Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022R2289

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/2289 tat-18 ta’ Awwissu 2022 li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2020/2014 fir-rigward ta’ eżenzjonijiet għall-obbligu ta’ ħatt l-art għal ċertu sajd fil-Baħar tat-Tramuntana għall-perjodu 2023

C/2022/5800

ĠU L 303, 23.11.2022, p. 6–11 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2023

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2022/2289/oj

23.11.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 303/6


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/2289

tat-18 ta’ Awwissu 2022

li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2020/2014 fir-rigward ta’ eżenzjonijiet għall-obbligu ta’ ħatt l-art għal ċertu sajd fil-Baħar tat-Tramuntana għall-perjodu 2023

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2018/973 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2018 li jistabbilixxi pjan pluriennali għall-istokkijiet demersali fil-Baħar tat-Tramuntana u s-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet, li jispeċifika d-dettalji tal-implimentazzjoni tal-obbligu ta’ ħatt l-art fil-Baħar tat-Tramuntana u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 676/2007 u (KE) Nru 1342/2008 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 11 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/2014 (2) jipprovdi dettalji dwar kif jiġi implimentat l-obbligu ta’ ħatt l-art għal ċertu sajd fil-Baħar tat-Tramuntana għall-perjodu 2021-2023.

(2)

Skont ir-Regolament Delegat (UE) 2020/2014, ċerti eżenzjonijiet għall-obbligu ta’ ħatt l-art huma applikabbli sal-31 ta’ Diċembru 2022. F’dawn il-każijiet, l-Istati Membri li għandhom interess ta’ ġestjoni dirett kellhom jippreżentaw, mill-aktar fis possibbli u sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Mejju 2022, evidenza xjentifika addizzjonali li tappoġġa l-eżenzjoni. Il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (“STECF”) għandu jivvaluta l-evidenza sottomessa pprovduta sal-31 ta’ Lulju 2022.

(3)

Il-Belġju, id-Danimarka, Franza, il-Ġermanja, in-Netherlands u l-Iżvezja (“il-Grupp ta’ Scheveningen”), wara li kkonsultaw lill-Kunsill Konsultattiv tal-Baħar tat-Tramuntana (“NSAC”) u lill-Kunsill Konsultattiv tal-Istokkijiet Pelaġiċi (“PELAC”), issottomettew rakkomandazzjoni konġunta lill-Kummissjoni fit-2 ta’ Mejju 2022.

(4)

L-STECF irrieżamina (3) r-rakkomandazzjoni konġunta bejn is-16 u l-20 ta’ Mejju 2022. Il-Kummissjoni ppreżentat l-abbozz ta’ att delegat lill-Grupp ta’ Esperti għas-Sajd u l-Akkwakultura magħmul minn rappreżentanti tal-Istati Membri fl-20 ta’ Lulju 2022 f’laqgħa li għaliha attenda l-Parlament Ewropew bħala osservatur.

(5)

L-Artikolu 8 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/2014 jagħti eżenzjoni tas-sopravivenza għall-barbun imperjali (Scophthalmus maximus) sal-31 ta’ Diċembru 2022, maqbud bi xbieki tat-tkarkir bi travu (TBB) b’manka ta’ 80 mm jew akbar fl-ilmijiet tal-Unjoni tas-subżona 4 tal-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar (“ICES”).

(6)

Ir-rakkomandazzjoni konġunta talbet estensjoni għal din l-eżenzjoni sal-31 ta’ Diċembru 2023.

(7)

L-STECF innota li kemm il-qabdiet kif ukoll ir-rimi juru xejra ta’ tnaqqis f’dawn l-aħħar snin. L-STECF irrikonoxxa li l-parir tal-ICES jindika li l-istokk tal-barbun imperjali fil-Baħar tat-Tramuntana huwa f’kundizzjoni tajba u li l-impatt tal-eżenzjoni sal-31 ta’ Diċembru 2023 ikun limitat, minħabba l-livell baxx ta’ rimi, u jekk wieħed jassumi rati ta’ sopravivenza fil-medda ta’ 38 % sa 75 %. L-STECF osserva wkoll it-tnedija ta’ proġett ta’ riċerka dwar is-sopravivenza tal-barbun imperjali, li r-riżultati preliminari tiegħu fl-2023 huma mistennija li jkunu rilevanti għal din l-eżenzjoni.

(8)

Għar-raġunijiet mogħtija mill-STECF, li l-Kummissjoni taqbel magħhom, jenħtieġ li għalhekk l-eżenzjoni tingħata sal-31 ta’ Diċembru 2023, u dan se jippermetti wkoll żmien suffiċjenti għat-tlestija tal-proġett ta’ riċerka li għaddej li għandu l-għan li jtejjeb l-informazzjoni dwar l-iskartar u s-sopravivenza tal-barbun imperjali. L-Istati Membri huma mitluba jippreżentaw ir-riżultati ta’ dan il-proġett għall-valutazzjoni mill-STECF sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Mejju 2023.

(9)

L-Artikolu 10 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/2014 jagħti eżenzjoni tas-sopravivenza sal-31 ta’ Diċembru 2022 għall-kavalli u l-aringi li jinqabdu bit-tartaruni tal-borża skont ċerti kundizzjonijiet relatati mat-tagħmir tal-bastiment u ma’ rkaptu b’sistema elettronika ta’ reġistrazzjoni u ta’ dokumentazzjoni, it-twaħħil tal-irkaptu, u r-rilaxx tal-qabdiet fid-diviżjonijiet 2a, 3a u s-subżona 4 tal-ICES.

(10)

Ir-rakkomandazzjoni konġunta talbet estensjoni għal din l-eżenzjoni sal-31 ta’ Diċembru 2023.

(11)

L-STECF innota li, fin-nuqqas ta’ informazzjoni ta’ appoġġ ġdida, l-istimi tas-sopravivenza ta’ 70 % għall-kavalli u l-aringi rrapportati fl-STECF PLEN 14-02 jibqgħu validi. L-STECF irrikonoxxa wkoll ir-rilevanza tal-koerenza temporali fl-estensjoni ta’ eżenzjonijiet simili bejn l-Ilmijiet tal-Majjistral u tal-Baħar tat-Tramuntana ġirien. L-STECF enfasizza wkoll li l-għoti tal-eżenzjoni sal-31 ta’ Diċembru 2023 jenħtieġ li jkun soġġett għal evalwazzjoni ulterjuri bħala parti mir-rieżami usa’ tal-obbligu ta’ ħatt l-art ippjanat għall-2023, sabiex jiġi vvalutat jekk l-istimi ta’ sopravivenza għadhomx validi, l-impatt tal-eżenzjoni fuq l-istokkijiet u l-użu tiegħu mill-flotot ikkonċernati.

(12)

Għar-raġunijiet mogħtija mill-STECF, li l-Kummissjoni taqbel magħhom, jenħtieġ għalhekk li l-eżenzjoni tingħata sal-31 ta’ Diċembru 2023, u dan se jiżgura wkoll l-allinjament u l-konsistenza bejn il-Baħar tat-Tramuntana u l-Ilmijiet tal-Majjistral. L-Istati Membri huma mitluba jippreżentaw data addizzjonali dwar is-sopravivenza tal-kavalli u tal-aringi għall-valutazzjoni mill-STECF sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Mejju 2023, sabiex jappoġġaw l-evalwazzjoni ta’ din l-eżenzjoni fir-rieżami tal-2023 tal-obbligu ta’ ħatt l-art.

(13)

L-Artikolu 11(10) tar-Regolament Delegat (UE) 2020/2014 jagħti eżenzjoni de minimis sal-31 ta’ Diċembru 2022 għal kwantità ta’ merlangu taħt id-daqs minimu ta’ referenza għall-konservazzjoni li jinqabad fis-sajd demersali mħallat bi xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ jew tartaruni (OTB, OTT, SDN, SSC) b’daqs tal-malja ta’ 70-99 mm (TR2) fl-ilmijiet tal-Unjoni tad-diviżjonijiet 4a u 4b tal-ICES.

(14)

Ir-rakkomandazzjoni konġunta talbet estensjoni għal din l-eżenzjoni sal-31 ta’ Diċembru 2023.

(15)

L-STECF innota li, għalkemm id-data pprovduta tirreferi għal żona ħafna usa’ minn dik tad-diviżjonijiet 4a u 4b tal-ICES, l-eżenzjoni tidher li tkopri biss parti mill-qabdiet mhux mixtieqa u għalhekk it-titjib tas-selettività jenħtieġ li jibqa’ prijorità. L-STECF irrikonoxxa wkoll li l-istudji li għaddejjin dwar l-imġiba tal-ħut għad-dawl imwettqa minn Stati Membri differenti f’sajd differenti joħolqu possibbiltajiet ġodda għal provi ta’ selettività sabiex jitnaqqsu l-qabdiet mhux mixtieqa u biex titħeġġeġ aktar ħidma fuq dan il-qasam ta’ riċerka, li r-riżultati tagħhom jenħtieġ li jinġabru sabiex jiġi identifikat is-sajd fejn tali teknoloġija tista’ tintuża bl-aħjar mod.

(16)

Għar-raġunijiet mogħtija mill-STECF, li l-Kummissjoni taqbel magħhom, jenħtieġ għalhekk li l-eżenzjoni tingħata sal-31 ta’ Diċembru 2023, li se tippermetti wkoll żmien suffiċjenti għat-tlestija tal-istudji li għaddejjin dwar l-imġiba tal-ħut għad-dawl. L-Istati Membri huma mitlubin jissottomettu r-riżultati ta’ dawn l-istudji għal valutazzjoni mill-STECF sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Mejju 2023.

(17)

L-Artikolu 11(12) tar-Regolament Delegat (UE) 2020/2014 jagħti eżenzjoni de minimis sal-31 ta’ Diċembru 2022 għal kwantità kkombinata ta’ kavalli, sawrell, aringi u merlangi li jinqabdu fis-sajd pelaġiku minn bastimenti tat-tkarkir pelaġiku sa 25 metru fit-tul b’mod ġenerali, bl-użu ta’ xbieki tat-tkarkir pelaġiċi (OTM/PTM), u li għandu fil-mira tiegħu l-kavalli, is-sawrell u l-aringi fid-diviżjonijiet 4b u 4c tal-ICES fin-Nofsinhar ta’ 54 grad fit-Tramuntana.

(18)

Ir-rakkomandazzjoni konġunta talbet estensjoni għal din l-eżenzjoni sal-31 ta’ Diċembru 2023.

(19)

L-STECF irrikonoxxa li t-titjib ulterjuri tas-selettività jkun diffiċli u l-issortjar tal-qabdiet ikollu kostijiet għoljin minħabba n-natura tal-ispeċijiet u tas-sajd involuti. L-STECF innota wkoll il-varjabbiltà interannwali fil-kompożizzjoni tal-qabdiet u fil-livelli tal-iskartar tal-ħut u enfasizza d-diffikultà fil-monitoraġġ tal-iskartar tal-ħut skont din l-eżenzjoni, minħabba li l-bastimenti jistgħu jużaw irkapti differenti matul l-istess vjaġġ tas-sajd.

(20)

Għar-raġunijiet mogħtija mill-STECF, li l-Kummissjoni taqbel magħhom, jenħtieġ għalhekk li l-eżenzjoni tingħata sal-31 ta’ Diċembru 2023, u dan jippermetti wkoll biżżejjed żmien sabiex jittejjeb il-monitoraġġ u sabiex tinġabar informazzjoni addizzjonali dwar il-qabdiet u l-qbid skartat separati għal kull tip ta’ rkaptu użat minn din il-flotta. L-Istati Membri huma mitluba jippreżentaw din l-informazzjoni addizzjonali għall-valutazzjoni mill-STECF sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Mejju 2023.

(21)

L-Artikolu 11(13) tar-Regolament Delegat (UE) 2020/2014 jagħti eżenzjoni de minimis sal-31 ta’ Diċembru 2022 għal kwantità kkombinata ta’ laċċa kaħla, ċiċċirell, merluzz tan-Norveġja u stokkafixx li jinqabdu fis-sajd demersali mħallat bi xbieki tat-tkarkir (OTB, OTM, OTT, PTB, PTM, SDN, SPR, SSC, TB, TBN) b’daqs tal-malja ta’ aktar minn 80 mm fid-diviżjoni 3a tal-ICES u fis-subżona 4 tal-ICES u fis-sajd għall-gambli tat-Tramuntana bl-użu ta’ rkaptu bi gradilja selettiva bi spazju massimu bejn il-vireg ta’ 19 mm jew b’apparat ta’ selettività ekwivalenti u b’apparat għaż-żamma tal-ħut b’daqs tal-malja ta’ aktar minn 35 mm fid-diviżjoni 3a tal-ICES u 32 mm fis-subżona 4 tal-ICES.

(22)

Ir-rakkomandazzjoni konġunta talbet estensjoni għal din l-eżenzjoni sal-31 ta’ Diċembru 2023.

(23)

L-STECF innota li l-qabdiet inċidentali ta’ dawk l-ispeċijiet industrijali huma baxxi ħafna fis-sajd demersali għall-konsum mill-bniedem. L-STECF irrikonoxxa wkoll id-diffikultà li tkompli tittejjeb is-selettività f’dan is-sajd.

(24)

Għar-raġunijiet mogħtija mill-STECF, li l-Kummissjoni taqbel magħhom, jenħtieġ għalhekk li l-eżenzjoni tingħata sal-31 ta’ Diċembru 2023.

(25)

L-Artikolu 11(14) tar-Regolament Delegat (UE) 2020/2014 jagħti eżenzjoni de minimis sal-31 ta’ Diċembru 2022 għal kwantità ta’ lipp (Molva molva) taħt id-daqs minimu ta’ referenza għall-konservazzjoni, maqbuda fis-sajd demersali għall-merluzz bl-użu ta’ konzijiet (LLS) fis-subżona 4 tal-ICES.

(26)

Ir-rakkomandazzjoni konġunta talbet estensjoni għal din l-eżenzjoni sal-31 ta’ Diċembru 2023.

(27)

L-STECF innota li l-informazzjoni pprovduta tirrapporta rimi baxx ta’ ling fis-sajd bil-konz, li jindika ftit impatt fuq l-istokk. L-STECF irrikonoxxa wkoll li d-diffikultajiet fit-titjib ulterjuri tas-selettività huma kredibbli minħabba n-natura tas-sajd u l-iskartar pjuttost baxx kopert mill-eżenzjoni.

(28)

Għar-raġunijiet mogħtija mill-STECF, li l-Kummissjoni taqbel magħhom, jenħtieġ għalhekk li l-eżenzjoni tingħata sal-31 ta’ Diċembru 2023.

(29)

L-Artikolu 11(15) tar-Regolament Delegat (UE) 2020/2014 jagħti eżenzjoni de minimis sal-31 ta’ Diċembru 2022 għal kwantità ta’ sawrell (Trachurus spp.) maqbuda fis-sajd demersali mħallat bi xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ (OTB, OTT, PTB) b’daqs tal-malja ta’ bejn 80 u 99 mm (TR2) fid-diviżjonijiet 4b u 4c tal-ICES.

(30)

Ir-rakkomandazzjoni konġunta talbet estensjoni għal din l-eżenzjoni sal-31 ta’ Diċembru 2023.

(31)

L-STECF innota li r-rimi f’dan is-sajd huwa kbir u din l-eżenzjoni tidher li tkopri biss parti mill-qabdiet mhux mixtieqa, u għalhekk it-titjib ulterjuri tas-selettività jenħtieġ li jibqa’ prijorità. L-STECF irrikonoxxa wkoll li għalkemm abbażi tal-medja tal-qbid skartat matul il-perjodu ta’ bejn l-2013 u l-2016, il-kostijiet stmati għall-ħatt l-art ta’ qabdiet mhux mixtieqa ta’ sawrell huma sinifikanti.

(32)

Għar-raġunijiet mogħtija mill-STECF, li l-Kummissjoni taqbel magħhom, jenħtieġ għalhekk li l-eżenzjoni tingħata sal-31 ta’ Diċembru 2023, u dan se jippermetti wkoll żmien biżżejjed sabiex jiġi ttestjat aktar titjib fis-selettività tal-irkaptu u sabiex tiġi vvalutata l-implimentazzjoni tagħhom mill-flotot involuti f’dan is-sajd imħallat. L-Istati Membri huma mitluba jwettqu provi ġodda ta’ selettività u jissottomettu informazzjoni rilevanti u aġġornata addizzjonali għall-valutazzjoni mill-STECF sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Mejju 2023, sabiex jappoġġaw l-evalwazzjoni ta’ din l-eżenzjoni fir-rieżami tal-2023 tal-obbligu ta’ ħatt l-art.

(33)

L-Artikolu 11(16) tar-Regolament Delegat (UE) 2020/2014 jagħti eżenzjoni de minimis sal-31 ta’ Diċembru 2022 għal kwantità ta’ kavalli (Scomber scombrus) li jinqabdu fis-sajd demersali mħallat bi xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ (OTB, OTT, PTB) b’daqs tal-malja ta’ bejn 80 u 99 mm (TR2) fid-diviżjonijiet 4b u 4c tal-ICES.

(34)

Ir-rakkomandazzjoni konġunta talbet estensjoni għal din l-eżenzjoni sal-31 ta’ Diċembru 2023.

(35)

L-STECF innota li r-rimi f’dan is-sajd huwa kbir u għalhekk it-titjib ulterjuri tas-selettività jenħtieġ li jibqa’ prijorità. Madankollu, l-STECF irrikonoxxa wkoll id-diffikultà li tittejjeb is-selettività mingħajr ma jiġi kkawżat telf kummerċjali sinifikanti għal bastimenti li joperaw f’sajd imħallat bħal dan.

(36)

Għar-raġunijiet mogħtija mill-STECF, li l-Kummissjoni taqbel magħhom, jenħtieġ għalhekk li l-eżenzjoni tingħata sal-31 ta’ Diċembru 2023, u dan se jippermetti wkoll żmien biżżejjed sabiex jiġi ttestjat aktar titjib fis-selettività tal-irkaptu u sabiex tiġi vvalutata l-implimentazzjoni tagħhom mill-flotot involuti f’dan is-sajd imħallat. L-Istati Membri huma mitluba jwettqu provi ġodda ta’ selettività u jissottomettu informazzjoni rilevanti u aġġornata addizzjonali għall-valutazzjoni mill-STECF sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Mejju 2023, sabiex jappoġġaw l-evalwazzjoni ta’ din l-eżenzjoni fir-rieżami tal-2023 tal-obbligu ta’ ħatt l-art.

(37)

L-Artikolu 11(17) tar-Regolament Delegat (UE) 2020/2014 jagħti eżenzjoni de minimis sal-31 ta’ Diċembru 2022 għal kwantità ta’ stokkafixx (Micromesistius poutassou) li jinqabad fis-sajd industrijali tat-tkarkir pelaġiku li għandu din l-ispeċi fil-mira tiegħu fis-subżona 4 tal-ICES, u li jipproċessah abbord sabiex tinkiseb bażi ta’ surimi.

(38)

Ir-rakkomandazzjoni konġunta talbet estensjoni għal din l-eżenzjoni sal-31 ta’ Diċembru 2023.

(39)

L-STECF innota li l-qabdiet mhux mixtieqa tal-istokkafixx fis-sajd pelaġiku industrijali huma relattivament żgħar u mhux se jkollhom impatt fuq l-istokk ġenerali. L-STECF irrikonoxxa wkoll li t-titjib ulterjuri tas-selettività jista’ jwassal għal mortalità mhux meqjusa fir-rendikont minħabba s-sopravivenza baxxa probabbli tal-merlangu blu li jaħrab. Barra minn hekk, l-STECF innota l-kostijiet tal-immaniġġjar ta’ qabdiet mhux mixtieqa abbord.

(40)

Għar-raġunijiet mogħtija mill-STECF, li l-Kummissjoni taqbel magħhom, jenħtieġ għalhekk li l-eżenzjoni tingħata sal-31 ta’ Diċembru 2023.

(41)

Ir-rakkomandazzjoni konġunta talbet eżenzjoni de minimis ġdida għal kwantità ta’ gamblu tat-Tramuntana (Pandalus borealis) li jinqabad fis-sajd demersali bix-xbieki tat-tkarkir (OTB, OTM, OTT, PTB, PTM, SDN, SPR, SSC, TB, TBN) b’daqsijiet tal-malja ta’ aktar minn 70 mm fid-diviżjoni 3a tal-ICES mgħammra bi gradilja selettiva bi spazju massimu bejn il-vireg ta’ 35 mm jew b’apparat ta’ selettività ekwivalenti, u ta’ aktar minn 80 mm fis-subżona 4 tal-ICES.

(42)

L-STECF innota li, minħabba r-rati u l-volumi baxxi ta’ rimi, l-impatt tal-eżenzjoni x’aktarx li jkun minimu fil-kuntest ġenerali tas-sajd. L-STECF irrikonoxxa wkoll li huwa diffiċli li fil-prattika tinkiseb aktar selettività sabiex titnaqqas din il-qabda inċidentali żgħira.

(43)

Għar-raġunijiet mogħtija mill-STECF, li l-Kummissjoni taqbel magħhom, jenħtieġ għalhekk li l-eżenzjoni tingħata sad-data ta’ skadenza tal-pjan għall-iskartar fil-31 ta’ Diċembru 2023.

(44)

Billi l-miżuri previsti f’dan ir-Regolament għandhom impatt dirett fuq l-ippjanar tal-istaġun tas-sajd tal-bastimenti tal-Unjoni u fuq l-attivitajiet ekonomiċi relatati, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ minnufih wara li jiġi ppubblikat. Huwa għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2023,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament Delegat (UE) 2020/2014 huwa emendat kif ġej:

1.

L-Artikoli 8(2) u 10(6) jitħassru;

2.

l-Artikolu 11 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punt (10) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(10)

fis-sajd demersali mħallat minn bastimenti li jużaw xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ jew tartaruni (OTB, OTT, SDN, SSC) b’daqs tal-malja ta’ 70 sa 99 mm (TR2) fl-ilmijiet tal-Unjoni tad-diviżjonijiet 4a u 4b tal-ICES:

kwantità ta’ merlangu taħt id-daqs minimu ta’ referenza għall-konservazzjoni, li ma għandhiex taqbeż l-4 % tal-qabdiet annwali totali ta’ merlangu;”;

(b)

il-punt (12) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(12)

fis-sajd pelaġiku mwettaq minn bastimenti tat-tkarkir pelaġiċi b’tul kumplessiv sa 25 metru, bl-użu ta’ xbieki tat-tkarkir pelaġiku (OTM/PTM), u li għandu fil-mira tiegħu kavalli, sawrell u aringi fid-diviżjonijiet 4b u 4c tal-ICES li jinsabu fin-Nofsinhar ta’ 54 grad tat-Tramuntana;

kwantità kkombinata ta’ kavalli, sawrell, aringi u merlangi li ma għandhiex taqbeż il-1 % tal-qabdiet annwali totali ta’ kavalli, sawrell, aringi u merlangu;”;

(c)

il-punt (13) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(13)

fis-sajd demersali mħallat bi xbieki tat-tkarkir (OTB, OTM, OTT, PTB, PTM, SDN, SPR, SSC, TB, TBN) b’daqs tal-malja ta’ aktar minn 80 mm fid-diviżjoni 3a tal-ICES u fis-subżona 4 tal-ICES u fis-sajd għall-gamblu tat-Tramuntana li jsir bl-użu ta’ rkaptu immuntat bi gradilja selettiva li jkollha spazju massimu ta’ 19-il mm bejn il-vireg jew b’apparat ekwivalenti tas-selettività u b’apparat għaż-żamma tal-ħut b’daqs tal-malja ta’ aktar minn 35 mm fid-diviżjoni 3a tal-ICES u ta’ aktar minn 32 mm fis-subżona 4 tal-ICES:

kwantità kkombinata ta’ laċċa kaħla, ċiċċirella, merluzz tan-Norveġja u stokkafixx, li ma għandhiex taqbeż il-1 % tal-qabdiet annwali totali magħmula fis-sajd demersali mħallat u fis-sajd għall-gamblu tat-Tramuntana;”;

(d)

il-punt (14) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(14)

fis-sajd demersali għall-merluzz minn bastimenti li jużaw il-konzijiet (LLS) fis-subżona 4 tal-ICES:

kwantità ta’ ling (Molva molva) li jkun iżgħar mid-daqs ta’ referenza minimu għall-konservazzjoni, li ma għandhiex taqbeż it-3 % tal-qabdiet annwali totali ta’ ling f’dak is-sajd demersali;”;

(e)

il-punt (15) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(15)

fis-sajd demersali mħallat bi xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ (OTB, OTT, PTB) b’daqs tal-malja ta’ bejn 80 u 99 mm (TR2) fid-diviżjonijiet 4b u 4c tal-ICES:

kwantità ta’ sawrell (Trachurus spp.), li ma għandhiex taqbeż is-6 % fl-2021 u fl-2022 u l-5 % fl-2023 tal-qabdiet annwali totali tas-sawrell magħmula f’dak is-sajd;”;

(f)

il-punt (16) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(16)

fis-sajd demersali mħallat bi xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ (OTB, OTT, PTB) b’daqs tal-malja ta’ bejn 80 u 99 mm (TR2) fid-diviżjonijiet 4b u 4c tal-ICES:

kwantità ta’ kavalli (Scomber scombrus), li ma għandhiex taqbeż is-6 % fl-2021 u l-2022 u l-5 % fl-2023 tal-qabdiet annwali totali ta’ kavalli magħmula f’dak is-sajd;”;

(g)

il-punt (17) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(17)

fis-sajd industrijali b’bastiment tat-tkarkir pelaġiku li għandu l-istokkafixx fil-mira tiegħu fis-subżona 4 tal-ICES u l-ipproċessar ta’ dik l-ispeċi abbord sabiex tinkiseb bażi ta’ surimi:

kwantità ta’ stokkafixx (Micromesistius poutassou), li ma għandhiex taqbeż il-5 % tal-qabdiet annwali totali ta’ stokkafixx;”;

(h)

jiżdied il-punt (18) li ġej:

“(18)

fis-sajd demersali bix-xbieki tat-tkarkir (OTB, OTM, OTT, PTB, PTM, SDN, SPR, SSC, TB, TBN) b’daqs tal-malja ta’ aktar minn 70 mm fid-diviżjoni 3a tal-ICES mgħammra bi gradilja selettiva bi spazju massimu bejn il-vireg ta’ 35 mm jew b’apparat ta’ selettività ekwivalenti, u ta’ aktar minn 80 mm fis-subżona 4 tal-ICES:

kwantità ta’ gamblu tat-Tramuntana (Pandalus borealis), li ma għandhiex taqbeż iż-0,01 % tal-qabdiet annwali totali ta’ kavalli f’dak it-tip ta’ sajd.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru 2023.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Awwissu 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  Ir-Regolament (UE) 2018/973 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2018 li jistabbilixxi pjan pluriennali għall-istokkijiet demersali fil-Baħar tat-Tramuntana u s-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet, li jispeċifika d-dettalji tal-implimentazzjoni tal-obbligu ta’ ħatt l-art fil-Baħar tat-Tramuntana u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 676/2007 u (KE) Nru 1342/2008 (ĠU L 179, 16.7.2018, p. 1).

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/2014 tal-21 ta’ Awwissu 2020 li jispeċifika d-dettalji tal-implimentazzjoni tal-obbligu ta’ ħatt l-art għal ċertu sajd fil-Baħar tat-Tramuntana għall-perjodu 2021-2023 (ĠU L 415, 10.12.2020, p. 10).

(3)  https://stecf.jrc.ec.europa.eu/documents/43805/26710926/STECF+22-05+-+Eval+JRs+Lo+and+TM.pdf/68ecb905-d160-41d8-b784-70ec5ce74c15


Top