Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022D0098

    Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/98 tal-25 ta’ Jannar 2022 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1561 li tagħti appoġġ temporanju skont ir-Regolament (UE) 2020/672 lill-Ungerija biex ittaffi r-riskji ta’ qgħad fl-emerġenza wara t-tifqigħa tal-COVID-19

    ST/15256/2021/INIT

    ĠU L 17, 26.1.2022, p. 42–46 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2022/98/oj

    26.1.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 17/42


    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2022/98

    tal-25 ta’ Jannar 2022

    li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1561 li tagħti appoġġ temporanju skont ir-Regolament (UE) 2020/672 lill-Ungerija biex ittaffi r-riskji ta’ qgħad fl-emerġenza wara t-tifqigħa tal-COVID-19

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/672 tad-19 ta’ Mejju 2020 dwar l-istabbiliment ta’ Strument Ewropew għal appoġġ temporanju biex jittaffew ir-riskji ta’ qgħad f’emerġenza (SURE) wara t-tifqigħa tal-COVID-19 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Wara talba mill-Ungerija fis-6 ta’ Awwissu 2020, il-Kunsill, peremzz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1561 (2), ta assistenza finanzjarja lill-Ungerija fil-forma ta’ self li jammonta għal massimu ta’ EUR 504 330 000 b’maturità medja massima ta’ 15-il sena, bil-ħsieb li jikkomplementa l-isforzi nazzjonali tal-Ungerija biex tindirizza l-impatt tat-tifqigħa tal-COVID-19 u tirreaġixxi għall-konsegwenzi soċjoekonomiċi ta’ dik it-tifqigħa għall-ħaddiema u għall-persuni li jaħdmu għal rashom.

    (2)

    Is-self kellu jintuża mill-Ungerija biex tiffinanzja miżuri simili għall-iskemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar u miżuri relatati mas-saħħa, kif imsemmi fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1561.

    (3)

    It-tifqigħa tal-COVID-19 waqqfet parti sostanzjali tal-forza tax-xogħol fl-Ungerija. Dan wassal għal żidiet f’daqqa u severi ripetuti fin-nefqa pubblika fl-Ungerija fir-rigward ta’ miżura ġdida, jiġifieri skema ta’ appoġġ ta’ darba għall-introjtu għall-persuni li jaħdmu għal rashom f’setturi affettwati mill-miżuri ta’ protezzjoni u l-miżuri msemmija fl-Artikolu 3, punti (f), (g), (h), (i) u (j) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1561.

    (4)

    It-tifqigħa tal-COVID-19 u l-miżuri straordinarji li implimentat l-Ungerija fl-2020 u fl-2021 biex trażżan dik it-tifqigħa u l-impatt soċjoekonomiku kif ukoll dak relatat mas-saħħa tagħha kellhom, u għad qed ikollhom, impatt drammatiku fuq il-finanzi pubbliċi. L-Ungerija kellha defiċit u dejn tal-gvern estiż ta’ 8,0 % u 80,1 % tal-prodott domestiku gross (PDG) rispettivament sa tmiem l-2020. Skont it-tbassir tal-ħarifa 2021 tal-Kummissjoni, id-defiċit u d-dejn tal-gvern estiż tal-Ungerija huma mbassra li jonqsu għal 7,5 % u 79,2 % tal-PDG rispettivament fl-2021 u l-PDG tagħha huwa proġettat li jiżdied b’7,4 % fl-2021.

    (5)

    Fl-1 ta’ Diċembru 2021 l-Ungerija talbet assistenza finanzjarja ulterjuri mill-Unjoni f’ ammont ta’ EUR 147 140 000 sabiex tikkomplementa aktar l-isforzi nazzjonali tagħha li wettqet fl-2020 u l-2021 biex tindirizza l-impatt tat-tifqigħa tal-COVID-19 u tirreaġixxi għall-konsegwenzi soċjoekonomiċi ta’ dik it-tifqigħa għall-ħaddiema u għal dawk li jaħdmu għal rashom,b’mod partikolari l-miżuri msemmija fil-premessi (6) sa (8).

    (6)

    Permezz tad-‘Digriet tal-Gvern Nru 485/2020. (XI. 10.)’ (3), l-Ungerija estendiet sa tmiem l-istat ta’ emerġenza u emendat għadd ta’ miżuri relatati mat-taxxa msemmija fl-Artikolu 3, punti (f), (g), (h) u (j), tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1561. Is-self li intalab mill-Ungerija huwa maħsub biex ikopri n-nefqa għall-perjodu minn Diċembru 2020 sa Ġunju 2021 biss. Id-digriet fih il-kundizzjoni espliċita li l-benefiċjarji jridu jżommu kuntratti ta’ impjieg li kienu fis-seħħ fiż-żmien tad-dħul fis-seħħ tad-digriet u li ma jitterminawx tali kuntratti permezz ta’ avviż mill-impjegatur għat-tul tal-miżuri rispettivi. L-ambitu tas-setturi eliġibbli għall-appoġġ ġie modifikat bl-Artikolu 1 tad-‘Digriet tal-Gvern Nru 571/2020. (XII. 9.)’ (4), l-Artikolu 1 tad-‘Digriet tal-Gvern Nru 638/2020. (XII. 22.)’ (5), l-Artikolu 1 tad-‘Digriet tal-Gvern Nru 105/2021. (III. 3.)’ (6), l-Artikolu 1 tad-‘Digriet tal-Gvern Nru 147/2021. (III. 27.)’ (7) u l-Artikolu 1 tad-‘Digriet tal-Gvern Nru 204/2021. (IV. 29.)’ (8). Għas-setturi milquta l-agħar mill-pandemija, l-Ungerija introduċiet eżenzjoni mill-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali u mill-imposta tat-taħriġ tal-impjegaturi, inizjalment għall-perjodu minn Marzu sa Diċembru 2020, kif ukoll tnaqqis fit-taxxa ta’ kontribuzzjoni ta’ riabilitazzjoni tal-impjegaturi, inizjalment għall-perjodu minn Marzu sa Ġunju 2020. L-Ungerija introduċiet ukoll eżenzjoni ta’ kostijiet tal-persunal mill-bażi għat-taxxa tat-taxxa tal-impriżi żgħar (“KIVA”), inizjalment għall-perjodu minn Marzu sa Ġunju 2020. Għal dawn il-miżuri kollha, ġiet mitluba biss il-parti tan-nefqa totali (jew dħul mitluf) relatata mal-kumpaniji li jnaqqsu jew iwaqqfu l-ħin tax-xogħol jew meta l-impjegati jkunu kontinwament fl-impjieg sad-data tal-eżitu disponibbli l-aħħar. Minħabba li dawk il-miżuri jikkonsistu minn dħul mitluf għall-Gvern, dawn jistgħu jitqiesu li huma ekwivalenti għal nefqa pubblika.

    (7)

    Barra minn hekk, permezz tad-‘Digriet tal-Gvern Nru 105/2021. (III. 3.)’, l-Artikolu 1 tad-‘Digriet tal-Gvern Nru 147/2021. (III. 27)’ u l-Artikolu 1 tad-‘Digriet tal-Gvern Nru 204/2021. (IV. 29)’, l-Ungerija emendat l-eżenzjoni mir-reġim tat-taxxa f’somma waħda f’daqqa għan-negozji żgħar (“KATA”), kif imsemmi fl-Artikolu 3, punt (i), tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1561, li inizjalment ġiet introdotta għall-perjodu minn Marzu sa Ġunju 2020 u estiża għall-perjodu minn Marzu sa April 2021. Ġiet mitluba biss dik il-parti tan-nefqa relatata mal-appoġġ għal dawk li jaħdmu għal rashom u għall-kumpaniji b’membru wieħed. Il-miżura tista’ titqies bħala miżura simili għall-iskemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar, kif imsemmi fir-Regolament (UE) 2020/672, peress li għandha l-għan li tipproteġi lil dawk li jaħdmu għal rashom jew kategoriji simili ta’ ħaddiema minn tnaqqis fl-introjtu jew it-telf tiegħu.

    (8)

    Permezz tad-Digriet tal-Gvern Nru 310/2021. (VI. 7.) dwar l-appoġġ f’kumpens għal dawk li jaħdmu għal rashom (9), l-Ungerija introduċiet skema ġdida ta’ appoġġ ta’ darba għall-introjtu għal dawk li jaħdmu għal rashom f’setturi affettwati mill-miżuri ta’ lockdown bil-kundizzjoni li jżommu l-attivitajiet tagħhom għal mill-inqas xahrejn wara t-tmiem prospettiv tal-istat ta’ emerġenza. Il-pagament ta’ darba jammonta għall-paga minima garantita ta’ kull xahar (HUF 219 000). Il-perjodu ta’ eliġibbiltà jintemm fit-tmiem tal-istat ta’ emerġenza. Il-grupp fil-mira tal-iskema huma intraprendituri uniċi li ma għandhomx impjegati u li mhumiex eliġibbli għal appoġġ taħt skema tal-pagi settorjali. Il-miżura tista’ titqies bħala miżura simili għall-iskemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar, kif imsemmi fir-Regolament (UE) 2020/672, peress li għandha l-għan li tipproteġi lil dawk li jaħdmu għal rashom jew kategoriji simili ta’ ħaddiema minn tnaqqis fl-introjtu jew it-telf tiegħu.

    (9)

    L-Ungerija tissodisfa l-kundizzjonijiet għat-talba ta’ assistenza finanzjarja kif stabbilit fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2020/672. L-Ungerija pprovdiet lill-Kummissjoni b’evidenza xierqa li n-nefqa pubblika reali u ppjanata żdiedet bi EUR 897 720 542 mill-1 ta’ Frar 2020 minħabba l-miżuri nazzjonali meħuda biex jiġu indirizzati l-effetti soċjoekonomiċi tat-tifqigħa tal-COVID-19. Dan jikkostitwixxi żieda f’daqqa u severa minħabba li hija relatata kemm ma’ miżura ġdida kif ukoll ma’ estensjoni tal-miżuri eżistenti direttament relatati ma’ miżuri simili bħall-iskemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar li jkopru proporzjon sinifikanti tal-impriżi u tal-forza tax-xogħol fl-Ungerija. L-Ungerija ffinanzjat EUR 113 740 000 tal-ammont miżjud tan-nefqa permezz tal-fondi tal-Unjoni. L-Ungerija ffinanzjat EUR 132 510 542 tal-ammont miżjud tan-nefqa pubblika permezz tal-fondi tagħha stess.

    (10)

    Il-Kummissjoni kkonsultat lill-Ungerija u vverifikat iż-żieda f’daqqa u severa fin-nefqa pubblika reali u ppjanata direttament relatata ma’ miżuri simili għall-skemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar, kif imsemmi fit-talba tal-1 ta’ Diċembru 2021, f’konformità mal-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2020/672.

    (11)

    Għalhekk jenħtieġ li tingħata assistenza finanzjarja bil-għan li l-Ungerija tiġi megħjuna tindirizza l-effetti soċjoekonomiċi tat-taqlib ekonomiku gravi kkawżat mit-tifqigħa tal-COVID-19. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tieħu d-deċiżjonijiet rigward il-maturitajiet, il-qies u r-rilaxx tal-ħlasijiet parzjali u tal-partijiet f’kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali.

    (12)

    Jenħtieġ li l-Ungerija u l-Kummissjoni jqisu din id-Deċiżjoni fil-ftehim ta’ self imsemmi fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) 2020/672.

    (13)

    Jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tkun mingħajr preġudizzju għall-eżitu ta’ kwalunkwe proċedura relatata ma’ distorsjonijiet tal-operat tas-suq intern li tista’ titwettaq, b’mod partikolari skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat. Din ma twarrabx il-ħtieġa li l-Istati Membri jinnotifikaw każijiet ta’ għajnuna potenzjali mill-Istat lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 108 tat-Trattat.

    (14)

    Jenħtieġ li l-Ungerija tinforma lill-Kummissjoni fuq bażi regolari dwar l-implimentazzjoni tan-nefqa pubblika ppjanata, sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tivvaluta l-punt sa fejn l-Ungerija implimentat dik in-nefqa.

    (15)

    Id-deċiżjoni li tingħata assistenza finanzjarja ttieħdet b’kunsiderazzjoni tal-ħtiġijiet eżistenti u mistennija tal-Ungerija, kif ukoll it-talbiet għal assistenza finanzjarja skont ir-Regolament (UE) 2020/672 diġà ppreżentati jew ippjanati li jiġu ppreżentati minn Stati Membri oħra, filwaqt li jiġu applikati l-prinċipji ta’ trattament ugwali, solidarjetà, proporzjonalità u trasparenza,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1561 hija emendata kif ġej:

    (1)

    l-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “1.   L-Unjoni għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Ungerija self li jammonta għal massimu ta’ EUR 651 470 000. Is-self għandu jkollu maturità medja massima ta’ 15-il sena.”;

    (b)

    il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “4.   L-ewwel ħlas parzjali għandu jiġi rilaxxat soġġett għad-dħul fis-seħħ tal-ftehim tas-self previst fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) 2020/672. Kwalunkwe ħlas parzjali sussegwenti għandu jiġi rilaxxat f’konformità mat-termini ta’ dak il-ftehim ta’ self jew, fejn rilevanti, ikun soġġett għad-dħul fis-seħħ ta’ addendum għal dan, jew ta’ ftehim ta’ self emendat.”;

    (2)

    l-Artikolu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 3

    L-Ungerija tista’ tiffinanzja l-miżuri li ġejjin:

    (a)

    appoġġ temporanju biex tittejjeb l-akkomodazzjoni fid-destinazzjonijiet turistiċi biex tinżamm il-forza tax-xogħol eżistenti kif previst bir-‘Riżoluzzjoni tal-Gvern 2080/2020 dwar l-iżvilupp nazzjonali ta’ akkomodazzjoni’, għall-parti tan-nefqa relatata mal-appoġġ ta’ dawk li jaħdmu għal rashom u ta’ kumpaniji b’membru wieħed;

    (b)

    appoġġ temporanju għal kumpaniji tal-ipproċessar tal-ikel, kif previst bid-‘Digriet tal-Ministeru tal-Agrikoltura Nru 25/2020. (VI. 22.)’, għall-parti tan-nefqa relatata mal-appoġġ ta’ dawk li jaħdmu għal rashom u ta’ kumpaniji b’membru wieħed;

    (c)

    appoġġ temporanju għal kumpaniji ortikulturali fis-setturi tat-tkabbir ta’ għelejjel mhux perenni u ta’ propagazzjoni tal-pjanti kif previst bid-‘Digriet tal-Ministeru tal-Agrikoltura Nru 26/2020. (VI. 22.)’, għall-parti tan-nefqa relatata mal-appoġġ ta’ dawk li jaħdmu għal rashom u ta’ kumpaniji b’membru wieħed;

    (d)

    appoġġ temporanju għal kumpaniji ta’ trobbija tal-ħut, kif previst bid-‘Digriet tal-Ministeru tal-Agrikoltura Nru 30/2020. (VI. 22.)’, għall-parti tan-nefqa relatata mal-appoġġ ta’ dawk li jaħdmu għal rashom u ta’ kumpaniji b’membru wieħed;

    (e)

    l-estensjoni, sat-30 ta’ Ġunju 2020, ta’ dawk il-benefiċċji għat-tħaris tat-tfal li skadew matul il-perijodu tal-istat ta’ allarm, kif previst bid-‘Digriet tal-Gvern Nru 59/2020. (III. 23.)’ u l-Artikolu 71 tal-‘Att LVIII 2020’;

    (f)

    is-sospensjoni tat-taxxa tal-kontribuzzjoni soċjali tal-impjegaturi f’ċerti setturi, kif previst bl-Artikolu 4, punt (a), tad-‘Digriet tal-Gvern Nru 47/2020. (III. 18.)’ (kif emendat), għall-parti tan-nefqa relatata ma’ kumpaniji li jnaqqsu jew iwaqqfu l-ħin tax-xogħol jew meta l-impjegati kienu kontinwament fl-impjieg, kif estiża u emendata;

    (g)

    eżenzjonijiet mill-imposta tat-taħriġ tal-impjegaturi f’ċerti setturi, kif previst bl-Artikolu 4, punt (a), tad-‘Digriet tal-Gvern Nru 47/2020. (III. 18.)’ (kif emendat), għall-parti tan-nefqa relatata ma’ kumpaniji li jnaqqsu jew iwaqqfu l-ħin tax-xogħol jew meta l-impjegati kienu kontinwament fl-impjieg, kif estiżi u emendati;

    (h)

    it-tnaqqis tat-taxxa ta’ kontribuzzjoni ta’ riabilitazzjoni tal-impjegaturi f’ċerti setturi kif previst bl-Artikolu 4, punt (a), tad-‘Digriet tal-Gvern Nru 47/2020. (III. 18.)’ (kif emendat), għall-parti tan-nefqa relatata ma’ kumpaniji li jnaqqsu jew iwaqqfu l-ħin tax-xogħol, jew meta l-impjegati kienu kontinwament fl-impjieg, kif estiż u emendat;

    (i)

    eżenzjoni mit-taxxa għall-kontribwenti tat-taxxa żgħar mir-reġim tat-taxxa f’somma waħda f’daqqa (“KATA”) f’ċerti setturi, kif previst bl-Artikolu 5 tad-‘Digriet tal-Gvern Nru 47/2020. (III. 18.)’ (kif emendat), għall-parti tan-nefqa relatata mal-appoġġ għal dawk li jaħdmu għal rashom u għall-kumpaniji b’membru wieħed, kif estiża u emendata;

    (j)

    l-esklużjoni tal-kostijiet tal-persunal mill-bażi għat-taxxa tat-taxxa tal-intrapriżi ż-żgħar (“KIVA”) f’ċerti setturi, kif previst bid-‘Digriet tal-Gvern Nru 47/2020. (III. 18.)’ (kif emendat), għall-parti tan-nefqa relatata ma’ kumpaniji li jnaqqsu jew iwaqqfu l-ħin tax-xogħol, jew meta l-impjegati kienu kontinwament fl-impjieg, kif estiża u emendata;

    (k)

    benefiċċju mogħti bħala somma waħda f’daqqa bħala rikonoxximent tax-xogħol żejjed tagħhom matul il-pandemija, kif previst bid-‘Digriet tal-Gvern Nru 275/2020. (VI. 12.)’;

    (l)

    kostijiet relatati mal-miżuri speċjali biex tiġi kkontrollata l-pandemija introdotti f’kumpaniji tal-Istat;

    (m)

    kostijiet relatati ma’ miżuri speċjali biex tiġi kkontrollata l-pandemija u biex tipproteġi s-saħħa personali tal-uffiċjali pubbliċi, kif previst bid-‘Digriet tal-Gvern Nru 250/2014. (X. 2.) dwar id-Direttorat Ġenerali għall-Akkwist Pubbliku u l-Forniment (KEF)’;

    (n)

    kostijiet relatati mal-infrastruttura u l-investiment fi sptarijiet għal protezzjoni ta’ livell għoli tal-ħaddiema tal-kura tas-saħħa u tal-pazjenti, kif previst bir-‘Riżoluzzjoni tal-Gvern 1012/2020. (I. 31.) dwar it-Twaqqif tal-Persunal Operattiv’;

    (o)

    kostijiet diretti ta’ għodod u tagħmir għall-protezzjoni personali fi sptarijiet u f’istituzzjonijiet oħra għall-kura tas-saħħa għal protezzjoni ta’ livell għoli tal-ħaddiema tal-kura tas-saħħa, kif previst bir-‘Riżoluzzjoni tal-Gvern 1012/2020 (I. 31.) dwar it-Twaqqif tal-Persunal Operattiv’;

    (p)

    skema ta’ appoġġ ta’ darba għall-introjtu għal dawk li jaħdmu għal rashom f’setturi affettwati mill-miżuri ta’ protezzjoni bil-kundizzjoni li jżommu l-attivitajiet tagħhom għal mill-inqas xahrejn wara t-tmiem prospettiv tal-istat ta’ emerġenza, kif previst bid-‘Digriet tal-Gvern Nru 310/2021 (VI. 7.)’.”;

    (3)

    l-Artikolu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 4

    1.   L-Ungerija għandha tinforma lill-Kummissjoni sat-28 ta’ April 2021, u kull sitt xhur wara dan dwar l-implimentazzjoni tan-nefqa pubblika ppjanata sakemm dik in-nefqa pubblika ppjanata tkun ġiet implimentata b’mod sħiħ.

    2.   Meta l-miżuri msemmija fl-Artikolu 3 jkunu bbażati fuq nefqa pubblika ppjanata u jkunu ġew soġġetti għal deċiżjoni ta’ implimentazzjoni li temenda din id-Deċiżjoni, l-Ungerija għandha tinforma lill-Kummissjoni fi żmien sitt xhur mid-data tal-adozzjoni ta’ dik id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni emendatorja, u kull sitt xhur wara dan, dwar l-implimentazzjoni tan-nefqa pubblika ppjanata sakemm dik in-nefqa pubblika ppjanata tkun ġiet implimentata bis-sħiħ.”.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Ungerija.

    Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva fid-data tan-notifika tagħha lid-destinatarju.

    Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Jannar 2022.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    C. BEAUNE


    (1)  ĠU L 159, 20.5.2020, p. 1.

    (2)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1561 tat-23 ta’ Ottubru 2020 li tagħti appoġġ temporanju skont ir-Regolament (UE) 2020/672 lill-Ungerija biex ittaffi r-riskji ta’ qagħad fl-emerġenza wara t-tifqigħa tal-COVID-19 (ĠU L 357, 27.10.2020, p. 24).

    (3)  Ippromulgat fil-Gazzetta Uffiċjali Ungeriża fl-10 ta’ Novembru 2020 (Nru 242), p. 7671.

    (4)  Ippromulgat fil-Gazzetta Uffiċjali Ungeriża fid-9 ta’ Diċembru 2020 (Nru 273), p. 9076.

    (5)  Ippromulgat fil-Gazzetta Uffiċjali Ungeriża fit- 22 ta’ Diċembru, 2020 (Nru 287), p. 10473.

    (6)  Ippromulgat fil-Gazzetta Uffiċjali Ungeriża fil-5 ta’ Marzu 2021 (Nru 37), p. 1509.

    (7)  Ippromulgat fil-Gazzetta Uffiċjali Ungeriża fit-27 ta’ Marzu 2021 (Nru 52), p. 2042.

    (8)  Ippromulgat fil-Gazzetta Uffiċjali Ungeriża fid-29 ta’ April 2021 (Nru 73), p. 2676.

    (9)  Ippromulgat fil-Gazzetta Uffiċjali Ungeriża fis-7 ta’ Ġunju 2021 (Nru 104), p. 4469.


    Top