Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021D2208

    Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/2208 tat-13 ta’ Diċembru 2021 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2017/1775 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Mali

    ST/14434/2021/INIT

    ĠU L 446, 14.12.2021, p. 44–51 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2021/2208/oj

    14.12.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 446/44


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2021/2208

    tat-13 ta’ Diċembru 2021

    li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2017/1775 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Mali

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u b’mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

    Billi:

    (1)

    Fit-28 ta’ Settembru 2017, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2017/1775 (1) dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Mali.

    (2)

    Fl-24 u l-25 ta’ Mejju 2021, il-Kunsill Ewropew adotta konklużjonijiet li fihom ikkundanna bil-qawwa l-kolp ta’ stat li seħħ fil-Mali fl-24 ta’ Mejju 2021 bid-detenzjoni tal-President tat-Tranżizzjoni tal-Mali u tal-Prim Ministru u ddikjara li l-Unjoni hija lesta tikkunsidra miżuri mmirati kontra mexxejja politiċi u militari li jxekklu t-tranżizzjoni tal-Mali.

    (3)

    Fis-26 ta’ Mejju 2021, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti nnota bi tħassib ir-riskju ta’ impatt negattiv tal-avvenimenti tal-24 ta’ Mejju 2021 imsemmija hawn fuq, fuq l-isforzi li għaddejjin fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Paċi u Rikonċiljazzjoni fil-Mali (il-“Ftehim”) u l-istabbilizzazzjoni taċ-ċentru tal-Mali.

    (4)

    Fid-29 ta’ Ġunju 2021, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta r-Riżoluzzjoni 2584 (2021), li fiha kompla jikkundanna l-avvenimenti tal-24 ta’ Mejju 2021 u esprima nuqqas sinifikanti ta’ paċenzja għad-dewmien persistenti fl-implimentazzjoni tal-Ftehim. Appella lill-partijiet ikkonċernati kollha Maljani biex jiffaċilitaw it-twettiq sħiħ tat-tranżizzjoni politika u t-trasferiment tas-setgħa lil awtoritajiet ċivili eletti fi żmien il-perijodu ta’ tranżizzjoni ta’ 18-il xahar, kif deċiż fil-laqgħa tal-15 ta’ Settembru 2020 tal-Komunità Ekonomika tal-Istati tal-Afrika tal-Punent (ECOWAS). Appella lill-Gvern Tranżizzjonali tal-Mali jorganizza elezzjonijiet presidenzjali u leġiżlattivi ħielsa u ġusti, skedati għas-27 ta’ Frar 2022, flimkien ma’ elezzjonijiet reġjonali u lokali u referendum kostituzzjonali, kif xieraq, f’dak il-perijodu ta’ 18-il xahar.

    (5)

    Fit-18 ta’ Ottubru 2021, il-Kunsill iddiskuta s-sitwazzjoni fil-Mali u indika l-possibbiltà li jiġu kkunsidrati miżuri restrittivi, b’appoġġ għall-isforzi mill-ECOWAS, u f’konformità mal-konklużjonijiet adottati mill-Kunsill Ewropew f’Mejju, kontra dawk li jxekklu l-aġenda tat-tranżizzjoni.

    (6)

    Fis-7 ta’ Novembru 2021, l-ECOWAS ikkundannat b’mod qawwi n-nuqqas ta’ progress li sar fit-tħejjijiet għall-elezzjonijiet, inkluż in-nuqqas ta’ skeda dettaljata ta’ attivitajiet għall-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet fid-dati miftiehma. Tenniet il-ħtieġa li tiġi rispettata l-iskeda ta’ tranżizzjoni fir-rigward tal-elezzjonijiet skedati għas-27 ta’ Frar 2022 u appellat lill-Awtoritajiet ta’ Tranżizzjoni biex jaġixxu kif xieraq biex jiżguraw ritorn rapidu għall-ordni kostituzzjonali. Appellat lill-Komunità Internazzjonali biex tieħu l-miżuri meħtieġa biex tiżgura li l-Awtoritajiet ta’ Tranżizzjoni jħarsu l-impenn tagħhom għal ritorn rapidu għall-ordni kostituzzjonali. Iddeċidiet li timponi sanzjonijiet b’effett immedjat kontra individwi u gruppi identifikati, fosthom l-Awtoritajiet ta’ Tranżizzjoni kollha u l-istituzzjonijiet l-oħra ta’ Tranżizzjoni. Appellat lis-sħab bilaterali u multilaterali biex japprovaw u jappoġġaw l-implimentazzjoni ta’ dawn is-sanzjonijiet.

    (7)

    Fil-15 ta’ Novembru 2021, il-Kunsill qabel li jistabbilixxi qafas iddedikat għal miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Mali, b’appoġġ għad-deċiżjoni li ttieħdet mill-ECOWAS fis-7 ta’ Novembru 2021.

    (8)

    Għaldaqstant, jenħtieġ li d-Deċiżjoni (PESK) 2017/1775 tiġi emendata skont dan.

    (9)

    Hija meħtieġa azzjoni ulterjuri mill-Unjoni sabiex jiġu implimentati ċerti miżuri,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Id-Deċiżjoni (PESK) 2017/1775 hija emendata kif ġej:

    (1)

    Fl-Artikolu 1, fil-paragrafi 1 u 5, “l-Anness” huwa sostitwit bi “l-Anness I”;

    (2)

    L-Artikolu li ġej jiddaħħal wara l-Artikolu 1:

    “Artikolu 1a

    1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jipprevjenu d-dħul fit-territorji tagħhom, jew it-tranżitu minnhom, ta’ persuni fiżiċi:

    (a)

    li jkunu responsabbli għal, jew kompliċi fi, jew li kienu involuti, direttament jew indirettament, f’azzjonijiet jew politiki li jheddu l-paċi, is-sigurtà, jew l-istabbiltà tal-Mali bħal dawk l-azzjonijiet jew il-politiki msemmijin fl-Artikolu 1, il-paragrafu 1;

    (b)

    li jxekklu jew jimminaw it-tlestija b’suċċess tat-tranżizzjoni politika tal-Mali, inkluż billi jxekklu jew jimminaw l-organizzazzjoni ta’ elezzjonijiet jew it-trasferiment tas-setgħa lill-awtoritajiet eletti; jew

    (c)

    li jkunu assoċjati ma’ persuni fiżiċi msemmijin fil-punti (a) jew (b).

    Il-persuni ddeżinjati msemmijin f’dan il-paragrafu huma elenkati fl-Anness II.

    2.   Il-paragrafu 1 ma għandux jobbliga lil Stat Membru jirrifjuta d-dħul fit-territorju tiegħu taċ-ċittadini tiegħu stess.

    3.   Il-paragrafu 1 għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-każijiet fejn Stat Membru jkun marbut b’obbligu tad-dritt internazzjonali, jiġifieri:

    (a)

    bħala pajjiż ospitanti ta’ organizzazzjoni intergovernattiva internazzjonali;

    (b)

    bħala pajjiż ospitanti ta’ konferenza internazzjonali mlaqqa’ min-Nazzjonijiet Uniti, jew taħt il-patroċinju tagħha;

    (c)

    taħt ftehim multilaterali li jagħti privileġġi u immunitajiet; jew

    (d)

    skont it-Trattat ta’ Konċiljazzjoni (il-Patt tal-Lateran) tal-1929 konkluż mis-Santa Sede (l-Istat tal-Belt tal-Vatikan) u l-Italja.

    4.   Il-paragrafu 3 għandu japplika wkoll f’każijiet fejn Stat Membru jkun il-pajjiż ospitanti tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE).

    5.   Il-Kunsill għandu jiġi debitament infurmat fil-każijiet kollha fejn Stat Membru jagħti eżenzjoni skont il-paragrafi 3 jew 4.

    6.   L-Istati Membri jistgħu jagħtu eżenzjonijiet mill-miżuri imposti taħt il-paragrafu 1 fejn l-ivvjaġġar ikun ġustifikat għal raġunijiet ta’ bżonn umanitarju urġenti, jew għal raġunijiet ta’ attendenza għal laqgħat intergovernattivi jew laqgħat promossi jew ospitati mill-Unjoni, jew ospitati minn Stat Membru li jkollu l-Presidenza attwali tal-OSKE, fejn isir djalogu politiku li jippromwovi direttament l-objettivi ta’ politika ta’ miżuri restrittivi.

    7.   L-Istati Membri jistgħu wkoll jagħtu eżenzjonijiet mill-miżuri imposti skont il-paragrafu 1 fejn id-dħul jew it-tranżitu jkun neċessarju għall-fini ta’ proċess ġudizzjarju.

    8.   Stat Membru li jixtieq jagħti eżenzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 6 jew 7 għandu jinnotifika lill-Kunsill bil-miktub. L-eżenzjoni għandha titqies li tkun ingħatat sakemm Stat Membru wieħed jew aktar ma joġġezzjonawx bil-miktub fi żmien jumejn ta’ xogħol mir-riċezzjoni tan-notifika dwar l-eżenzjoni proposta. Jekk Stat Membru wieħed jew aktar iqajmu oġġezzjoni, il-Kunsill, li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata, jista’ jiddeċiedi li jagħti l-eżenzjoni proposta.

    9.   Fejn, skont il-paragrafi 3, 4, 6 jew 7, Stat Membru jawtorizza d-dħul fit-territorju tiegħu, jew it-tranżitu minnu, ta’ persuni elenkati fl-Anness II, l-awtorizzazzjoni għandha tkun strettament limitata għall-iskop li għalih tkun ingħatat u għall-persuni direttament ikkonċernati minnha.”,

    (3)

    Fl-Artikolu 2, fil-paragrafi 1, 2, u 4 (b), “l-Anness” huwa sostitwit bi “l-Anness I”;

    (4)

    L-Artikolu li ġej jiddaħħal wara l-Artikolu 2:

    “Artikolu 2a

    1.   Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li huma proprjetà ta’, jew li huma kkontrollati direttament jew indirettament minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi li:

    (a)

    jkunu responsabbli għal, jew kompliċi fi, jew li kienu involuti, direttament jew indirettament f’azzjonijiet jew politiki li jheddu l-paċi, is-sigurtà, jew l-istabbiltà tal-Mali bħal dawk l-azzjonijiet jew il-politiki msemmijin fl-Artikolu 2, il-paragrafu 1;

    (b)

    li jxekklu jew idgħajfu t-tlestija b’suċċess tat-tranżizzjoni politika tal-Mali, inkluż billi jxekklu jew idgħajfu l-organizzazzjoni ta’ elezzjonijiet jew it-trasferiment tas-setgħa lill-awtoritajiet eletti; jew

    (c)

    huma assoċjati ma’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi msemmijin fil-punti (a) jew (b),

    għandhom jiġu ffriżati.

    Il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet jew il-korpi ddeżinjati msemmijin f’dan il-paragrafu huma elenkati fl-Anness II.

    2.   L-ebda fondi jew riżorsi ekonomiċi ma għandhom isiru disponibbli, direttament jew indirettament, għall-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness II, jew għall-benefiċċju tagħhom.

    3.   B’deroga mill-paragrafi 1 u 2, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, jew li jsiru disponibbli ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi, taħt dawk il-kundizzjonijiet li jidhrilhom xierqa, wara li jkunu ddeterminaw li l-fondi jew r-riżorsi ekonomiċi kkonċernati jkunu:

    (a)

    meħtieġa biex jissodisfaw il-ħtiġijiet bażiċi tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness II u tal-membri dipendenti tal-familji ta’ dawn il-persuni fiżiċi, inkluż ħlasijiet għall-prodotti tal-ikel, għall-kera jew għall-ipotekar, għall-mediċini u għat-trattament mediku, għat-taxxi, għall-primjums tal-assigurazzjoni, u għall-ispejjeż tas-servizzi pubbliċi;

    (b)

    maħsuba esklużivament għall-ħlas ta’ tariffi professjonali raġonevoli u għar-rimborż tal-ispejjeż imġarrba assoċjati mal-provvista ta’ servizzi legali;

    (c)

    maħsuba esklużivament għall-ħlas ta’ tariffi jew imposti ta’ servizzi ta’ kustodja jew ġestjoni normali ta’ fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati;

    (d)

    neċessarji għal spejjeż straordinarji, sakemm l-awtorità kompetenti tkun innotifikat lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bir-raġunijiet li għalihom tqis li għandha tingħata awtorizzazzjoni speċifika, minn tal-inqas ġimagħtejn qabel l-awtorizzazzjoni; jew

    (e)

    ser jitħallsu f’kont ta’ missjoni diplomatika jew konsulari, jew ta’ organizzazzjoni internazzjonali li tgawdi minn immunitajiet skont id-dritt internazzjonali, jew jinħarġu minn tali kont, sa fejn tali pagamenti jkunu maħsuba biex jintużaw għal finijiet uffiċjali tal-missjoni diplomatika jew konsulari, jew tal-organizzazzjoni internazzjonali.

    L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni dwar kull awtorizzazzjoni li tingħata skont dan il-paragrafu fi żmien ġimagħtejn mill-awtorizzazzjoni.

    4.   B’deroga mill-paragrafu 1, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, jew li jsiru disponibbli ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi, sakemm jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi jkunu s-suġġett ta’ deċiżjoni arbitrali mogħtija qabel id-data li fiha l-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp imsemmija fil-paragrafu 1 ikunu ġew elenkati fl-Anness II, jew ta’ deċiżjoni ġudizzjarja jew amministrattiva mogħtija fl-Unjoni, jew ta’ deċiżjoni ġudizzjarja infurzabbli fl-Istat Membru kkonċernat, qabel jew wara dik id-data;

    (b)

    il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi jkunu ser jintużaw esklużivament biex jissodisfaw pretensjonijiet garantiti minn tali deċiżjoni jew rikonoxxuti bħala validi f’tali deċiżjoni, fil-limiti stabbiliti mil-liġijiet u r-regolamenti applikabbli li jirregolaw id-drittijiet ta’ persuni li jkollhom tali pretensjonijiet;

    (c)

    id-deċiżjoni ma tkunx għall-benefiċċju ta’ persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Anness II; u

    (d)

    ir-rikonoxximent tad-deċiżjoni ma jkunx kontra l-ordni pubbliku fl-Istat Membru kkonċernat.

    L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni dwar kull awtorizzazzjoni li tingħata skont dan il-paragrafu fi żmien ġimagħtejn mill-awtorizzazzjoni.

    5.   Il-paragrafu 1 ma għandux iżomm lil persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Anness II milli jagħmlu ħlas dovut taħt kuntratt jew ftehim konkluż, jew obbligazzjoni maħluqa, qabel id-data li fiha tali persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp ikunu ġew elenkati fih, sakemm l-Istat Membru kkonċernat ikun iddetermina li l-ħlas ma jiġix riċevut, direttament jew indirettament, minn persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp imsemmija fil-paragrafu 1.

    6.   Il-paragrafu 2 ma għandux japplika għaż-żieda ma’ kontijiet iffriżati ta’:

    (a)

    imgħax jew dħul ieħor fuq dawk il-kontijiet;

    (b)

    pagamenti dovuti skont kuntratti, ftehimiet jew obbligi li jkunu ġew konklużi jew li rriżultaw qabel id-data li fiha dawk il-kontijiet saru soġġetti għall-miżuri previsti fil-paragrafi 1 u 2; jew

    (c)

    pagamenti dovuti taħt deċiżjonijiet ġudizzjarji, amministrattivi jew arbitrali li ngħataw fl-Unjoni jew li huma eżegwibbli fl-Istat Membru kkonċernat;

    dment li kwalunkwe tali imgħax, dħul u pagament ieħor jibqa’ soġġett għall-miżuri previsti fil-paragrafu 1.

    7.   B’deroga mill-paragrafi 1 u 2, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi, skont dawk il-kondizzjonijiet li huma jqisu xierqa, wara li jkunu ddeterminaw li l-provvista ta’ tali fondi jew riżorsi ekonomiċi hija neċessarja għal skopijiet umanitarji, bħall-għoti jew il-faċilitazzjoni tal-għoti ta’ assistenza, inkluż provvisti mediċinali, ikel jew it-trasferiment ta’ ħaddiema umanitarji u assistenza relatata jew għall-evakwazzjonijiet mill-Mali. L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni dwar kull awtorizzazzjoni li tingħata skont dan l-Artikolu fi żmien ġimagħtejn mill-awtorizzazzjoni.”;

    (5)

    L-Artikolu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 3

    1.   Il-Kunsill għandu jistabbilixxi l-lista fl-Anness I u għandu jemendaha f’konformità mad-deċiżjonijiet meħuda mill-Kunsill tas-Sigurtà jew mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet.

    2.   Il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b’unanimità fuq proposta minn Stat Membru jew mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (ir-“Rappreżentant Għoli”), għandu jistabbilixxi u jemenda l-lista fl-Anness II.”;

    (6)

    L-Artikolu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 4

    1.   Meta l-Kunsill tas-Sigurtà jew il-Kumitat tas-Sanzjonijiet jiddeżinja persuna jew entità, il-Kunsill għandu jinkludi dik il-persuna jew l-entità fl-Anness I. Il-Kunsill għandu jikkomunika d-deċiżjoni tiegħu, inkluż ir-raġunijiet għall-elenkar, lill-persuna jew l-entità kkonċernata, direttament, jekk l-indirizz ikun magħruf, jew permezz tal-pubblikazzjoni ta’ avviż, li jipprovdi lil dik il-persuna jew entità bl-opportunità li tippreżenta osservazzjonijiet.

    2.   l-Kunsill għandu jikkomunika d-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 3(2), inkluż ir-raġunijiet għall-elenkar, lill-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp ikkonċernat, direttament, jekk l-indirizz ikun magħruf, jew permezz tal-pubblikazzjoni ta’ avviż, li jipprovdi lil dik il-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp bl-opportunità li jippreżenta osservazzjonijiet.

    3.   Fejn jiġu ppreżentati osservazzjonijiet, jew fejn tiġi ppreżentata evidenza sostanzjali ġdida, il-Kunsill għandu jirrieżamina d-deċiżjoni tiegħu u jinforma lill-persuna jew l-entità kkonċernata kif meħtieġ.”;

    (7)

    L-Artikolu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 5

    1.   L-Anness I għandu jinkludi r-raġunijiet għall-elenkar tal-persuni u l-entitajiet kif ipprovduti mill-Kunsill tas-Sigurtà jew il-Kumitat tas-Sanzjonijiet.

    2.   L-Anness I għandu jinkludi wkoll, fejn disponibbli, informazzjoni pprovduta mill-Kunsill tas-Sigurtà jew mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet li tkun meħtieġa għall-identifikazzjoni tal-persuni jew l-entitajiet ikkonċernati. Fir-rigward tal-persuni, tali informazzjoni tista’ tinkludi l-ismijiet, inkluż il-psewdonimi, id-data u l-post tat-twelid, in-nazzjonalità, in-numri tal-passaport u tal-karta tal-identità, il-ġeneru, l-indirizz jekk ikun magħruf, u l-funzjoni jew il-professjoni. Fir-rigward tal-entitajiet, tali informazzjoni tista’ tinkludi l-ismijiet, il-post u d-data tar-reġistrazzjoni, in-numru tar-reġistrazzjoni u l-post tan-negozju.”;

    3.   L-Anness II għandu jinkludi r-raġunijiet għall-elenkar tal-persuni fiżiċi u ġuridiċi, l-entitajiet u l-korpi msemmija fih.

    4.   L-Anness II għandu jinkludi, meta tkun disponibbli, l-informazzjoni meħtieġa biex jiġu identifikati l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet jew il-korpi kkonċernati. Fir-rigward tal-persuni fiżiċi, tali informazzjoni tista’ tinkludi: ismijiet u psewdonimi; id-data u l-post tat-twelid; in-nazzjonalità; in-numri tal-passaport u tal-karti tal-identità; il-ġeneru; l-indirizz, jekk ikun magħruf; u l-funzjoni jew il-professjoni. Fir-rigward tal-persuni ġuridiċi, l-entitajiet jew il-korpi, tali informazzjoni tista’ tinkludi: ismijiet; il-post u d-data tar-reġistrazzjoni; in-numru tar-reġistrazzjoni; u l-post tan-negozju.”;

    (8)

    L-Artikoli li ġejjin jiddaħħlu wara l-Artikolu 5:

    “Artikolu 5a

    1.   Il-Kunsill u r-Rappreżentant Għoli għandhom jipproċessaw data personali sabiex iwettqu l-kompiti tagħhom taħt din id-Deċiżjoni, b’mod partikolari:

    (a)

    fir-rigward tal-Kunsill, għat-tħejjija u l-emendar tal-Annessi I u II;

    (b)

    fir-rigward tar-Rappreżentant Għoli, għat-tħejjija ta’ emendi għall-Annessi I u II.

    2.   Il-Kunsill u r-Rappreżentant Għoli jistgħu jipproċessaw, fejn applikabbli, data rilevanti relatata ma’ reati kriminali mwettqa minn persuni fiżiċi elenkati, u ma’ kundanni penali jew miżuri ta’ sigurtà li jikkonċernaw lil tali persuni, biss sa fejn tali proċessar ikun meħtieġ għat-tħejjija tal-Annessi I u II.

    3.   Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, il-Kunsill u r-Rappreżentant Għoli huma nominati bħala “kontrollur” fis-sens tal-Artikolu 3, il-punt (8) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1), sabiex ikun żgurat li l-persuni fiżiċi kkonċernati jkunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom taħt dak ir-Regolament.

    Artikolu 5b

    Ma għandha tiġi sodisfatta ebda pretensjoni b’konnessjoni ma’ xi kuntratt jew tranżazzjoni li l-prestazzjoni tagħhom tkun ġiet affettwata, direttament jew indirettament, totalment jew parzjalment, mill-miżuri imposti skont din id-Deċiżjoni, inkluż pretensjonijiet għal indennizz jew kwalunkwe pretensjoni oħra ta’ dan it-tip, bħal pretensjoni għal kumpens jew pretensjoni taħt garanzija, b’mod partikolari pretensjoni għal estensjoni jew għall-ħlas ta’ bond, garanzija jew indennizz, b’mod partikolari garanzija finanzjarja jew indennizz finanzjarju, ta’ kull forma, jekk il-pretensjoni ssir minn:

    (a)

    persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi ddeżinjati elenkati fl-Anness II;

    (b)

    kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp li jaġixxu permezz ta’, jew f’isem, waħda mill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet jew il-korpi msemmija fil-punt (a).”;

    (*1)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39)."

    (9)

    L-Artikolu 6 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 6

    1.   Din id-Deċiżjoni għandha tiġi emendata jew titħassar kif adatt, f’konformità mad-deċiżjonijiet meħuda mill-Kunsill tas-Sigurtà.

    2.   Il-miżuri msemmija fl-Artikolu 1a, il-paragrafu 1, u l-Artikolu 2a, il-paragrafi 1 u 2 għandhom japplikaw sal-14 ta’ Diċembru 2022 u għandhom jinżammu taħt reviżjoni kostanti. Hija għandha tiġġedded, jew tiġi emendata kif xieraq, jekk il-Kunsill iqis li l-objettivi tagħha ma jkunux intlaħqu.”;

    (10)

    l-Anness huwa emendat kif jidher l-Anness għal din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Diċembru 2021.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    J. BORRELL FONTELLES


    (1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/1775 tat-28 ta’ Settembru 2017 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Mali (ĠU L 251, 29.9.2017, p. 23).


    ANNESS

    1.

    L-Anness għad-Deċiżjoni (PESK) 2017/1775 jingħata l-isem il-ġdid Anness I;

    2.

    Jiżdied Anness II, bit-taqsimiet li ġejjin:

    ““ANNESS II

    A.

    Lista ta’ persuni fiżiċi msemmijin fl-Artikolu 1a, paragrafu 1

    B.

    Lista ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi msemmijin fl-Artikolu 2a, paragrafu 1”.

    ”.

    Top