Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022R2291

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/2291 tat-8 ta’ Settembru 2022 li jemenda l-Anness I tar-Regolament (UE) 2019/1021 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-pollutanti organiċi persistenti fir-rigward tal-eżaklorobenżen (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

C/2022/6122

ĠU L 303, 23.11.2022, p. 19–21 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2022/2291/oj

23.11.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 303/19


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/2291

tat-8 ta’ Settembru 2022

li jemenda l-Anness I tar-Regolament (UE) 2019/1021 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-pollutanti organiċi persistenti fir-rigward tal-eżaklorobenżen

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/1021 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar il-pollutanti organiċi persistenti (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 15(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2019/1021 jimplimenta l-impenji tal-Unjoni skont il-Konvenzjoni ta’ Stokkolma dwar Pollutanti Organiċi Persistenti (2) u skont il-Protokoll dwar il-Pollutanti Organiċi Persistenti għall-Konvenzjoni tal-1979 dwar it-Tniġġis Transkonfini tal-Arja fuq Distanza Twila (3).

(2)

Skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) 2019/1021, il-manifattura, it-tqegħid fis-suq u l-użu tas-sustanzi elenkati fl-Anness I ta’ dak ir-Regolament, sew jekk waħedhom, sew jekk f’taħlitiet jew f’oġġetti, għandhom ikunu pprojbiti, soġġett għall-Artikolu 4 ta’ dak ir-Regolament.

(3)

L-eżaklorobenżen huwa elenkat fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2019/1021 mingħajr valur ta’ limitu ta’ Kontaminant fi Traċċi Mhux Intenzjonat (UTC).

(4)

L-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2019/1021 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta atti delegati biex timmodifika entrati eżistenti fl-Anness I sabiex tadattahom għall-progress xjentifiku u tekniku.

(5)

Il-Kummissjoni ddeterminat il-preżenza tal-eżaklorobenżen bħala impurità f’xi sustanzi, taħlitiet u oġġetti, inklużi pestiċidi, solventi klorurati, linka, kisi, żebgħa u toners, fl-applikazzjoni tal-injam, fl-applikazzjoni tat-tessuti u fil-plastik.

(6)

Sabiex tiġi ċċarata s-sitwazzjoni legali u jiġi ffaċilitat l-infurzar fir-rigward tal-użu ta’ sustanzi, taħlitiet jew oġġetti li fihom l-eżaklorobenżen bħala kontaminant fi traċċi mhux intenzjonat, jenħtieġ li jiġi stabbilit limitu UTC ta’ 10 mg/kg (0,001 % skont il-piż) għall-eżaklorobenżen.

(7)

Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2019/1021 jiġi emendat skont dan,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness I tar-Regolament (UE) 2019/1021 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Settembru 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 169, 25.6.2019, p. 45.

(2)   ĠU L 209, 31.7.2006, p. 3.

(3)   ĠU L 81, 19.3.2004, p. 37.


ANNESS

Fil-Parti A tal-Anness I tar-Regolament (UE) 2019/1021, fir-raba’ kolonna (“Eżenzjoni speċifika fuq użu intermedju jew speċifikazzjoni oħra”) tal-entrata għall-eżaklorobenżen, jiżdied it-test li ġej:

“Għall-finijiet ta’ din l-entrata, il-punt (b) tal-Artikolu 4(1) għandu japplika għall-konċentrazzjonijiet tal-eżaklorobenżen ekwivalenti għal 10 mg/kg (0,001 % skont il-piż) jew inqas fejn ikun preżenti f’sustanzi, f’taħlitiet jew f’oġġetti.”.


Top