This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32021R0133
Commission Implementing Regulation (EU) 2021/133 of 4 February 2021 implementing Regulation (EU) 2018/858 of the European Parliament and of the Council as regards the basic format, structure and the means of exchange of the data of the certificate of conformity in electronic format
Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/133 tal-4 ta’ Frar 2021 li jimplimenta r-Regolament (UE) 2018/858 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-format bażiku, l-istruttura u l-mezzi ta’ skambju tad-data taċ-ċertifikat ta’ konformità f’format elettroniku
Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/133 tal-4 ta’ Frar 2021 li jimplimenta r-Regolament (UE) 2018/858 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-format bażiku, l-istruttura u l-mezzi ta’ skambju tad-data taċ-ċertifikat ta’ konformità f’format elettroniku
C/2021/459
ĠU L 42, 5.2.2021, p. 1–3
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force: This act has been changed. Current consolidated version: 01/05/2024
5.2.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 42/1 |
IR-REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/133
tal-4 ta’ Frar 2021
li jimplimenta r-Regolament (UE) 2018/858 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-format bażiku, l-istruttura u l-mezzi ta’ skambju tad-data taċ-ċertifikat ta’ konformità f’format elettroniku
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2018/858 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta’ vetturi bil-mutur u t-trejlers tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 715/2007 u (KE) Nru 595/2009 u li jħassar id-Direttiva 2007/46/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 37(8) tiegħu,
Billi:
(1) |
Sabiex jiġi żgurat li l-Istati Membri jkollhom biżżejjed żmien biex jistabbilixxu l-organizzazzjoni u l-istruttura tan-network tad-data tagħhom, biex jippermettu l-forniment u r-riċeviment tad-data taċ-ċertifikati ta’ konformità bħala data strutturata f’format elettroniku, huwa xieraq li għall-iskambju ta’ dik id-data tiġi ddeżinjata s-Sistema ta’ Informazzjoni Ewropea tal-Liċenzji tal-Vetturi u tas-Sewqan (EUCARIS) (2). L-EUCARIS ġiet żviluppata mill-awtoritajiet governattivi u għalihom għall-kondiviżjoni ta’ informazzjoni dwar ir-reġistrazzjoni tal-vetturi u dwar il-liċenzji tas-sewqan. |
(2) |
Sabiex jiġi żgurat li ċ-ċertifikati ta’ konformità jiġu skambjati b’mod uniformi u li l-elementi tad-data u l-messaġġi li jkun fihom ikunu armonizzati, il-format u l-istruttura tal-elementi ta’ data taċ-ċertifikati ta’ konformità jenħtieġ li jkunu bbażati fuq l-istruttura u l-prinċipji tal-iskema tal-Extensible Markup Language (XML). Il-manifattur u l-awtorità tal-approvazzjoni jenħtieġ li jużaw il-messaġġi standardizzati tal-Informazzjoni Inizjali dwar il-Vettura (IVI) żviluppati mill-parti maħtura tal-EUCARIS għat-tħaddim għall-iskambju tagħhom bħala data strutturata f’format elettroniku. |
(3) |
Sabiex l-awtorità tal-approvazzjoni u l-manifattur jkunu jistgħu jimplimentaw l-emendi għall-elementi tad-data għaċ-ċertifikat ta’ konformità f’format stampat imsemmi fl-Artikolu 36(1) tar-Regolament (UE) 2018/858 fin-network tad-data tagħhom, jeħtieġ li jiġu stabbiliti arranġamenti prattiċi għal tali emendi. |
(4) |
Sabiex l-awtoritajiet tal-approvazzjoni tat-tip, l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq u l-awtoritajiet tar-reġistrazzjoni tal-Istati Membri kif ukoll il-manifatturi jkunu jistgħu jippreparaw għall-applikazzjoni tar-regoli l-ġodda introdotti b’dan ir-Regolament, jenħtieġ li d-data tal-applikazzjoni tiġi differita. |
(5) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Tekniku – Vetturi bil-Mutur (TCMV), |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Il-mezzi ta’ skambju tad-data
1. Il-manifattur għandu jagħmel disponibbli verżjoni elettronika taċ-ċertifikat ta’ konformità f’konformità mal-format u l-istruttura tal-elementi tad-data u l-messaġġi standardizzati stabbiliti fl-Artikolu 2 permezz ta’ kwalunkwe punt ta’ aċċess nazzjonali tas-Sistema ta’ Informazzjoni Ewropea tal-Liċenzji tal-Vetturi u tas-Sewqan (EUCARIS) fl-Unjoni lill-awtorità tal-approvazzjoni tat-tip li tkun tat l-approvazzjoni tat-tip ta’ vettura sħiħa.
2. L-awtorità tal-approvazzjoni għandha tuża l-EUCARIS bħala l-mezz ta’ skambju tad-data taċ-ċertifikat ta’ konformità bħala data strutturata f’format elettroniku imsemmi fil-punt (c) tal-Artikolu 37(8) tar-Regolament (UE) 2018/858.
Artikolu 2
Format bażiku u struttura tal-elementi tad-data u messaġġi standardizzati
1. Il-format u l-istruttura tal-elementi tad-data taċ-ċertifikati ta’ konformità f’format elettroniku u l-messaġġi użati fl-iskambju, imsemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 37(8) tar-Regolament (UE) 2018/858, għandhom ikunu bbażati fuq l-istruttura u l-prinċipji tal-iskema Extensible Markup Language (XML).
2. Il-manifattur u l-awtorità tal-approvazzjoni għandhom jużaw il-messaġġi standardizzati tal-Informazzjoni Inizjali dwar il-Vettura (IVI) żviluppati mill-parti maħtura tal-EUCARIS għat-tħaddim, għall-iskambju taċ-ċertifikati ta’ konformità bħala data strutturata f’format elettroniku.
3. Il-messaġġi IVI għandhom jinkludu l-elementi kollha tad-data taċ-ċertifikat ta’ konformità f’format stampat imsemmi fl-Artikolu 36(1) tar-Regolament (UE) 2018/858.
Artikolu 3
Proċedura għall-emendar tal-elementi tad-data
1. Wara konsultazzjoni mal-Forum għall-Iskambju ta’ Informazzjoni dwar l-Infurzar (“il-Forum”) imsemmi fl-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) 2018/858, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-parti maħtura tal-EUCARIS għat-tħaddim bl-emendi għall-ispeċifikazzjonijiet tal-elementi tad-data għaċ-ċertifikat ta’ konformità f’format stampat imsemmi fl-Artikolu 36(1) tar-Regolament (UE) 2018/858.
2. Il-parti maħtura tal-EUCARIS għat-tħaddim għandha tagħmel l-emendi meħtieġa msemmija fil-paragrafu 1 għall-messaġġi IVI fi żmien tliet xhur mid-data tal-pubblikazzjoni tal-emendi għaċ-ċertifikat ta’ konformità f’format stampat imsemmi fl-Artikolu 36(1) tar-Regolament (UE) 2018/858 f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
3. Il-parti maħtura tal-EUCARIS għat-tħaddim għandha tippjana d-data jew id-dati tar-rilaxx tal-verżjoni emendata tal-messaġġi IVI stabbiliti f’konformità mal-paragrafu 2 f’ħarsa ġenerali annwali, u għandha tinforma lill-Forum u lill-Kummissjoni biha fil-bidu ta’ kull sena. L-għadd ta’ rilaxxi tal-messaġġi IVI għandu jkun limitat għal tnejn fis-sena.
4. Il-Kummissjoni għandha tikkomunika l-verżjoni emendata tal-messaġġi IVI u d-dati annwali tar-rilaxx ippjanati tal-EUCARIS lill-Forum.
5. L-awtoritajiet tal-approvazzjoni, l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq tal-Istati Membri u l-manifatturi għandhom jimplimentaw il-verżjoni emendata tal-messaġġi IVI fis-sistemi rispettivi tagħhom fi żmien 12-il xahar mid-data tal-pubblikazzjoni tal-emendi għaċ-ċertifikat ta’ konformità f’format stampat imsemmi fl-Artikolu 36(1) tar-Regolament (UE) 2018/858 f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
6. Iċ-ċertifikat ta’ konformità li l-manifattur jagħmel disponibbli f’konformità mal-Artikolu 1(1) għandu jkun ibbażat fuq il-messaġġi IVI l-aktar reċenti li jirriflettu l-aktar emendi reċenti għaċ-ċertifikat ta’ konformità f’format stampat imsemmi fl-Artikolu 36(1) tar-Regolament (UE) 2018/858.
7. Il-Kummissjoni għandha tiddetermina d-dati tal-applikazzjoni tal-emendi għaċ-ċertifikat ta’ konformità f’format stampat imsemmi fl-Artikolu 36(1) tar-Regolament (UE) 2018/858 billi tqis id-dati annwali tar-rilaxx ippjanati tal-messaġġi IVI.
Artikolu 4
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2023.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ Frar 2021.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 151, 14.6.2018, p. 1.
(2) Verżjoni konsolidata tat-Trattat EUCARIS dwar Sistema ta’ Informazzjoni Ewropea tal-Liċenzji tal-Vetturi u tas-Sewqan (EUCARIS) inklużi l-emendi ffirmati mill-Partijiet fit-8 ta’ Ġunju 2017.