Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022R2372

    Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/2372 tal-24 ta’ Ottubru 2022 dwar qafas ta’ miżuri għall-iżgurar tal-provvista ta’ kontromiżuri mediċi rilevanti għall-kriżi fil-każ ta’ emerġenza tas-saħħa pubblika fil-livell tal-Unjoni

    ST/6569/2022/INIT

    ĠU L 314, 6.12.2022, p. 64–78 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2022/2372/oj

    6.12.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 314/64


    REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2022/2372

    tal-24 ta’ Ottubru 2022

    dwar qafas ta’ miżuri għall-iżgurar tal-provvista ta’ kontromiżuri mediċi rilevanti għall-kriżi fil-każ ta’ emerġenza tas-saħħa pubblika fil-livell tal-Unjoni

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 122(1) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Il-miżuri ad hoc imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tillimita t-tixrid tal-COVID-19 kienu reattivi, u l-Unjoni ma kinitx imħejjija biżżejjed biex tiżgura l-iżvilupp, il-manifattura, l-akkwist u d-distribuzzjoni effiċjenti ta’ kontromiżuri mediċi rilevanti għall-kriżi, speċjalment fil-fażi bikrija tal-pandemija tal-COVID-19. Il-pandemija wriet ukoll li ma kinitx teżisti biżżejjed sorveljanza tal-attivitajiet ta’ riċerka u tal-kapaċitajiet tal-manifattura kif ukoll vulnerabbiltajiet b’rabta mal-ktajjen tal-provvista globali.

    (2)

    L-esperjenza li nkisbet uriet il-ħtieġa għal qafas ta’ miżuri għall-iżgurar tal-provvista ta’ kontromiżuri mediċi rilevanti għall-kriżi fil-każ ta’ emerġenza tas-saħħa pubblika, sabiex l-Unjoni tkun tista’ tieħu miżuri li jkunu meħtieġa biex tiżgura d-disponibbiltà u l-provvista suffiċjenti u f’waqthom ta’ tali kontromiżuri fejn dan ikun xieraq għas-sitwazzjoni ekonomika. Għalhekk, dan ir-Regolament għandu l-għan li jistabbilixxi strument ta’ politika ekonomika fundamentali biex jiġu evitati l-konsegwenzi ekonomiċi avversi tal-kriżijiet tas-saħħa, bħat-tkabbir negattiv, il-qgħad, it-tfixkil fis-suq, il-frammentazzjoni tas-suq intern, u l-ostakli għall-manifattura rapida, liema konsegwenzi dehru fuq skala kbira fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19, bil-ħsieb aħħari jkun il-ħarsien tal-istabbiltà ekonomika tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha.

    (3)

    Fil-każ tar-rikonoxximent ta’ emerġenza tas-saħħa pubblika fil-livell tal-Unjoni, jenħtieġ li jkun possibbli għall-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 122(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jiddeċiedi li jattiva l-qafas ta’ miżuri sal-punt li dawk il-miżuri jkunu xierqa għas-sitwazzjoni ekonomika, waqt li jqis il-ħtieġa li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem f’konformità mal-Artikolu 9 TFUE u riskju possibbli ta’ xkiel globali tal-provvisti ta’ kontromiżuri mediċi rilevanti għal kriżi, li jistgħu jaffettwaw is-sistemi tas-saħħa tal-Istati Membri. Il-proposta mill-Kummissjoni jenħtieġ li tispjega r-raġunament u l-ħtieġa għall-attivazzjoni proposta ta’ qafas ta’ miżuri ta’ emerġenza għall-iżgurar tal-provvista ta’ kontromiżuri mediċi rilevanti għall-kriżi fil-każ ta’ emerġenza tas-saħħa pubblika, kif stabbilit b’dan ir-Regolament (“il-qafas ta’ emerġenza”), inkluż għal kull waħda mill-miżuri proposti, fosthom analiżi tal-impatt antiċipat, is-sussidjarjetà, il-proporzjonalità u l-implikazzjonijiet finanzjarji għal kull waħda mill-miżuri proposti. L-użu ta’ miżuri fil-qafas ta’ emerġenza jenħtieġ li jkun limitat fiż-żmien għal perjodu massimu ta’ sitt xhur. Jenħtieġ li jkun possibbli li l-użu ta’ tali miżuri jiġi estiż fid-dawl tas-sitwazzjoni. L-implimentazzjoni ta’ dawk il-miżuri jenħtieġ li tirrispetta r-responsabbiltajiet tal-Istati Membri li jorganizzaw u jipprovdu servizzi tas-saħħa u kura medika, inkluż l-allokazzjoni tar-riżorsi fil-livell nazzjonali, kif imsemmi fl-Artikolu 168(7) TFUE.

    (4)

    Il-qafas ta’ emerġenza jenħtieġ li jinkludi l-istabbiliment ta’ Bord għall-Kriżi tas-Saħħa dwar kontromiżuri mediċi rilevanti għall-kriżi biex tiġi żgurata l-koordinazzjoni tal-approċċi fil-livell tal-Unjoni. Dak huwa ta’ importanza partikolari minħabba d-distribuzzjoni tar-responsabbiltajiet bejn il-livell tal-Unjoni u dak nazzjonali. Biex tappoġġa lill-Bord għall-Kriżi tas-Saħħa, jenħtieġ li l-Kummissjoni, fuq l-inizjattiva tagħha stess jew fuq proposta tal-Bord għall-Kriżi tas-Saħħa, tkun tista’ tistabbilixxi sottogruppi jew gruppi ta’ ħidma ad hoc, inkluż jekk meħtieġ għall-aspetti industrijali. Sabiex jiġi żgurat l-involviment effettiv u sistematiku tal-Istati Membri fid-deċiżjonijiet meħuda għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li jiġu stabbiliti r-regoli għad-deliberazzjonijiet tal-Bord għall-Kriżi tas-Saħħa. Meta jiddeliberaw, jenħtieġ li l-membri tal-Bord għall-Kriżi tas-Saħħa jagħmlu ħilithom kollha biex jilħqu kunsens. Jekk kunsens ma jkunx jista’ jintlaħaq, u sabiex jiġi żgurat mekkaniżmu ta’ deliberazzjoni bla xkiel, jenħtieġ li l-Bord għall-Kriżi tas-Saħħa jaġixxi b’maġġoranza ta’ żewġ terzi, fejn jingħata vot wieħed għal kull Stat Membru. Barra minn hekk, huwa utli għall-operazzjoni effettiva u għat-teħid rapidu tad-deċiżjonijiet tal-Bord għall-Kriżi tas-Saħħa li dan jiġi appoġġat permezz tal-ippjanar tat-tħejjija u r-rispons imwettqa mill-Awtorità għat-Tħejjija u għar-Rispons f’Każ ta’ Emerġenza tas-Saħħa (HERA) stabbilita mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (1) tas-16 ta’ Settembru 2021. Tali ppjanar tat-tħejjija u r-rispons irid jipprovdi valutazzjoni biex jiġu attivati l-miżuri skont dan ir-Regolament, ipproponi r-regoli ta’ proċedura tal-Bord għall-Kriżi tas-Saħħa, jabbozza l-mandati ta’ negozjati u r-regoli ta’ proċedura għall-akkwisti konġunti, u ljipprovdi informazzjoni rilevanti għall-istabbiliment ta’ inventarju tal-produzzjoni u tal-faċilitajiet ta’ produzzjoni ta’ kontromiżuri mediċi rilevanti għall-kriżi. L-involviment tal-Istati Membri jenħtieġ li jikkontribwixxi wkoll għall-koordinazzjoni neċessarja bejn l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament u l-operazzjonijiet tal-HERA. Il-Bord għall-Kriżi tas-Saħħa jenħtieġ li jkun jista’ jikkoordina wkoll, fejn xieraq, mal-Bord tal-HERA msemmi fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Settembru 2021.

    (5)

    Jenħtieġ li l-Istati Membri u l-Kummissjoni jaħtru r-rappreżentant u r-rappreżentant supplenti tagħhom fil-Bord għall-Kriżi tas-Saħħa.

    (6)

    Il-Kummissjoni jenħtieġ li tiżgura li tiġi stabbilita lista ta’ kontromiżuri mediċi u ta’ materja prima rilevanti għall-kriżi u tiżgura wkoll li l-provvista u d-domanda tagħhom jiġu mmonitorjati. Dak jenħtieġ li jkun jagħti idea ġenerali komprensiva tal-kontromiżuri mediċi meħtieġa li jkunu rilevanti għall-kriżi kif ukoll tal-kapaċità tal-Unjoni li tissodisfa dik il-ħtieġa u li tiggwida t-teħid ta’ deċiżjonijiet rilevanti matul emerġenzi tas-saħħa pubblika.

    (7)

    Fid-dawl tal-mandat tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA) u r-rwol tagħha fir-rigward tal-monitoraġġ u l-mitigazzjoni tan-nuqqasijiet potenzjali u reali tal-prodotti mediċinali, tal-apparati mediċi u tal-apparati mediċi dijanjostiċi in vitro, inkluż l-istabbiliment ta’ listi ta’ prodotti mediċi kritiċi u ta’ apparati mediċi kritiċi, skont ir-Regolament (UE) 2022/123 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), jenħtieġ li jiġu żgurati kooperazzjoni u koordinazzjoni mill-qrib bejn il-Kummissjoni u l-EMA sabiex jiġu implimentati l-miżuri previsti f’dan ir-Regolament. Meta twettaq il-kompiti stipulati fl-Artikoli 7 sa 13 ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni, inkluż il-HERA, jenħtieġ li tirrispetta bis-sħiħ ir-responsabbiltajiet tal-EMA. Rappreżentant tal-Grupp Eżekuttiv tat-Tmexxija dwar l-Apparati Mediċi, kif stabbilit bl-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) 2022/123, rappreżentant tat-Task Force għall-Emerġenzi, kif stabbilit bl-Artikolu 15 ta’ dak ir-Regolament, u rappreżentant tal-Grupp Eżekuttiv tat-Tmexxija dwar Nuqqasijiet ta’ Mediċini u s-Sikurezza Tagħhom, kif stabbilit bl-Artikolu 3 ta’ dak ir-Regolament, jenħtieġ li jiġu mistiedna, bħala osservaturi, għall-Bord għall-Kriżi tas-Saħħa. Dak jenħtieġ li jikkomplementa t-trażmissjoni bla xkiel tad-data u tal-informazzjoni matul emerġenzi tas-saħħa pubblika fil-livell tal-Unjoni, inkluż permezz ta’ sistemi integrati tal-IT.

    (8)

    Rigward il-monitoraġġ tad-domanda u l-provvista ta’ kontromiżuri mediċi f’pajjiżi terzi, il-Kummissjoni jenħtieġ li żżomm djalogu mal-kontropartijiet tagħha biex trawwem kollaborazzjoni internazzjonali.

    (9)

    Jenħtieġ li l-miżuri jqisu wkoll l-istrutturi u l-mekkaniżmi stabbiliti mill-atti tal-Unjoni dwar theddid transkonfinali serju għas-saħħa, jiġifieri r-Regolament (UE) 2022/2371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), u dwar il-mandat estiż taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC) stabbilit bir-Regolament (UE) 2022/2370 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), sabiex tiġi żgurata l-koordinazzjoni tar-rispons fi ħdan il-Kumitat għas-Sigurtà tas-Saħħa u l-Kumitat Konsultattiv dwar l-emerġenzi tas-saħħa pubblika, kif stabbilit rispettivament mill-Artikoli 4 u 24 tar-Regolament (UE) 2022/2371, filwaqt li jitqies il-kontribut mill-ECDC dwar is-sorveljanza u l-monitoraġġ epidemjoloġiċi. Id-Direttur tal-ECDC u rappreżentant tal-Kumitat Konsultattiv dwar l-emerġenzi tas-saħħa pubblika jenħtieġ li jiġu mistiedna jattendu l-laqgħat tal-Bord għall-Kriżi tas-Saħħa. Membru tal-Kumitat tas-Sigurtà tas-Saħħa jenħtieġ li jiġi mistieden ukoll, bħala osservatur, għall-Bord għall-Kriżi tas-Saħħa.

    (10)

    Jenħtieġ li jiġu żgurati proċeduri effiċjenti għall-akkwist ta’ kontromiżuri mediċi u ta’ materja prima rilevanti għall-kriżi. F’dak ir-rigward, il-Kummissjoni tista’ taġixxi bħala korp ċentrali għall-akkwisti għall-Istati Membri parteċipanti, skont ir-regoli u l-proċeduri stabbiliti fir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), u, fejn xieraq, ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2016/369 (6) kif ukoll proċeduri ta’ akkwist konġunt imsemmija fl-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) 2022/2371. Sabiex ikun hemm akkwist aktar mgħaġġel u effiċjenti matul żminijiet ta’ kriżi, jistgħu jkunu neċessarji simplifikazzjonijiet proċedurali. Barra minn hekk, għall-fini li jinsiltu tagħlimiet mill-esperjenza tal-akkwist matul il-pandemija tal-COVIDd-19, jenħtieġ li jiġi żgurat involviment aħjar tal-Istati Membri fit-tħejjija u l-għoti ta’ kuntratti. Il-ftehimiet bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-Istati Membri kollha jkollhom aċċess ugwali u f’waqtu għall-informazzjoni kollha u li l-ħtiġijiet tagħhom jitqiesu kif xieraq. L-akkwisti ta’ kontromiżuri mediċi rilevanti għall-kriżi mwettqa skont dan ir-Regolament jistgħu jkunu esklużivi jew mhux esklużivi skont il-ftehim tal-Istati Membri parteċipanti għal tali restrizzjonijiet.

    (11)

    Abbażi tal-ħtiġijiet tal-Istati Membri, kif rakkomandat mill-Bord għall-Kriżi tas-Saħħa, il-Kummissjoni jenħtieġ li tipprova tiżgura li l-kontromiżuri mediċi kollha rilevanti għall-kriżi akkwistati jew żviluppati skont dan ir-Regolament jissodisfaw ir-rekwiżiti regolatorji rilevanti tal-Unjoni, u fejn applikabbli, dawk nazzjonali, filwaqt li tippermetti, kif applikabbli, kwalunkwe deroga jew eżenzjoni nazzjonali oħra.

    (12)

    Dawk il-proċeduri ta’ akkwist jistgħu jiġu appoġġati bi kwalunkwe pass preparatorju neċessarju, inkluż żjarat fuq il-post fil-lokalità tal-faċilitajiet ta’ produzzjoni ta’ kontromiżuri mediċi rilevanti għall-kriżi. Dak jenħtieġ li jippermetti l-akkwist u x-xiri f’waqthom ta’ kontromiżuri mediċi rilevanti għall-kriżi madwar l-Unjoni u jippromwovi l-aċċessibbiltà madwar l-Istati Membri, bl-objettiv primarju li jiġi żgurat l-aktar forniment u distribuzzjoni ekwi rapidi possibbli tal-kontromiżuri mediċi rilevanti għall-kriżi fil-kwantità meħtieġa minn kull Stat Membru u bil-garanziji kollha neċessarji. Il-possibbiltà ta’ rilokazzjoni, ridistribuzzjoni, bejgħ mill-ġdid, self u donazzjoni jenħtieġ li diġà titqies kuntrattwalment fil-mument tax-xiri.

    (13)

    Fil-każijiet koperti minn dan ir-Regolament, l-għoti immedjat u t-twettiq tal-kuntratti li jirriżultaw mill-proċeduri ta’ akkwist imwettqa għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament jistgħu jiġu ġġustifikati minħabba l-urġenza estrema tal-kriżi tas-saħħa u d-diffikultajiet ekonomiċi li ġġib magħha. Barra minn hekk, jista’ jkun neċessarju li jsiru aġġustamenti għall-kuntratti li huma strettament neċessarji biex dawn isiru adattati għall-evoluzzjoni tal-emerġenza tas-saħħa pubblika kif ukoll biex jiżdiedu awtoritajiet kontraenti matul it-twettiq tal-kuntratt. Għal dak il-għan speċifiku, huwa neċessarju li jkunu permessi derogi minn dispożizzjonijiet speċifiċi tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 filwaqt li jkunu dokumentati kif meħtieġ mill-awtorità kontraenti. Peress li dawk id-derogi huma introdotti għall-fini tal-qafas ta’ emerġenza, jenħtieġ li dawn ikunu temporanji u japplikaw biss għall-perjodu tal-attivazzjoni tal-miżura msemmija fl-Artikolu 8 ta’ dan ir-Regolament.

    (14)

    Matul emerġenza tas-saħħa pubblika fil-livell tal-Unjoni, id-domanda għal kontromiżuri mediċi rilevanti għall-kriżi tista’ tkun akbar mill-provvista. F’sitwazzjoni bħal din, iż-żieda ħesrem fil-produzzjoni u l-manifattura ta’ kontromiżuri mediċi rilevanti għall-kriżi hija essenzjali, u l-Kummissjoni jenħtieġ li tiġi fdata sabiex tattiva ż-żieda ħesrem fil-kapaċitajiet tal-manifattura tal-Unjoni għall-kontromiżuri mediċi rilevanti għall-kriżi, inkluż l-iżgurar ta’ ktajjen tal-provvista reżiljenti għall-materja prima u l-provvisti anċillari meħtieġa, pereżempju taħt in-network ta’ kapaċitajiet tal-produzzjoni tal-vaċċini u tal-mediċini dejjem lesti (“EU-FAB”). Kif deskritt fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta’ Frar 2021 intitolata “l-Inkubatur HERA: Nantiċipaw flimkien it-theddida tal-varjanti tal-COVID-19”, proġett EU-FAB huwa network ta’ kapaċitajiet ta’ produzzjoni dejjem lesti, ta’ utent wieħed u/jew ta’ diversi utenti, ta’ teknoloġija waħda u/jew ta’ diversi teknoloġiji għall-manifattura tal-vaċċini u tal-prodotti mediċinali fil-livell Ewropew.

    (15)

    Jenħtieġ li jiġu elaborati u miftiehma mekkaniżmi effettivi fil-livell tal-Unjoni sabiex tiġi żgurata d-distribuzzjoni mill-ġdid f’każijiet fejn iż-żieda ħesrem fil-manifattura tkun irriżultat fi provvista li taqbeż id-domanda.

    (16)

    Huma meħtieġa għodod xierqa tal-proprjetà intellettwali biex jimmitigaw ir-riskji ta’ abbandun tal-isforzi għall-iżvilupp, jew kwistjonijiet ta’ provvista, fir-rigward ta’ kontromiżuri mediċi rilevanti għall-kriżi matul emerġenza tas-saħħa pubblika, speċjalment fejn l-awtoritajiet pubbliċi jkunu pprovdew appoġġ finanzjarju għall-iżvilupp u l-produzzjoni ta’ tali kontromiżuri. Għalhekk, jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’ titlob il-liċenzjar, f’termini ġusti u raġonevoli, tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u tal-għarfien espert relatati ma’ tali kontromiżuri, li l-Kummissjoni tkun iffinanzjat l-iżvilupp u l-produzzjoni tagħhom, f’każijiet eċċezzjonali ġġustifikati, bħala xibka ta’ sikurezza u element ta’ inċentiv. Meta tiffaċilita l-liċenzjar tal-proprjetà intellettwali u l-għarfien espert relatat ma’ tali kontromiżuri, jenħtieġ li l-Kummissjoni tqis il-finanzjament bil-quddiem mill-Unjoni jew mill-Istati Membri tal-iżvilupp u l-produzzjoni ta’ tali kontromiżuri.

    (17)

    L-attivazzjoni ta’ pjanijiet ta’ riċerka u innovazzjoni ta’ emerġenza, kif ukoll l-għoti ta’ skop ġdid ta’ prodotti mediċinali u l-attivazzjoni ta’ networks ta’ provi kliniċi, u t-twettiq ta’ provi kliniċi, jenħtieġ li jiġu żgurati biex jitnaqqas kull dewmien fil-fażi tal-iżvilupp ta’ kontromiżuri mediċi rilevanti għall-kriżi. L-attivitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni jenħtieġ li jkunu jistgħu jużaw l-Infrastrutturi diġitali Ewropej kif ukoll pjattaformi li joperaw taħt il-Cloud Ewropew tax-Xjenza Miftuħa u pjattaformi diġitali oħra aċċessibbli tal-UE, sabiex jiksbu aċċess għal data (tad-dinja reali) għal analiżi rapida. Jenħtieġ li tiġi żgurata l-koordinazzjoni mill-qrib tal-Kummissjoni mal-ECDC u l-EMA, bħala l-Aġenzija responsabbli għall-pariri xjentifiċi u għall-valutazzjoni xjentifika ta’ prodotti mediċinali ġodda u bi skop ġdid, għal dawk il-kwistjonijiet, kif ukoll għal dawk relatati mal-aspetti regolatorji dwar l-awtorizzazzjoni ta’ prodotti mediċinali, inkluż għall-istabbiliment ta’ siti ġodda ta’ manifattura għal prodotti mediċinali awtorizzati, u biex tiġi ggarantita l-aċċettabbiltà tal-provi kliniċi u l-evidenza li jiġġeneraw għall-awtorizzazzjoni ta’ prodotti mediċinali ġodda jew bi skop ġdid. Ir-riċerka ta’ emerġenza tista’ tinkludi wkoll it-tħejjija għal dijanjosi. Dak jenħtieġ li jippermetti li l-atturi ewlenin u l-infrastruttura rilevanti jkunu lesti jibdew jaħdmu minnufih fi żminijiet ta’ emerġenzi tas-saħħa pubblika, u b’hekk jitnaqqas kull dewmien.

    (18)

    Matul emerġenza tas-saħħa pubblika, il-ħarsiet ġenerali dettaljati tal-kapaċitajiet ta’ produzzjoni attwali u futuri tal-Unjoni fuq perjodu ta’ żmien qasir ta’ kontromiżuri mediċi rilevanti għall-kriżi huma element integrali tal-ġestjoni tad-domanda u tal-provvista. Għalhekk, jenħtieġ li jinħoloq inventarju tal-produzzjoni ta’ kontromiżuri mediċi u tal-faċilitajiet ta’ produzzjoni rilevanti għall-kriżi u li dan jiġi aġġornat regolarment abbażi tat-trażmissjoni obbligatorja tal-informazzjoni mill-operaturi ekonomiċi rilevanti.

    (19)

    In-nuqqas ta’ provvista ta’ materja prima, oġġetti ta’ konsum, apparati mediċi, tagħmir jew infrastruttura jista’ jaffettwa l-produzzjoni ta’ kontromiżuri mediċi rilevanti għall-kriżi. Mal-identifikazzjoni ta’ nuqqas ta’ provvista jew tar-riskju li dan iseħħ, l-inventarju jenħtieġ li jkopri wkoll dawk l-elementi. Dak jikkomplementa l-ħarsa ġenerali dettaljata tal-kapaċitajiet ta’ produzzjoni tal-Unjoni attwali u fil-futur qrib, sabiex jippermetti l-kunsiderazzjoni tal-elementi tal-provvista li jistgħu jaffettwaw il-kapaċitajiet tal-produzzjoni u biex tittejjeb il-ġestjoni tad-domanda u tal-provvista ta’ kontromiżuri mediċi rilevanti għall-kriżi fil-livell tal-Unjoni.

    (20)

    Abbażi tal-ħarsiet ġenerali dettaljati tal-kapaċitajiet tal-produzzjoni, tal-materja prima, tal-oġġetti ta’ konsum, tal-apparati mediċi, tat-tagħmir u tal-infrastruttura, jista’ jirriżulta li huma meħtieġa aktar miżuri biex jissaħħu l-ktajjen tal-provvista u l-kapaċitajiet tal-produzzjoni. Fejn is-suq ma jiżgurax, jew ma jistax jiżgura, provvista adegwata ta’ kontromiżuri mediċi rilevanti għall-kriżi li jkunu meħtieġa, jenħtieġ għalhekk li l-Kummissjoni tkun tista’ timplimenta miżuri f’dawk l-oqsma li jservu biex iżidu d-disponibbiltà u l-aċċessibbiltà ta’ materja prima u kontromiżuri mediċi rilevanti għall-kriżi.

    (21)

    Ir-Regolament (UE) 2016/369 jipprevedi qafas flessibbli għal appoġġ finanzjarju ta’ emerġenza. Dan jippermetti l-għoti ta’ appoġġ li ma jistax jiġi implimentat permezz tal-programmi ta’ nfiq eżistenti. Tali għodda jenħtieġ li ssir disponibbli jekk ikun hemm rikonoxximent ta’ emerġenza tas-saħħa pubblika fil-livell tal-Unjoni sal-punt li dan ikun xieraq għas-sitwazzjoni ekonomika b’kont meħud tal-ħtieġa li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem. Jenħtieġ li jiġi pprovdut finanzjament ta’ emerġenza mill-istrument għall-appoġġ ta’ emerġenza f’konformità mal-proċeduri baġitarji xierqa.

    (22)

    Sabiex ikunu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li jingħataw setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni. Jenħtieġ li dawk is-setgħat ikunu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7). Jenħtieġ li l-Kummissjoni tadotta atti ta’ implimentazzjoni applikabbli minnufih fejn, f’każijiet debitament ġustifikati marbuta mal-emerġenza tas-saħħa pubblika, dan ikun meħtieġ għal raġunijiet imperattivi ta’ urġenza.

    (23)

    Meta l-attivitajiet li jitwettqu skont dan ir-Regolament jinvolvu l-ipproċessar ta’ data personali, tali ipproċessar jenħtieġ li jikkonforma mal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data personali, jiġifieri r-Regolamenti (UE) 2016/679 (8) u (UE) 2018/1725 (9) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

    (24)

    L-implimentazzjoni tal-qafas ta’ emerġenza jenħtieġ li tiġi rieżaminata mill-Kummissjoni. Matul it-twettiq tar-rieżami, l-attivitajiet ta’ kriżi tal-HERA jenħtieġ li jitqiesu flimkien mal-attivitajiet ta’ tħejjija tagħha. Jenħtieġ li tingħata kunsiderazzjoni wkoll lit-tagħlim rilevanti, kemm mill-modi preparatorji kif ukoll minn dawk ta’ kriżi, u lill-ħtieġa li tiġi stabbilita entità distinta, bħal aġenzija.

    (25)

    Minħabba li l-objettiv ta’ dan ir-Regolament li jistabbilixxi qafas ta’ miżuri għall-iżgurar tal-provvista ta’ kontromiżuri mediċi rilevanti għall-kriżi fil-każ ta’ emerġenza tas-saħħa pubblika fil-livell tal-Unjoni ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jista’ pjuttost, minħabba l-iskala u l-effetti tal-miżuri neċessarji biex ikunu żgurati d-disponibbiltà u l-provvista f’waqthom ta’ tali kontrmiżuri mediċi fl-Istati Membri kollha, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta qafas ta’ miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jinkiseb dak l-objettiv,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

    1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi qafas ta’ miżuri għall-iżgurar tal-provvista ta’ kontromiżuri mediċi rilevanti għall-kriżi fil-każ ta’ emerġenza tas-saħħa pubblika (“il-qafas ta’ emerġenza”).

    2.   Il-qafas ta’ emerġenza għandu jinkludi:

    (a)

    l-istabbiliment ta’ Bord għall-Kriżi tas-Saħħa;

    (b)

    il-monitoraġġ, l-akkwist u x-xiri ta’ kontromiżuri mediċi rilevanti għall-kriżi u materja prima rilevanti għall-kriżi;

    (c)

    l-attivazzjoni ta’ pjanijiet ta’ riċerka u innovazzjoni ta’ emerġenza, inkluż l-użu ta’ networks ta’ provi kliniċi madwar l-Unjoni u pjattaformi għall-kondiviżjoni tad-data;

    (d)

    fondi ta’ emerġenza, tal-Unjoni inkluż skont ir-Regolament (UE) 2016/369;

    (e)

    miżuri li jikkonċernaw il-produzzjoni, id-disponibbiltà u l-provvista ta’ kontromiżuri mediċi rilevanti għall-kriżi, inkluż l-istabbiliment ta’ inventarju tal-produzzjoni u tal-faċilitajiet ta’ produzzjoni ta’ kontromiżuri mediċi rilevanti għall-kriżi, u, kif xieraq, tal-materja prima rilevanti għall-kriżi, tal-oġġetti ta’ konsum, tal-apparat mediku, tat-tagħmir u tal-infrastruttura, u li jinkludi l-miżuri li għandhom l-għan li jżidu l-produzzjoni ta’ dawn l-affarijiet fl-Unjoni.

    3.   Il-qafas ta’ emerġenza jista’ jiġi attivat biss sa fejn ikun adattat għas-sitwazzjoni ekonomika, b’kont meħud tal-ħtieġa li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem.

    Artikolu 2

    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (1)

    “monitoraġġ” tfisser monitoraġġ kif iddefinit fl-Artikolu 3, il-punt (6), tar-Regolament (UE) 2022/2371;

    (2)

    “emerġenza tas-saħħa pubblika” tfisser emerġenza tas-saħħa pubblika fil-livell tal-Unjoni rikonoxxuta mill-Kummissjoni Ewropea f’konformità mal-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) 2022/2371;

    (3)

    “kontromiżuri mediċi” tfisser kontromiżuri mediċi skont it-tifsira tal-Artikolu 3, il-punt (10), tar-Regolament (UE) 2022/2371, inkluż it-tagħmir protettiv personali u s-sustanzi ta’ oriġini umana;

    (4)

    “materja prima” tfisser il-materja meħtieġa sabiex jiġu prodotti l-kwantitajiet meħtieġa ta’ kontromiżuri mediċi rilevanti għall-kriżi;

    (5)

    “data tad-dinja reali” tfisser data relatata mal-istat tas-saħħa tal-pazjent jew mal-għoti ta’ kura tas-saħħa minn sorsi oħra għajr il-provi kliniċi.

    Artikolu 3

    Attivazzjoni tal-qafas ta’ emerġenza

    1.   Fil-każ ta’ rikonoxximent ta’ emerġenza tas-saħħa pubblika, il-Kunsill, fuq proposta tal-Kummissjoni, jista’ jadotta regolament li jattiva l-qafas ta’ emerġenza fejn dan ikun xieraq għas-sitwazzjoni ekonomika, b’kont meħud tal-ħtieġa li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem.

    2.   Fejn il-Kunsill jattiva miżura waħda jew aktar stabbiliti fl-Artikoli 7 sa 13, għandu japplika l-Artikolu 5.

    3.   Il-Kunsill għandu jistabbilixxi fir-regolament li jattiva l-qafas ta’ emerġenza liema mill-miżuri stabbiliti fl-Artikoli 7 sa 13 huma xierqa għas-sitwazzjoni ekonomika, meta titqies il-ħtieġa li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u għalhekk liema miżuri għandhom jiġu attivati.

    4.   Il-qafas ta’ emerġenza għandu jiġi attivat għal perjodu massimu ta’ sitt xhur. Dan il-perjodu jista’ jiġġedded f’konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 4.

    5.   Ir-regolament li jattiva l-qafas ta’ emerġenza għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10) u r-rwol ta’ koordinazzjoni ġenerali taċ-Ċentru ta’ Koordinazzjoni tar-Reazzjoni f’każ ta’ Emerġenza taħt il-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili (UCPM), it-tnejn stabbiliti b’dik id-Deċiżjoni, u r-rwol ta’ koordinazzjoni politika tar-Rispons Politiku Integrat f’Sitwazzjonijiet ta’ Kriżi (IPCR), stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/415/UE (11).

    Artikolu 4

    Estensjoni, diżattivazzjoni u skadenza tal-perjodu li għalih jiġi attivat il-qafas ta’ emerġenza

    1.   Mhux aktar tard minn tliet ġimgħat qabel l-iskadenza tal-perjodu li jkun ġie attivat għalih il-qafas ta’ emerġenza, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Kunsill, imfassal b’konsultazzjoni tal-Bord għall-Kriżi tas-Saħħa, li jivvaluta jekk jenħtieġ li jiġi estiż dak il-perjodu. B’mod partikolari, ir-rapport għandu janalizza s-sitwazzjoni tas-saħħa pubblika u l-konsegwenzi ekonomiċi tal-kriżi tas-saħħa pubblika fl-Unjoni kollha kemm hi u fl-Istati Membri, kif ukoll l-impatt tal-miżuri attivati qabel skont dan ir-Regolament.

    2.   il-Kummissjoni tista’ tipproponi estensjoni lill-Kunsill, billi tispeċifika liema mill-miżuri huma xierqa għal estensjoni, fejn il-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 tikkonkludi li jkun xieraq li jiġi estiż il-perjodu li għalih huwa attivat il-qafas ta’ emerġenza. L-estensjoni għandha tkun għal massimu ta’ sitt xhur. Il-Kunsill jista’ jiddeċiedi kemm-il darba li jestendi l-perjodu li għalih huwa attivat il-qafas ta’ emerġenza fejn ikun xieraq fid-dawl tas-sitwazzjoni ekonomika b’kont meħud tal-ħtieġa li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem.

    3.   Il-Kummissjoni tista’ tipproponi lill-Kunsill jadotta regolament li jattiva miżuri addizzjonali jew id-diżattivazzjoni ta’ kwalunkwe miżura attivata stabbiliti fl-Artikoli 7 sa 13, flimkien ma’ dawk il-miżuri li jkunu diġà ġew attivati, fejn ikun xieraq fid-dawl tas-sitwazzjoni ekonomika b’kont meħud tal-ħtieġa li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem.

    4.   Mal-iskadenza tal-perjodu li jkun ġie attivat għalih il-qafas ta’ emerġenza, il-miżuri li jkunu twettqu f’konformità mal-Artikoli 7 sa 13 ma għandhomx jibqgħu japplikaw.

    5.   Il-miżuri stabbiliti fl-Artikoli 7 sa 13 għandhom jiġu diżattivati awtomatikament fejn l-emerġenza tas-saħħa pubblika tintemm f’konformità mal-Artikolu 23(2) tar-Regolament (UE) 2022/2371.

    Artikolu 5

    Il-Bord għall-Kriżi tas-Saħħa

    1.   Meta l-Kunsill jattiva miżura waħda jew diversi miżuri stabbiliti fl-Artikoli 7 sa 13 f’konformità mal-Artikolu 3,il-Bord għall-Kriżi tas-Saħħa għandu jiġi stabbilit u għandu jiżgura l-koordinazzjoni tal-azzjoni mill-Kunsill, mill-Kummissjoni, mill-korpi, mill-uffiċji u mill-aġenziji rilevanti tal-Unjoni u mill-Istati Membri biex tiġi żgurata l-provvista ta’ kontromiżuri mediċi rilevanti għall-kriżi u l-aċċess għalihom.

    Il-Bord għall-Kriżi tas-Saħħa għandu jassisti u jipprovdi gwida lill-Kummissjoni fit-tħejjija u fl-implimentazzjoni tal-miżuri li għandhom jittieħdu skont l-Artikoli 7 sa 13. Għal dak il-għan, il-Kummissjoni għandha kontinwament tipprovdi lill-Bord għall-Kriżi tas-Saħħa b’informazzjoni dwar kwalunkwe miżura ppjanata jew dwar miżuri li jkunu ttieħdu.

    2.   Il-Bord għall-Kriżi tas-Saħħa għandu jieqaf jopera meta l-miżuri kollha li jinsabu fl-Artikoli 7 sa 13 jiġu diżattivati jew jiskadu.

    3.   Il-Bord għall-Kriżi tas-Saħħa għandu jkun magħmul mill-Kummissjoni u minn rappreżentant wieħed minn kull Stat Membru. Kull Stat Membru għandu jinnomina r-rappreżentant u r-rappreżentant supplenti tiegħu. Is-segretarjat tal-Bord għall-Kriżi tas-Saħħa għandu jiġi żgurat mill-Kummissjoni.

    4.   Il-Bord għall-Kriżi tas-Saħħa għandu jkun kopresedut mill-Kummissjoni u l-Istat Membru li jkollu l-presidenza b’rotazzjoni tal-Kunsill.

    Il-Bord għall-Kriżi tas-Saħħa għandu jiżgura l-parteċipazzjoni tal-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji rilevanti kollha tal-Unjoni, fosthom l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA), iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC), u l-Kumitat Konsultattiv dwar l-emerġenzi tas-saħħa pubblika, bħala osservaturi. Il-Bord għall-Kriżi tas-Saħħa għandu jistieden, bħala osservaturi, rappreżentant mil-Parlament Ewropew u rappreżentant ta’ Stat Membru tal-Kumitat għas-Sigurtà tas-Saħħa u, fejn rilevanti, u skont ir-regoli ta’ proċedura tiegħu, rappreżentant tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO).

    5.   Il-Bord għall-Kriżi tas-Saħħa għandu jiżgura l-koordinazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni mal-istrutturi stabbiliti skont:

    (a)

    ir-Regolament (UE) 2022/123 matul il-perjodu tal-emerġenza tas-saħħa pubblika, relatat ma’ prodotti mediċinali u ma’ apparati mediċi;

    (b)

    ir-Regolament (KE) Nru 851/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12) matul il-perjodu tal-emerġenza tas-saħħa pubblika;

    (c)

    ir-Regolament (UE) 2022/2371, b’mod partikolari l-Kumitat għas-Sigurtà tas-Saħħa u l-Kumitat Konsultattiv dwar emerġenzi tas-saħħa pubblika;

    (d)

    id-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE, u b’mod partikolari ċ-Ċentru ta’ Koordinazzjoni tar-Reazzjoni f’każ ta’ Emerġenza, għall-fini li jitnaqqsu l-lakuni operazzjonali fl-aċċess għall-kontromiżuri mediċi rilevanti għall-kriżi u għall-materja prima u biex, fejn neċessarju, ikunu żgurati l-kompiti korrispondenti ta’ monitoraġġ u koordinazzjoni fuq il-post.

    6.   Il-Bord għall-Kriżi tas-Saħħa għandu jiżgura skambju ta’ informazzjoni mal- IPCR.

    7.   Il-kopresidenti tal-Bord għall-Kriżi tas-Saħħa jistgħu jistiednu esperti b’għarfien espert speċifiku biex jieħdu sehem, bħala osservaturi, fil-ħidma tal-Bord għall-Kriżi tas-Saħħa jew tas-sottogruppi fuq bażi ad hoc, fir-rigward ta’ suġġett fuq l-aġenda. Tali esperti jistgħu jinkludu: rappreżentanti ta’ korpi, uffiċji u aġenziji tal-Unjoni; rappreżentanti ta’ awtoritajiet nazzjonali, inklużi korpi ċentrali għall-akkwist u organizzazzjonijiet u assoċjazzjonijiet tal-kura tas-saħħa; rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali bħad-WHO, l-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti (FAO) u l-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (WOAH); u esperti mis-settur privat u minn partijiet ikkonċernati oħra.

    8.   Il-Bord għall-Kriżi tas-Saħħa għandu jiltaqa’ kull meta s-sitwazzjoni tirrikjedi dan, wara talba mill-Kummissjoni jew minn Stat Membru.

    9.   Matul it-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-miżuri stabbiliti fl-Artikoli 7 sa 13, il-Kummissjoni għandha taġixxi f’koordinazzjoni mill-qrib mal-Bord għall-Kriżi tas-Saħħa. B’mod partikolari, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta mal-Bord għall-Kriżi tas-Saħħa fi żmien debitu, kull fejn possibbli qabel ma tieħu azzjoni, u għandha tqis sew ir-riżultat tad-deliberazzjonijiet fil-Bord għall-Kriżi tas-Saħħa. Il-Kummissjoni għandha tirrapporta l-azzjoni meħuda lill-Bord għall-Kriżi tas-Saħħa.

    10.   Il-Bord għall-Kriżi tas-Saħħa jista’ joħroġ opinjonijiet, fuq it-talba tal-Kummissjoni jew fuq inizjattiva tiegħu stess. Fejn il-Kummissjoni ma ssegwix l-opinjoni tal-Bord għall-Kriżi tas-Saħħa, għandha tispjega r-raġunijiet għall-azzjoni tagħha lill-Bord għall-Kriżi tas-Saħħa, mingħajr preġudizzju għad-dritt ta’ inizjattiva tal-Kummissjoni.

    11.   Kemm jista’ jkun, il-Bord għall-Kriżi tas-Saħħa għandu jiddelibera b’kunsens. Jekk ma jkunx jista’ jintlaħaq kunsens, il-Bord għall-Kriżi tas-Saħħa għandu jiddelibera b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tar-rappreżentanti tal-Istat Membru. Kull Stat Membru għandu jkollu vot wieħed.

    Il-Bord għall-Kriżi tas-Saħħa għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu abbażi ta’ proposta ppreżentata mill-Kummissjoni. Ir-regoli ta’ proċedura għandhom jagħtu dettalji dwar meta l-osservaturi għandhom, u ma għandhomx, jiġu mistiedna jipparteċipaw fid-deliberazzjonijiet tal-Bord għall-Kriżi tas-Saħħa u kif għandhom jiġu ġestiti l-kunflitti ta’ interess potenzjali.

    12.   Fuq inizjattiva tagħha stess jew fuq proposta mill-Bord għall-Kriżi tas-Saħħa, il-Kummissjoni tista’ tistabbilixxi gruppi ta’ ħidma fuq bażi ad hoc biex jappoġġaw lill-Bord għall-Kriżi tas-Saħħa fil-ħidma tiegħu għall-fini li jeżamina mistoqsijiet speċifiċi abbażi tal-kompiti msemmija fil-paragrafu 1. Il-gruppi ta’ ħidma għandhom jiddeliberaw f’konformità mar-regoli stabbiliti fil-paragrafu 11. L-Istati Membri għandhom jinnominaw esperti għall-gruppi ta’ ħidma.

    13.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura t-trasparenza u tipprovdi lir-rappreżentanti tal-Istati Membri kollha b’aċċess ugwali għall-informazzjoni, sabiex tiżgura li l-proċess ta’ teħid tad-deċiżjonijiet jirrifletti s-sitwazzjoni u l-ħtiġijiet tal-Istati Membri kollha.

    Artikolu 6

    Dikjarazzjoni ta’ interess

    1.   Il-membri tal-Bord għall-Kriżi tas-Saħħa għandhom jimpenjaw ruħhom li jaġixxu fl-interess pubbliku.

    2.   Il-membri tal-Bord għall-Kriżi tas-Saħħa, kif ukoll l-osservaturi u l-esperti esterni li jipparteċipaw fil-laqgħat, għandhom jagħmlu dikjarazzjoni ta’ rabta u dikjarazzjoni ta’ interess fejn jindikaw jew in-nuqqas ta’ xi interessi li jistgħu jitqiesu ta’ preġudizzju għall-indipendenza tagħhom jew xi interessi diretti jew indiretti li jistgħu jitqiesu ta’ preġudizzju għall-indipendenza tagħhom. Dawk id-dikjarazzjonijiet għandhom isiru bil-miktub mal-ħolqien tal-Bord għall-Kriżi tas-Saħħa u f’kull laqgħa sabiex jiġi ddikjarat kull interess li jaf jitqies li jippreġudika l-indipendenza tagħhom b’rabta ma’ kwalunkwe punt fuq l-aġenda. Jekk ikun hemm interessi li jaf jitqiesu li jippreġudikaw l-indipendenza tagħhom fir-rigward ta’ xi punt fuq l-aġenda„ il-persuna kkonċernata għandha tiġi eskluża minn diskussjonijiet u deċiżjonijiet rilevanti.

    Artikolu 7

    Mekkaniżmu għall-monitoraġġ ta’ kontromiżuri mediċi rilevanti għall-kriżi

    1.   Meta din il-miżura tiġi attivata, il-Kummissjoni għandha, wara li titlob il-parir tal-Bord għall-Kriżi tas-Saħħa, tfassal u taġġorna regolarment, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, lista ta’ materja prima u kontromiżuri mediċi rilevanti għall-kriżi, kif ukoll mudell għall-monitoraġġ tal-provvista u d-domanda tagħhom, inkluż il-kapaċità tal-produzzjoni, il-kumulazzjonijiet, l-aspetti kritiċi possibbli jew ir-riskju ta’ tfixkil fil-ktajjen tal-provvista u fil-ftehimiet ta’ xiri.

    Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 14(2) u, għal raġunijiet imperattivi ta’ urġenza debitament ġustifikati, f’konformità mal-proċedura għall-atti ta’ implimentazzjoni applikabbli immedjatament imsemmija fl-Artikolu 14(3).

    2.   Il-lista msemmija fil-paragrafu 1 għandha tinkludi lista qasira ta’ materja prima u kontromiżuri mediċi speċifiċi għall-kriżi rilevanti għat-tħejjija tal-miżuri li għandhom jittieħdu f’konformità ma’ dan l-Artikolu u mal-Artikoli 8 sa 13, filwaqt li titqies l-informazzjoni miksuba skont:

    (a)

    ir-Regolament (UE) 2022/123 u b’mod partikolari l-Artikoli 3 sa 14 u 21 sa 30 tiegħu, dwar il-monitoraġġ u l-mitigazzjoni tan-nuqqasijiet ta’ prodotti mediċinali u apparati mediċi inklużi fil-listi ta’ mediċini kritiċi u fil-lista ta’ apparati mediċi kritiċi ta’ emerġenza tas-saħħa pubblika, ripsettivament;

    (b)

    ir-Regolament (KE) Nru 851/2004, u b’mod partikolari l-Artikolu 3(2), il-punt (f), tiegħu, dwar id-data disponibbli dwar il-kapaċità tas-sistema tas-saħħa tal-Istati Membri neċessarja għall-ġestjoni u r-rispons għat-theddid ta’ mard komunikabbli.

    3.   Mingħajr preġudizzju għall-interessi tas-sigurtà nazzjonali, l-Istati Membri għandhom, fejn xieraq, jipprovdu lill-Kummissjoni b’informazzjoni addizzjonali li ma tkunx inġabret diġà minn aġenziji tal-Unjoni abbażi tal-mudell imsemmi fil-paragrafu 1.

    4.   Mingħajr preġudizzju għall-interessi tas-sigurtà nazzjonali u għall-protezzjoni ta’ informazzjoni kummerċjalment kunfidenzjali li jirriżultaw minn ftehimiet konklużi mill-Istati Membri, fejn Stat Membru jkun beħsiebu jadotta miżuri fuq livell nazzjonali għall-akkwist, ix-xiri jew il-manifattura ta’ materja prima u kontromiżuri mediċi rilevanti għall-kriżi mil-lista msemmija fil-paragrafu 1, dan jista’ jinforma lill-Bord għall-Kriżi tas-Saħħa fil-ħin.

    5.   Fuq talba tal-Kummissjoni, inkluż f’isem il-Bord għall-Kriżi tas-Saħħa, l-EMA għandha tipprovdilha informazzjoni fir-rigward tal-monitoraġġ tal-prodotti mediċinali u tal-apparati mediċi, inklużi d-domanda u l-provvista tagħhom, f’konformità mal-Artikoli 9(2), il-punti (c) u (d) u l-Artikolu 25(2), il-punti (c) u (d)tar-Regolament (UE) 2022/123.

    6.   Il-Kummissjoni għandha tiġbor informazzjoni addizzjonali mhux diġà miġbura minn aġenziji tal-Unjoni permezz ta’ sistema tal-IT sigura u, abbażi tal-mudell imsemmi fil-paragrafu 1, timmonitorja l-informazzjoni kollha rilevanti dwar il-provvista u d-domanda ta’ materja prima u kontromiżuri mediċi rilevanti għall-kriżi fl-Unjoni u barra minnha. Il-Kummissjoni għandha tiżgura l-interoperabbiltà tas-sistema tal-IT mas-sistemi elettroniċi ta’ monitoraġġ u rapportar żviluppati mill-EMA skont l-Artikolu 9(1), il-punt (c), tar-Regolament (UE) 2022/123.

    7.   Il-Kummissjoni għandha regolarment tipprovdi informazzjoni dwar ir-riżultati tal-monitoraġġ tal-materja prima u l-kontromiżuri mediċi rilevanti għall-kriżi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

    Il-Kummissjoni għandha tagħmel disponibbli lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat għas-Sigurtà tas-Saħħa l-immudellar u t-tbassir dwar il-ħtiġijiet għal materja prima u kontromiżuri mediċi rilevanti għall-kriżi bl-appoġġ, fejn xieraq, tal-aġenziji rilevanti tal-Unjoni.

    Il-Kummissjoni għandha sussegwentement tinforma lill-Bord għall-Kriżi tas-Saħħa bil-monitoraġġ u r-riżultati tiegħu.

    Artikolu 8

    Akkwist, xiri u manifattura ta’ materja prima u kontromiżuri mediċi rilevanti għall-kriżi

    1.   Meta din il-miżura tiġi attivata, il-Bord għall-Kriżi tas-Saħħa għandu jagħti parir lill-Kummissjoni dwar il-mekkaniżmu xieraq biex jinxtraw materja prima u kontromiżuri mediċi rilevanti għall-kriżi, jew permezz tal-attivazzjoni ta’ kuntratti eżistenti jew permezz tan-negozjar ta’ kuntratti ġodda, bl-użu ta’ strumenti disponibbli, bħall-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2016/369, il-proċedura ta’ akkwist konġunt imsemmija fl-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) 2022/2371, jew is-Sħubijiet Ewropej għall-Innovazzjoni, stabbiliti bir-Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13).

    B’mod partikolari, il-Bord għall-Kriżi tas-Saħħa għandu jagħti parir lill-Kummissjoni dwar il-ħtieġa li jintuża mod ta’ xiri li permezz tiegħu l-Kummissjoni taġixxi bħala korp ċentrali għall-akkwisti f’isem l-Istati Membri, jew flimkien ma’ strumenti oħra disponibbli jew bħala mod ta’ akkwist awtonomu.

    2.   Fejn xieraq, l-Istati Membri jistgħu jagħtu mandat lill-Kummissjoni biex taġixxi bħala korp ċentrali għall-akkwist biex takkwista kontromiżuri mediċi u materja prima rilevanti għall-kriżi f’isimhom, skont il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

    L-Istati Membri għandhom ikunu liberi li jipparteċipaw fil-proċedura ta’ akkwist, inkluż permezz ta’ mekkaniżmi ta’ nonparteċipazzjoni u, f’każijiet debitament ġustifikati, permezz ta’ mekkaniżmi ta’ parteċipazzjoni.

    Il-Kummissjoni għandha, f’koordinazzjoni mill-qrib mal-Bord għall-Kriżi tas-Saħħa, tfassal il-proposta għal ftehim qafas li jiġi ffirmat mill-Istati Membri li jixtiequ jiġu rappreżentati mill-Kummissjoni (“l-Istati Membri parteċipanti”) biex taġixxi bħala korp ċentrali għall-akkwisti għal kontromiżuri mediċi rilevanti għall-kriżi.

    3.   Il-ftehim qafas imsemmi fil-paragrafu 2 għandu jinkludi regoli proċedurali għall-bidu u t-tħejjija ta’ proċeduri ta’ akkwist stabbiliti f’dan l-Artikolu, l-arranġamenti prattiċi għall-parteċipazzjoni libera tal-Istati Membri, inkluż il-kondizzjonijiet u l-perijodi ta’ żmien għall-parteċipazzjoni u n-nonparteċipazzjoni possibbli mill-Istati Membri, kif ukoll l-arranġamenti prattiċi għall-involviment tal-Istati Membri parteċipanti matul il-proċess kollu tal-akkwist kif ukoll il-proċeduri ta’ allokazzjoni ta’ kontromiżuri mediċi rilevanti għall-kriżi akkwistati.

    4.   Megħjuna mill-Bord għall-Kriżi tas-Saħħa, il-Kummissjoni għandha twettaq il-proċeduri ta’ akkwist u tikkonkludi l-ftehimiet li jirriżultaw mal-operaturi ekonomiċi f’isem l-Istati Membri parteċipanti, f’konformità mar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046.

    Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Bord għall-Kriżi tas-Saħħa, fuq bażi regolari, dwar il-progress li jkun sar fil-proċess ta’ akkwist u dwar is-sustanza tan-negozjati. Il-Kummissjoni għandha tqis sew il-parir tal-Bord għall-Kriżi tas-Saħħa u l-ħtiġijiet reali tal-Istati Membri. B’mod partikolari, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra biss it-tnedija ta’ negozjati fejn għadd suffiċjenti ta’ Stati Membri jkunu esprimew l-appoġġ tagħhom.

    5.   L-Istati Membri parteċipanti kollha għandhom ikunu assoċjati mal-proċess ta’ akkwist. Għal dak il-għan, il-Kummissjoni għandha tistieden lill-Istati Membri parteċipanti biex jinnominaw rappreżentanti biex jieħdu sehem fit-tħejjija tal-proċeduri ta’ akkwist kif ukoll fin-negozjati għall-ftehimiet ta’ xiri. Ir-rappreżentanti tal-Istati Membri parteċipanti għandu jkollhom l-istatus ta’ esperti assoċjati mal-proċess ta’ akkwist, f’konformità mar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046.

    Fejn il-Kummissjoni tkun biħsiebha tikkonkludi kuntratt li jkun fih obbligu li jinkisbu kontromiżuri mediċi rilevanti għall-kriżi, għandha tinforma lill-Istati Membri parteċipanti dwar din l-intenzjoni u t-termini dettaljati. L-Istati Membri parteċipanti għandu jkollhom l-opportunità li jesprimu l-kummenti tagħhom dwar l-abbozz tal-kuntratti, li l-Kummissjoni għandha tikkunsidra. Jekk jiġi applikat il-mekkaniżmu ta’ nonparteċipazzjoni fakultattiva, l-Istati Membri parteċipanti għandu jkollhom id-dritt ta’ mill-inqas ħamest ijiem biex jagħżlu li ma jieħdux sehem.

    6.   L-akkwist imsemmi fil-paragrafu 2 għandu jitwettaq mill-Kummissjoni f’konformità mar-regoli stabbiliti fir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 għall-akkwist tagħha stess. Meta jkun debitament ġustifikat mill-urġenza estrema tal-kriżi tas-saħħa jew meta jkun strettament neċċessarju sabiex isir adattament għal ċirkostanzi mhux previsti fl-evoluzzjoni tal-emerġenza tas-saħħa pubblika, jistgħu jintużaw is-simplifikazzjonijiet li ġejjin tal-proċeduri tal-akkwist:

    (a)

    b’deroga mill-Artikolu 137 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046, il-possibbiltà li tingħata, wara l-iffirmar tal-kuntratt, prova jew evidenza dwar il-kriterji ta’ esklużjoni u tal-għażla, dment li tkun ġiet ippreżentata dikjarazzjoni fuq l-unur f’dak ir-rigward qabel l-għoti;

    (b)

    b’deroga mill-Artikolu 172(2) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046, il-Kummissjoni tista’ timmodifika l-kuntratt, kif neċessarju biex tadatta għall-evoluzzjoni tal-emerġenza tas-saħħa pubblika;

    (c)

    b’deroga mill-Artikolu 165 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046, il-possibbiltà li jiżdiedu, wara l-iffirmar tal-kuntratt, awtoritajiet kontraenti li mhumiex identifikati fid-dokumenti tal-akkwist;

    (d)

    b’deroga mill-Artikolu 172(1) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046, l-awtoritajiet kontraenti għandhom ikunu intitolati li jitolbu l-kunsinna ta’ oġġetti jew servizzi mid-data li fiha l-abbozzi tal-kuntratti li jirriżultaw mill-akkwist imwettaq għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament ikunu ntbagħtu, li ma għandux ikunaktar tard minn 24 siegħa mill-għoti.

    7.   F’konformità mal-ftehim qafas imsemmi fil-paragrafu 2, il-Kummissjoni jista’ jkollha l-kapaċità u r-responsabbiltà, f’isem l-Istati Membri parteċipanti u skont il-ħtiġijiet tagħhom, li tidħol fi ftehimiet ta’ xiri mal-operaturi ekonomiċi, inkluż produtturi individwali ta’ kontromiżuri mediċi rilevanti għall-kriżi. Dawk il-ftehimiet jistgħu jinkludu mekkaniżmu ta’ ħlas bil-quddiem għall-produzzjoni jew l-iżvilupp ta’ tali kontromiżuri bi skambju għad-dritt għar-riżultat.

    Għad-dħul, f’isem l-Istati Membri parteċipanti kollha, fi ftehimiet ta’ xiri mal-operaturi ekonomiċi, ir-rappreżentanti tal-Kummissjoni jew l-esperti nnominati mill-Kummissjoni, jistgħu jwettqu żjarat fuq il-post f’kooperazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali rilevanti fil-lokalitajiet tal-faċilitajiet tal-produzzjoni ta’ kontromiżuri mediċi rilevanti għall-kriżi.

    8.   Il-Kummissjoni għandu jkollha l-kapaċità u r-responsabbiltà li tattiva l-faċilitajiet tan-Network ta’ kapaċitajiet tal-produzzjoni tal-vaċċini u tal-mediċini dejjem lesti (EU-FAB) biex isiru disponibbli l-kapaċitajiet riżervati ta’ manifattura ħesrem biex tiżgura t-twassil tal-materja prima u l-kontromiżuri mediċi rilevanti għall-kriżi, li jikkorrispondu għall-kwantitajiet miftiehma u f’konformità mal-iskeda tal-kuntratti tal-EU-FAB. Il-Kummissjoni għandha twettaq proċeduri speċifiċi ta’ akkwist għal dawk il-kwantitajiet miftiehma ta’ kontromiżuri mediċi rilevanti għall-kriżi.

    9.   Meta l-Kummissjoni tipprovdi finanzjament għall-produzzjoni u/jew għall-iżvilupp ta’ kontromiżuri mediċi rilevanti għall-kriżi, il-Kummissjoni għandu jkollha d-dritt li titlob il-liċenzjar, taħt kondizzjonijiet ġusti u raġonevoli, tal-proprjetà intellettwali u tal-għarfien espert li jappartjeni għal tali kontromiżuri, jekk operatur ekonomiku jabbanduna l-isforz ta’ żvilupp tiegħu jew ma jkunx jista’ jiżgura t-twettiq suffiċjenti u f’waqtu tiegħu skont it-termini tal-ftehim konkluż. Fi ftehimiet speċifiċi mal-operaturi ekonomiċi jistgħu jiġu stabbiliti aktar kondizzjonijiet u proċeduri relatati mal-eżerċitar ta’ dak id-dritt.

    10.   L-implimentazzjoni u l-użu tal-kontromiżuri mediċi rilevanti għall-kriżi għandhom jibqgħu l-kompetenza tal-Istati Membri parteċipanti. F’każijiet fejn l-ammonti nnegozjati jaqbżu d-domanda, il-Kummissjoni, fuq talba tal-Istati Membri kkonċernati, għandha telabora mekkaniżmu għar-riallokazzjoni, il-bejgħ mill-ġdid u d-donazzjoni.

    11.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-Istati Membri parteċipanti jiġu ttrattati b’mod ugwali meta jwettqu l-proċeduri ta’ akkwist u meta jimplimentaw il-ftehimiet li jirriżultaw.

    Artikolu 9

    Aspetti ta’ riċerka u innovazzjoni ta’ emerġenza tal-pjanijiet ta’ tħejjija u rispons u l-użu ta’ networks ta’ provi kliniċi u pjattaformi ta’ kondiviżjoni tad-data

    1.   Meta din il-miżura tiġi attivata, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom, wara li jikkonsultaw mal-Bord għall-Kriżi tas-Saħħa, jattivaw l-aspetti ta’ riċerka u innovazzjoni ta’ emerġenza tal-pjan ta’ prevenzjoni, tħejjija u rispons tal-Unjoni msemmi fir-Regolament (UE) 2022/2371.

    2.   Il-Kummissjoni għandha tappoġġa l-aċċess għad-data rilevanti mill-provi kliniċi, iżda wkoll għad-data tad-dinja reali. Jekk ikun possibbli, il-Kummissjoni għandha tibni fuq inizjattivi eżistenti ta’ riċerka dwar it-tħejjija bħan-networks madwar l-Unjoni kollha u internazzjonali għall-provi kliniċi kif ukoll l-istudji ta’ osservazzjoni inkluż koorti strateġiċi, appoġġati minn pjattaformi u infrastrutturi diġitali, bħall-computing ta’ prestazzjoni għolja, li jippermettu l-kondiviżjoni miftuħa ta’ data traċċabbli, aċċessibbli, interoperabbli u riutilizzabbli (FAIR), kif ukoll l-attivitajiet tal-korpi nazzjonali kompetenti li jappoġġaw id-disponibbiltà u l-aċċess għad-data, inkluża d-data dwar is-saħħa, f’konformità mal-Artikolu 15.

    3.   Meta tistabbilixxi azzjonijiet dwar provi kliniċi, il-Kummissjoni għandha tinvolvi lit-Task Force għall-Emerġenzi tal-EMA stabbilita bir-Regolament (UE) 2022/123 kif ukoll networks eżistenti, bħan-Network Ewropew tal-Infrastrutturi tar-Riċerka Klinika, filwaqt li tiżgura konformità mar-Regolament (UE) Nru 536/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14) kif ukoll koordinazzjoni mal-ECDC.

    4.   Il-parteċipazzjoni u l-kontribut tal-Unjoni, u dawk tal-Istati Membri, fl-aspetti ta’ riċerka u innovazzjoni ta’ emerġenza tal-pjan ta’ prevenzjoni, tħejjija u rispons tal-Unjoni għandhom ikunu f’konformità mar-regoli u l-proċeduri tal-programmi tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali.

    Artikolu 10

    Inventarju tal-produzzjoni u tal-faċilitajiet tal-produzzjoni ta’ kontromiżuri mediċi rilevanti għall-kriżi

    1.   Meta din il-miżura tiġi attivata, il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tfassal u taġġorna regolarment inventarju tal-produzzjoni u tal-faċilitajiet ta’ produzzjoni ta’ kontromiżuri mediċi rilevanti għall-kriżi u mudell għall-monitoraġġ tal-kapaċità tal-produzzjoni u l-istokkijiet.

    Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 14(2) u, għal raġunijiet imperattivi ta’ urġenza debitament ġustifikati, f’konformità mal-proċedura għall-atti ta’ implimentazzjoni applikabbli immedjatament imsemmija fl-Artikolu 14(3).

    2.   Il-Kummissjoni tista’, billi tuża l-mudell imsemmi fil-paragrafu 1, titlob lill-produtturi tal-kontromiżuri mediċi rilevanti għall-kriżi biex jinfurmaw lill-Kummissjoni, fi żmien ħamest ijiem, bil-kapaċità totali attwali tal-produzzjoni, u l-ħażniet eżistenti possibbli tal-kontromiżuri mediċi rilevanti għall-kriżi u l-komponenti tagħhom, fil-faċilitajiet ta’ produzzjoni tagħhom tal-Unjoni u fil-faċilitajiet ta’ pajjiżi terzi li joperaw, li magħhom għandhom kuntratti, jew li mingħandhom jixtru l-provvisti, filwaqt li tiġi rrispettata bis-sħiħ is-segretezza kummerċjali u tan-negozju. Il-Kummissjoni tista’ wkoll titlob lil dawk il-produtturi biex jibagħtulha skeda tal-output tal-produzzjoni mistenni għat-tliet xhur ta’ wara għal kull faċilità tal-produzzjoni tal-Unjoni.

    3.   Fuq talba tal-Kummissjoni, kull produttur ta’ kontromiżuri mediċi rilevanti għall-kriżi għandu jinforma lill-Kummissjoni, fi żmien massimu ta’ ħamest ijiem, b’kull faċilità tal-produzzjoni tal-kontromiżuri mediċi rilevanti għall-kriżi tal-Unjoni li jopera, inkluż informazzjoni dwar il-kapaċità tal-produzzjoni tagħha fir-rigward ta’ tali kontromiżuri permezz ta’ aġġornamenti regolari. Għall-prodotti mediċinali, dik l-informazzjoni għandha tinkludi l-faċilitajiet relatati kemm mal-prodotti lesti kif ukoll mal-ingredjenti farmaċewtiċi attivi.

    4.   Il-Kummissjoni għandha tinforma regolarment lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-produzzjoni ta’ kontromiżuri mediċi rilevanti għall-kriżi u r-rata ta’ produzzjoni mistennija fl-Unjoni u l-produzzjoni ta’ provvisti minn faċilitajiet ta’ pajjiżi terzi, kemm jekk il-prodotti jkunu lesti, intermedji jew komponenti oħra, kif ukoll dwar il-kapaċità tal-Unjoni u ta’ pajjiżi terzi tal-faċilitajiet tal-produzzjoni tal-kontromiżuri mediċi rilevanti għall-kriżi, filwaqt li tiġi protetta b’mod adegwat l-informazzjoni kummerċjalment sensittiva tal-produtturi.

    Artikolu 11

    Inventarju tal-materja prima, tal-oġġetti tal-konsum, tal-apparati mediċi, tat-tagħmir u tal-infrastruttura rilevanti għall-kriżi

    Meta din il-miżura tiġi attivata, il-Kummissjoni għandha testendi l-inventarju u l-mudell previsti fl-Artikolu 10 għal materja prima, oġġetti tal-konsum, apparati mediċi, tagħmir u infrastruttura rilevanti għall-kriżi, jekk tqis li hemm riskju ta’ nuqqas fil-provvista ta’ materja prima, oġġetti tal-konsum, apparati mediċi, tagħmir rilevanti għall-kriżi jew riskju ta’ xi problema bl-infrastruttura.

    Artikolu 12

    Miżuri li jiżguraw id-disponibbiltà u l-provvista ta’ kontromiżuri mediċi rilevanti għall-kriżi

    1.   Meta din il-miżura tiġi attivata, il-Kummissjoni tista’, meta tqis li hemm riskju ta’ nuqqas ta’ materja prima, oġġetti tal-konsum, apparat mediku u apparat ieħor, tagħmir u infrastruttura rilevanti għall-kriżi, timplimenta, kemm jista’ jkun malajr, bi qbil mal-Istati Membri kkonċernati u wara konsultazzjoni mal-operaturi ekonomiċi kkonċernati, miżuri speċifiċi rilevanti biex tiżgura l-organizzazzjoni mill-ġdid effiċjenti tal-ktajjen tal-provvista u tal-linji tal-produzzjoni u tuża l-istokkijiet eżistenti biex iżżid id-disponibbiltà u l-provvista ta’ kontromiżuri mediċi rilevanti għall-kriżi.

    2.   B’mod partikolari, il-miżuri msemmijin fil-paragrafu 1 jistgħu jinkludu:

    (a)

    l-iffaċilitar tal-espansjoni jew tal-għoti ta’ skop ġdid ta’ kapaċitajiet tal-produzzjoni eżistenti, jew l-istabbiliment ta’ kapaċitajiet ġodda, għall-kontromiżuri mediċi rilevanti għall-kriżi;

    (b)

    l-iffaċilitar tal-espansjoni tal-kapaċitajiet eżistenti jew l-istabbiliment ta’ kapaċitajiet ġodda relatati mal-attivitajiet u l-introduzzjoni ta’ miżuri li jiżguraw flessibilità regolatorja, sabiex jappoġġaw il-produzzjoni u t-tqegħid fis-suq ta’ kontromiżuri mediċi rilevanti għall-kriżi, filwaqt li jiġu rrispettati r-responsabbiltajiet tal-EMA u tal-awtoritajiet nazzjonali tal-mediċini fir-rigward tal-evalwazzjoni u s-superviżjoni tal-prodotti mediċinali;

    (c)

    l-implimentazzjoni ta’ inizjattivi ta’ akkwist, ir-riżerva tal-kumulazzjonijiet u l-kapaċitajiet tal-produzzjoni biex jiġu kkoordinati l-approċċi, u jiġu pprovduti provvista, servizzi u riżorsi kritiċi għall-produzzjoni ta’ kontromiżuri mediċi rilevanti għall-kriżi;

    (d)

    l-iffaċilitar tal-kollaborazzjoni tal-kumpaniji rilevanti fi sforz konġunt tal-industrija biex jiġu żgurati d-disponibbiltà u l-provvista ta’ kontromiżuri mediċi rilevanti għall-kriżi; u

    (e)

    l-iffaċilitar tal-liċenzjar tal-proprjetà intellettwali u l-għarfien espert relatat mal-kontromiżuri mediċi rilevanti għall-kriżi.

    3.   Il-Kummissjoni tista’ tipprovdi mekkaniżmi f’waqthom ta’ inċentivi finanzjarji neċessarji biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni rapida tal-miżuri msemmija fil-paragrafu 2.

    Artikolu 13

    Finanzjament ta’ emerġenza

    Meta din il-miżura tiġi attivata u jiġu ssodisfati r-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (UE) 2016/369, l-appoġġ ta’ emerġenza skont dak ir-Regolament għandu jiġi attivat biex jiffinanzja n-nefqa neċessarja biex tiġi indirizzata l-emerġenza tas-saħħa pubblika.

    Artikolu 14

    Proċedura ta’ Kumitat

    1.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn Kumitat ta’ Implimentazzjoni għall-Kriżi tas-Saħħa. Dak il-Kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    Fejn il-Kumitat ma jagħti ebda opinjoni, il-Kummissjoni ma għandhiex tadotta l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni, u għandu japplika l-Artikolu 5(4), it-tielet subparagrafu, tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    3.   Għal raġunijiet imperattivi ta’ urġenza debitament ġustifikati relatati mal-emerġenza tas-saħħa pubblika, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni applikabbli immedjatament f’konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    Artikolu 15

    Protezzjoni ta’ data personali

    1.   Dan ir-Regolament għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-Istati Membri relatati mal-ipproċessar tagħhom ta’ data personali skont ir-Regolament (UE) 2016/679 u d-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15), jew l-obbligi tal-Kummissjoni u, fejn xieraq, istituzzjonijiet,korpi, uffiċji u aġenzij oħra tal-Unjoni, relatati mal-ipproċessar tagħhom ta’ data personali skont ir-Regolament (UE) 2018/1725, meta jkunu qed iwettqu r-responsabbiltajiet tagħhom.

    2.   Id-data personali ma għandhiex tiġi pproċessata jew ikkomunikata ħlief f’każijiet fejn ikun strettament neċessarju għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament. F’każijiet bħal dawn, għandhom, kif xieraq, il-kondizzjonijiet tar-Regolamenti (UE) 2016/679 u (UE) 2018/1725.

    3.   Fejn l-ipproċessar ta’ data personali ma jkunx strettament neċessarju għall-issodisfar tal-mekkaniżmi stabbiliti f’dan ir-Regolament, id-data personali għandha ssir anonima b’tali mod li s-suġġett tad-data ma jkunx identifikabbli.

    4.   Il-Kummissjoni, permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni, għandha tadotta regoli dettaljati biex tiżgura li jkun hemm konformità sħiħa mar-rekwiżiti previsti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar ir-rwoli tal-atturi involuti fil-ġbir u l-ipproċessar ta’ data personali.

    Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 14(2).

    Artikolu 16

    Rieżami

    Sa mhux aktar tard mill-2024, il-Kummissjoni għandha twettaq rieżami ta’ dan ir-Regolament u tippreżenta rapport dwar is-sejbiet ewlenin ta’ dak ir-rieżami lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Dak ir-rieżami għandu jinkludi evalwazzjoni tal-ħidma tal-Awtorità Ewropea għat-Tħejjija u għar-Rispons f’Każ ta’ Emerġenza tas-Saħħa (HERA). Dak ir-rieżami għandu jinkludi wkoll valutazzjoni fir-rigward tal-ħtieġa li l-HERA tiġi stabbilita bħala entità distinta fid-dawl tal-aġenziji jew l-awtoritajiet rilevanti attivi fil-qasam tal-kriżi tas-saħħa. L-Istati Membri għandhom jiġu kkonsultati u l-fehmiet u r-rakkomandazzjonijiet tagħhom dwar l-implimentazzjoni tal-qafas ta’ emerġenza għandhom ikunu riflessi fir-rapport finali. Il-Kummissjoni għandha, jekk ikun xieraq, tippreżenta proposti bbażati fuq dak ir-rapport sabiex temenda dan ir-Regolament jew tagħmel aktar proposti.

    Artikolu 17

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fil-Lussemburgu, l-24 ta’ Ottubru 2022.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    A. HUBÁČKOVÁ


    (1)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Settembru 2021 li tistabbilixxi l-Awtorità għat-Tħejjija u għar-Rispons f’Każ ta’ Emerġenza tas-Saħħa (ĠU C 393I, 29.9.2021, p. 3).

    (2)  Ir-Regolament (UE) 2022/123 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Jannar 2022 dwar rwol imsaħħaħ għall-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini fit-tħejjija għall-kriżijiet u fil-maniġġar tagħhom għall-prodotti mediċinali u għall-apparati mediċi (ĠU L 20, 31.1.2022, p. 1).

    (3)  Ir-Regolament (UE) 2022/2371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Novembru 2022 dwar theddid transkonfinali serju għas-saħħa u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1082/2013/UE (ĠU L 314, 6.12.2022, p. 26).

    (4)  Ir-Regolament (UE) 2022/2370 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Novembru 2022 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 851/2004 li jistabbilixxi ċentru Ewropew għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard (ĠU L 314, 6.12.2022, p. 1).

    (5)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).

    (6)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2016/369 tal-15 ta’ Marzu 2016 dwar l-għoti ta’ appoġġ ta’ emerġenza fl-Unjoni (ĠU L 70, 16.3.2016, p. 1).

    (7)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

    (8)  Ir-Regolament (UE) 2016/769 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

    (9)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).

    (10)  Id-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 924).

    (11)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/415/UE tal-24 ta’ Ġunju 2014 dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni mill-Unjoni tal-klawżola ta’ solidarjetà (2014/415/UE) (ĠU L 192, 1.7.2014, p. 53).

    (12)  Ir-Regolament (KE) Nru 851/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 li jistabbilixxi ċentru Ewropew għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard (ĠU L 142, 30.4.2004, p. 1).

    (13)  Ir-Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Orizzont Ewropa — il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, li jistabbilixxi r-regoli tiegħu għall-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni, u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1290/2013 u (UE) Nru 1291/2013 (ĠU L 170, 12.5.2021, p. 1).

    (14)  Ir-Regolament (UE) Nru 536/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar il-provi kliniċi fuq prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem, u li jħassar id-Direttiva 2001/20/KE (ĠU L 158, 27.5.2014, p. 1).

    (15)  Id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37).


    Top