Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022D1262

    Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/1262 tat-18 ta’ Lulju 2022 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1355 li tagħti appoġġ temporanju skont ir-Regolament (UE) 2020/672 lir-Rumanija biex jittaffew ir-riskji ta’ qgħad fl-emerġenza wara t-tifqigħa tal-COVID-19

    ST/10604/2022/INIT

    ĠU L 191, 20.7.2022, p. 72–80 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2022/1262/oj

    20.7.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 191/72


    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2022/1262

    tat-18 ta’ Lulju 2022

    li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1355 li tagħti appoġġ temporanju skont ir-Regolament (UE) 2020/672 lir-Rumanija biex jittaffew ir-riskji ta’ qgħad fl-emerġenza wara t-tifqigħa tal-COVID-19

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/672 tad-19 ta’ Mejju 2020 dwar l-istabbiliment ta’ Strument Ewropew għal appoġġ temporanju biex jittaffew ir-riskji ta’ qgħad f’emerġenza (SURE) wara t-tifqigħa tal-COVID-19 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Wara talba mingħand ir-Rumanija fis-7 ta’ Awwissu 2020, il-Kunsill, permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1355 (2), ta assistenza finanzjarja lir-Rumanija fil-forma ta’ self li jammonta għal massimu ta’ EUR 4 099 244 587 b’maturità medja massima ta’ 15-il sena, bil-ħsieb li tikkomplementa l-isforzi nazzjonali tar-Rumanija biex tindirizza l-impatt tat-tifqigħa tal-COVID-19 u tirreaġixxi għall-konsegwenzi soċjoekonomiċi ta’ dik it-tifqigħa għall-ħaddiema u għall-persuni li jaħdmu għal rashom.

    (2)

    Is-self kellu jintuża mir-Rumanija biex tiffinanzja skema ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar, miżuri simili u miżuri relatati mas-saħħa, kif imsemmi fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1355.

    (3)

    It-tifqigħa tal-COVID-19 ipparalizzat parti sostanzjali mill-forza tax-xogħol fir-Rumanija. Dan wassal għal żidiet għal għarrieda u qawwija ripetuti fin-nefqa pubblika fir-Rumanija fir-rigward ta’ miżuri ġodda, jiġifieri dawk imsemmija fil-premessi 11, 12 u 16 sa 34 ta’ din id-Deċiżjoni, u miżuri msemmija fl-Artikolu 3, il-punti (a), (c), (d), (e), (f),(g), (h) u (i) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1355.

    (4)

    It-tifqigħa tal-COVID-19 u l-miżuri straordinarji implimentati mir-Rumanija fl-2020, fl-2021 u fl-2022 biex titrażżan dik it-tifqigħa u l-impatt soċjoekonomiku u l-impatt marbut mas-saħħa tagħha kellhom, u għadu qed ikollhom, impatt drammatiku fuq il-finanzi pubbliċi. Fl-2020, ir-Rumanija kellha defiċit u dejn tal-gvern estiż ta’ 9,3 % u 47,2 % tal-prodott domestiku gross (PDG), rispettivament, li nbidlu għal 7,1 % u 48,8 % rispettivament fi tmiem l-2021. Skont il-previżjoni tar-rebbiegħa 2022 tal-Kummissjoni, ir-Rumanija hija mistennija jkollha defiċit u dejn tal-gvern estiż ta’ 7,5 % u 50,9 % tal-PDG, rispettivament, sa tmiem l-2022. Il-PDG tar-Rumanija huwa mbassar li se jiżdied bi 2,6 % fl-2022.

    (5)

    Fis-26 ta’ Mejju 2022, ir-Rumanija talbet lill-Unjoni testendi l-lista tal-miżuri li diġà ngħatat assistenza finanzjarja għalihom permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1355 sabiex tkompli tikkomplementa ulterjorment l-isforzi nazzjonali tagħha li wettqet fl-2020 biex tindirizza l-impatt tat-tifqigħa tal-COVID-19 u tirreaġixxi għall-konsegwenzi soċjoekonomiċi tat-tifqigħa għall-ħaddiema u għal dawk li jaħdmu għal rashom (“it-talba”). B’mod partikolari, ir-Rumanija introduċiet u kompliet testendi sensiela ta’ skemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar u miżuri simili msemmija fil-premessi 6 sa 12.

    (6)

    L-“Ordinanza ta’ Emerġenza tal-Gvern 30/2020” (3), kif imsemmi fl-Artikolu 3, il-punt (a), tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1355, tipprovdi benefiċċju lill-impjegati ta’ impjegaturi li jnaqqsu jew jinterrompu l-attività tagħhom temporanjament minħabba l-effetti tat-tifqigħa tal-COVID-19. Il-benefiċċju huwa limitat għal 75 % tas-salarju bażiku ta’ dawk l-impjegati (iżda mhux aktar minn 75 % tas-salarju gross medju fl-ekonomija) għad-durata tal-istat ta’ emerġenza. Il-miżura ġiet estiża permezz tal-“Ordinanza ta’ Emerġenza tal-Gvern 111/2021” (4) sa Diċembru 2021 u permezz tal-“Ordinanza ta’ Emerġenza tal-Gvern 2/2022” (5) sa Marzu 2022.

    (7)

    L-“Ordinanza ta’ Emerġenza tal-Gvern 132/2020” (6), kif imsemmi fl-Artikolu 3, il-punt (c), tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1355, introduċiet skema ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar, li taħthom, fil-każ ta’ tnaqqis temporanju ta’ attività kkawżat mill-istat ta’ emerġenza jew allert, l-impjegatur ikollu l-possibbiltà li jnaqqas is-sigħat tax-xogħol tal-impjegati sa massimu ta’ 50 %. Matul il-perjodu ta’ tnaqqis fil-ħinijiet tax-xogħol, l-impjegati affettwati jibbenefikaw minn indennizz ta’ 75 % tad-differenza bejn is-salarju gross għall-ħin tax-xogħol normali u s-salarju attwali tagħhom. Il-miżura ġiet emendata permezz tal-“Liġi 58/2021”, li estendietha sa Ġunju 2022, tliet xhur wara tmiem l-istat ta’ allert.

    (8)

    L-“Ordinanza ta’ Emerġenza tal-Gvern 30/2020” (7), l-Artikolu XV, u l-“Ordinanza ta’ Emerġenza tal-Gvern 132/2020” (8), l-Artikolu 3, kif imsemmi fl-Artikolu 3, il-punti (d) u (e), tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1355, introduċew żewġ miżuri għal dawk li jaħdmu għal rashom u għall-professjonijiet liberi. Għal dawk li waqfu jaħdmu kompletament minħabba l-effetti tat-tifqigħa tal-COVID-19, l-Istat jipprovdi benefiċċju ta’ 75 % tas-salarju gross medju fir-Rumanija għad-durata tal-istat ta’ emerġenza. Għal dawk li jnaqqsu s-sigħat tax-xogħol tagħhom, l-Istat jipprovdi benefiċċju sa massimu ta’ 41,5 % tas-salarju gross medju sa Ġunju 2022, tliet xhur wara tmiem l-istat ta’ allert. L-ewwel miżura, kif imsemmi fl-Artikolu 3, il-punt (d), tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1355, ġiet estiża bl-“Ordinanza ta’ Emerġenza tal-Gvern 111/2021” (9) u bl-“Ordinanza ta’ Emerġenza tal-Gvern 2/2022”. It-tieni miżura, kif imsemmi fl-Artikolu 3, il-punt (e), tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1355, ġiet estiża bil-“Liġi 58/2021” (10).

    (9)

    L-“Ordinanza ta’ Emerġenza tal-Gvern 132/2020” (11), approvata permezz tal-“Liġi 282/2020” (12), u l-emendi sussegwenti tagħha l-“Ordinanza ta’ Emerġenza tal-Gvern 182/2020” (13), l-“Ordinanza ta’ Emerġenza tal-Gvern 211/2020” (14), li ġiet approvata permezz tal-“Liġi 58/2021” (15), l-“Ordinanza ta’ Emerġenza tal-Gvern 220/2020” (16), l-“Ordinanza ta’ Emerġenza tal-Gvern 226/2020” (17), l-“Ordinanza ta’ Emerġenza tal-Gvern 44/2021” (18), l-“Ordinanza ta’ Emerġenza tal-Gvern 111/2021” (19) u l-“Ordinanza ta’ Emerġenza tal-Gvern 2/2022” (20), kif imsemmi fl-Artikolu 3, il-punt (f), tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1355, introduċew miżura li tipprovdi benefiċċju ta’ appoġġ ta’ 35 % tar-remunerazzjoni dovuta għal kull jum ta’ xogħol, għal perjodu massimu ta’ tliet xhur, għal dawk li jaħdmu bil-ġurnata li jieqfu jaħdmu b’riżultat tas-sospensjoni tal-attivitajiet ta’ negozju minħabba l-effetti tat-tifqigħa tal-COVID-19. Il-miżura ġiet estiża sa Ġunju 2022, tliet xhur wara tmiem l-istat ta’ allert.

    (10)

    Il-“Liġi 19/2020” (21), l-Artikolu 3, kif estiża permezz tal-“Ordinanza ta’ Emerġenza tal-Gvern 147/2020” (22), l-Artikolu 4(3), u l-“Ordinanza ta’ Emerġenza tal-Gvern 110/2021” (23), l-Artikolu 7, ipprovdew bonus għat-tħaris tat-tfal għall-impjegati tas-sistema nazzjonali tad-difiża, tal-istabbilimenti ta’ detenzjoni, tal-unitajiet tas-saħħa pubblika u ta’ kategoriji oħra stabbiliti permezz ta’ ordnijiet ministerjali. Il-benefiċċju huwa bil-kundizzjoni li l-ġenitur l-ieħor ma jibbenefikax minn drittijiet alternattivi li jagħtu liv lill-ġenituri għas-superviżjoni tat-tfal fil-każ tal-għeluq temporanju tal-unitajiet edukattivi. Dik il-miżura tista’ titqies bħala miżura simili għall-iskemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar, kif imsemmi fir-Regolament (UE) 2020/672, billi din tipprovdi appoġġ għall-introjtu lill-impjegati, li se jgħin biex ikopri l-kostijiet tat-tħaris tat-tfal matul l-għeluq tal-iskejjel u għaldaqstant jgħin lill-ġenituri jkomplu jaħdmu, biex b’hekk jipprevjeni li titpoġġa f’riskju r-relazzjoni tax-xogħol. Il-miżura ġiet estiża maż-żmien biex tinkludi s-sena skolastika fl-2021 u fl-2022, u twessgħet ukoll biex jiġu inklużi impjegati tas-settur privat.

    (11)

    Il-“Liġi 136/2020” (24) u l-emendi sussegwenti tagħha, kif ukoll l-“Ordinanza ta’ Emerġenza tal-Gvern 70/2020” (25), l-Artikolu 13, kif imsemmi fit-talba, taw benefiċċju tal-liv minħabba mard lil persuni fi kwarantina u persuni dijanjostikati bl-infezzjoni tal-COVID-19.

    (12)

    L-“Ordinanza ta’ Emerġenza tal-Gvern 132/2020” (26), l-Artikolu 6, kif imsemmi fit-talba, inkludiet miżura għal appoġġ finanzjarju ta’ darba ta’ RON 2 500 lill-impjegati għal kull impjegat li jaħdem mill-bogħod għax-xiri ta’ pakketti ta’ oġġetti u servizzi teknoloġiċi meħtieġa għal attivitajiet ta’ telexogħol. Il-miżura tapplika għall-impjegaturi li l-impjegati tagħhom ikunu ħadmu bit-telexogħol matul l-istat ta’ emerġenza u l-istat ta’ allert għal mill-inqas 15-il jum ta’ xogħol fl-2020. Dik il-miżura tista’ titqies li tkun miżura simili għall-iskemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar, kif imsemmi fir-Regolament (UE) 2020/672, minħabba l-għan maħsub u l-effett ekonomiku tagħha. Bil-faċilitazzjoni tat-telexogħol fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19, din tgħin biex tiġi preservata r-relazzjoni ta’ impjieg. Tipprovdi wkoll appoġġ għall-introjtu lill-impjegati fil-forma ta’ benefiċċju supplimentari, li jgħin biex jiġu koperti l-kostijiet tan-nefqa tal-uffiċċju fid-dar biex tkun permessa l-prestazzjoni tax-xogħol matul il-lockdown u restrizzjonijiet sussegwenti.

    (13)

    Ir-Rumanija introduċiet u kompliet testendi wkoll sensiela ta’ miżuri relatati mas-saħħa biex tindirizza t-tifqigħa tal-COVID-19. B’mod partikolari, dan jikkonċerna l-miżuri msemmija fil-premessi 14 sa 34.

    (14)

    L-“Ordinanza ta’ Emerġenza tal-Gvern 11/2020” (27), kif estiża permezz tal-“Ordinanza ta’ Emerġenza tal-Gvern 131/2020” (28), l-Artikolu 2, u l-“Liġi 136/2020” (29), l-Artikolu 6, kif imsemmi fl-Artikolu 3, il-punt (g), tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1355, tipprovdi bonus għal xogħol addizzjonali għall-persunal tal-istrutturi speċjalizzati tal-Istitut Nazzjonali tas-Saħħa Pubblika u d-direttorati tas-saħħa pubblika tal-kontej u d-direttorat tas-saħħa pubblika ta’ Bucharest li jaġixxu biex jikkoordinaw u jimplimentaw miżuri għall-prevenzjoni u l-limitazzjoni ta’ eventi relatati mal-emerġenza globali tas-saħħa pubblika tal-COVID-19. Il-miżura tipprovdi benefiċċju ekwivalenti għal 75 % tas-salarju bażiku għal sigħat maħduma apparti s-sigħat normali ta’ xogħol u sa 100 % tas-salarju bażiku għal sigħat maħduma fi tmiem il-ġimgħa, fil-vaganzi legali u f’jiem oħrajn li ma jgħoddux bħala jiem ta’ xogħol. Dik il-miżura tista’ titqies bħala miżura relatata mas-saħħa, fis-sens tar-Regolament (UE) 2020/672. Il-miżura ġiet estiża fl-2020, fl-2021 u fl-2022 u ser tibqa’ fis-seħħ sakemm id-WHO iqis li l-COVID-19 tikkwalifika bħala pandemija globali.

    (15)

    Il-“Liġi 56/2020” (30), l-Artikolu 7, u l-emenda sussegwenti tagħha permezz tal-“Ordinanza ta’ Emerġenza tal-Gvern 116/2021” (31), kif imsemmi fl-Artikolu 3, il-punt (i), tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1355, tagħti bonus bħala miżura temporanja għal kundizzjonijiet tax-xogħol partikolarment perikolużi sa massimu ta’ 30 % mogħtija għal rikonoxximent tal-merti tal-persunal mediku li pparteċipa fir-rispons mediku kontra l-COVID-19. Il-miżura kienet fis-seħħ għall-perjodu minn Marzu 2020 sa Awwissu 2020. Il-miżura twessgħet biex tinkludi l-persunal responsabbli għall-infurzar ta’ miżuri sanitarji taħt il-Ministeru għall-Affarijiet Interni.

    (16)

    L-“Ordinanza ta’ Emerġenza tal-Gvern 131/2020” (32), l-Artikolu 1(1a) u (1b), kif msemmi fit-talba, tippermetti li jingħata bonus bejn 30 % u 40 % tas-salarju bażiku lill-persunal tad-direttorati tas-saħħa pubblika tal-kontej u tad-direttorat tas-saħħa pubblika ta’ Bucharest. Id-direttur eżekuttiv u d-deputati diretturi eżekuttivi għandhom jibbenefikaw minn bonus ta’ 40 % tas-salarju bażiku; l-impjegati taċ-ċivil impjegati mas-servizz ta’ kontroll fis-saħħa pubblika għandhom jibbenefikaw minn bonus ta’ 30 % tas-salarju bażiku.

    (17)

    Il-“Liġi 136/2020” (33), l-Artikolu 19(3), kif imsemmi fit-talba tar-Rumanija, tagħti benefiċċju ta’ sekondar li jammonta għal 50 % u bonus per diem ta’ 2 % tas-salarju bażiku għal speċjalisti mediċi, persunal paramediku u awżiljari fis-sistema pubblika. Il-benefiċċju huwa għall-persunal sekondat, f’sitwazzjonijiet ta’ riskju epidemjoloġiku jew bijoloġiku għal terminu ta’ 30 jum, lill-unitajiet tas-saħħa bi tnaqqis ta’ persunal u li huma responsabbli għal-limitar u l-prevenzjoni tal-firxa tal-COVID-19.

    (18)

    Id-“Deċiżjoni tal-Gvern 254/2020” (34), l-Artikolu Uniku, id-“Deċiżjoni tal-Gvern 840/2020” (35), l-Artikolu Uniku, id-“Deċiżjoni tal-Gvern 383/2021” (36), l-Artikolu Uniku, id-“Deċiżjoni tal-Gvern 1072/2021” (37) u d-“Deċiżjoni tal-Gvern 496/2022” (38), kif imsemmi fit-talba, ipprovdew għall-finanzjament temporanju tal-kostijiet tas-salarji relatati mal-ftuħ ta’ 2 000 pożizzjoni ġdida biex jissaħħu d-direttorati tas-saħħa u s-servizzi pubbliċi tal-ambulanzi (1 000 f’kull wieħed) sabiex tiġi miġġielda l-firxa tal-COVID-19.

    (19)

    Id-“Deċiżjoni tal-Gvern 1035/2020” (39), l-Artikolu Uniku, il-punt 3, kif imsemmi fit-talba, tagħti bonus bejn 75 % u 85 % tas-salarju bażiku għall-persunal mediku speċjalizzat u persunal mediku awżiljari mill-unitajiet tas-saħħa pubblika jew l-istrutturi tagħhom, kif applikabbli, u għall-persunal speċjalizzat mill-istrutturi mediċi parakliniċi direttament involuti fit-trasport, fit-tagħmir, fil-valutazzjoni, fid-dijanjosi u fit-trattament tal-pazjenti bil-COVID-19.

    (20)

    Id--“Deċiżjoni tal-Gvern 1031/2020” (40) u l-“Ordinanza ta’ Emerġenza tal-Gvern 3/2021” (41), kif imsemmi fit-talba, ippovdew għall-pagament tal-persunal mediku sanitarju u tar-reġistraturi mediċi li jwettqu l-attività tagħhom fiċ-ċentri tal-vaċċinazzjoni kontra l-COVID-19 organizzati f’postijiet oħrajn għajr dawk fl-unitajiet tas-saħħa. Il-miżura ffinanzjat ukoll nefqiet kurrenti u kapitali biex iċ-ċentri tal-vaċċinazzjoni (organizzati f’postijiet għajr faċilitajiet tas-saħħa) isiru operazzjonali.

    (21)

    L-“Ordinanza ta’ Emerġenza tal-Gvern 3/2021” (42) u d-“Deċiżjoni tal-Gvern 1031/2020” (43), kif imsemmi fit-talba, ipprovdew għall-pagament tal-persunal mediku sanitarju u tar-reġistraturi mediċi li jwettqu l-attività tagħhom fiċ-ċentri tal-vaċċinazzjoni kontra l-COVID-19 organizzati f’unitajiet tas-saħħa, kif ukoll il-pagament tat-tobba tal-familja għall-attivitajiet ipprovduti għal dawk l-għanijiet.

    (22)

    Id-“Deċiżjoni tal-Gvern 1031/2020” (44), kif imsemmi fit-talba, irregolat ix-xiri tad-dożi tal-vaċċini kontra l-COVID-19. Il-Kummissjoni kkonkludiet il-ftehimiet qafas f’isem l-Istati Membri u għalihom.

    (23)

    Id-“Deċiżjoni tal-Gvern 201/2020” (45), id-“Deċiżjoni tal-Gvern 1103/2020” (46) u l-“Ordni tal-Ministru għas-Saħħa 725/2020” (47), kif imsemmi fit-talba, irregolaw l-ispejjeż għall-kwarantina ta’ nies f’żoni ddeżinjati b’dijanjosi kkonfermata ta’ COVID-19, ta’ nies fuq il-lista stabbilita mill-Metodoloġija tas-Sorveljanza għall-COVID-19 u l-persunal mediku bħala dijanjostikati bil-COVID-19 li ma jeħtiġux li jittieħdu l-isptar jew persunal li interaġixxa mal-pazjenti u li għażel li joqgħod ’il bogħod minn daru. Il-miżura tkopri benefiċċji ġenerali (għal affarijiet bħal ikel, akkomodazzjoni, trasport u mediċina).

    (24)

    Id-“Deċiżjoni tal-Gvern 1092/2020” (48), id-“Deċiżjoni tal-Gvern 380/2021” (49), id-“Deċiżjoni tal-Gvern 1017/2021” (50) u d-“Deċiżjoni tal-Gvern 1190/2021” (51) ipprovdew għax-xiri tal-medikament Remdesivir u mediċina tal-antikorp monoklonali għat-trattament tal-COVID-19 li fiha l-Casirivimab u l-Imdevimab. Il-proċeduri ta’ akkwist għaż-żewġ medikamenti twettqu mill-Kummissjoni f’isem l-Istati Membri fil-kuntratti qafas (52), kif imsemmi fit-talba.

    (25)

    L-“Ordni tal-Ministru għas-Saħħa 487/2020” (53), kif imsemmi fit-talba, ipprovdiet għax-xiri ta’ medikamenti għat-trattament ta’ pazjenti infettati bil-COVID-19. Il-Ministeru għas-Saħħa kkonkluda kuntratt qafas għall-akkwist ta’ Tocilizumabum.

    (26)

    L-“Ordinanza tal-Gvern 19/2021” (54) u l-“Liġi 55/2020” (55), kif imsemmi fit-talba, ipprovdew għal inċentivi, fil-forma ta’ vawċers għall-ikel fl-ammont ta’ RON 100, lil persuni vaċċinati kompletament.

    (27)

    L-“Ordinanza ta” Emerġenza tal-Gvern 131/2020” (56), l-Artikolu 5, kif imsemmi fit-talba, ipprovdiet għal żieda temporanja ta’ 30 % tas-salarju bażiku għall-persunal tal-istituzzjonijiet tal-prefett involuti fil-prevenzjoni u fil-ġlieda kontra l-effetti tal-COVID-19 għall-perjodu minn Awwissu 2020 sa Frar 2021.

    (28)

    L-“Ordinanza ta’ Emerġenza tal-Gvern 186/2020” (57), kif imsemmi fit-talba, kopriet in-nefqiet ta’ 200 tabib residenti addizzjonali meħtieġa minħabba l-pandemija.

    (29)

    L-“Ordinanza ta’ Emerġenza tal-Gvern 11/2020” (58), kif imsemmi fit-talba, ipprovdiet għax-xiri ta’ prodotti mediċi u tagħmir protettiv personali għall-ġlieda kontra l-pandemija (eż. xedd is-saqajn protettiv, ingwanti, maskri, ventilaturi u streċers, eċċ.) sabiex jiġu stabbiliti u kkonsolidati stokkijiet mediċi ta’ emerġenza.

    (30)

    Il-“Liġi 319/2006” (59), il-“Liġi 55/2020” (60) u l-“Ordni Konġunta tal-Ministru għax-Xogħol u l-Ministru għas-Saħħa 3577/831/2020” (61), kif imsemmi fit-talba, irregolaw ix-xiri ta’ materjali ta’ protezzjoni sanitarja għall-impjegati tal-Ministeru għall-Affarijiet Interni.

    (31)

    L-“Ordinanza ta’ Emerġenza tal-Gvern 197/2020” (62), kif imsemmi fit-talba, ipprovdiet għal pagamenti għall-istudenti tal-mediċina volontarji li ħadmu għall-isptarijiet/istituzzjonijiet tal-kura tas-saħħa biex jagħtu appoġġ ta’ emerġenza.

    (32)

    L-“Ordni tal-Ministru għas-Saħħa 487/2020” (63), kif imsemmi fit-talba, ipprovdiet għax-xiri ta’ żewġ prodotti farmaċewtiċi (Molnupiravir u Anakinra) li jintużaw għat-trattament ta’ pazjenti bil-COVID-19.

    (33)

    Il-“Liġi 95/2006” (64), l-Artikolu 51, id-“Deċiżjoni tal-Gvern 155/2017” (65) u l-“Ordni tal-Ministru għas-Saħħa 377/2017” (66) kif imsemmi fit-talba, irregolaw il-finanzjament tal-ittestjar għall-COVID-19 fil-livell tal-unitajiet speċjalizzati. Is-servizzi tal-ittestjar RT-PCR fil-laboratorju ffinanzjati taħt il-Programm Nazzjonali għas-Sorveljanza u l-Kontroll tal-Mard Komunikabbli ta’ Prijorità jitwettqu fuq kategoriji ta’ individwi stabbiliti mill-Metodoloġija ta’ Sorveljanza għas-Sindromu Respiratorju Akut tal-COVID-19 jew b’ordni tal-Ministru għas-Saħħa.

    (34)

    L-“Ordni tal-Ministru għas-Saħħa 58/4/2022” (67), kif imsemmi fit-talba, irregolat il-finanzjament tal-ittestjar tal-COVID-19 mit-tobba tal-familja. Ix-xogħol ta’ ttestjar li jwettqu t-tobba tal-familja huwa ffinanzjat minn trasferimenti mill-baġit tal-Istat, permezz tal-baġit tal-Ministeru għas-Saħħa għall-baġit tal-Fond tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa Nazzjonali.

    (35)

    Ir-Rumanija tissodisfa l-kundizzjonijiet għat-talba ta’ assistenza finanzjarja stabbiliti fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2020/672. Ir-Rumanija pprovdiet evidenza xierqa lill-Kummissjoni li n-nefqa pubblika effettiva u ppjanata żdiedet bi EUR 3 321 482 911 mill-1 ta’ Frar 2020 b’riżultat tal-miżuri nazzjonali li ttieħdu biex jiġu indirizzati l-effetti soċjoekonomiċi tat-tifqigħa tal-COVID-19. Dan jikkostitwixxi żieda għal għarrieda u qawwija minħabba li hija relatata kemm ma’ miżuri ġodda kif ukoll mal-estensjoni ta’ miżuri eżistenti relatati direttament mal-iskemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar u miżuri simili li jkopru proporzjon sinifikanti tal-impriżi u tal-forza tax-xogħol fir-Rumanija. Ir-Rumanija beħsiebha tiffinanzja EUR 353 704 624 taż-żieda fl-ammont tan-nefqa permezz tal-fondi tal-Unjoni.

    (36)

    Il-Kummissjoni kkonsultat lir-Rumanija u vverifikat iż-żieda għal għarrieda u qawwija fin-nefqa pubblika effettiva u ppjanata relatata direttament mal-iskemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar u miżuri simili, kif ukoll ir-rikors għal miżuri rilevanti relatati mas-saħħa marbutin mat-tifqigħa tal-COVID-19, kif imsemmi fit-talba, f’konformità mal-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2020/672.

    (37)

    In-nefqa fuq il-miżuri relatati mas-saħħa mir-Rumanija, inklużi l-miżuri addizzjonali jew estiżi relatati mas-saħħa msemmijin fil-premessi 14 sa 34, jammontaw għal EUR 2 141 579 582. Minħabba l-ħtieġa li tiġi żgurata n-natura anċillari ta’ din il-kategorija ta’ miżuri, l-ammont tal-assistenza finanzjarja b’appoġġ għall-miżuri relatati mas-saħħa jrid jitnaqqas billi jenħtieġ li dan jirrappreżenta inqas minn nofs l-assistenza finanzjarja totali ppjanata li għandha tintefaq fuq il-miżuri kollha eliġibbli.

    (38)

    Għaldaqstant jenħtieġ li l-assistenza finanzjarja diġà mogħtija permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1355 tkopri wkoll il-miżuri l-ġodda msemmijin fil-premessi 11, 12 u 16 sa 34.

    (39)

    L-assistenza finanzjarja mogħtija permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1355 jenħtieġ li titnaqqas minn EUR 4 099 244 587 għal EUR 3 000 000 000. Ir-Rumanija għadha impenjata li tassorbi kompletament l-assistenza finanzjarja mogħtija u jenħtieġ li tidentifika aktar miżuri eliġibbli f’każ li l-miżuri eżistenti ma jkunux suffiċjenti.

    (40)

    Jenħtieġ li r-Rumanija u l-Kummissjoni jqisu din id-Deċiżjoni fil-ftehim dwar is-self imsemmi fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) 2020/672.

    (41)

    Jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tkun mingħajr preġudizzju għall-eżitu ta’ kull proċedura relatata ma’ distorsjonijiet tal-operat tas-suq intern li tista’ titwettaq, b’mod partikolari skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat. Din ma twarrabx il-ħtieġa li l-Istati Membri jinnotifikaw każijiet ta’ għajnuna potenzjali mill-Istat lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 108 tat-Trattat.

    (42)

    Jenħtieġ li r-Rumanija tinforma lill-Kummissjoni fuq bażi regolari bl-implimentazzjoni tan-nefqa pubblika ppjanata, sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tivvaluta l-punt sa fejn ir-Rumanija tkun implimentat dik in-nefqa,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1355 hija emendata kif ġej:

    (1)

    fl-Artikolu 2, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “1.   L-Unjoni għandha tagħmel disponibbli self lir-Rumanija li jammonta għal massimu ta’ EUR 3 000 000 000. Is-self għandu jkollu maturità medja massima ta’ 15-il sena.”;

    (2)

    L-Artikolu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 3

    Ir-Rumanija tista’ tiffinanzja l-miżuri li ġejjin:

    (a)

    il-benefiċċju tal-qgħad tekniku għall-impjegati ta’ impjegaturi li jnaqqsu jew li jinterrompu temporanjament l-attività tagħhom, kif previst fl-‘Ordinanza ta’ Emerġenza tal-Gvern 30/2020’, l-Artikolu XI, kif estiż bl-‘Ordinanza ta’ Emerġenza tal-Gvern 111/2021’, imbagħad estiż bl-‘Ordinanza ta’ Emerġenza tal-Gvern 2/2022’;

    (b)

    il-benefiċċju applikat għal persuni li l-kuntratt ta’ impjieg tagħhom ġie sospiż, kif previst fl-‘Ordinanza ta’ Emerġenza tal-Gvern 92/2020’, l-Artikolu I;

    (c)

    l-iskema ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar, kif previst fl-‘Ordinanza ta’ Emerġenza tal-Gvern 132/2020’, l-Artikolu 1, kif emendat u estiż bil-‘Liġi 58/2021’;

    (d)

    il-benefiċċju simili għal dak imsemmi fil-punt (a) għal kategoriji għajr impjegati, inklużi dawk li jaħdmu għal rashom u l-professjonijiet liberi, kif previst fl-‘Ordinanza ta’ Emerġenza tal-Gvern 30/2020’, l-Artikolu XV, kif estiż bl-‘Ordinanza ta’ Emerġenza tal-Gvern 111/2021’, imbagħad estiż bl-‘Ordinanza ta’ Emerġenza tal-Gvern 2/2022’;

    (e)

    il-benefiċċju pprovdut għal kategoriji għajr l-impjegati, inklużi dawk li jaħdmu għal rashom u l-professjonijiet liberi, kif previst fl-‘Ordinanza ta’ Emerġenza tal-Gvern 132/2020’, l-Artikolu 3, kif emendat u estiż bil-‘Liġi 58/2021’;

    (f)

    il-benefiċċju ta’ appoġġ għal dawk li jaħdmu bil-ġurnata kif previst fl-‘Ordinanza ta’ Emerġenza tal-Gvern 132/2020’, l-Artikolu 4 (approvat permezz tal-‘Liġi 282/2020’), u l-emendi sussegwenti tagħha l-‘Ordinanza ta’ Emerġenza tal-Gvern 182/2020’, l-‘Ordinanza ta’ Emerġenza tal-Gvern 211/2020’ (approvata permezz tal-‘Liġi 58/2021’), l-‘Ordinanza ta’ Emerġenza tal-Gvern 220/2020’, l-‘Ordinanza ta’ Emerġenza tal-Gvern 226/2020’, l-‘Ordinanza ta’ Emerġenza tal-Gvern 44/2021’, l-‘Ordinanza ta’ Emerġenza tal-Gvern 111/2021’, u l-‘Ordinanza ta’ Emerġenza tal-Gvern 2/2022’;

    (g)

    il-bonus fir-rigward tax-xogħol addizzjonali għall-persunal tal-istrutturi speċjalizzati tal-Istitut Nazzjonali tas-Saħħa Pubblika u d-direttorati tas-saħħa pubblika tal-kontej u id-direttorat tas-saħħa ta’ Bucharest, kif previst fl-‘Ordinanza ta’ Emerġenza tal-Gvern 11/2020’, l-Artikolu 8(6), kif estiż bl-‘Ordinanza ta’ Emerġenza tal-Gvern 131/2020’, l-Artikolu 2 u l-‘Liġi 136/2020’, l-Artikolu 6;

    (h)

    il-bonus għat-tħaris tat-tfal mogħti lill-impjegati tas-settur privat u lill-impjegati tas-sistema nazzjonali tad-difiża, tal-istabbilimenti ta’ detenzjoni, tal-unitajiet tas-saħħa pubblika u ta’ kategoriji oħra stabbiliti permezz ta’ ordnijiet ministerjali, kif previst fl-‘Ordinanza ta’ Emerġenza tal-Gvern 30/2020’, l-Artikolu I(6); kif estiż bl-‘Ordinanza ta’ Emerġenza tal-Gvern 147/2020’, l-Artikolu 4(3) u l-‘Ordinanza ta’ Emerġenza tal-Gvern 110/2021’, l-Artikolu 7;

    (i)

    il-bonus fir-rigward ta’ kundizzjonijiet partikolarment perikolużi mogħtija b’rikonoxximent tal-merti tal-persunal mediku, kif previst fil-‘Liġi 56/2020’, l-Artikolu 7, kif estiż bl-‘Ordinanza ta’ Emerġenza tal-Gvern 116/2021’;

    (j)

    il-benefiċċju tal-liv minħabba mard mogħti lil persuni fi kwarantina u persuni dijanjostikati b’infezzjoni bil-COVID-19, kif previst fil-‘Liġi 136/2020’, u emendat bl-‘Ordinanza ta’Emerġenza tal-Gvern 70/2020’, l-Artikolu 13;

    (k)

    l-appoġġ finanzjarju ta’ darba mogħti lill-impjegaturi sabiex l-impjegati jwettqu attivitajiet ta’ telexogħol, kif previst fl-‘Ordinanza ta’ Emerġenza tal-Gvern 132/2020’, l-Artikolu 6;

    (l)

    il-bonus ta’ 30 % u 40 % tas-salarju bażiku mogħti lill-persunal tad-direttorati tas-saħħa pubblika tal-kontej u tad-direttorat tas-saħħa pubblika ta’ Bucharest, kif previst fl-‘Ordinanza ta’ Emerġenza tal-Gvern 131/2020’, l-Artikolu 1(1);

    (m)

    l-għoti ta’ benefiċċju ta’ sekondar li jammonta għal 50 % u bonus per diem ta’ 2 % tas-salarju bażiku għal speċjalisti mediċi, persunal paramediku u awżiljari fis-sistema pubblika, kif previst fl-‘Ordinanza ta’ Emerġenza tal-Gvern 136/2020’, l-Artikolu 19(3);

    (n)

    il-finanzjament temporanju tal-kostijiet tas-salarji relatati mal-ftuħ ta’ 2 000 pożizzjoni biex jissaħħu d-direttorati tas-saħħa u s-servizzi pubbliċi tal-ambulanzi (1 000 f’kull wieħed) sabiex tiġi miġġielda l-firxa tal-COVID-19, kif previst fid-‘Deċiżjoni tal-Gvern 254/2020’, l-Artikolu Uniku, id-‘Deċiżjoni tal-Gvern 840/2020’, l-Artikolu Uniku, id-‘Deċiżjoni tal-Gvern 383/2021’, l-Artikolu Uniku, id-‘Deċiżjoni tal-Gvern 1072/2021’ u d-‘Deċiżjoni tal-Gvern 496/2022’;

    (o)

    l-għoti ta’ bonus ta’ bejn 75 % u 85 % tas-salarju bażiku għall-persunal mediku speċjalizzat u persunal mediku awżiljari mill-unitajiet tas-saħħa pubblika jew l-istrutturi tagħhom u għall-persunal speċjalizzat mill-istrutturi mediċi parakliniċi direttament involuti fit-trasport, fit-tagħmir, fil-valutazzjoni, fid-dijanjosi u fit-trattament tal-pazjenti bil-COVID-19, kif previst fid-‘Deċiżjoni tal-Gvern 1035/2020’, l-Artikolu Uniku, il-punt 3;

    (p)

    il-pagament tal-persunal mediku sanitarju u tar-reġistraturi mediċi, li jwettqu l-attività tagħhom fiċ-ċentri tal-vaċċinazzjoni kontra l-COVID-19 organizzati f’postijiet oħrajn għajr dawk fl-unitajiet tas-saħħa, kif previst fid-‘Deċiżjoni tal-Gvern 1031/2020’ u l-‘Ordinanza ta’ Emerġenza tal-Gvern 3/2021’;

    (q)

    il-pagament tal-persunal mediku sanitarju u tar-reġistraturi mediċi li jwettqu l-attività tagħhom fiċ-ċentri tal-vaċċinazzjoni kontra l-COVID-19 organizzati fl-unitajiet tas-saħħa, kif ukoll il-pagament tat-tobba tal-familja għall-attivitajiet previsti għal dawk l-għanijiet, kif previst fl-‘Ordinanza ta’ Emerġenza tal-Gvern 3/2021’ u d-‘Deċiżjoni tal-Gvern 1031/2020’;

    (r)

    ix-xiri ta’ dożi tal-vaċċin kontra l-COVID-19, kif previst fid-‘Deċiżjoni tal-Gvern 1031/2020’;

    (s)

    l-ispejjeż għall-kwarantina ta’ nies b’dijanjosi kkonfermata ta’ COVID-19, nies fuq il-lista stabbiliti mill-Metodoloġija tas-Sorveljanza għall-COVID-19 u l-persunal mediku bħala dijanjostikati bil-COVID-19 li ma jeħtiġux li jittieħdu l-isptar jew persunal li interaġixxa mal-pazjenti u li għażel li joqgħod ’il bogħod minn daru, kif previst fid-‘Deċiżjoni tal-Gvern 201/2020’, id-‘Deċiżjoni tal-Gvern 1103/2020’ u l-‘Ordni Ministerjali 725/2020’;

    (t)

    ix-xiri ta’ medikament (Remdesivir), kif previst fid-‘Deċiżjoni tal-Gvern 1092/2020’, id-‘Deċiżjoni tal-Gvern 380/2021’, id-‘Deċiżjoni tal-Gvern 1017/2021’ u d-‘Deċiżjoni tal-Gvern 1190/2021’.

    (u)

    ix-xiri ta’ medikament (Tocilizumabum), kif previst fl-‘Ordni tal-Ministru għas-Saħħa 487/2020’;

    (v)

    ix-xiri ta’ mediċina tal-antikorp monoklonali għat-trattament tal-COVID-19 li fiha l-Casirivimab u l-Indevimab, kif previst fid-‘Deċiżjoni tal-Gvern 1092/2020’, id-‘Deċiżjoni tal-Gvern 380/2021’, id-‘Deċiżjoni tal-Gvern 1017/2021’ u d-‘Deċiżjoni tal-Gvern 1190/2021’.

    (w)

    il-vawċers għall-ikel għall-persuni li huma vaċċinati kompletament fl-ammont ta’ RON 100, kif previst fl-‘Ordinanza tal-Gvern 19/2021’, li temenda l-‘Liġi 55/2020’;

    (x)

    iż-żieda ta’ 30 % fis-salarju bażiku għall-persunal tal-istituzzjonijiet tal-prefett involuti fil-prevenzjoni u fil-ġlieda kontra l-effetti tal-COVID-19, kif previst fl-‘Ordinanza ta’ Emerġenza tal-Gvern 131/2020’, l-Artikolu 5;

    (y)

    in-nefqiet biex jiġu koperti 200 tabib residenti addizzjonali meħtieġa minħabba l-pandemija, kif previst fl-‘Ordinanza ta’ Emerġenza tal-Gvern 186/2020’;

    (z)

    ix-xiri ta’ prodotti mediċi u tagħmir protettiv personali għall-ġlieda kontra l-pandemija (eż. xedd is-saqajn protettiv, ingwanti, maskri, ventilaturi, streċers), kif previst fl-‘Ordinanza ta’ Emerġenza tal-Gvern 11/2020’;

    (aa)

    ix-xiri ta’ materjali ta’ protezzjoni sanitarja għall-persunal, kif previst fil-‘Liġi 319/2006’, il-‘Liġi 55/2020’, u l-‘Ordni Konġunta tal-Ministru għax-Xogħol u l-Ministru għas-Saħħa 3577/831/2020’;

    (bb)

    pagamenti għall-istudenti tal-mediċina volontarji li ħadmu għall-isptarijiet jew għall-istituzzjonijiet tal-kura tas-saħħa biex jipprovdu appoġġ ta’ emerġenza, kif previst fl-‘Ordinanza ta’ Emerġenza tal-Gvern 197/2020’;

    (cc)

    ix-xiri ta’ medikament għat-trattament tal-infezzjonijiet bil-COVID-19 (ANAKINRA), kif previst fl-‘Ordni tal-Ministeru għas-Saħħa 487/2020’;

    (dd)

    ix-xiri ta’ medikament għat-trattament ta’ infezzjonijiet bil-COVID-19 (MOLNUPIRAVIR), kif previst fl-‘Ordni tal-Ministeru għas-Saħħa 487/2020’;

    (ee)

    il-finanzjament tal-ittestjar għall-COVID-19 fil-livell tal-unitajiet speċjalizzati, kif previst fil-‘Liġi 95/2006’, l-Artikolu 51, id-‘Deċiżjoni tal-Gvern 155/2017’ u l-‘Ordni tal-Ministru għas-Saħħa 377/2017’;

    (ff)

    il-finanzjament tal-ittestjar għall-COVID-19 mit-tobba tal-familja, kif previst fl-‘Ordni tal-Ministru għas-Saħħa 58/4/2022’; ’

    (3)

    L-Artikolu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 4

    1.   Ir-Rumanija għandha tinforma lill-Kummissjoni sat-30 ta’ Marzu 2021, u kull sitt xhur minn hemm ’il quddiem, bl-implimentazzjoni tan-nefqa pubblika ppjanata sakemm dik in-nefqa pubblika ppjanata tkun ġiet implimentata b’mod sħiħ.

    2.   Jekk il-miżuri msemmijin fl-Artikolu 3 jkunu bbażati fuq nefqa pubblika ppjanata u jkunu ġew soġġetti għal deċiżjoni ta’ implimentazzjoni li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1355, ir-Rumanija għandha tinforma lill-Kummissjoni fi żmien sitt xhur mid-data tal-adozzjoni ta’ dik id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni emendatorja, u kull sitt xhur minn hemm ’il quddiem, bl-implimentazzjoni tan-nefqa pubblika ppjanata sakemm dik in-nefqa pubblika ppjanata tkun ġiet implimentata bis-sħiħ.”.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Rumanija.

    Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva fid-data tan-notifika tagħha lid-destinatarju.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Lulju 2022.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    Z. NEKULA


    (1)  ĠU L 159, 20.5.2020, p. 1.

    (2)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1355 tal-25 ta’ Settembru 2020 li tagħti appoġġ temporanju skont ir-Regolament (UE) 2020/672 lir-Rumanija biex jittaffew ir-riskji ta’ qgħad fl-emerġenza wara t-tifqigħa tal-COVID-19 (ĠU L 314, 29.9.2020, p. 55).

    (3)  Ippubblikata fl-Osservatur Uffiċjali tar-Rumanija Nru 231 tal-21 ta’ Marzu 2020.

    (4)  Ippubblikata fl-Osservatur Uffiċjali tar-Rumanija Nru 945 tal-4 ta’ Ottubru 2021.

    (5)  Ippubblikata fl-Osservatur Uffiċjali tar-Rumanija Nru 61 tal-20 ta’ Jannar 2022.

    (6)  Ippubblikata fl-Osservatur Uffiċjali tar-Rumanija Nru 720 tal-10 ta’ Awwissu 2020.

    (7)  Ippubblikata fl-Osservatur Uffiċjali tar-Rumanija Nru 231 tal-21 ta’ Marzu 2020.

    (8)  Ippubblikata fl-Osservatur Uffiċjali tar-Rumanija Nru 720 tal-10 ta’ Awwissu 2020.

    (9)  Ippubblikata fl-Osservatur Uffiċjali tar-Rumanija Nru 945 tal-4 ta’ Ottubru 2021.

    (10)  Ippubblikata fl-Osservatur Uffiċjali tar-Rumanija Nru 345 tal-5 ta’ April 2021.

    (11)  Ippubblikata fl-Osservatur Uffiċjali tar-Rumanija Nru 720 tal-10 ta’ Awwissu 2020.

    (12)  Ippubblikata fl-Osservatur Uffiċjali tar-Rumanija Nru 1201 tad-9 ta’ Diċembru 2020.

    (13)  Ippubblikata fl-Osservatur Uffiċjali tar-Rumanija Nru 993 tas-27 ta’ Ottubru 2020.

    (14)  Ippubblikata fl-Osservatur Uffiċjali tar-Rumanija Nru 1189 tas-7 ta’ Diċembru 2020.

    (15)  Ippubblikata fl-Osservatur Uffiċjali tar-Rumanija Nru 345 tal-5 ta’ April 2021.

    (16)  Ippubblikata fl-Osservatur Uffiċjali tar-Rumanija Nru 1326 tal-31 ta’ Diċembru 2020.

    (17)  Ippubblikata fl-Osservatur Uffiċjali tar-Rumanija Nru 1332 tal-31 ta’ Diċembru 2020.

    (18)  Ippubblikata fl-Osservatur Uffiċjali tar-Rumanija Nru 575 tas-7 ta’ Ġunju 2021.

    (19)  Ippubblikata fl-Osservatur Uffiċjali tar-Rumanija Nru 945 tal-4 ta’ Ottubru 2021.

    (20)  Ippubblikata fl-Osservatur Uffiċjali tar-Rumanija Nru 61 tal-20 ta’ Jannar 2022.

    (21)  Ippubblikata fl-Osservatur Uffiċjali tar-Rumanija Nru 209 tal-14 ta’ Marzu 2020.

    (22)  Ippubblikata fl-Osservatur Uffiċjali tar-Rumanija Nru 790 tat-28 ta’ Awwissu 2020.

    (23)  Ippubblikata fl-Osservatur Uffiċjali tar-Rumanija Nru 945 tal-4 ta’ Ottubru 2021.

    (24)  Ippubblikata fl-Osservatur Uffiċjali tar-Rumanija Nru 634 tat-18 ta’ Lulju 2020; ippubblikata mill-ġdid fl-Osservatur Uffiċjali tar-Rumanija Nru 884 tat-28 ta’ Settembru 2020.

    (25)  Ippubblikata fl-Osservatur Uffiċjali tar-Rumanija Nru 394 tal-14 ta’ Mejju 2020.

    (26)  Ippubblikata fl-Osservatur Uffiċjali tar-Rumanija Nru 720 tal-10 ta’ Awwissu 2020.

    (27)  Ippubblikata fl-Osservatur Uffiċjali tar-Rumanija Nru 102 tal-11 ta’ Frar 2020.

    (28)  Ippubblikata fl-Osservatur Uffiċjali tar-Rumanija Nru 720 tal-10 ta’ Awwissu 2020.

    (29)  Ippubblikata fl-Osservatur Uffiċjali tar-Rumanija Nru 634 tat-18 ta’ Lulju 2020; ippubblikata mill-ġdid fl-Osservatur Uffiċjali tar-Rumanija Nru 884 tat-28 ta’ Settembru 2020.

    (30)  Ippubblikata fl-Osservatur Uffiċjali tar-Rumanija Nru 402 tal-15 ta’ Mejju 2020.

    (31)  Ippubblikata fl-Osservatur Uffiċjali tar-Rumanija Nru 951 tal-5 ta’ Ottubru 2021.

    (32)  Ippubblikata fl-Osservatur Uffiċjali tar-Rumanija Nru 720 tal-10 ta’ Awwissu 2020.

    (33)  Ippubblikata fl-Osservatur Uffiċjali tar-Rumanija Nru 634 tat-18 ta’ Lulju 2020; ippubblikata mill-ġdid fl-Osservatur Uffiċjali tar-Rumanija Nru 884 tat-28 ta’ Settembru 2020.

    (34)  Ippubblikata fl-Osservatur Uffiċjali tar-Rumanija Nru 272 tal-1 ta’ April 2020.

    (35)  Ippubblikata fl-Osservatur Uffiċjali tar-Rumanija Nru 924 tad-9 ta’ Ottubru 2020.

    (36)  Ippubblikata fl-Osservatur Uffiċjali tar-Rumanija Nru 335 tal-1 ta’ April 2021.

    (37)  Ippubblikata fl-Osservatur Uffiċjali tar-Rumanija Nru 951 tal-5 ta’ Ottubru 2021.

    (38)  Ippubblikata fl-Osservatur Uffiċjali tar-Rumanija Nru 357 tal-11 ta’ April 2022.

    (39)  Ippubblikata fl-Osservatur Uffiċjali tar-Rumanija Nru 1179 tal-4 ta’ Diċembru 2020.

    (40)  Ippubblikata fl-Osservatur Uffiċjali tar-Rumanija Nru 1171 tat-3 ta’ Diċembru 2020.

    (41)  Ippubblikata fl-Osservatur Uffiċjali tar-Rumanija Nru 50 tal-15 ta’ Jannar 2021.

    (42)  Ippubblikata fl-Osservatur Uffiċjali tar-Rumanija Nru 50 tal-15 ta’ Jannar 2021.

    (43)  Ippubblikata fl-Osservatur Uffiċjali tar-Rumanija Nru 1171 tat-3 ta’ Diċembru 2020.

    (44)  Ippubblikata fl-Osservatur Uffiċjali tar-Rumanija Nru 1171 tat-3 ta’ Diċembru 2020.

    (45)  Ippubblikata fl-Osservatur Uffiċjali tar-Rumanija Nru 224 tad-19 ta’ Marzu 2020.

    (46)  Ippubblikata fl-Osservatur Uffiċjali tar-Rumanija Nru 1259 tat-18 ta’ Diċembru 2020.

    (47)  Ippubblikata fl-Osservatur Uffiċjali tar-Rumanija Nru 350 tat-30 ta’ April 2020.

    (48)  Ippubblikata fl-Osservatur Uffiċjali tar-Rumanija Nru 1251 tas-17 ta’ Diċembru 2020.

    (49)  Ippubblikata fl-Osservatur Uffiċjali tar-Rumanija Nru 328 tal-31 ta’ Marzu 2021.

    (50)  Ippubblikata fl-Osservatur Uffiċjali tar-Rumanija Nru 935 tat-30 ta’ Settembru 2021.

    (51)  Ippubblikata fl-Osservatur Uffiċjali tar-Rumanija Nru 1081 tal-11 ta’ Novembru 2021.

    (52)  Il-Ftehim qafas – SANTE/2020/C3/048 għal “Remdivisir” u l-Ftehim qafas – SANTE/2020/C3/091 għall-mediċina tal-antikorpi monoklonali.

    (53)  Ippubblikata fl-Osservatur Uffiċjali tar-Rumanija Nru 242 tal-24 ta’ Marzu 2020.

    (54)  Ippubblikata fl-Osservatur Uffiċjali tar-Rumanija Nru 834 tal-31 ta’ Awwissu 2021.

    (55)  Ippubblikata fl-Osservatur Uffiċjali tar-Rumanija Nru 396 tal-15 ta’ Mejju 2020.

    (56)  Ippubblikata fl-Osservatur Uffiċjali tar-Rumanija Nru 720 tal-10 ta’ Awwissu 2020.

    (57)  Ippubblikata fl-Osservatur Uffiċjali tar-Rumanija Nru 1005 tad-29 ta’ Ottubru 2020.

    (58)  Ippubblikata fl-Osservatur Uffiċjali tar-Rumanija Nru 102 tal-11 ta’ Frar 2020.

    (59)  Ippubblikata fl-Osservatur Uffiċjali tar-Rumanija Nru 646 tas-26 ta’ Lulju 2006.

    (60)  Ippubblikata fl-Osservatur Uffiċjali tar-Rumanija Nru 396 tal-15 ta’ Mejju 2020.

    (61)  Ippubblikata fl-Osservatur Uffiċjali tar-Rumanija Nru 403 tal-16 ta’ Mejju 2020.

    (62)  Ippubblikata fl-Osservatur Uffiċjali tar-Rumanija Nru 1108 tad-19 ta’ Novembru 2020.

    (63)  Ippubblikata fl-Osservatur Uffiċjali tar-Rumanija Nru 242 tal-24 ta’ Marzu 2020.

    (64)  Ippubblikata fl-Osservatur Uffiċjali tar-Rumanija Nru 372 tat-28 ta’ April 2006; ippubblikata mill-ġdid fl-Osservatur Uffiċjali tar-Rumanija Nru 652 tat-28 ta’ Awwissu 2015.

    (65)  Ippubblikata fl-Osservatur Uffiċjali tar-Rumanija Nru 222 tal-31 ta’ Marzu 2017.

    (66)  Ippubblikata fl-Osservatur Uffiċjali tar-Rumanija Nru 223 tal-31 ta’ Marzu 2017.

    (67)  Ippubblikata fl-Osservatur Uffiċjali tar-Rumanija Nru 33 tal-11 ta’ Jannar 2022.


    Top