EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022D0563

Deċiżjoni (UE) 2022/563 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ April 2022 li tipprovdi assistenza makrofinanzjarja lir-Repubblika tal-Moldova

ĠU L 109, 8.4.2022, p. 6–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 19/06/2023

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2022/563/oj

8.4.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 109/6


DEĊIŻJONI (UE) 2022/563 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-6 ta’ April 2022

li tipprovdi assistenza makrofinanzjarja lir-Repubblika tal-Moldova

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 212(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

Ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea (“l-Unjoni”) u r-Repubblika tal-Moldova (“il-Moldova”) qegħdin ikomplu jiżviluppaw fi ħdan il-qafas tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) u s-Sħubija tal-Lvant. Il-Moldova ssieħbet fis-Sħubija tal-Lvant fl-2009, li kienet segwita minn negozjati tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa waħda, u r-Repubblika tal-Moldova, min-naħa l-oħra (2) (il-‘Ftehim ta’ Assoċjazzjoni’). Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, li jinkludi l-introduzzjoni gradwali ta’ Żona ta’ Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva (DCFTA), ġie ffirmat fis-27 ta’ Ġunju 2014 u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2016.

(2)

L-ekonomija tal-Moldova ġiet affettwata b’mod sinifikanti mir-reċessjoni fl-2020 li kienet ikkawżata mill-pandemija tal-COVID-19, mill-istaġnar politiku mtawwal fil-pajjiż wara l-elezzjonijiet presidenzjali f’Novembru 2020, u mill-kriżi reċenti tal-enerġija. Dawk iċ-ċirkostanzi kkontribwew għad-diskrepanza mdaqqsa fil-finanzjament tal-Moldova, il-pożizzjoni esterna li qed tiddeterjora u l-ħtiġijiet fiskali li qed jiżdiedu.

(3)

Wara l-elezzjonijiet parlamentari f’Lulju 2021, il-gvern il-ġdid tal-Moldova wera impenn qawwi għall-implimentazzjoni ta’ aktar riformi, bi programm ambizzjuż intitolat “Il-Moldova fi żminijiet tajbin 2021-2025”. Dak il programm jiffoka fuq oqsma ta’ politika ewlenin inkluż, riformi fis-settur tal-ġustizzja, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, il-governanza tajba u l-istat tad-dritt.

(4)

Impenn imġedded għat-twettiq ta’ riformi bħal dawn u rieda politika qawwija wasslu lill-awtoritajiet tal-Moldova biex jaċċeleraw b’mod sinifikanti l-implimentazzjoni tar-riformi. Dan ippermetta wkoll lill-Moldova tlesti b’suċċess l-operazzjoni ta’ assistenza makrofinanzjara fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19 skont id-Deċiżjoni (UE) 2020/701 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), peress li l-azzjonijiet ta’ riforma kollha miftiehma mal-Unjoni fil-Memorandum ta’ Qbil kienu ġew issodisfati, bl-eċċezzjoni ta’ azzjoni waħda, dwar l-irkupru tal-assi, li għaliha ngħatat eżenzjoni. Għal dak il-għan, il-Kummissjoni kkonsultat il-kumitat tar-rappreżentanti tal-Istati Membri u ma rċeviet l-ebda oġġezzjoni.

(5)

Wara li l-adozzjoni ta’ programm ġdid tal-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI), innegozjat fl-2020, waqfet, l-FMI reġa’ impenja ruħu mal-Moldova wara l-elezzjonijiet parlamentari ta’ Lulju 2021 u laħaq ftehim fil-livell tal-persunal dwar programm taħt il-Faċilità ta’ Kreditu Estiż u l-Faċilità ta’ Fond Estiża għall-ammont ta’ USD 564 miljun. Il-programm il-ġdid ġie adottat b’deċiżjoni tal-Bord Eżekuttiv tal-FMI tal-20 ta’ Diċembru 2021. Dak il-programm għandu l-għan li jsostni l-irkupru ekonomiku tal-Moldova, iniedi aġenda ambizzjuża ta’ governanza u riforma istituzzjonali, isaħħaħ it-trasparenza u r-responsabbiltà, itejjeb il-prevedibbiltà tal-politika pubblika, isaħħaħ l-istituzzjonijiet finanzjarji u jrawwem id-deregolamentazzjoni.

(6)

Fid-dawl tad-deterjorazzjoni fis-sitwazzjoni u l-prospetti ekonomiċi, il-Moldova talbet assistenza makrofinanzjarja kumplimentari mill-Unjoni f’Novembru 2021.

(7)

L-allokazzjoni indikattiva tal-Unjoni lill-Moldova skont l-Istrument Ewropew ta’ Viċinat (SEV) kienet ta’ EUR 518,15 miljun għall-perjodu 2014-2020, inkluż l-appoġġ baġitarju u l-assistenza teknika. L-oqfsa ta’ appoġġ uniku għall-perijodi 2014-2017 u l-2017-2020 identifikaw is-settur prijoritarju għall-kooperazzjoni mal-Moldova ffinanzjat mill-Istrument Ewropew ta’ Viċinat għall-perjodu baġitarju preċedenti. Il-prijoritajiet għall-perijodu 2021-2027 se jiġu stabbiliti fil-programm indikattiv pluriennali l-ġdid, li tħejja f’konsultazzjoni mill-qrib mal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha.

(8)

Minħabba li l-Moldova hija pajjiż kopert mill-PE-V, jenħtieġ li titqies bħala eliġibbli biex tirċievi l-assistenza makrofinanzjarja mill-Unjoni.

(9)

L-assistenza makrofinanzjarja mill-Unjoni jenħtieġ li tkun strument finanzjarju eċċezzjonali ta’ appoġġ mingħajr irbit u mhux speċifikat għall-bilanċ tal-pagamenti bl-għan li tindirizza l-ħtiġijiet finanzjarji esterni immedjati tal-benefiċjarju, u hija għandha tirfed l-implimentazzjoni ta’ programm ta’ politika li fih miżuri qawwija ta’ riforma strutturali u ta’ aġġustament immedjat maħsuba biex itejbu l-pożizzjoni tal-benefiċjarju tal-bilanċ tal-pagamenti fuq perjodu ta’ żmien qasir.

(10)

Minħabba li għad hemm diskrepanza sinifikanti fil-finanzjament estern residwu tal-bilanċ tal-pagamenti tal-Moldova lil hinn mir-riżorsi pprovduti mill-FMI u minn istituzzjonijiet multilaterali oħrajn, l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni li għandha tingħata lill-Moldova, fiċ-ċirkostanzi eċċezzjonali attwali qed titqies bħala tweġiba xierqa għat-talba tal-Moldova li tiġi appoġġata l-istabilizzazzjoni ekonomika tagħha flimkien mal-programm tal-FMI. L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni tkun ta’ appoġġ għall-istabbilizzazzjoni ekonomika u għall-aġenda ta’ riforma strutturali tal-Moldova, filwaqt li tissupplimenta r-riżorsi magħmula disponibbli taħt l-arranġament finanzjarju tal-FMI.

(11)

L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni jenħtieġ li jkollha l-għan li tappoġġa l-ħolqien mill-ġdid ta’ sitwazzjoni finanzjarja esterna sostenibbli għall-Moldova, u b’hekk tappoġġa l-iżvilupp ekonomiku u soċjali tagħha.

(12)

L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni hija mistennija li timxi id f’id mal-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet ta’ appoġġ baġitarju taħt l-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali – Ewropa Globali, stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/947 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4).

(13)

Id-determinazzjoni tal-ammont tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni hija bbażata fuq valutazzjoni kwantitattiva kompleta tal-ħtiġijiet ta’ finanzjament estern residwu tal-Moldova, u tqis il-kapaċità tagħha ta’ awtofinanzjament bir-riżorsi proprji, partikolarment ir-riżervi internazzjonali għad-dispożizzjoni tagħha. L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni jenħtieġ li tikkomplimenta l-programmi u r-riżorsi pprovduti mill-FMI u l-Bank Dinji. Id-determinazzjoni tal-ammont tal-assistenza tqis ukoll il-kontribuzzjonijiet finanzjarji mistennija mingħand donaturi multilaterali u l-ħtieġa li tiġi żgurata l-kondiviżjoni ġusta tal-piż bejn l-Unjoni u donaturi oħrajn, kif ukoll l-iskjerament diġà eżistenti tal-istrumenti ta’ finanzjament esterni l-oħrajn tal-Unjoni fil-Moldova u l-valur miżjud tal-involviment ġenerali tal-Unjoni.

(14)

B’kont meħud tal-ħtiġijiet ta’ finanzjament estern residwu tal-Moldova, il-livell tal-iżvilupp ekonomiku tagħha kif imkejjel skont id-dħul per capita u l-indiċijiet tal-faqar, il-kapaċità tagħha ta’ awtofinanzjament bir-riżorsi proprji u, partikolarment ir-riservi internazzjonali għad-dispożizzjoni tagħha, u l-valutazzjoni tal-kapaċità tagħha li tħallas lura bbażata fuq analiżi tas-sostenibbiltà tad-dejn, parti mill-assistenza jenħtieġ li tingħata fil-forma ta’ għotjiet.

(15)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżgura li l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni tkun legalment u sostanzjalment f’konformità mal-prinċipji u l-objettivi ewlenin tal-oqsma differenti tal-azzjoni esterna, mal-miżuri meħuda fir-rigward ta’ dawk l-oqsma u ma’ politiki oħra rilevanti tal-Unjoni.

(16)

Jenħtieġ li l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni tappoġġa l-politika esterna tal-Unjoni rigward il-Moldova. Il-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) jenħtieġ li jaħdmu mill-qrib matul l-operazzjoni ta’ assistenza makrofinanzjarja kollha bl-għan li jikkoordinaw il-politika esterna tal-Unjoni u li jiggarantixxu l-konsistenza tagħha.

(17)

Jenħtieġ li l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni tappoġġa l-impenn tal-Moldova fir-rigward tal-valuri kondiviżi mal-Unjoni, fosthom id-demokrazija, l-istat tad-dritt, il-governanza tajba, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, l-iżvilupp sostenibbli u t-tnaqqis tal-faqar, kif ukoll l-impenn tagħha lejn il-prinċipji ta’ kummerċ miftuħ, ibbażat fuq regoli, u ġust.

(18)

Jenħtieġ li prekundizzjoni għall-għoti tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni tkun li l-Moldova tirrispetta l-mekkaniżmi demokratiċi effettivi, inklużi sistema parlamentari b’diversi partiti, u l-istat tad-dritt, u tiggarantixxi r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem. Barra minn hekk, l-objettivi speċifiċi tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni jenħtieġ li jsaħħu l-effiċjenza, it-trasparenza u r-responsabbiltà tas-sistemi ta’ ġestjoni tal-finanzi pubbliċi, kif ukoll tal-governanza u s-superviżjoni tas-settur finanzjarju, fil-Moldova u jenħtieġ li jipromwovu r-riformi strutturali li jappoġġjaw it-tkabbir sostenibbli u inklussiv, il-ħolqien tal-impjiegi diċenti u l-konsolidazzjoni fiskali. Il-Kummissjoni u l-SEAE jenħtieġ li jimmonitorjaw regolarment kemm it-twettiq ta’ dik il-prekundizzjoni kif ukoll il-kisba ta’ dawk l-objettivi.

(19)

Sabiex tkun żgurata l-protezzjoni effikaċi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni marbuta mal-assistenza makrofinanzjarja tagħha, jenħtieġ li l-Moldova tadotta l-miżuri xierqa relatati mal-prevenzjoni tal-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe irregolarità oħra marbuta ma’ dik l-assistenza, u l-ġlieda kontrihom. Barra minn hekk, jenħtieġ li jiġi previst li l-Kummissjoni twettaq verifiki, li l-Qorti tal-Awdituri twettaq il-kontrolli kontabilistiċi u li l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew ikun jista’ jeżerċita l-kompetenzi tiegħu.

(20)

Ir-rilaxx tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni huwa mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill bħala awtorità baġitarja.

(21)

L-ammonti ta’ assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni mogħtija fil-forma ta’ għotjiet u l-ammonti tal-allokazzjonijiet meħtieġa għal assistenza makrofinanzjarja fil-forma ta’ self jenħtieġ li jkunu konsistenti mal-approprazzjonijiet baġitarji previsti fil-qafas finanzjarju pluriennali.

(22)

L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni jenħtieġ li tiġi ġestita mill-Kummissjoni. Sabiex ikun żgurat li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu jistgħu jsegwu l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni jenħtieġ li tinfurmahom regolarment bl-iżviluppi marbutin ma’ dik l-assistenza u tipprovdilhom id-dokumenti rilevanti.

(23)

Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni jenħtieġ li tingħata s-setgħat ta’ implimentazzjoni. Jeħtieġ li dawk is-setgħat ikunu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5).

(24)

Jenħtieġ li l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni tkun soġġetta għal kundizzjonijiet ta’ politika ekonomika, li għandhom jiġu stabbiliti f’memorandum ta’ qbil (MtQ). Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni u għal raġunijiet ta’ effiċjenza, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tinnegozja dawn il-kundizzjonijiet mal-awtoritajiet tal-Moldova taħt is-superviżjoni tal-kumitat tar-rappreżentanti tal-Istati Membri skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011. Skont dan ir-Regolament, bħala regola ġenerali jenħtieġ li tapplika l-proċedura konsultattiva fil-każijiet kollha ħlief kif previst f’dan ir-Regolament. Meta jiġi kkunsidrat l-impatt potenzjalment sinifikanti tal-assistenza ta’ aktar minn EUR 90 miljun, huwa xieraq li l-proċedura ta’ eżami kif speċifikat fir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tintuża għal operazzjonijiet li jeċċedu dak il-limitu. Meta jitqies l-ammont ta’ assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni lill-Moldova, il-proċedura ta’ eżami jenħtieġ li tapplika għall-adozzjoni tal-MtQ, u għal kwalunkwe tnaqqis, suspensjoni jew tħassir ta’ dik l-assistenza,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   L-Unjoni għandha tagħmel assistenza makrofinanzjarja ta’ ammont massimu ta’ EUR 150 miljun disponibbli għall-Moldova (“l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni”), bil-ħsieb li tappoġġa l-istabbilizzazzjoni ekonomika tal-Moldova u aġenda ta’ riforma sostantiva. Minn dak l-ammont massimu, sa EUR 120 miljun għandhom jingħataw bħala self u sa EUR 30 miljun għandhom jingħataw bħala għotjiet. Ir-rilaxx tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni huwa soġġett għall-approvazzjoni tal-baġit tal-Unjoni għas-sena rilevanti mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill. L-assistenza għandha tikkontribwixxi biex tkopri l-ħtiġijiet tal-Moldova għall-bilanċ tal-pagamenti kif inhuma identifikati fil-programm tal-FMI.

2.   Sabiex jiġi ffinanzjat il-komponent tas-self tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni, il-Kummissjoni, f’isem l-Unjoni, għandu jkollha s-setgħa li tissellef il-fondi neċessarji fuq is-swieq tal-kapital jew minn istituzzjonijiet finanzjarji, biex imbagħad tislef min-naħa tagħha l-fondi mislufa lill-Moldova. Is-self għandu jkollu maturità medja massima ta’ 15-il sena.

3.   Ir-rilaxx tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandu jiġi ġestit mill-Kummissjoni b’mod konsistenti mal-ftehimiet jew l-arranġamenti milħuqa bejn il-FMI u l-Moldova u mal-prinċipji u l-objettivi prinċipali tar-riformi ekonomiċi stabbiliti fil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, inkluż id-DCFTA, miftiehma skont il-PEV.

Il-Kummissjoni għandha tinforma regolarment lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bl-iżviluppi fir-rigward tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni, inklużi l-iżborżi tagħha, u għandha tipprovdi lil dawk l-istituzzjonijiet bid-dokumenti rilevanti fi żmien xieraq.

4.   L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha ssir disponibbli għal perjodu ta’ sentejn u nofs, li jibda fl-ewwel jum wara d-dħul fis-seħħ tal- MtQ imsemmi fl-Artikolu 3(1).

5.   Fil-każ li l-ħtiġijiet ta’ finanzjament tal-Moldova jonqsu b’mod fundamentali matul il-perjodu tal-iżborż tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni meta mqabbla mal-projezzjonijiet inizjali, il-Kummissjoni, filwaqt li taġixxi f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 7(2), għandha tnaqqas l-ammont tal-assistenza jew tissospendiha jew tħassarha.

Artikolu 2

1.   Prekundizzjoni għall-għoti tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tkun li l-Moldova tirrispetta l-mekkaniżmi demokratiċi effettivi, inkluża sistema parlamentari b’diversi partiti, u l-istat tad-dritt, u tiggarantixxi r-rispett lejn id-drittijiet tal-bniedem.

2.   Il-Kummissjoni u s-SEAE għandhom jimmonitorjaw it-twettiq tal-prekundizzjoni stabbilita fil-paragrafu 1 matul iċ-ċiklu tal-ħajja sħiħ tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni.

3.   Il-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu għandhom japplikaw skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427/UE (6).

Artikolu 3

1.   Il-Kummissjoni, f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 7(2), għandha tilħaq ftehim mal-awtoritajiet tal-Moldova dwar il-kundizzjonijiet tal-politika ekonomika u l-kundizzjonijiet finanzjarji definiti b’mod ċar, ikkonċentrati fuq riformi strutturali u finanzi pubbliċi sodi, li l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tkun soġġetta għalihom. Dawk il-kundizzjonijiet tal-politika ekonomika u l-kundizzjonijiet finanzjarji għandhom jiġu stabbiliti fil-MtQ li għandu jinkludi perijodu taż-żmien għat-twettiq ta’ dawk il-kundizzjonijiet. Dawk il-kundizzjonijiet tal-politika ekonomika u l-kundizzjonijiet finanzjarji għandhom ikunu konsistenti mal-ftehimiet jew l-arranġamenti msemmija fl-Artikolu 1(3), inklużi l-programmi ta’ aġġustament makroekonomiku u ta’ riforma strutturali implimentati mill-Moldova bl-appoġġ tal-FMI.

2.   Il-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jimmiraw, b’mod partikolari, li jtejbu l-effiċjenza, it-trasparenza u r-responsabbiltà tas-sistemi ta’ ġestjoni tal-finanzi pubbliċi fil-Moldova, inkluż għall-użu tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni. Il-progress rigward il-ftuħ reċiproku tas-swieq, l-iżvilupp ta’ kummerċ ġust u bbażat fuq ir-regoli u prijoritajiet oħrajn fil-kuntest tal-politika esterna tal-Unjoni għandhom ukoll jitqiesu b’mod debitu fit-tfassil tal-miżuri ta’ politika. Il-Kummissjoni għandha timmonitorja b’mod regolari l-progress fil-ksib ta’ dawk l-objettivi.

3.   It-termini finanzjarji ddettaljati tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandhom jiġu stabbiliti fil-ftehim tas-self u fil-ftehim tal-għotja li għandhom jiġu miftehma bejn il-Kummissjoni u l-Moldova.

4.   Il-Kummissjoni għandha tivverifika, f’intervalli regolari, li l-kundizzjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 4(3) jibqgħu jiġu ssodisfati, inkluż jekk il-linji ta’ politika ekonomika tal-Moldova jkunux f’konformità mal-objettivi tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni. Għal finijiet ta’ dik il-verifika, il-Kummissjoni għandha tikkoordina mill-qrib mal-FMI u mal-Bank Dinji u, fejn ikun meħtieġ, mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill.

Artikolu 4

1.   Soġġett għall-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 3, l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha ssir disponibbli mill-Kummissjoni fi tliet ħlasijiet parzjali, u kull wieħed minnhom għandu jkun jikkonsisti f’element ta’ self u element ta’ għoti. Id-daqs ta’ kull ħlas parzjali għandu jiġi stabbilit fil-MtQ.

2.   L-ammonti tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni mogħtija f’forma ta’ self għandhom jiġu pprovduti, fejn meħtieġ, f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/947.

3.   Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar ir-rilaxx tal-ħlasijiet parzjali soġġetti għat-twettiq tal-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

il-prekundizzjoni stipulata fl-Artikolu 2(1);

(b)

rekord sodisfaċenti kontinwu fl-implimentazzjoni ta’ programm ta’ politika li fih miżuri ta’ aġġustament u ta’ riforma strutturali b’saħħithom appoġġati minn arranġament ta’ kreditu mill-FMI mhux prekawzjonarju;

(c)

l-implimentazzjoni sodisfaċenti tal-kundizzjonijiet tal-politika ekonomika u tal-kundizzjonijiet finanzjarji miftiehma fil-MtQ.

4.   Ir-rilaxx tat-tieni ħlas parzjali m’għandux, fil-prinċipju, isir qabel tliet xhur wara r-rilaxx tal-ewwel ħlas parzjali. Ir-rilaxx tat-tielet ħlas parzjali m’għandux, fil-prinċipju, isir qabel tliet xhur wara r-rilaxx tat-tieni ħlas parzjali.

5.   Meta l-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 3 ma jiġux issodisfati, il-Kummissjoni għandha temporanjament tissospendi jew tħassar l-iżborż tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni. F’tali każijiet, hija għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar ir-raġunijiet għas-sospensjoni jew it-tħassir.

6.   L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tiġi żborzata lill-Bank Nazzjonali tal-Moldova. Soġġetti għad-dispożizzjonijiet miftiehma stabbiliti fil-MtQ, inkluża konferma tal-ħtiġijiet finanzjarji baġitarji residwi, il-fondi tal-Unjoni jistgħu jiġu ttrasferiti lill-Ministeru tal-Finanzi tal-Moldova bħala l-benefiċjarju aħħari.

Artikolu 5

1.   L-operazzjonijiet ta’ għoti u teħid b’self marbutin mal-komponent ta’ self tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandhom isiru fil-munita euro bl-użu tal-istess data tal-valur u m’għandhomx jinvolvu lill-Unjoni fit-trasformazzjoni tal-maturitajiet, jew jesponu lill-Unjoni għal kwalunkwe riskju marbut mar-rata tal-kambju jew mar-rata tal-imgħax, jew għal kwalunkwe riskju kummerċjali ieħor.

2.   Fejn iċ-ċirkostanzi jippermettu, u jekk il-Moldova titlob dan, il-Kummissjoni tista’ tieħu l-passi meħtieġa biex tiżgura li tiddaħħal klawżola dwar ir-rimborż bikri fit-termini u l-kundizzjonijiet tas-self u li din tkun appoġġata minn klawżola korrispondenti fit-termini u l-kundizzjonijiet tal-operazzjonijiet ta’ teħid b’self.

3.   Fejn iċ-ċirkostanzi jippermettu titjib fir-rata tal-imgħax tas-self u jekk il-Moldova titlob dan, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li tiffinanzja mill-ġdid it-teħid b’self inizjali kollu jew parti minnu jew tista’ tirristruttura l-kundizzjonijiet finanzjarji korrispondenti. L-operazzjonijiet ta’ finanzjament mill-ġdid jew ta’ ristrutturar għandhom isiru f’konformità mal-paragrafi 1 u 4 u ma għandux ikollhom l-effett li jestendu l-maturità tat-teħid ta’ self ikkonċernat jew li jżidu l-ammont ta’ kapital pendenti fid-data tal-finanzjament mill-ġdid jew tar-ristrutturar.

4.   L-ispejjeż kollha mġarrba mill-Unjoni li huma marbutin mal-operazzjonijiet tal-għoti u ta’ teħid b’self skont din id-Deċiżjoni, għandhom jitħallsu mill-Moldova.

5.   Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-iżviluppi fl-operazzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 2 u 3.

Artikolu 6

1.   L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tiġi implimentata f’konformità mar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7).

2.   L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tkun implimentata taħt ġestjoni diretta.

3.   Il-ftehim tas-self u l-ftehim ta’ għotja li jridu jiġu miftiehma mal-awtoritajiet tal-Moldova għandu jkun fihom id-dispożizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

li jiżguraw li l-Moldova tivverifika regolarment li l-finanzjament ipprovdut mill-baġit ġenerali tal-Unjoni jkun intuża kif suppost, li din tieħu miżuri xierqa biex tipprevjeni l-irregolaritajiet u l-frodi u, fejn ikun meħtieġ, tieħu azzjoni legali biex tirkupra kwalunkwe fondi pprovduti skont din id-Deċiżjoni li jkunu ġew miżapproprjati;

(b)

li jiżguraw il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, b’mod partikolari billi jipprovdu miżuri speċifiċi fir-rigward tal-prevenzjoni ta’, u l-ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe irregolarità oħra li taffettwa l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni, f’konformità mar-Regolamenti tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 (8) u (Euratom, KE) Nru 2185/96 (9), r-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10) u, għal dawk l-Istati Membri li jipparteċipaw f’kooperazzjoni msaħħa rigward l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, anki f’konformita’ mar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 (11);

(c)

li espressament jawtorizzaw l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi li jwettaq investigazzjonijiet, inkluż kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post inklużi operazzjonijiet forensiċi diġitali u intervisti;

(d)

li espressament jawtorizzaw lill-Kummissjoni, jew lir-rappreżentanti tagħha biex iwettqu kontrolli, inklużi kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post;

(e)

li espressament jawtorizzaw lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri biex jagħmlu awditjar matul u wara l-perjodu ta’ disponibbiltà tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni, inkluż awditjar ta’ dokumenti u awditjar fuq il-post, bħal pereżempju valutazzjonijiet operazzjonali;

(f)

li jiżguraw li l-Unjoni tkun intitolata għal ħlas lura bikri tas-self jew għal ħlas lura sħiħ tal-għotja meta jkun stabbilit li, fir-rigward tal-ġestjoni tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni, il-Moldova tkun ħadet sehem fi kwalunkwe att ta’ frodi jew ta’ korruzzjoni jew fi kwalunkwe attività illegali oħra li tkun ta’ detriment għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni;

(g)

li jiżguraw li l-ispejjeż kollha mġarrba mill-Unjoni relatati mal-operazzjonijiet tal-għoti u ta’ teħid b’self skont din id-Deċiżjoni għandhom jitħallsu mill-Moldova.

4.   Qabel l-implimentazzjoni tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandha tivvaluta, permezz ta’ valutazzjoni operazzjonali, is-solidità tal-arranġamenti finanzjarji tal-Moldova, il-proċeduri amministrattivi, u l-mekkaniżmi ta’ kontroll interni u esterni li huma rilevanti għall-assistenza.

Artikolu 7

1.   Il-Kummissjoni għandha tiġi megħjuna minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 8

1.   Sat-30 ta’ Ġunju ta’ kull sena, il-Kummissjoni għandha tibgħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni fis-sena ta’ qabel, inkluża evalwazzjoni ta’ dik l-implimentazzjoni. Dak ir-rapport għandu:

(a)

jeżamina l-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni;

(b)

jivvaluta s-sitwazzjoni ekonomika u l-prospetti tal-Moldova, kif ukoll il-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ politika msemmija fl-Artikolu 3(1);

(c)

jindika r-rabta bejn il-kundizzjonijiet tal-politika ekonomika stabbiliti fil-MtQ, il-prestazzjoni ekonomika u fiskali attwali tal-Moldova u d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li tirrilaxxa l-ħlasijiet parzjali tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni.

2.   Sa mhux aktar tard minn sentejn wara li jiskadi l-perjodu ta’ disponibbiltà msemmi fl-Artikolu 1(4), il-Kummissjoni għandha tibgħat rapport ta’ evalwazzjoni ex-post lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, li jivvaluta r-riżultati u l-effiċjenza tal-assistenza makrofinanzjarja kompleta tal-Unjoni u sa liema punt din ikkontribwiet għall-għanijiet tal-assistenza.

Artikolu 9

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Strasburgu, is-6 ta’ April 2022.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

R. METSOLA

Għall-Kunsill

Il-President

C. BEAUNE


(1)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta’ Marzu 2022 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-4 ta’ April 2022.

(2)  ĠU L 260, 30.8.2014, p. 4.

(3)  Id-Deċiżjoni (UE) 2020/701 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Mejju 2020 dwar il-forniment ta’ assistenza makrofinanzjarja lis-sħab tat-tkabbir u tal-viċinat fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19 (ĠU L 165, 27.5.2020, p. 31).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2021/947 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali - Ewropa Globali, li jemenda u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 466/2014/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u jħassar ir-Regolament (UE) 2017/1601 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 480/2009 (ĠU L 209, 14.6.2021, p. 1).

(5)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(6)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427/UE tas-26 ta’ Lulju 2010 li tistabbilixxi l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (ĠU L 201, 3.8.2010, p. 30).

(7)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).

(8)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU L 312, 23.12.1995, p. 1).

(9)  Ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta’ Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolaritajiet oħra (ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2).

(10)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).

(11)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat-12 ta’ Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“l-UPPE”) (ĠU L 283, 31.10.2017, p. 1).


Top