Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021D2206

    Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/2206 tad-9 ta’ Diċembru 2021 li tawtorizza lill-Istati Membri jaċċettaw, fl-interess tal-Unjoni Ewropea, l-adeżjoni tal-Ġamajka mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali ta’ Minuri

    ST/11957/2021/INIT

    ĠU L 446, 14.12.2021, p. 40–41 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2021/2206/oj

    14.12.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 446/40


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2021/2206

    tad-9 ta’ Diċembru 2021

    li tawtorizza lill-Istati Membri jaċċettaw, fl-interess tal-Unjoni Ewropea, l-adeżjoni tal-Ġamajka mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali ta’ Minuri

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 81(3) flimkien mal-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, il-punt (b), tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

    Billi:

    (1)

    L-Unjoni stabbiliet bħala wieħed mill-għanijiet tagħha l-promozzjoni tal-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal, kif iddikjarat fl-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Il-miżuri għall-protezzjoni tat-tfal kontra t-tneħħija jew iż-żamma b’mod illeċitu huma parti essenzjali minn dik il-politika.

    (2)

    Il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 2201/2003 (2) (“ir-Regolament Brussell IIa”), li għandu l-għan li jipproteġi lill-minuri mill-effetti ta’ ħsara tat-tneħħija jew taż-żamma b’mod illeċitu u li jistabbilixxi proċeduri biex jiżgura r-ritorn immedjat tagħhom lejn l-Istat tar-residenza abitwali tagħhom, kif ukoll li jiżgura l-ħarsien tad-drittijiet tal-aċċess u tad-drittijiet tal-kustodja.

    (3)

    Ir-Regolament Brussell IIa jikkomplementa u jirrinforza l-Konvenzjoni tal-Aja tal-25 ta’ Ottubru 1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali ta’ Minuri (“il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980”) li tistabbilixxi, fil-livell internazzjonali, sistema ta’ obbligi u kooperazzjoni fost l-Istati Kontraenti u bejn l-awtoritajiet ċentrali u għandha l-għan li tiżgura r-ritorn immedjat ta’ minuri li jitneħħew jew jinżammu b’mod illeċitu.

    (4)

    L-Istati Membri kollha huma parti għall-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980.

    (5)

    L-Unjoni tinkoraġġixxi lil Stati terzi biex jaderixxu mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 u tappoġġa l-implimentazzjoni korretta tal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 billi tieħu sehem, flimkien mal-Istati Membri, fost oħrajn, fil-kummissjonijiet speċjali organizzati fuq bażi regolari mill-Konferenza tal-Aja dwar id-Dritt Internazzjonali Privat.

    (6)

    Qafas ġuridiku komuni applikabbli bejn l-Istati Membri u Stati terzi jista’ jkun l-aħjar soluzzjoni għal każijiet sensittivi ta’ ħtif internazzjonali ta’ minuri.

    (7)

    Il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 tistipula li hija tapplika bejn l-Istat aderenti u dawk l-Istati Kontraenti li jkunu ddikjaraw li aċċettaw l-adeżjoni.

    (8)

    Il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 ma tippermettix li organizzazzjonijiet reġjonali għall-integrazzjoni ekonomika bħall-Unjoni jsiru partijiet għaliha. Għalhekk, l-Unjoni la tista’ taderixxi mal-Konvenzjoni, u lanqas ma tista’ tiddepożita dikjarazzjoni ta’ aċċettazzjoni ta’ Stat aderenti.

    (9)

    Skont l-Opinjoni 1/13 tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (3), id-dikjarazzjonijiet ta’ aċċettazzjoni skont il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 huma parti mill-kompetenza esterna esklużiva tal-Unjoni.

    (10)

    Il-Ġamajka ddepożitat l-istrument tagħha ta’ adeżjoni mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 fl-24 ta’ Frar 2017. Il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 daħlet fis-seħħ għall-Ġamajka fl-1 ta’ Mejju 2017.

    (11)

    Valutazzjoni tas-sitwazzjoni fil-Ġamajka wasslet għall-konklużjoni li l-Istati Membri jinsabu f’pożizzjoni li jaċċettaw, fl-interess tal-Unjoni, l-adeżjoni tal-Ġamajka skont it-termini tal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980.

    (12)

    Għalhekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu awtorizzati li jiddepożitaw id-dikjarazzjonijiet tagħhom ta’ aċċettazzjoni tal-adeżjoni tal-Ġamajka fl-interess tal-Unjoni skont it-termini stabbiliti f’din id-Deċiżjoni.

    (13)

    L-Irlanda hija marbuta bir-Regolament Brussell IIa u għalhekk qed tieħu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

    (14)

    F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    1.   L-Istati Membri huma b’dan awtorizzati li jaċċettaw l-adeżjoni tal-Ġamajka mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 fl-interess tal-Unjoni.

    2.   L-Istati Membri għandhom, sa mhux aktar tard mill-10 ta’ Diċembru 2022, jiddepożitaw dikjarazzjoni ta’ aċċettazzjoni tal-adeżjoni tal-Ġamajka mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 fl-interess tal-Unjoni, li għandha tkun ifformulata kif ġej:

    “[L-isem sħiħ tal-ISTAT MEMBRU] jiddikjara/tiddikjara li jaċċetta/taċċetta l-adeżjoni tal-Ġamajka mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-25 ta’ Ottubru 1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali ta’ Minuri, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/2206’.

    3.   L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kunsill u lill-Kummissjoni bid-depożitu tad-dikjarazzjonijiet tagħhom ta’ aċċettazzjoni tal-adeżjoni tal-Ġamajka u għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk id-dikjarazzjonijiet fi żmien xahrejn minn meta jiddepożitawhom.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil- jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni għandha tapplika skont it-Trattati.

    Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Diċembru 2021.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    A. HOJS


    (1)  Opinjoni tal-25 ta’ Novembru 2021 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

    (2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas-27 ta’ Novembru 2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 (ĠU L 338, 23.12.2003, p. 1).

    (3)  ECLI:EU:C:2014:2303.


    Top