Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021R1209

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1209 tat-22 ta’ Lulju 2021 li jniedi rieżamijiet ta’ “esportaturi ġodda” tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2230 li jimponu dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ aċidu triklorojsoċjanuriku li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għal tliet produtturi esportaturi Ċiniżi, li jħassar id-dazju fir-rigward tal-importazzjonijiet minn dawk il-produtturi esportaturi u li jagħmel dawn l-importazzjonijiet soġġetti għar-reġistrazzjoni

    C/2021/5337

    ĠU L 263, 23.7.2021, p. 1–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 14/04/2022

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2021/1209/oj

    23.7.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 263/1


    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1209

    tat-22 ta’ Lulju 2021

    li jniedi rieżamijiet ta’ “esportaturi ġodda” tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2230 li jimponu dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ aċidu triklorojsoċjanuriku li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għal tliet produtturi esportaturi Ċiniżi, li jħassar id-dazju fir-rigward tal-importazzjonijiet minn dawk il-produtturi esportaturi u li jagħmel dawn l-importazzjonijiet soġġetti għar-reġistrazzjoni

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”) u b’mod partikolari l-Artikoli 11(4) u 14(5) tiegħu,

    Wara li infurmat lill-Istati Membri,

    Billi:

    1.   TALBA

    (1)

    Il-Kummissjoni rċeviet tliet talbiet għal rieżami ta’ “esportatur ġdid” skont l-Artikolu 11(4) tar-Regolament bażiku.

    (2)

    It-talbiet tressqu minn Hebei Xingfei Chemical Co., Ltd fit-13 ta’ Lulju 2020, minn Inner Mongolia Lik ang Bio-Tech Co., Ltd (Likang) fid-29 ta’ Lulju 2019 u aġġornati fit-12 ta’ Frar 2021, u minn Shandong Lantian Disintation Technology Co., Ltd fit-13 ta’ April 2021 (“l-applikanti”), produtturi esportaturi tat-trikloroisoċjanuriku fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (“ir-RPĊ”).

    2.   PRODOTT TAĦT RIEŻAMI

    (3)

    Il-prodott taħt rieżami preżenti huwa l-aċidu triklorojsoċjanuriku u preparazzjonijiet magħmula minnu, magħruf ukoll bħala ‘simklosene’ skont l-isem internazzjonali mhux tad-ditta (INN), li bħalissa jaqa’ taħt il-kodiċjiet NM ex 2933 69 80 u ex 3808 94 20 (kodiċi TARIC 2933698070 u 3808942020) u li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.

    3.   MIŻURI EŻISTENTI

    (4)

    Il-miżuri attwalment fis-seħħ huma dazju definittiv anti-dumping impost mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/2230 (2), li skontu l-importazzjonijiet fl-Unjoni tal-prodott taħt rieżami li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, inkluż il-prodott li hu prodott mill-applikant, huma suġġetti għal dazju definittiv anti-dumping ta’ 42,6 % bl-eċċezzjoni ta’ bosta kumpaniji msemmija b’mod speċjali fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament li huma suġġetti għal rati ta’ dazju individwali.

    4.   RAĠUNIJIET GĦAR-RIEŻAMI

    (5)

    L-applikant ipprovda biżżejjed evidenza li ma esportax il-prodott taħt rieżami lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni li fuqu kienu bbażati l-miżuri anti-dumping (mill-1 ta’ April 2003 sal-31 ta’ Marzu 2004).

    (6)

    L-applikant ipprovda biżżejjed evidenza li ma huwa relatat mal-ebda produttur esportatur tal-prodott taħt rieżami li huma soġġetti għad-dazji anti-dumping fis-seħħ.

    (7)

    Fl-aħħar nett, l-applikant ipprovda biżżejjed evidenza li beda jesporta l-prodott taħt rieżami lejn l-Unjoni wara t-tmiem tal-perjodu ta’ investigazzjoni oriġinali.

    5.   PROĊEDURA

    5.1.   Bidu

    (8)

    Il-Kummissjoni eżaminat l-evidenza disponibbli u kkonkludiet li hemm biżżejjed evidenza li tiġġustifika t-tnedija ta’ rieżami ta’ “esportatur ġdid” skont l-Artikolu 11(4) tar-Regolament bażiku, bil-għan li jiġi ddeterminat il-marġni individwali ta’ dumping tal-applikant. Jekk jinstab li hemm dumping, il-Kummissjoni se tiddetermina l-livell tad-dazju li għandhom ikunu soġġetti għalih l-importazzjonijiet tal-prodott taħt rieżami prodott mill-applikant.

    (9)

    Skont l-Artikoli 11(3) u 11(4), tar-Regolament bażiku il-valur normali għall-applikant għandu jiġi determinat skont il-metodoloġija stabbilita fl-Artikolu 2(7) tar-Regolament bażiku kif kien fis-seħħ fid-19 ta’ Diċembru 2017, peress li l-aħħar rieżami ta’ skadenza tal-miżuri tnieda qabel l-20 ta’ Diċembru 2017.

    (10)

    Il-produtturi tal-Unjoni magħrufa li huma kkonċernati ġew mgħarrfa bit-talba għal rieżami fit-8 ta’ April 2021 u ngħataw l-opportunità biex jikkummentaw fit-23 ta’ April 2021.

    (11)

    Il-Kummissjoni tiġbed ukoll l-attenzjoni tal-partijiet li wara t-tifqigħa tal-COVID-19 ġiet ippubblikata Notifika (3) dwar il-konsegwenzi tat-tifqigħa tal-COVID-19 fuq l-investigazzjonijiet anti-dumping u antisussidji li jistgħu jkunu applikabbli għal dan il-proċediment.

    5.2.   Ir-revoka tal-miżuri eżistenti u r-reġistrazzjoni ta’ importazzjonijiet

    (12)

    Skont Artikolu 11(4) tar-Regolament bażiku, jenħtieġ li d-dazju anti-dumping fis-seħħ fuq l-importazzjonijiet tal-prodott taħt rieżami prodott mill-applikant jitħassar. Fl-istess ħin, tali importazzjonijiet għandhom isiru soġġetti għar-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku, sabiex jiġi żgurat li d-dazji anti-dumping ikunu jistgħu jiġu imposti mid-data tar-reġistrazzjoni ta’ dawn l-importazzjonijiet jekk ir-rieżami jikkonkludi f’sejba li jkun hemm dumping fir-rigward tal-applikant. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinnota li mhuwiex possibbli, f’dan l-istadju, li tingaħta stima affidabbli tal-ammont ta’ obbligazzjoni possibbli fil-ġejjieni, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku.

    5.3.   Il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami

    (13)

    Fid-dawl tal-għadd żgħir ta’ tranżazzjonijiet fil-fajl u sabiex isiru sejbiet rappreżentattivi, l-investigazzjoni se tkopri l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2019 sat-30 ta’ Ġunju 2021 (“il-perjodu tal-investigazzjoni ta’ rieżami”).

    5.4.   L-investigazzjoni tal-applikanti

    (14)

    Sabiex tikseb l-informazzjoni li tqis meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni qiegħdet għad-dispożizzjoni tal-applikant kwestjonarju fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati u fuq is-sit web tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ https://trade.ec.europa.eu/tdi/. L-applikant irid jippreżenta l-kwestjonarju mimli fil-limitu taż-żmien speċifikat fl-Artikolu 4(2) ta’ dan ir-Regolament.

    5.5.   Preżentazzjonijiet oħrajn bil-miktub

    (15)

    Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, il-partijiet interessati kollha huma mistiedna jesprimu l-opinjoni tagħhom, jippreżentaw informazzjoni u jipprovdu evidenza ta’ sostenn. Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, din l-informazzjoni u l-evidenza ta’ sostenn iridu jaslu għand il-Kummissjoni fil-limitu ta’ żmien speċifikat fl-Artikolu 4(2) ta’ dan ir-Regolament.

    5.6.   Possibbiltà ta’ smigħ mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni

    (16)

    Il-partijiet kollha interessati jistgħu jinstemgħu mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni fil-limiti ta’ żmien speċifikati fl-Artikolu 4(3) ta’ dan ir-Regolament. Kull talba għal smigħ trid issir bil-miktub u trid tispeċifika r-raġunijiet għat-talba. Għal smigħ dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw il-fażi inizjali tal-investigazzjoni t-talba trid titressaq fi żmien 15-il jum mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. Wara dan, it-talba għal smigħ trid titressaq fil-limitu tal-iskadenzi speċifiċi stabbiliti mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha mal-partijiet.

    5.7.   Struzzjonijiet għall-preżentazzjonijiet bil-miktub u biex jintbagħtu l-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza

    (17)

    L-informazzjoni mibgħuta lill-Kummissjoni għall-fini tal-investigazzjonijiet għad-difiża tal-kummerċ għandha tkun ħielsa mid-drittijiet tal-awtur. Il-partijiet interessati, qabel ma jippreżentaw informazzjoni u/jew data lill-Kummissjoni soġġetta għad-drittijiet tal-awtur ta’ parti terza, iridu jitolbu permess speċifiku lid-detentur tad-drittijiet tal-awtur li jippermetti b’mod espliċitu a) li l-Kummissjoni tuża l-informazzjoni u d-data għall-fini ta’ dan il-proċediment tad-difiża tal-kummerċ u b) li tipprovdi l-informazzjoni u/jew id-data lill-partijiet interessati f’din l-investigazzjoni f’għamla li tippermettilhom jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom.

    (18)

    Il-preżentazzjonijiet bil-miktub kollha, inkluża l-informazzjoni mitluba f’dan ir-Regolament, il-kwestjonarji mimlijin u l-korrispondenza pprovduta mill-partijiet interessati li jkun intalab trattament kunfidenzjali għalihom għandhom jiġu mmarkati “Sensitive” (4). Il-partijiet interessati li jippreżentaw informazzjoni matul din l-investigazzjoni huma mistiedna jagħtu raġunijiet għat-talba tagħhom għal trattament kunfidenzjali.

    (19)

    Il-partijiet li jipprovdu informazzjoni mmarkata “Sensitive” huma mitlubin jipprovdu sommarji mhux kunfidenzjali tagħha skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament bażiku, filwaqt li jimmarkawha “For inspection by interested parties” (Għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati). Jenħtieġ li dawn it-taqsiriet ikunu ddettaljati biżżejjed biex jippermettu li s-sustanza tal-informazzjoni ppreżentata b’mod kunfidenzjali tinftiehem b’mod raġonevoli.

    (20)

    Jekk parti li tipprovdi tagħrif kunfidenzjali tonqos milli tagħti raġunijiet ġusti għal talba ta’ trattament kunfidenzjali jew ma tfassalx taqsira mhux kunfidenzjali tagħha fil-format u bil-kwalità mitluba, il-Kummissjoni tista’ tinjora tali informazzjoni sakemm ma jkunx jista’ jintwera b’mod sodisfaċenti minn sorsi xierqa li l-informazzjoni hija korretta.

    (21)

    Il-partijiet interessati huma mistiedna jressqu l-preżentazzjonijiet u t-talbiet kollha permezz ta’ TRON.tdi (https://webgate.ec.europa.eu/tron/TDI) inklużi dokumenti skenjati ta’ prokuri u ta’ ċertifikazzjoni.

    (22)

    Sabiex ikollhom aċċess għal TRON.tdi, il-partijiet interessati jeħtieġu kont tal-EU Login. L-istruzzjonijiet kollha dwar kif wieħed għandu jirreġistra u juża TRON.tdi huma disponibbli fuq https://webgate.ec.europa.eu/tron/resources/documents/gettingStarted.pdf.

    (23)

    Meta jużaw TRON.tdi jew il-posta elettronika, il-partijiet interessati jkunu qed jesprimu l-qbil tagħhom mar-regoli applikabbli għall-preżentazzjonijiet elettroniċi li jinsabu fid-dokument “CORRESPONDENCE WITH THE EUROPEAN COMMISSION IN TRADE DEFENCE CASES” (KORRISPONDENZA MAL-KUMMISSJONI EWROPEA F’KAŻIJIET TA’ DIFIŻA TAL-KUMMERĊ) ippubblikat fis-sit web tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ: http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2011/june/tradoc_148003.pdf.

    (24)

    Il-partijiet interessati jridu jindikaw isimhom, l-indirizz, in-numru tat-telefown u indirizz validu tal-posta elettronika u jenħtieġ li jiżguraw li l-indirizz tal-posta elettronika pprovdut ikun indirizz tal-posta elettronika uffiċċjali tax-xogħol li jiffunzjona u li jiġi ċċekkjat kuljum. Ladarba jiġu pprovduti d-dettalji ta’ kuntatt, il-Kummissjoni tikkomunika mal-partijiet interessati permezz ta’ TRON.tdi jew tal-posta elettronika biss, dment li ma jitolbux li jirċievu d-dokumenti kollha mingħand il-Kummissjoni b’mezz ieħor ta’ komunikazzjoni jew sakemm in-natura tad-dokument li jrid jintbagħat ma tkunx teħtieġ l-użu tal-posta rreġistrata. Għal regoli u għal informazzjoni ulterjuri dwar korrispondenza mal-Kummissjoni, inklużi l-prinċipji li japplikaw għal sottomissjonijiet permezz ta’ TRON.tdi u bil-posta elettronika, jenħtieġ li l-partijiet interessati jikkonsultaw l-istruzzjonijiet ta’ komunikazzjoni mal-partijiet interessati msemmijin hawn fuq.

    L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:

    European Commission

    Directorate-General for Trade

    Directorate G

    Uffiċċju: CHAR 04/039

    1049 Brussels

    BELGIUM

    TRON.tdi: https://webgate.ec.europa.eu/tron/tdi

    Posta elettronika: TRADE-R746-TCCA@ec.europa.eu

    6.   NONKOOPERAZZJONI

    (25)

    Jekk xi parti interessata tirrifjuta l-aċċess għall-informazzjoni meħtieġa jew ma tipprovdihiex fil-limiti ta’ żmien, jew tfixkel b’mod sinifikanti l-investigazzjoni, jistgħu jiġu stabbiliti sejbiet, sew pożittivi kif ukoll negattivi, abbażi tal-fatti disponibbli, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

    (26)

    Jekk jinstab li xi parti interessata tkun ipprovdiet informazzjoni falza jew qarrieqa, l-informazzjoni tista’ tiġi injorata u jistgħu jintużaw il-fatti disponibbli skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

    (27)

    Jekk parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera parzjalment biss u s-sejbiet għalhekk ikunu bbażati fuq fatti disponibbli skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, ir-riżultat jista’ jkun anqas favorevoli għal din il-parti milli kieku tkun ikkooperat.

    7.   UFFIĊJAL TAS-SEDUTA

    (28)

    Il-partijiet interessati jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta għal proċedimenti kummerċjali. L-Uffiċjal tas-Seduta jirrieżamina t-talbiet għall-aċċess għall-fajl, it-tilwim dwar il-kunfidenzjalità tad-dokumenti, it-talbiet għal estensjoni tal-limiti ta’ żmien u kwalunkwe talba oħra dwar id-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati u tal-partijiet terzi li jistgħu jfeġġu matul il-proċediment.

    (29)

    L-Uffiċjal tas-Seduta jista’ jorganizza seduti ta’ smigħ u jagħmilha ta’ medjatur bejn il-parti(jiet) interessata/i u s-servizzi tal-Kummissjoni sabiex jiżgura li d-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati jkunu qed jiġu eżerċitati bis-sħiħ. Jenħtieġ li t-talba għal seduta ta’ smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta ssir bil-miktub u jenħtieġ li tispeċifika r-raġunijiet għat-talba. L-Uffiċjal tas-Seduta jeżamina r-raġunijiet għat-talbiet. Jenħtieġ li dawn is-seduti ta’ smigħ isiru biss jekk il-kwistjonijiet ma jkunux ġew solvuti mas-servizzi tal-Kummissjoni fi żmien debitu.

    (30)

    Kull talba trid tiġi ppreżentata fi żmien raġonevoli u f’qasir żmien sabiex ma xxekkilx l-andament tajjeb tal-proċedimenti. Għal dan il-għan, il-partijiet interessati jenħtieġ li jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta minn kmieni kemm jista’ ikun wara li jseħħ il-każ li jiġġustifika tali intervent. Meta t-talbiet għal seduti ta’ smigħ jiġu ppreżentati lil hinn mill-oqfsa ta’ żmien rilevanti, l-Uffiċjal tas-Seduta jeżamina wkoll ir-raġunijiet għalfejn tali talbiet saru daqshekk tard, in-natura tal-kwistjonijiet imqajma u l-impatt ta’ dawk il-kwistjonijiet fuq id-drittijiet tad-difiża, filwaqt li jqis kif dovut l-interessi ta’ amministrazzjoni tajba u t-tlestija tal-investigazzjoni fil-ħin.

    (31)

    Għal aktar informazzjoni u għad-dettalji ta’ kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni web tal-Uffiċjal tas-Seduta fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ: http://ec.europa.eu/trade/trade-policy-and-you/contacts/hearing-officer/.

    8.   SKEDA TAL-INVESTIGAZZJONI

    (32)

    L-investigazzjoni tintemm, skont l-Artikolu 11(5) tar-Regolament bażiku, fi żmien disa’ xhur mid-data li fiha jidħol fis-seħħ dan ir-Regolament.

    9.   PROĊESSAR TA’ DATA PERSONALI

    (33)

    Kull data personali miġbura f’din l-investigazzjoni se tiġi ttrattata f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5).

    (34)

    Avviż dwar il-protezzjoni tad-data li jinforma lill-individwi kollha dwar l-ipproċessar tad-data personali fil-qafas tal-attivitajiet tad-difiża tal-kummerċ tal-Kummissjoni huwa disponibbli fis-sit web tad-DĠ Kummerċ: http://ec.europa.eu/trade/policy/accessing-markets/trade-defence/

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    1.   B’dan qed jingħata bidu għal rieżami tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2230 skont l-Artikolu 11(4) tar-Regolament (UE) 2016/1036 sabiex jiġi ddeterminat jekk għandux jiġi impost dazju anti-dumping individwali fuq l-importazzjonijiet tal-aċidu triklorojsoċjanuriku u l-preparazzjonijiet tiegħu, imsejjaħ ukoll “simklosene” taħt l-isem komuni internazzjonali (INN), li bħalissa jaqa’ taħt il-kodiċijiet NM ex 2933 69 80 u ex 3808 94 20 (il-kodiċijiet TARIC 2933698070 u 3808942020), li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“il-prodott taħt rieżami”), prodott għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni minn Inner Mongolia Likang Bio-Tech Co., Ltd (Likang) (kodiċi addizzjonali TARIC C630).

    2.   Rieżami kif imsemmi fil-paragrafu 1 hawn fuq huwa b’dan mibdi wkoll fir-rigward tal-importazzjonijiet tal-prodott taħt rieżami prodott għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni minn Hebei Xingfei Chemical Co., Ltd (kodiċi addizzjonali TARIC C629).

    3.   Rieżami kif imsemmi fil-paragrafu 1 hawn fuq huwa b’dan mibdi wkoll fir-rigward tal-importazzjonijiet tal-prodott taħt rieżami prodott għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni minn Shandong Lantian Disinfection Technology Co., Ltd (kodiċi addizzjonali TARIC C695).

    Artikolu 2

    Id-dazju anti-dumping impost bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2230 huwa b’dan imħassar fir-rigward tal-importazzjonijiet identifikati fl-Artikolu 1 tar-Regolament preżenti.

    Artikolu 3

    L-awtoritajiet doganali għandhom jieħdu l-passi xierqa biex jirreġistraw l-importazzjonijiet fl-Unjoni identifikati fl-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament, skont l-Artikoli 11(4) u 14(5) tar-Regolament (UE) 2016/1036.

    Ir-reġistrazzjoni għandha tiskadi disa’ xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 4

    1.   Il-partijiet interessati jridu jippreżentaw ruħhom billi jikkuntattjaw lill-Kummissjoni fi żmien 15-il jum mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

    2.   Biex ir-rappreżentazzjonijiet tagħhom jiġu kkunsidrati waqt l-investigazzjoni, il-partijiet interessati jridu jippreżentaw il-fehmiet tagħhom bil-miktub u jressqu t-tweġibiet għall-kwestjonarju jew xi tagħrif ieħor fi żmien 37 jum mid-data meta ġie ppubblikat dan ir-Regolament f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm mhux speċifikat mod ieħor.

    3.   Il-partijiet interessati jistgħu wkoll japplikaw sabiex jinstemgħu mill-Kummissjoni fl-istess limitu ta’ żmien 37 jum. Għal smigħ dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw il-fażi inizjali tal-investigazzjoni t-talba trid titressaq fi żmien 15-il jum mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. Kull talba għal smigħ trid issir bil-miktub u trid tispeċifika r-raġunijiet għat-talba.

    Artikolu 5

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Lulju 2021.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)  ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

    (2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2230 tal-4 ta’ Diċembru 2017 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ aċidu triklorojsoċjanuriku li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 319, 5.12.2017, p. 10).

    (3)  https://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/?uri=CELEX%3A52020XC0316%2802%29

    (4)  Dokument “Sensitive” huwa dokument li jitqies li jkun kunfidenzjali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku u l-Artikolu 6 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT 1994 (il-Ftehim dwar l-Anti-Dumping). Huwa wkoll dokument protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).

    (5)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).


    Top