Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021R1297

    Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2021/1297 tal-4 ta’ Awwissu 2021 li jemenda l-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-aċidi perfluworokarbossiliċi li fihom minn 9 sa 14-il atomu tal-karbonju fil-katina (C9-C14 PFCAs), l-imlieħ tagħhom u s-sustanzi relatati mas-C9-C14 PFCAs (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    C/2021/5645

    ĠU L 282, 5.8.2021, p. 29–32 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 05/08/2021

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/1297/oj

    5.8.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 282/29


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1297

    tal-4 ta’ Awwissu 2021

    li jemenda l-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-aċidi perfluworokarbossiliċi li fihom minn 9 sa 14-il atomu tal-karbonju fil-katina (C9-C14 PFCAs), l-imlieħ tagħhom u s-sustanzi relatati mas-C9-C14 PFCAs

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 68(1) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Bħalissa, l-aċidi perfluworokarbossiliċi lineari u ramifikati li fihom minn 9 sa 14-il atomu tal-karbonju fil-katina (“C9-C14 PFCAs”), l-imlieħ tagħhom u s-sustanzi relatati mas-C9-C14 PFCAs (2) iseħħu prinċipalment fl-Unjoni bħala prodotti sekondarji mhux intenzjonati matul il-manifattura ta’ sustanzi perfluworinati u polifluworinati li fihom katina tal-karbonju ta’ inqas minn disa’ atomi tal-karbonju, bħal pereżempju l-aċidu perfluworoottanojku (PFOA). Barra minn hekk, huwa possibbli li l-kumpaniji jistgħu jikkunsidraw l-użu tas-C9-C14 PFCAs, l-imlieħ tagħhom u s-sustanzi relatati mas-C9-C14 PFCAs bħala sostituti għall-PFOA, l-imlieħ tiegħu u s-sustanzi relatati fil-ġejjieni, speċjalment wara li jibdew japplikaw ir-restrizzjonijiet tad-Dritt tal-Unjoni. Għalhekk, jeħtieġ li jiġu evitati l-manifattura u l-użu futuri possibbli li jirriżultaw f’żieda fir-rilaxxi fl-ambjent.

    (2)

    Fis-17 ta’ Diċembru 2015 u fit-12 ta’ Jannar 2017, rispettivament, żewġ gruppi ta’ C9-C14 PFCAs, jiġifieri l-aċidu perfluworononan-1-ojku (“PFNA”) li fih disa’ atomi tal-karbonju fil-katina, kif ukoll l-imlieħ tas-sodju u tal-ammonju tiegħu, u l-aċidu nonadekafluworodekanojku (“PFDA”) li fih 10 atomi tal-karbonju fil-katina, kif ukoll l-imlieħ tas-sodju u tal-ammonju tiegħu, ġew inklużi fil-Lista ta’ Kandidati ta’ Sustanzi ta’ Tħassib Serju Ħafna (“SVHC”) biex potenzjalment jiġu inklużi fl-Anness XIV tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, bħala tossiċi għar-riproduzzjoni f’konformità mal-Artikolu 57(c) ta’ dak ir-Regolament, u bħala sustanzi persistenti, bijoakkumulattivi u tossiċi (“PBT”), f’konformità mal-Artikolu 57(d) ta’ dak ir-Regolament. Barra minn hekk, il-PFNA u l-PFDA, kif ukoll l-imlieħ tas-sodju u tal-ammonju tagħhom, huma elenkati fil-Parti 3 tal-Anness VI tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) bħala karċinoġeniċi tal-kategorija 2 u tossiċi għar-riproduzzjoni tal-kategorija 1B. Fid-19 ta’ Diċembru 2012, l-aċidu enikosafluworoundekanojku (“PFUnDA”) li fih 11-il atomu tal-karbonju fil-katina, l-aċidu trikosafluworododekanojku (“PFDoDA”) li fih 12-il atomu tal-karbonju fil-katina, l-aċidu pentakosafluworodekanojku (“PFTrDA”) li fih 13-il atomu tal-karbonju fil-katina u l-aċidu ettakosafluworotetradekanojku (“PFTDA”) li fih 14-il atomu tal-karbonju fil-katina ġew inklużi fil-Lista ta’ Kandidati ta’ SVHC, bħala sustanzi ta’ persistenza għolja u bijoakkumulazzjoni għolja (“vPvB”), f’konformità mal-Artikolu 57(e) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006. Is-sustanzi relatati mas-C9-C14 PFCAs iridu wkoll jitqiesu bħala sustanzi PBT jew vPvB, rispettivament, minħabba t-trasformazzjoni jew id-degradazzjoni tagħhom fl-ambjent f’C9-C14 PFCAs.

    (3)

    Fis-6 ta’ Ottubru 2017, il-Ġermanja u l-Iżvezja ppreżentaw dossier (4) lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (“l-Aġenzija”), skont l-Artikolu 69(4) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (“id-dossier tal-Anness XV”) biex jipproponu li jiġu ristretti l-manifattura u t-tqegħid fis-suq tas-C9-C14 PFCAs, l-imlieħ tagħhom u s-sustanzi relatati mas-C9-C14 PFCAs waħedhom, u biex jiġi ristrett l-użu tagħhom fil-produzzjoni ta’ sustanzi oħra, u t-tqegħid fis-suq tagħhom f’dawn is-sustanzi, bħala kostitwenti, taħlitiet u oġġetti jew partijiet magħmula minnhom. Sabiex jitnaqqas ir-rilaxx ta’ dawk is-sustanzi fl-ambjent u biex jiġi evitat li jiġu manifatturati, jitqiegħdu fis-suq u jintużaw bħala sostituti għas-sustanzi ristretti permezz tal-entrata 68 tal-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (5), il-Ġermanja u l-Iżvezja pproponew limitu ta’ konċentrazzjoni ta’ 25 ppb għat-total ta’ C9-C14 PFCAs u l-imlieħ tagħhom u 260 ppb għat-total ta’ sustanzi relatati mas-C9-C14 PFCAs. Ġew proposti eżenzjonijiet mill-Ġermanja u mill-Iżvezja għas-C9-C14 PFCAs, l-imlieħ tagħhom u s-sustanzi relatati mas-C9-C14 PFCAs meta jseħħu bħala prodotti sekondarji mhux intenzjonati matul il-manifattura ta’ fluworokimiċi b’katina tal-karbonju perfluworo daqs jew iqsar minn tmien atomi jew għall-użu bħala sustanzi intermedji iżolati trasportati.

    (4)

    Fl-14 ta’ Settembru 2018, il-Kumitat tal-Aġenzija għall-Istima tar-Riskju (“RAC”) adotta l-opinjoni tiegħu, fejn ikkonkluda li soġġett għal modifika tal-kamp ta’ applikazzjoni u tal-kundizzjonijiet proposti fid-dossier tal-Anness XV, restrizzjoni fuq il-manifattura, l-użu u t-tqegħid fis-suq tas-C9-C14 PFCAs, l-imlieħ u s-sustanzi relatati tagħhom, hija l-aktar miżura xierqa fl-Unjoni kollha biex jiġu indirizzati r-riskji identifikati f’termini tal-effettività fit-tnaqqis ta’ dawk ir-riskji. L-RAC qabel mal-limiti ta’ konċentrazzjoni kif proposti mill-Ġermanja u mill-Iżvezja. L-RAC qabel mal-eżenzjonijiet proposti mill-Ġermanja u mill-Iżvezja minħabba li r-restrizzjoni proposta mhijiex maħsuba biex tipprevjeni l-manifattura tal-fluworokimiċi b’sitt atomi tal-karbonju jew inqas fil-katina molekulari. L-RAC irrakkomanda li jiġi eżentat għal perjodu limitat l-użu fil-produzzjoni ta’ inalaturi b’dożaġġ imkejjel taħt pressjoni li huma kritiċi għat-trattament tal-mard tal-pulmun minħabba l-volumi baxxi involuti ta’ ftit grammi u l-użu mediku importanti. L-RAC esprima l-opinjoni li tingħata eżenzjoni limitata biż-żmien għas-semikondutturi li fihom livelli baxxi ta’ C9-C14 PFCAs u għal tagħmir elettroniku nofsu lest u lest li fih semikondutturi speċjalizzati biex jintużaw bħala parts ta’ rikambju għat-tagħmir elettroniku lest.

    (5)

    Barra minn hekk, l-RAC irrakkomanda li għar-restrizzjoni tas-C9-C14 PFCAs, l-imlieħ tagħhom u s-sustanzi relatati mas-C9-C14 PFCAs jiġu applikati l-istess eżenzjonijiet li japplikaw għar-restrizzjoni tal-PFOA fl-entrata 68 tal-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006.

    (6)

    Fid-29 ta’ Novembru 2018, il-Kumitat tal-Aġenzija għall-Analiżi Soċjoekonomika (“SEAC”) adotta l-opinjoni tiegħu, li tindika li r-restrizzjoni proposta fid-dossier tal-Anness XV, kif immodifikata mill-RAC u mill-SEAC, hija l-aktar miżura xierqa fl-Unjoni kollha biex jiġu indirizzati r-riskji identifikati f’termini tal-benefiċċji u kostijiet soċjoekonomiċi tagħha.

    (7)

    Abbażi tal-elementi soċjoekonomiċi pprovduti fid-dossier tal-Anness XV u ppreżentati matul il-konsultazzjonijiet pubbliċi, l-SEAC qabel mal-eżenzjonijiet proposti fid-dossier tal-Anness XV u rrakkomandati mill-RAC. L-SEAC qabel mad-differiment propost tar-restrizzjoni ta’ tmintax-il xahar. Barra minn hekk, l-SEAC issuġġerixxa valuri ta’ limitu ogħla għall-fluworopolimeri li fihom gruppi ta’ perfluworopropossi jew gruppi ta’ perfluworometossi u li jintużaw fi gruppi ta’ prodotti speċifiċi sabiex ikunu jistgħu jiġu prodotti. Madankollu, il-livell limitu ġeneriku ta’ 25 ppb jibqa’ applikabbli għall-oġġetti finali manifatturati minn dawk il-materjali.

    (8)

    Il-Forum tal-Aġenzija għall-Iskambju ta’ Informazzjoni dwar l-Infurzar, imsemmi fl-Artikolu 76(1)(f) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, ġie kkonsultat waqt il-proċess tar-restrizzjoni u l-opinjoni tiegħu ġiet ikkunsidrata.

    (9)

    Fis-16 ta’ Jannar 2019, l-Aġenzija ressqet l-opinjonijiet tal-RAC u tas-SEAC (6) lill-Kummissjoni.

    (10)

    Ir-Regolament (UE) 2019/1021 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) ġie emendat f’konformità mad-Deċiżjoni adottata mill-Konferenza tal-Partijiet (SC-9/12) tal-Konvenzjoni ta’ Stokkolma dwar Materjal Organiku Persistenti li Jniġġes għall-PFOA (8), li fiha xi wħud mid-derogi, iżda mhux id-derogi kollha, inklużi fl-entrata 68 tal-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006. L-entrata 68 ta’ dak l-Anness ġiet effettivament sostitwita bl-emenda msemmija hawn fuq tar-Regolament (UE) 2019/1021. L-eżenzjonijiet li japplikaw għall-użu tal-PFOA, l-imlieħ tiegħu u l-komposti relatati mal-PFOA fl-emenda tar-Regolament (UE) 2019/1021 jenħtieġ li japplikaw ukoll għas-C9-C14 PFCAs, l-imlieħ tagħhom u s-sustanzi relatati mas-C9-C14 PFCAs bl-istess kundizzjonijiet minħabba l-proċess ta’ manifattura tal-fluworokimiċi li fihom iż-żewġ gruppi ta’ sustanzi bħala impuritajiet.

    (11)

    Wara l-finalizzazzjoni tal-opinjoni tal-RAC u tal-SEAC dwar ir-restrizzjoni proposta għas-C9-C14 PFCAs, il-Kummissjoni rċeviet żewġ talbiet addizzjonali għal eżenzjonijiet biex tiġi permessa l-produzzjoni tal-fluworopolimeri u tal-fluworoelastomeri, kif ukoll il-produzzjoni tal-mikrotrabijiet ta’ politetrafluwororetilen (PTFE) u l-użu f’taħlitiet u f’oġġetti għall-applikazzjonijiet industrijali u professjonali. Il-Kummissjoni talbet lill-ECHA għal opinjoni supplimentari, peress li l-prodotti finali jintużaw f’applikazzjonijiet ta’ valur għoli (9). Il-Kummissjoni rċeviet l-opinjoni supplimentari tal-RAC u tal-SEAC fil-15 ta’ Diċembru 2020 (10).

    (12)

    Filwaqt li tikkunsidra d-dossier tal-Anness XV, l-opinjonijiet tal-RAC u tal-SEAC, il-Kummissjoni tqis li riskju inaċċettabbli għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent jirriżulta mill-manifattura, mill-użu jew mit-tqegħid fis-suq ta’ C9-C14 PFCAs lineari u/jew ramifikati, l-imlieħ tagħhom u s-sustanzi relatati mas-C9-C14 PFCAs waħedhom, bħala kostitwent ta’ sustanzi oħrajn, f’taħlitiet u f’oġġetti, li jrid jiġi indirizzat fl-Unjoni kollha. Il-Kummissjoni tqis li r-restrizzjoni proposta, kif emendata mill-opinjonijiet tal-RAC u tal-SEAC, filwaqt li jiġu kkunsidrati l-impatt soċjoekonomiku tagħha u d-disponibbiltà ta’ alternattivi kif ukoll l-allinjament ta’ xi wħud mill-eżenzjonijiet f’din ir-restrizzjoni mal-eżenzjonijiet fl-emenda tar-Regolament (UE) 2019/1021 hija miżura xierqa għall-Unjoni kollha biex jiġi indirizzat ir-riskju identifikat.

    (13)

    Il-partijiet ikkonċernati jenħtieġ li jingħataw biżżejjed żmien biex jieħdu l-miżuri xierqa biex jikkonformaw mar-restrizzjoni. Għalhekk, filwaqt li jiġi kkunsidrat s-suġġeriment mid-dossier tal-Anness XV kif ukoll il-kunsiderazzjonijiet tal-RAC u tal-SEAC, jenħtieġ li l-applikazzjoni tar-restrizzjoni tiġi differita għal 18-il xahar. Jenħtieġ li japplikaw differimenti jew eżenzjonijiet globali itwal biex jiġu indirizzati l-każijiet partikolari ta’ setturi speċifiċi.

    (14)

    Għaldaqstant jenħtieġ li r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 jiġi emendat skont dan.

    (15)

    Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 133 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ Awwissu 2021.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)  ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1.

    (2)  Is-sustanzi relatati mas-C9-C14 PFCAs huma sustanzi li, skont l-istruttura molekulari tagħhom, jitqiesu li għandhom il-potenzjal li jiddegradaw jew jittrasformaw f’C9-C14 PFCAs.

    (3)  Ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ĠU L 353, 31.12.2008, p. 1).

    (4)  https://www.echa.europa.eu/documents/10162/2ec5dfdd-0e63-0b49-d756-4dc1bae7ec61

    (5)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/1000 tat-13 ta’ Ġunju 2017 li jemenda l-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta’ Sustanzi Kimiċi (REACH) fir-rigward tal-aċidu perfluworoottanojku (PFOA), l-imlieħ tiegħu u s-sustanzi relatati mal-PFOA (ĠU L 150, 14.6.2017, p. 14).

    (6)  https://echa.europa.eu/documents/10162/13641/rest_pfcas_compiled_racseac_opi_en.pdf/b06db225-3995-13fd-d89a-a9b73ef6bfc2

    (7)  ĠU L 188 I, 15.6.2020, p. 1.

    (8)  http://www.pops.int/TheConvention/ConferenceoftheParties/Meetings/COP9/tabid/7521/Default.aspx

    (9)  https://echa.europa.eu/documents/10162/034d97c3-7975-19f5-3739-76c288ad2b0c

    (10)  https://echa.europa.eu/documents/10162/13579/art77_3c_pfoa_pfca_derogations_compiled_rac_seac_opinions_en.pdf/6582d9a1-56b2-3e88-a70f-cdf3ab33d421


    ANNESS

    Fl-Anness XVII, l-entrata 68 hija sostitwita b’dan li ġej:

    “68.

    Aċidi perfluworokarbossiliċi lineari u ramifikati bil-formula CnF2n+1-C(= O)OH fejn n = 8, 9, 10, 11, 12, jew 13 (C9-C14 PFCAs),

    inkluż l-imlieħ tagħhom, u kwalunkwe kombinazzjoni tagħhom;

    Kwalunkwe sustanza relatata mal-C9-C14 PFCAs li jkollha grupp perfluworo bil-formula CnF2n+1- marbuta direttament ma’ atomu tal-karbonju ieħor, fejn n = 8, 9, 10, 11, 12, jew 13, inkluż l-imlieħ tagħhom u kwalunkwe kombinazzjoni tagħhom;

    Kwalunkwe sustanza relatata mal-C9-C14 PFCAs li jkollha grupp perfluworo bil-formula CnF2n+1- li mhijiex marbuta direttament ma’ atomu tal-karbonju ieħor, fejn n = 9, 10, 11, 12, 13 jew 14 bħala waħda mill-elementi strutturali, inkluż l-imlieħ tagħhom u kwalunkwe kombinazzjoni tagħhom.

    Is-sustanzi li ġejjin huma esklużi minn din id-deżinjazzjoni

    CnF2n+1-X, fejn X = F, Cl, jew Br

    fejn n = 9, 10, 11, 12, 13 jew 14, inkluż kwalunkwe kombinazzjoni tagħhom;

    CnF2n+1-C(= O)OX’ fejn n> 13 u X’=kwalunkwe grupp, inkluż l-imlieħ.

    ______________________________

    1.

    Ma għandhomx jiġu manifatturati, jew jitqiegħdu fis-suq bħala sustanzi waħedhom mill-25 ta’ Frar 2023.

    2.

    Mill-25 ta’ Frar 2023, ma għandhomx jintużaw, jew jitqiegħdu fis-suq fi:

    (a)

    sustanza oħra, bħala kostitwent;

    (b)

    taħlita;

    (c)

    oġġett,

    ħlief jekk il-konċentrazzjoni fis-sustanza, fit-taħlita jew fl-oġġett tkun inqas minn 25 ppb għat-total ta’ C9-C14 PFCAs u l-imlieħ tagħhom jew 260 ppb għat-total ta’ sustanzi relatati mas-C9-C14 PFCAs.

    3.

    Permezz ta’ deroga mill-paragrafu 2, il-limitu ta’ konċentrazzjoni għandu jkun 10 ppm għat-total ta’ C9-C14 PFCAs, l-imlieħ tagħhom u s-sustanzi relatati mas-C9-C14 PFCAs, fejn ikunu preżenti f’sustanza li trid tintuża bħala sustanza intermedja iżolata trasportata, diment li l-kundizzjonijiet fil-punti (a) sa (f) tal-Artikolu 18(4) ta’ dan ir-Regolament jiġu ssodisfati għall-manifattura tal-fluworokimiki b’tul tal-katina tal-karbonju perfluworo ta’ sitt atomi jew iqsar. Il-Kummissjoni għandha tirrieżamina dan il-limitu mhux aktar tard mill-25 ta’ Awwissu 2023.

    4.

    Il-paragrafu 2 għandu jibda japplika mill-4 ta’ Lulju 2023:

    (i)

    għat-tessili għar-reżistenza għaż-żejt u l-ilma għall-protezzjoni tal-ħaddiema minn likwidi perikolużi li jinvolvu riskji għas-saħħa u s-sikurezza tagħhom;

    (ii)

    għall-manifattura tal-politetrafluwororetilen (PTFE) u tal-fluworur tal-poliviniliden (PVDF) għall-produzzjoni ta’:

    membrani għall-filtrazzjoni tal-gass ta’ prestazzjoni għolja, reżistenti għall-korrużjoni, membrani għall-filtrazzjoni tal-ilma u membrani għal tessili mediċi;

    tagħmir ta’ skambju tas-sħana għall-irkupru tas-sħana mit-trattament tal-iskart industrijali;

    siġillanti industrijali li kapaċi jipprevjenu t-tnixxija ta’ komposti organiċi volatili u ta’ partikuli ta’ PM 2,5

    5.

    Permezz ta’ deroga mill-paragrafu 2, l-użu ta’ C9-C14 PFCAs, l-imlieħ tagħhom u s-sustanzi relatati mas-C9-C14 PFCAs għandu jiġi permess sal-4 ta’ Lulju 2025

    (i)

    għall-fotolitografija jew għall-proċessi ta’ inċiżjoni fil-manifattura ta’ semikondutturi;

    (ii)

    għall-kisjiet fotografiċi applikati lill-films;

    (iii)

    għall-apparati mediċi invażivi u impjantabbli;

    (iv)

    għar-ragħwa għat-tifi tan-nar li tintuża biex trażżan il-fwar tal-karburanti likwidi u n-nirien li jieħdu mill-karburanti likwidi (nirien tal-Klassi B) li huma diġà installati f’sistemi, kemm dawk mobbli kif ukoll dawk fissi, soġġett għall-kundizzjonijiet li ġejjin:

    ir-ragħwa tat-tifi tan-nar li fiha, jew li jista’ jkun fiha C9-C14 PFCAs, l-imlieħ tagħhom, u sustanzi relatati mas-C9-C14 PFCAs ma għandhiex tintuża għat-taħriġ;

    ir-ragħwa tat-tifi tan-nar li fiha, jew li jista’ jkun fiha, C9-C14 PFCAs, l-imlieħ tagħhom, u sustanzi relatati mas-C9-C14 PFCAs ma għandhiex tintuża għall-ittestjar sakemm ma jkunux ikkonfinati r-rilaxxi kollha;

    mill-1 ta’ Jannar 2023, l-użu tar-ragħwa tat-tifi tan-nar li fiha, jew li jista’ jkun fiha s-C9-C14 PFCAs, l-imlieħ tagħhom, u sustanzi relatati mas-C9-C14 PFCAs għandha tkun ristretta għal siti fejn ir-rilaxxi kollha jistgħu jiġu kkonfinati;

    il-ħażniet tar-ragħwa tat-tifi tan-nar li fiha, jew li jista’ jkun fiha s-C9-C14 PFCAs, l-imlieħ tagħhom, u sustanzi relatati mas-C9-C14 PFCAs għandhom ikunu ġestiti f’konformità mal-Artikoli 5 tar-Regolament (UE) 2019/1021.

    6.

    Il-paragrafu 2(c) ma għandux japplika għall-oġġetti mqiegħda fis-suq qabel il-25 ta’ Frar 2023.

    7.

    Il-paragrafu 2 ma għandux japplika għall-kisi tal-landa għall-inalaturi b’dożaġġ imkejjel taħt pressjoni sal-25 ta’ Awwissu 2028.

    8.

    Il-paragrafu 2(c) għandu jibda japplika mill-31 ta’ Diċembru 2023:

    (a)

    għas-semikondutturi waħedhom;

    (b)

    għas-semikondutturi inkorporati f’tagħmir elettroniku nofsu lest u lest.

    9.

    Il-paragrafu 2(c) għandu japplika mill-31 ta’ Diċembru 2030 għas-semikondutturi użati fi spare parts jew parts ta’ rikambju għal tagħmir elettroniku lest imqiegħed fis-suq qabel il-31 ta’ Diċembru 2023.

    10.

    Sal-25 ta’ Awwissu 2024, il-limitu ta’ konċentrazzjoni msemmi fil-paragrafu 2 għandu jkun 2 000 ppb għat-total ta’ C9-C14 PFCAs fil-fluworoplastik u fil-fluworoelastomeri li fihom gruppi ta’ perfluworoalkossi. Mill-25 ta’ Awwissu 2024, il-limitu ta’ konċentrazzjoni għandu jkun 100 ppb għat-total ta’ C9-C14 PFCAs fil-fluworoplastik u fil-fluworoelastomeri li fihom gruppi ta’ perfluworoalkossi. L-emissjonijiet kollha ta’ C9-C14 PFCAs matul il-manifattura u l-użu tal-fluworoplastik u tal-fluworoelastomeri li fihom gruppi ta’ perfluworoalkossi għandhom jiġu evitati u, jekk dan ma jkunx possibbli, jitnaqqsu kemm jista’ jkun teknikament u prattikament possibbli. Din id-deroga ma għandhiex tapplika għall-oġġetti msemmija fil-paragrafu 2(c). Il-Kummissjoni għandha tirrieżamina din id-deroga mhux aktar tard mill-25 ta’ Awwissu 2024.

    11.

    Il-limitu ta’ konċentrazzjoni msemmi fil-paragrafu 2 għandu jkun ta’ 1 000 ppb għat-total ta’ C9-C14 PFCAs, fejn dawn ikunu preżenti fil-mikrotrabijiet tal-PTFE prodotti mill-irradjazzjoni jonizzanti jew mid-degradazzjoni termali, kif ukoll fit-taħlitiet u fl-oġġetti għall-użi industrijali u professjonali li fihom il-mikrotrabijiet tal-PTFE. L-emissjonijiet kollha ta’ C9-C14 PFCAs matul il-manifattura u l-użu tal-mikrotrabijiet tal-PTFE għandhom jiġu evitati u, jekk dan ma jkunx possibbli, jitnaqqsu kemm jista’ jkun teknikament u prattikament possibbli. Il-Kummissjoni għandha tirrieżamina din id-deroga mhux aktar tard minn 25 ta’ Awwissu 2024.

    12.

    Għall-finijiet ta’ din l-entrata, is-sustanzi relatati mas-C9-C14 PFCAs huma sustanzi li, abbażi tal-istruttura molekulari tagħhom, jitqiesu li għandhom il-potenzjal li jiddegradaw jew jittrasformaw f’C9-C14 PFCAs.”


    Top