Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021R0048

    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2021/48 tat-22 ta’ Jannar 2021 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 147/2003 dwar ċerti miżuri restrittivi fil-każ tas-Somalja

    ĠU L 23, 25.1.2021, p. 1–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/48/oj

    25.1.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 23/1


    IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2021/48

    tat-22 ta’ Jannar 2021

    li jemenda r-Regolament (KE) Nru 147/2003 dwar ċerti miżuri restrittivi fil-każ tas-Somalja

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 215 tiegħu,

    Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/231/PESK tas-26 ta’ April 2010 dwar miżuri restrittivi kontra s-Somalja u li tirrevoka l-Pożizzjoni Komuni 2009/138/PESK (1),

    Wara li kkunsidra l-proposta konġunta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u tal-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 147/2003 (2) dwar ċerti miżuri restrittivi fil-każ tas-Somalja jirrestrinġi l-għoti ta’ finanzjament, assistenza finanzjarja u assistenza teknika relatati ma’ attivitajiet militari fir-rigward ta’ oġġetti u teknoloġija inklużi fil-Lista Militari Komuni tal-Unjoni Ewropea (3) lil kwalunkwe persuna, entità jew korp fis-Somalja. Huwa jirrestrinġi wkoll il-provvista lis-Somalja ta’ oġġetti li jistgħu jikkontribwixxu għall-manifattura ta’ apparati splussivi improvviżati (“IEDs”).

    (2)

    Fit-12 ta’ Novembru 2020, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (KSNU) adotta r-Riżoluzzjoni 2551 (2020). Din ir-Riżoluzzjoni, inter alia, temenda l-eżenzjonijiet għall-embargo fuq l-armi fir-rigward ta’ ċerti provvisti ta’ armi u l-finanzjament, l-assistenza finanzjarja u l-assistenza teknika relatati maħsuba għall-forzi tas-sigurtà Somali u tespandi l-lista ta’ oġġetti kkontrollati li jistgħu jikkontribwixxu għall-manifattura tal-IEDs.

    (3)

    Fit-22 ta’ Jannar 2021, ġiet adottata d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/48 (4), li temenda d-Deċiżjoni 2010/231/PESK f’konformità mar-Riżoluzzjoni 2551 (2020) tal-KSNU.

    (4)

    Xi wħud minn dawn l-emendi jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat, u għalhekk hija neċessarja azzjoni regolatorja fil-livell tal-Unjoni sabiex jiġu implimentati, b’mod partikolari bl-għan li tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tagħhom fl-Istati Membri kollha.

    (5)

    Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (KE) Nru 147/2003 jiġi emendat skont dan,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament (KE) Nru 147/2003 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    l-Artikolu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 1

    1.   Huma pprojbiti:

    (a)

    il-forniment ta’ finanzjament jew assistenza finanzjarja relatati ma’ attivitajiet militari, għal kwalunkwe bejgħ, provvista, trasferiment jew esportazzjoni ta’ oġġetti u teknoloġija inklużi fil-Lista Militari Komuni tal-Unjoni Ewropea (*), direttament jew indirettament lil kwalunkwe persuna, entità jew korp fis-Somalja,

    (b)

    il-forniment ta’ assistenza teknika relatati ma’ attivitajiet militari, fir-rigward ta’ oġġetti u teknoloġija inklużi fil-Lista Militari Komuni tal-Unjoni Ewropea, direttament jew indirettament, lil kwalunkwe persuna, entità jew korp fis-Somalja.

    (*)  ĠU C 98, 15.3.2018, p. 1.”;"

    (2)

    jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

    “Artikolu 1a

    Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    “assistenza teknika” tfisser kwalunkwe appoġġ tekniku relatat ma’ tiswijiet, żvilupp, manifattura, muntaġġ, ittestjar, manutenzjoni, jew kwalunkwe servizz tekniku ieħor, u jista’ jieħu forom bħal istruzzjoni, pariri, taħriġ, trażmissjoni ta’ tagħrif prattiku jew ħiliet jew servizzi ta’ konsulenza; inklużi forom verbali ta’ assistenza;

    (b)

    “finanzjament jew assistenza finanzjarja” tfisser kwalunkwe azzjoni, irrispettivament mill-mezzi partikolari magħżula, li biha l-persuna, l-entità jew il-korp ikkonċernati, kondizzjonalment jew inkondizzjonalment, jiżborżaw jew jimpenjaw ruħhom li jiżborżaw fondi jew riżorsi ekonomiċi tagħhom stess, inklużi, iżda mhux limitatament għal, għotjiet, self, garanziji, rahan, bonds, ittri ta’ kreditu, krediti tal-fornitur, krediti tax-xerrej, avvanzi fuq l-importazzjoni jew l-esportazzjoni u t-tipi kollha ta’ assigurazzjoni u riassigurazzjoni, inkluża assigurazzjoni tal-kreditu għall-esportazzjoni. Il-ħlas kif ukoll it-termini u l-kondizzjonijiet tal-ħlas tal-prezz miftiehem għal oġġett jew servizz, li jsiru skont il-prattika normali tan-negozju, ma jikkostitwux finanzjament jew assistenza finanzjarja;

    (c)

    “Kumitat tas-Sanzjonijiet” tfisser il-Kumitat tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU li ġie stabbilit skont il-paragrafu 11 tal-UNSCR 751 (1992);

    (d)

    “territorju tal-Unjoni” tfisser it-territorji tal-Istati Membri li għalihom japplika t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dak it-Trattat, inkluż l-ispazju tal-ajru tagħhom. ”;

    (3)

    l-Artikolu 2a huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 2a

    B’deroga mill-Artikolu 1, l-awtorità kompetenti fl-Istat Membru fejn ikun stabbilit il-fornitur tas-servizzi, kif indikat fil-websites elenkati fl-Anness I, tista’ tawtorizza:

    (a)

    l-għoti ta’ finanzjament jew assistenza finanzjarja jew assistenza teknika relatati ma’ attivitajiet militari fir-rigward ta’ oġġetti u teknoloġija inklużi fil-Lista Militari Komuni tal-Unjoni Ewropea, jekk l-awtorità kompetenti kkonċernata tkun iddeterminat li tali finanzjament jew assistenza finanzjarja, jew assistenza teknika jkunu maħsubin unikament għall-iżvilupp tal-Forzi tas-Sigurtà Nazzjonali Somali biex jipprovdu sigurtà għall-poplu Somalu;

    (b)

    l-għoti ta’ finanzjament jew assistenza finanzjarja jew assistenza teknika relatati ma’ attivitajiet militari fir-rigward ta’ oġġetti u teknoloġija inklużi fil-Lista Militari Komuni tal-Unjoni Ewropea jekk jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

    (i)

    l-awtorità kompetenti kkonċernata tkun iddeterminat li tali finanzjament, assistenza finanzjarja jew assistenza teknika jkunu maħsubin unikament għall-iżvilupp tal-istituzzjonijiet tas-settur tas-sigurtà Somali għajr dawk tal-Gvern Federali tas-Somalja, biex jipprovdu sigurtà għall-poplu Somalu;

    (ii)

    il-Kumitat tas-Sanzjonijiet ma jkunx ħa deċiżjoni negattiva fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol minn meta rċieva notifika mill-Istat Membru li jipprovdi tali finanzjament, assistenza finanzjarja jew assistenza teknika, dwar kwalunkwe għoti ta’ tali finanzjament, assistenza finanzjarja jew assistenza teknika;

    (iii)

    il-Gvern Federali tas-Somalja jkun ġie infurmat b’mod parallel mill-inqas ħamest ijiem tax-xogħol minn qabel f’konformità mal-UNSCR 2551 (2020).”;

    (4)

    fl-Artikolu 3, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “1.

    L-Artikolu 1 ma għandux japplika:

    (a)

    għall-għoti ta’ finanzjament jew assistenza finanzjarja għall-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta’ tagħmir militari mhux letali maħsub unikament għal użu umanitarju jew protettiv;

    (b)

    għall-għoti ta’ assistenza teknika relatata ma’ tali tagħmir mhux letali, sakemm tali attivitajiet ikunu ġew innotifikati minn qabel u għall-informazzjoni tiegħu biss lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet mill-Istat Membru fornitur jew mill-organizzazzjoni internazzjonali, reġjonali jew subreġjonali fornitriċi;

    (c)

    għall-għoti ta’ finanzjament jew assistenza finanzjarja jew assistenza teknika relatata ma’ attivitajiet militari fir-rigward ta’ oġġetti u teknoloġija inklużi fil-Lista Militari Komuni tal-Unjoni Ewropea, maħsubin unikament għall-appoġġ ta’, jew biex jintużaw minn, il-persunal tan-Nazzjonijiet Uniti, inklużi l-Missjoni ta’ Assistenza tan-Nazzjonijiet Uniti fis-Somalja (UNSOM), il-Missjoni tal-Unjoni Afrikana fis-Somalja (AMISOM); is-sħab strateġiċi tal-AMISOM, li joperaw unikament taħt l-aħħar Kunċett Strateġiku tal-Operazzjonijiet tal-Unjoni Afrikana, u f’kooperazzjoni u koordinazzjoni mal-AMISOM; u l-Missjoni ta’ Taħriġ tal-Unjoni Ewropea (EUTM) fis-Somalja; jew

    (d)

    għall-għoti ta’ finanzjament jew assistenza finanzjarja jew assistenza teknika għall-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta’ oġġetti u teknoloġija inklużi fil-Lista Militari Komuni tal-Unjoni Ewropea maħsubin għall-użu esklussiv minn Stati jew organizzazzjonijiet internazzjonali, reġjonali u subreġjonali li jieħdu miżuri biex irażżnu atti ta’ piraterija u serq bl-użu tal-armi fuq il-baħar ’il barra mix-xtut tas-Somalja, fuq talba tal-Gvern Federali tas-Somalja u li għalihom il-Gvern Federali tas-Somalja jkun innotifika lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, u dment li kwalunkwe miżura meħuda tkun konsistenti mad-dritt umanitarju internazzjonali u d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem li jkunu applikabbli.”;

    (5)

    l-Anness III huwa emendat kif stipulat fl-Anness għal dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Jannar 2021.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    A.P. ZACARIAS


    (1)  ĠU L 105, 27.4.2010, p. 17.

    (2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 147/2003 tas-27 ta’ Jannar 2003 dwar ċerti miżuri restrittivi fil-każ tas-Somalja (ĠU L 24, 29.1.2003, p. 2).

    (3)  ĠU C 98, 15.3.2018, p. 1.

    (4)  Ara l-paġna 1 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.


    ANNESS

    Fl-Anness III, il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “3.

    Materjali splussivi, kif ġej, u taħlitiet li jkollhom waħda jew aktar minn dawn:

    L-isem tas-sustanza

    Numru tar-Reġistru tas-Servizz tat-Taqsiriet tas-Sustanzi Kimiċi (CAS RN)

    Kodiċi tan-Nomenklatura Magħquda (NM) (1)

    Żejt Kombustibbli tan-Nitrat tal-Ammonju (ANFO)

    6484-52-2 (nitrat tal-ammonju)

    3102 30 90

    3102 40

    Nitroċellulożju (li fiha aktar minn 12,5 % nitroġenu skont il-piż)

    9004-70-0

    ex 3912 20

    Nitrogliċerina (ħlief meta ppakkjata/ippreparata f’dożi mediċinali individwali) sakemm ma tkunx komposta jew imħallta mal-“materjal enerġetiku” speċifikat minn ML8.a. jew ma’ metalli f’forma ta’ trab speċifikati minn ML8.c. tal-Lista Militari Komuni tal-UE

    55-63-0

    ex 2920 90 70

    Nitroglikol

    628-96-6

    ex 2920 90 70

    Tetranitrat tal-pentaeritritol (PETN)

    78-11-5

    ex 2920 90 70

    Klorur tal-pikril

    88-88-0

    ex 2904 99 00

    2,4,6-Trinitrotoluwen (TNT)

    118-96-7

    2904 20 00


    (1)  Il-kodiċijiet tan-nomenklatura jittieħdu min-Nomenklatura Magħquda kif definita fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1) u kif stipulat fl-Anness I tiegħu, li huma validi fiż-żmien tal-pubblikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u, mutatis mutandis, kif emendati mil-leġiżlazzjoni sussegwenti.”


    Top