Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022D0863

    Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/863 tal-24 ta’ Mejju 2022 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat Konġunt UE-CTC stabbilit permezz tal-Konvenzjoni tal-20 ta’ Mejju 1987 dwar proċedura komuni ta’ tranżitu fir-rigward tal-emendi għal dik il-Konvenzjoni

    ST/7680/2022/INIT

    ĠU L 151, 2.6.2022, p. 62–63 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2022/863/oj

    2.6.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 151/62


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2022/863

    tal-24 ta’ Mejju 2022

    dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat Konġunt UE-CTC stabbilit permezz tal-Konvenzjoni tal-20 ta’ Mejju 1987 dwar proċedura komuni ta’ tranżitu fir-rigward tal-emendi għal dik il-Konvenzjoni

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Il-Konvenzjoni dwar proċedura komuni ta’ tranżitu (“il-Konvenzjoni ") (1) ġiet konkluża mill-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/415/KEE (2) u daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1988.

    (2)

    Skont l-Artikolu 15(3), il-punt (a), tal-Konvenzjoni, il-Kumitat Konġunt stabbilit skont l-Artikolu 14(1) tal-Konvenzjoni (il-“Kumitat Konġunt EU-CTC”) jista’ jadotta emendi għall-Appendiċijiet tal-Konvenzjoni, permezz ta’ deċiżjonijiet.

    (3)

    Il-Kumitat Konġunt EU-CTC għandu jadotta Deċiżjoni dwar l-emenda tal-Appendiċijiet I, IIIa u IV tal- Konvenzjoni fil-bidu tal-2022.

    (4)

    Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt EU-CTC, billi d-Deċiżjoni ser ikollha effetti legali fuq l-Unjoni. Peress li l-Kumitat Konġunt EU-CTC normalment jiltaqa’ darba fis-sena biss, huwa xieraq li l-pożizzjoni tal-Unjoni tkun tista’ tiġi espressa jew f’laqgħa li jmiss jew permezz ta’ proċedura bil-miktub.

    (5)

    L-Anness B tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 (3) u l-Anness B tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 (4) ġew emendati permezz tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/234 (5) u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/235 (6), rispettivament. Dawk l-Annessi jistabbilixxu r-rekwiżiti komuni, il-formati u l-kodiċijiet tal-elementi tad-data għad-dikjarazzjoni ta’ tranżitu, sabiex jiġu iktar armonizzati l-elementi tad-data komuni għall-ħżin tal-informazzjoni u għall-iskambju tagħha bejn l-awtoritajiet doganali, kif ukoll bejn l-awtoritajiet doganali u l-operaturi ekonomiċi. Dawk l-emendi kienu neċessarji biex jiżguraw l-interoperabbiltà bejn is-sistemi elettroniċi doganali li jintużaw għal tipi diversi ta’ dikjarazzjonijiet u notifiki. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-Appendiċi IIIa tal-Konvenzjoni, li jirrifletti l-Anness B tar-Regolament Delegat (UE) 2015/2446 u l-Anness B tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2447 jiġu emendati kif xieraq.

    (6)

    L-emendi għall-Appendiċi IIIa tal-Konvenzjoni jeħtieġu l-enumerazzjoni mill-ġdid tal-paragrafi u t-taqsimiet. Għaldaqstant, ir-referenzi tal-Appendiċi IIIa fl-Appendiċi I għall-Konvenzjoni għandhom jiġu allinjati mal-enumerazzjoni l-ġdida.

    (7)

    L-Appendiċi IV tal-Konvenzjoni jistabbilixxi r-regoli dwar l-assistenza reċiproka għall-irkupru ta’ talbiet. Dawk ir-regoli huma importanti peress li jissalvagwardjaw l-interessi finanzjarji tal-pajjiżi komuni ta’ tranżitu, tal-Unjoni u tal-Istati Membri. Dawk ir-regoli jenħtieġ li jiġu riveduti sabiex jiġu allinjati mar-regoli rispettivi tal-Unjoni,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-laqgħa li jmiss tal-Kumitat Konġunt EU-CTC jew permezz ta’ proċedura bil-miktub fil-Kumitat Konġunt UE-CTC għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt EU-CTC mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni (7).

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Mejju 2022.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    B. LE MAIRE


    (1)  ĠU L 226, 13.8.1987, p. 2.

    (2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-15 ta’ Ġunju 1987 dwar il-konklużjoni ta’ Konvenzjoni bejn il-Komunità Ewropea, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Repubblika tal-Islanda, ir-Renju tan-Norveġja, ir-Renju tal-Isvezja u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar proċedura ta’ transitu komuni (87/415/KEE) (ĠU L 226, 13.8.1987, p. 1).

    (3)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 tat-28 ta’ Lulju 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ regoli dettaljati li jikkonċernaw uħud mid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 1)

    (4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558).

    (5)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/234 tas-7 ta’ Diċembru 2020 li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2015/2446 fir-rigward tar-rekwiżiti komuni tad-data, u r-Regolament Delegat (UE) 2016/341 fir-rigward tal-kodiċijiet li jridu jintużaw f’ċerti formoli (ĠU L 63, 23.2.2021, p. 1).

    (6)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/235 tat-8 ta’ Frar 2021 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2447 fir-rigward ta’ formati u kodiċijiet ta’ rekwiżiti komuni tad-data, ċerti regoli dwar is-sorveljanza u l-uffiċċju doganali kompetenti għat-tqegħid tal-merkanzija taħt proċedura doganali (ĠU L 63, 23.2.2021, p. 386).

    (7)  Ara d-dokument ST 7680/22 ADD 1 fuq https://www.consilium.europa.eu/mt/documents-publications/public-register/.


    Top