Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022R1504

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1504 tas-6 ta’ April 2022 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 904/2010 rigward il-ħolqien ta’ sistema elettronika ċentrali ta’ informazzjoni dwar il-pagamenti (CESOP) biex tiġi miġġielda l-frodi tal-VAT

C/2022/2043

ĠU L 235, 12.9.2022, p. 19–27 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2022/1504/oj

12.9.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 235/19


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/1504

tas-6 ta’ April 2022

li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 904/2010 rigward il-ħolqien ta’ sistema elettronika ċentrali ta’ informazzjoni dwar il-pagamenti (CESOP) biex tiġi miġġielda l-frodi tal-VAT

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 904/2010 tas-7 ta’ Ottubru 2010 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva u l-ġlieda kontra l-frodi fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 24e tiegħu,

Billi:

(1)

Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE (2) , kif emendata bid-Direttiva (UE) 2020/284 (3), tintroduċi obbligi ta’ rapportar għall-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament mill-1 ta’ Jannar 2024. Minn dakinhar ’il quddiem, il-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament li huma stabbiliti jew li jipprovdu servizzi ta’ pagament fl-Unjoni Ewropea għandhom iżommu ċerti rekords ta’ pagamenti transfruntiera li joriġinaw minn pagaturi fi ħdan l-Istati Membri u ċerta informazzjoni tal-benefiċjarji, u jittrażmettu dawk ir-rekords lill-Istati Membri għall-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT).

(2)

Skont ir-Regolament (UE) Nru 904/2010, kif emendat bir-Regolament (UE) 2020/283 (4), l-Istati Membri għandhom jittrażmettu dawk ir-rekords lil sistema elettronika ċentrali ta’ informazzjoni dwar il-pagamenti (“CESOP”), li għandha tiġi żviluppata, mantnuta, ospitata u teknikament ġestita mill-Kummissjoni.

(3)

Sabiex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-CESOP, u skont il-punt (a) tal-Artikolu 24e tar-Regolament (UE) Nru 904/2010, huwa meħtieġ li jiġu adottati l-miżuri tekniċi għall-istabbiliment tas-CESOP. Jenħtieġ li dawk il-miżuri jipprevedu l-funzjonalitajiet meħtieġa tas-CESOP għall-iżvilupp tal-kapaċitajiet tas-CESOP kif deskritt fl-Artikolu 24c tar-Regolament (UE) Nru 904/2010. Jenħtieġ li l-miżuri jiżguraw ukoll livell għoli ta’ faċilità għall-utent billi jipprovdu għodod ta’ tiftix u viżwalizzazzjoni fis-CESOP. Barra minn hekk, jenħtieġ li s-CESOP tiffaċilita l-iskambji ta’ informazzjoni bejn l-uffiċjali ta’ kollegament tal-Eurofisc billi tippermettilhom jiskambjaw informazzjoni dwar il-frodi tal-VAT direttament fis-CESOP b’mod rapidu u sigur. Jenħtieġ li l-miżuri li l-Kummissjoni teħtieġ li tieħu biex tmantni s-CESOP wara li din issir operazzjonali, jiġu stabbiliti wkoll sabiex jiġu żgurati l-istandards operazzjonali tal-kwalità tal-infrastruttura tal-IT tas-CESOP u l-funzjonalitajiet tagħha, u sabiex l-aġġornamenti meħtieġa jsiru meta jkun meħtieġ biex jiġu ttrattati l-inċidenti tas-sistema bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri.

(4)

Filwaqt li bħala kontrolluri tas-CESOP, l-Istati Membri huma responsabbli għall-ġestjoni tagħha, il-Kummissjoni bħala l-ospitant u l-proċessur tagħha, għandha serje ta’ responsabbiltajiet limitati għall-ġestjoni teknika tas-CESOP skont il-punt (b) tal-Artikolu 24e tar-Regolament (UE) Nru 904/2010. Jenħtieġ li dawn jinkludu l-kompiti tekniċi meħtieġa għall-amministrazzjoni ta’ kuljum tas-CESOP, bħaż-żamma ta’ rekords tal-uffiċjal ta’ kollegament tal-Eurofisc li jaċċessa s-CESOP, iż-żamma tar-rekords tal-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament li ttrażmettew id-data lill-Istati Membri, l-istabbiliment ta’ miżuri ta’ sigurtà organizzazzjonali xierqa għas-CESOP, kif ukoll il-provvediment tat-taħriġ u l-appoġġ meħtieġ għall-uffiċjali ta’ kollegament tal-Eurofisc biex jużaw is-CESOP b’mod effettiv.

(5)

Skont il-punt (b) tal-Artikolu 24b(1) tar-Regolament (UE) Nru 904/2010, l-Istati Membri għandhom jibagħtu d-data lis-CESOP f’format komuni. Jenħtieġ li jiġu stabbiliti l-elementi tad-data li għandhom jiġu rrapportati mill-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament fil-format ta’ dokument XML. Sabiex tiġi żgurata l-operabbiltà kumplessiva bejn is-sistemi elettroniċi nazzjonali u s-CESOP skont l-Artikolu 24b(3) tar-Regolament (UE) Nru 904/2010, jenħtieġ li l-Istati Membri jivverifikaw li d-data trażmessa mill-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament tinkludi l-elementi tad-data obbligatorji u sintattikament korretti skont l-Artikolu 243d tad-Direttiva 2006/112/KE, peress li s-CESOP tista’ topera biss jekk id-data obbligatorja tiġi rreġistrata korrettement fis-CESOP.

(6)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jaħtru l-uffiċjali ta’ kollegament tal-Eurofisc li jkollhom aċċess għas-CESOP u jinfurmaw lill-Kummissjoni bid-deċiżjoni tagħhom. F’dak ir-rigward, jenħtieġ li l-Kummissjoni tipprovdi lil dawk l-uffiċjali b’identifikatur uniku biex jaċċessaw is-CESOP u jżommu lista tal-uffiċjali ta’ kollegament kollha tal-Eurofisc li jkollhom aċċess għas-CESOP abbażi tal-informazzjoni riċevuta mill-Istati Membri.

(7)

Skont il-punt (g) tal-Artikolu 24e tar-Regolament (UE) Nru 904/2010, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi proċeduri biex tiżgura li jkun hemm fis-seħħ miżuri tekniċi u organizzazzjonali xierqa ta’ sigurtà għall-iżvilupp u l-operat tas-CESOP. Diversi aspetti ta’ sigurtà tal-komponenti ċentrali tas-CESOP jiddependu wkoll fuq l-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ sigurtà nazzjonali, bħal miżuri għall-kontroll tas-sikurezza tad-data trażmessa u miżuri biex jiġi żgurat li l-uffiċjal ta’ kollegament tal-Eurofisc b’identifikatur uniku validu biss jista’ jaċċessa s-CESOP. Għalhekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jipprovdu lill-Kummissjoni b’informazzjoni dwar il-miżuri ta’ sigurtà tagħhom stess. Jenħtieġ li l-Istati Membri u l-Kummissjoni jżommu lil xulxin infurmati dwar il-miżuri ta’ sigurtà meħuda u dwar il-ħtieġa ta’ kwalunkwe ammeljorament għal dawk il-miżuri.

(8)

L-ipproċessar ta’ data personali skont dan ir-Regolament kif ukoll ir-responsabbiltajiet tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni huma soġġetti għar-regoli stabbiliti fir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) u fir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6). Skont il-punt (h) tal-Artikolu 24e tar-Regolament (UE) Nru 904/2010, jenħtieġ li jiġu stabbiliti r-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni fir-rigward tal-kontroll tas-CESOP. Jenħtieġ li l-Istati Membri jitqiesu b’mod konġunt bħala kontrolluri tas-CESOP peress li huma jiddeċiedu dwar il-mezzi tal-ipproċessar u l-użu tad-data fis-CESOP. Jenħtieġ li l-Kummissjoni titqies bħala proċessur peress li taġixxi f’isem l-Istati Membri fit-twettiq tal-kompiti kollha tagħha.

(9)

Jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika biss mill-1 ta’ Jannar 2024 sabiex jiġi allinjat mal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2020/283 u d-Direttiva (UE) 2020/284.

(10)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 u ta l-opinjoni tiegħu fit-2 ta’ Frar 2022.

(11)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Kooperazzjoni Amministrattiva,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Miżuri tekniċi għall-istabbiliment u l-manutenzjoni tas-CESOP

1.   Il-Kummissjoni għandha tiżviluppa miżuri tekniċi għall-istabbiliment tas-CESOP bil-funzjonalitajiet li ġejjin:

(a)

tiġi riċevuta data dwar il-pagamenti trażmessa mill-Istati Membri;

(b)

tinħażen id-data dwar il-pagamenti b’mod sigur għal perjodu massimu ta’ 5 snin minn tmiem is-sena kalendarja li fiha l-Istati Membri jkunu trażmettewlha l-informazzjoni;

(c)

jitnaddfu l-anomaliji u l-iżbalji fid-data dwar il-pagamenti, inkluż id-duplikazzjonijiet tal-istess pagament;

(d)

tiġi aggregata d-data dwar il-pagamenti fir-rigward ta’ kull benefiċjarju;

(e)

ikunu possibbli tiftixiet u viżwalizzazzjoni tad-data dwar il-pagamenti fis-CESOP;

(f)

jiġu analizzati u jitwettqu kontroverifiki tad-data dwar il-pagamenti mad-data maħżuna u skambjata f’konformità mal-punti (a), (b), (d), (e) u (f) tal-Artikolu 17(1) u l-punt (b) tal-Artikolu 33(2) tar-Regolament 904/2010:

(g)

titwettaq analitika awtomatika u jiġu indikati l-benefiċjarji suspettużi;

(h)

l-uffiċjali ta’ kollegament tal-Eurofisc jitħallew iwettqu kontrolli u analiżi mhux awtomatiċi;

(i)

jiġu ġġenerati rapporti dwar ir-riżultati tal-analiżi u l-kontrolli mwettqa mis-CESOP u mill-uffiċjali ta’ kollegament tal-Eurofisc;

(j)

għall-uffiċjali ta’ kollegament tal-Eurofisc tiġi pprovduta infrastruttura għall-ġestjoni tal-kontroll fuq l-aċċess għall-utenti;

(k)

l-uffiċjali ta’ kollegament tal-Eurofisc jitħallew jiskambjaw informazzjoni relatata mal-investigazzjoni u d-detezzjoni transfruntiera tal-frodi tal-VAT direttament fis-CESOP;

(l)

tiġi pprovduta l-infrastruttura teknika biex l-Istati membri jiġġestixxu d-drittijiet ta’ aċċess għall-uffiċjali ta’ kollegament tal-Eurofisc tagħhom.

2.   Il-Kummissjoni għandha twettaq il-kompiti li ġejjin għall-manutenzjoni tas-CESOP:

(a)

jiġi żgurat li s-CESOP u l-funzjonalitajiet tagħha jkunu operazzjonali;

(b)

titwettaq manutenzjoni barra mill-ħinijiet tax-xogħol;

(c)

jiġu pprovduti l-aġġornamenti tekniċi meħtieġa għall-funzjonament tajjeb u t-titjib tas-CESOP;

(d)

jiġu ttrattati problemi tekniċi.

Artikolu 2

Kompiti tal-Kummissjoni għall-ġestjoni teknika tas-CESOP

Il-Kummissjoni għandha twettaq il-kompiti li ġejjin biex tiġġestixxi s-CESOP teknikament:

(a)

tinżamm u tiġi aġġornata l-lista tal-uffiċjali ta’ kollegament tal-Eurofisc li għandhom aċċess għas-CESOP u l-identifikatur uniku personali tal-utent f’konformità mal-Artikolu 5;

(b)

jiġu implimentati l-miżuri organizzazzjonali u tekniċi ta’ sigurtà msemmija fl-Artikolu 6;

(c)

tiġi stabbilita, miżmuma u mantnuta lista ta’ fornituri ta’ servizzi ta’ pagament li rrappurtaw id-data skont l-Artikolu 24(b)(1) tar-Regolament (UE) Nru 904/2010, skont id-data pprovduta mill-Istati Membri;

(d)

l-uffiċjali ta’ kollegament tal-Eurofisc li għandhom aċċess għas-CESOP jingħataw aċċess awtomatizzat għal-lista mantnuta skont il-punt (c);

(e)

il-provvediment ta’ assistenza teknika lill-uffiċjali ta’ kollegament tal-Eurofisc meta jużaw is-CESOP;

(f)

jiġi pprovdut taħriġ għall-uffiċjali ta’ kollegament tal-Eurofisc dwar l-użu tas-CESOP.

Artikolu 3

Konnessjoni u interoperabbiltà kumplessiva bejn is-CESOP u s-sistemi elettroniċi nazzjonali

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiġi żgurat li s-sistemi elettroniċi nazzjonali għall-ġbir tal-informazzjoni dwar il-pagamenti stabbiliti skont l-Artikolu 24b(2) tar-Regolament (UE) Nru 904/2010 ikunu funzjonali u kapaċi jiġbru l-informazzjoni dwar il-pagamenti skont l-Artikolu 24b(1) ta’ dak ir-Regolament.

2.   L-Istati Membri għandhom jittrażmettu lis-CESOP biss l-informazzjoni dwar il-pagamenti li tkun kompluta bl-oqsma obbligatorji kollha skont l-Artikolu 243d tad-Direttiva 2006/112/KE u li tkun konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

3.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura l-interoperabbiltà bejn is-CESOP u s-sistemi elettroniċi nazzjonali msemmija fil-paragrafu 1.

Artikolu 4

Formola Elettronika Standard

Il-formola elettronika standard imsemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 24b(1) tar-Regolament (UE) Nru 904/2010, għandha tiġi ppreżentata f’format XML standardizzat f’konformità mat-tabella tad-data fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 5

Arranġamenti prattiċi rigward l-uffiċjali ta’ kollegament tal-Eurofisc li ser ikollhom aċċess għas-CESOP

1.   L-Istati Membri għandhom jaħtru l-uffiċjali ta’ kollegament tal-Eurofisc li ser ikollhom aċċess għas-CESOP u jikkomunikaw l-ismijiet u l-indirizzi tal-posta elettronika tagħhom lill-Kummissjoni.

2.   L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe bidla fl-informazzjoni pprovduta skont il-paragrafu 1, inkluż il-bidliet fl-uffiċjali ta’ kollegament tal-Eurofisc maħtura, fil-ħin u mhux aktar tard minn 30 jum kalendarju wara li tkun seħħet il-bidla.

3.   Il-Kummissjoni għandha tipprovdi minnufih lill-uffiċjali ta’ kollegament tal-Eurofisc imsemmija fil-paragrafu 1, b’identifikatur uniku personali tal-utent biex jaċċessaw is-CESOP.

Artikolu 6

Proċeduri għall-miżuri ta’ sigurtà tekniċi u organizzazzjonali għall-iżvilupp u l-operat tas-CESOP

1.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni b’informazzjoni dwar l-applikazzjoni u kull aġġornament tal-miżuri ta’ sigurtà tagħhom stess fil-livell nazzjonali.

Dik l-informazzjoni għandha tinkludi dettalji dwar il-miżuri adottati biex jiġi żgurat li l-uffiċjali ta’ kollegament tal-Eurofisc imsemmija fl-Artikolu 5 biss ikollhom aċċess għas-CESOP u dettalji dwar il-miżuri adottati biex jiġi żgurat il-kriptaġġ tad-data trażmessa mill-Istati Membri.

2.   Il-Kummissjoni għandha, sat-30 ta’ April ta’ kull sena mis-sena ta’ wara d-data ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, tinforma lill-Istati Membri bil-miżuri meħuda għas-sigurtà tas-CESOP.

L-informazzjoni għandha ta’ mill-inqas tinkludi, dan li ġej:

(a)

l-inċidenti tas-sigurtà li seħħew matul is-sena preċedenti u kif dawn ġew solvuti;

(b)

dettalji dwar il-miżuri ta’ sigurtà adottati jew il-bidliet fil-miżuri ta’ sigurtà eżistenti;

(c)

valutazzjoni tal-miżuri ta’ sigurtà eżistenti u jekk il-Kummissjoni tqisx li hija meħtieġa xi bidla f’dawk il-miżuri.

Artikolu 7

Rwoli u responsabbiltajiet tal-kontrolluri u tal-proċessur

1.   L-Istati Membri għandhom ikunu kontrolluri b’mod konġunt, kif definit fil-punt (7) tal-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2016/679, tas-CESOP. Ir-responsabbiltajiet tal-kontrolluri tas-CESOP għandhom jiġu ddeterminati fi ftehim bejn il-kontrolluri, li għandu jistabbilixxi r-regoli għall-eżerċitar tad-drittijiet tas-suġġett tad-data u d-dmirijiet tagħhom fir-rigward tal-għoti tal-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 13 u 14 tar-Regolament (UE) 2016/679.

L-Istati Membri għandhom ikunu responsabbli għal dan li ġej:

(a)

it-tfassil tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tas-CESOP, u fejn meħtieġ l-adattament tagħhom, sabiex il-Kummissjoni tkun tista’:

(a)

tistabbilixxi u żżomm is-CESOP skont l-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament;

(b)

tiġġestixxi s-CESOP teknikament skont l-Artikolu 2 ta’ dan ir-Regolament;

(c)

tiżgura l-interoperabbiltà tas-sistemi elettroniċi nazzjonali msemmija fl-Artikolu 24b tar-Regolament (UE) Nru 904/2010 u s-CESOP skont l-Artikolu 3(3) ta’ dan ir-Regolament;

(d)

tieħu l-miżuri ta’ sigurtà skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(2) ta’ dan ir-Regolament;

(b)

tistabbilixxi r-regoli u l-proċeduri għall-għażla tal-uffiċjali ta’ kollegament tal-Eurofisc li se jkollhom aċċess għas-CESOP;

(c)

twieġeb it-talbiet mis-suġġetti tad-data rigward l-eżerċitar tad-drittijiet stabbiliti fil-Kapitolu III tar-Regolament (UE) 2016/679.

2.   Il-Kummissjoni għandha tkun proċessur, kif definit fil-punt (12) tal-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2018/1725, tas-CESOP.

Il-Kummissjoni għandha:

(a)

tipproċessa d-data personali f’isem l-Istati Membri skont l-istruzzjonijiet tagħhom u żżomm id-dokumentazzjoni għal dawk l-istruzzjonijiet;

(b)

tiżgura l-kunfidenzjalità tad-data personali meta tiġi pproċessata skont dan ir-Regolament;

(c)

tipprovdi l-infrastruttura teknika meħtieġa biex l-Istati Membri jwieġbu għat-talbiet imsemmija fil-punt (c) tal-paragrafu 1;

(d)

tassisti lill-Istati Membri biex jikkonformaw mal-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 33 sa 41 tar-Regolament (UE) 2016/679;

(e)

tiżgura t-tħassir tad-data personali kollha maħżuna fis-CESOP f’konformità mal-Artikolu 24c(2) tar-Regolament (UE) Nru 904/2010;

(f)

tagħmel disponibbli għall-Istati Membri l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tintwera l-konformità mal-obbligi stabbiliti f’dan l-Artikolu u tippermetti u tikkontribwixxi għal awditi, inkluż l-ispezzjonijiet, imwettqa mill-Istati Membri jew minn awditur ieħor imqabbad mill-Istati Membri, b’rispett sħiħ tal-Protokoll (Nru 7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 8

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2024.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ April 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 268, 12.10.2010, p. 1.

(2)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1).

(3)  Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/284 tat-18 ta’ Frar 2020 li temenda d-Direttiva 2006/112/KE rigward l-introduzzjoni ta’ ċerti rekwiżiti għall-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament (ĠU L 62, 2.3.2020, p. 7).

(4)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/283 tat-18 ta’ Frar 2020 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 904/2010 fir-rigward ta’ miżuri biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni amministrattiva għall-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT (ĠU L 62, 2.3.2020, p. 1).

(5)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(6)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE, (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).


ANNESS

Formola elettronika għat-trażmissjoni tad-data

Kaxxa Nru

Isem l-element tad-data

Artikolu 243d

Deskrizzjoni

Eżempju ta’ format

Obbligatorju

Verifiki mwettqa fit-trażmissjoni lejn CESOP

1

BIC/ID tal-PSP rapportatur

(1), il-punt (a)

BIC kif definit fil-punt 16 tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 260/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) jew kwalunkwe kodiċi għall-identifikazzjoni tan-negozju li jidentifika mingħajr ambigwità l-fornitur ta’ servizzi ta’ pagament li jittrażmetti d-data.

BIC tal-fornitur ta’ servizzi ta’ pagament li jipprovdi d-data.

Iva

Preżenza, verifika sintattika tal-BIC

2

Isem il-benefiċjarju

(1), il-punt (b)

L-ismijiet kollha tal-benefiċjarju kif disponibbli fir-rekords tal-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament, inkluż l-isem ġuridiku u l-isem tan-negozju.

Isem l-aċċettatur tal-kard, isem in-Negozjant, isem il-Kreditur.

Iva

Preżenza

3

VAT/TIN tal-benefiċjarju

(1), il-punt (c)

Numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT u/jew kwalunkwe numru ieħor tat-taxxa nazzjonali tal-benefiċjarju.

 

Fakultattiv Obbligatorju

Verifika sintattika tan-numri tal-VAT mill-Istati Membri tal-UE

4

ID tal-kont tal-benefiċjarju

(1), il-punt (d)

IBAN kif definit fil-punt (15) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 260/2012 jew, jekk mhux disponibbli, kwalunkwe identifikatur ieħor li jidentifika mingħajr ambigwità, il-benefiċjarju involut fit-tranżazzjoni u jagħti l-pożizzjoni tiegħu.

IBAN, ID tal-aċċettatur tal-kard, ID tan-negozjant, identifikatur tal-kont elettroniku.

Iva, meta l-fondi jiġu ttrasferiti f’kont ta’ pagament tal-benefiċjarju

Preżenza, verifika sintattika tal-IBAN

5

BIC/ID tal-PSP tal-Benefiċjarju

(1), il-punt (e)

BIC jew kwalunkwe kodiċi għall-identifikazzjoni tan-negozju ieħor li mingħajr ambigwità jidentifika u jagħti l-pożizzjoni tal-fornitur ta’ servizzi ta’ pagament, li jaġixxi f’isem il-benefiċjarju fejn il-benefiċjarju jirċievi fondi mingħajr ma jkollu kont ta’ pagament.

BIC.

Biss meta l-benefiċjarju jirċievi fondi mingħajr ma jkollu kont ta’ pagament

Preżenza, verifika sintattika tal-BIC

6

Indirizz tal-benefiċjarju

(1), il-punt (f)

L-indirizzi kollha tal-benefiċjarju kif disponibbli fir-rekords tal-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament (indirizz ġuridiku, indirizz tan-negozju, indirizz tal-maħżen).

Triq tal-aċċettatur tal-kard, Indirizz tan-negozjant, Indirizz tas-sid tal-kont.

Fakultattiv Obbligatorju

 

7

Rifużjoni

(1), il-punt (h)

Kwalunkwe referenza li t-tranżazzjoni hija rifużjoni u rabta mat-tranżazzjoni preċedenti rrapportata.

 

Jekk applikabbli

Preżenza

8

Data/ħin

(2), il-punt (a)

Id-data u l-ħin tal-eżekuzzjoni tat-tranżazzjoni ta’ pagament jew tar-rifużjoni ta’ pagament.

Data tax-xiri, data tal-eżekuzzjoni, u data tal-ħolqien tat-tranżizzjoni.

Iva

Preżenza, verifika sintattika

9

Ammont

(2), il-punt (b)

L-ammont tat-tranżazzjoni ta’ pagament jew tar-rifużjoni tal-pagament.

 

Iva

Preżenza

10

Munita

(2), il-punt (b)

Munita tat-tranżazzjoni ta’ pagament jew tar-rifużjoni tal-pagament.

 

Iva

Preżenza, verifika sintattika tal-kodiċi tal-munita

11

Pagament tal-oriġini tal-Istat Membru

(2), il-punt (c)

Stat Membru tal-oriġini tal-pagament riċevut mill-benefiċjarju.

Kodiċi tal-pajjiż tal-pagatur.

Jekk it-tranżizzjoni hija pagament

Preżenza, verifika sintattika tal-kodiċi tal-pajjiż

12

Stat Membru tad-destinazzjoni tar-rifużjoni

(2), il-punt (c)

Stat Membru tad-destinazzjoni tar-rifużjoni.

Kodiċi tal-pajjiż tal-benefiċjarju tar-rifużjoni.

Jekk it-tranżazzjoni hija rifużjoni taħt il-kaxxa 7

Preżenza, verifika sintattika tal-kodiċi tal-pajjiż

13

Informazzjoni dwar il-pożizzjoni tal-pagatur

(2), il-punt (c)

Indikazzjoni tal-informazzjoni użata biex jiġi ddeterminat l-oriġini tal-pagament jew id-destinazzjoni tar-rifużjoni.

Id-dettalji tal-informazzjoni ma għandhomx jiġu trażmessi biex tiġi evitata l-identifikazzjoni tal-pagatur.

Il-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament jindikaw li l-pożizzjoni ġiet dedotta mill-

Pagatur tal-IBAN,

Numru BIN tad-detentur tal-kard,

Oħrajn.

Jenħtieġ li l-ID innifisha (in-numru tal-IBAN, in-numru tal-BIN, l-indirizz) ma tiġi qatt trażmessa.

Iva

Preżenza

14

ID tat-tranżazzjoni

(2), il-punt (d)

Kwalunkwe referenza li mingħajr ambigwità tidentifika t-tranżazzjoni tal-pagament.

Referenza tal-akkwirent, ID tat-tranżazzjoni.

Iva

Preżenza

15

Preżenza fiżika

(2), il-punt (e)

Kwalunkwe referenza li tindika l-preżenza tal-pagatur fil-bini fiżiku tan-negozjant meta jibda l-pagament.

Mod ta’ dħul fil-punt tal-bejgħ (POS)

Jekk applikabbli

Preżenza


(1)  Ir-Regolament (UE) Nru 260/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Marzu 2012 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u tan-negozju għat-trasferimenti ta’ kreditu u debiti diretti bl-euro u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 924/2009 (ĠU L 94, 30.3.2012, p. 22).


Top