.   SPEĊIFIKAZZJONIJIET TEKNIĊI GĦAT-TAGĦMIR TAT-TGĦARBIL

L-ebda dispożizzjoni f’dan ir-Regolament.




Anness 1

Ajruport(i) li minnhom jitilqu t-titjiriet lejn ajruporti fil-Komunità:

 L-ajruport ta’ Singapore (SIN)

 Il-Kroazja:

 

L-ajruport ta’ Dubrovnik (DBV)

L-ajruport ta’ Rijeka (RJK)

L-ajruport ta’ Pula (PUY)

L-ajruport ta’ Split (SPU)

L-ajruport ta’ Zadar (ZAD)

L-ajruport ta’ Zagreb (ZAG)

▼M1

 Repubblika tal-Korea:

 

Ajruport ta’ Seoul Incheon (ICN)

Ajruport ta’ Pusan Gimhae (PUS)

▼M2

 Il-Kanada:

 

Calgary International (YYC)

Edmonton International (YEG)

Halifax International (YHZ)

Montreal International (YUL)

Ottawa-Macdonald-Cartier International (YOW)

Toronto-Lester B. Pearson International (YYZ)

Vancouver International (YVR)

Winnipeg International (YWG)

Moncton (YQM)

Quebec (YQB)

St. John's (YYT)

Whitehorse (YXY)

▼M3

 L-Istati Uniti tal-Amerika:

 

L-ajruporti internazzjonali kollha



( 1 ) ĠU L 355, 30.12.2002, p. 1. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 849/2004 (ĠU L 158, 30.4.2004, p. 1).

( 2 ) ĠU L 89, 5.4.2003, p. 9. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 358/2008 (ĠU L 111, 23.4.2008, p. 5).

( 3 ) Dan l-Anness isegwi l-istess struttura u numerazzjoni bħall-Anness għar-Regolament (KE) Nru 2320/2002. Fejn dan ir-Regolament ma jipprovdi l-ebda dispożizzjoni għall-implimentazzjoni jew l-adattament tekniku ta’ l-istandards bażiċi komuni, dan ikun indikat espliċitament taħt l-intestatura korrispondenti.

( 4 ) ĠU L 272, 25.10.1996, p. 36.

( 5 ) Id-Deċiżjoni għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.

Top