EUR-Lex De toegang tot het recht van de Europese Unie

Terug naar de EUR-Lex homepage

Dit document is overgenomen van EUR-Lex

Document 32020D1561

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1561 tat-23 ta’ Ottubru 2020 li tagħti appoġġ temporanju skont ir-Regolament (UE) 2020/672 lill-Ungerija biex ittaffi r-riskji ta’ qagħad fl-emerġenza wara t-tifqigħa tal-COVID-19

ĠU L 357, 27.10.2020, blz. 24–28 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Juridische status van het document Van kracht: Dezehandelingisgewijzigd. Huidige geconsolideerde versie: 26/01/2022

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2020/1561/oj

27.10.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 357/24


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/1561

tat-23 ta’ Ottubru 2020

li tagħti appoġġ temporanju skont ir-Regolament (UE) 2020/672 lill-Ungerija biex ittaffi r-riskji ta’ qagħad fl-emerġenza wara t-tifqigħa tal-COVID-19

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/672 tad-19 ta’ Mejju 2020 dwar l-istabbiliment ta’ Strument Ewropew għal appoġġ temporanju biex jittaffew ir-riskji ta’ qgħad f’emerġenza (SURE) wara t-tifqigħa tal-COVID-19 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fis-6 ta’ Awwissu 2020, l-Ungerija talbet assistenza finanzjarja mill-Unjoni bil-ħsieb li tikkomplementa l-isforzi nazzjonali tagħha biex tindirizza l-impatt tat-tifqigħa tal-COVID-19 u tirreaġixxi għall-konsegwenzi soċjoekonomiċi tat-tifqigħa għall-ħaddiema u għal dawk li jaħdmu għal rashom.

(2)

It-tifqigħa tal-COVID-19 u l-miżuri straordinarji implimentati mill-Ungerija biex titrażżan it-tifqigħa u l-impatt soċjo-ekonomiku kif ukoll dak sanitarju tagħha huma mistennija li jkollhom impatt drammatiku fuq il-finanzi pubbliċi. Skont il-previżjoni tar-rebbiegħa 2020 tal-Kummissjoni, l-Ungerija kienet mistennija li jkollha defiċit u dejn tal-amministrazzjoni pubblika ta’ 5,2 % u 75,0 % tal-prodott domestiku gross (PDG) rispettivament sa tmiem l-2020. Skont il-previżjoni interim tas-sajf 2020 tal-Kummissjoni, il-PDG tal-Ungerija huwa previst li jonqos b’7,0 % fl-2020.

(3)

It-tifqigħa tal-COVID-19 ipparalizzat parti sostanzjali tal-forza tax-xogħol fl-Ungerija. Dan wassal għal żieda għal għarrieda u qawwija fin-nefqa pubblika fl-Ungerija fir-rigward ta’ miżuri simili għal skemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar u miżuri relatati mas-saħħa, kif stabbilit fil-premessi (4) sa (14).

(4)

“Ir-Riżoluzzjoni tal-Gvern 2080/2020 dwar l-iżvilupp nazzjonali ta’ akkomodazzjoni”, kif imsemmi fit-talba tal-Ungerija tas-6 ta’ Awwissu 2020, introduċiet appoġġ temporanju għat-titjib tal-akkomodazzjoni (tibdil, espansjoni, rinovar ta’ bini, xiri ta’ tagħmir) f’destinazzjonijiet turistiċi biex tinżamm il-forza tax-xogħol eżistenti. Ġiet mitluba biss dik il-parti tan-nefqa relatata mal-appoġġ għal dawk li jaħdmu għal rashom u għall-kumpaniji b’membru wieħed. Il-miżura tista’ titqies li hija miżura simili għal skemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar, kif imsemmija fir-Regolament (UE) 2020/672, peress li għandha l-għan li tipproteġi lil dawk li jaħdmu għal rashom jew kategoriji simili ta’ ħaddiema minn tnaqqis fl-introjtu jew it-telf tiegħu.

(5)

Id-“Digriet tal-Ministeru tal-Agrikoltura Nru 25/2020. (VI. 22.)” (2), “Digriet tal-Ministeru tal-Agrikoltura Nru 26/2020. (VI. 22.)” (3) u “d-Digriet tal-Ministeru tal-Agrikoltura Nru 30/2020. (VI. 22.)” (4), kif inhuma msemmija fit-talba tal-Ungerija tas-6 ta’ Awwissu 2020, introduċew għotja ta’ darba għal kumpaniji tal-ipproċessar tal-ikel, kumpaniji ortikulturali fis-setturi tat-tkabbir ta’ għelejjel mhux perenni u ta’ propagazzjoni tal-pjanti u l-kumpaniji ta’ trobbija tal-ħut rispettivament. L-appoġġ huwa kondizzjonali fuq l-entità li żżomm l-impjegati tagħha sa Diċembru 2020. Fir-rigward tal-parti tan-nefqa relatata mal-appoġġ għal dawk li jaħdmu għal rashom u kumpaniji b’membru wieħed, il-miżura tista’ titqies li hija miżura simili għal skemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar, kif imsemmija fir-Regolament (UE) 2020/672, peress li għandha l-għan li tipproteġi lil dawk li jaħdmu għal rashom jew kategoriji simili ta’ ħaddiema minn tnaqqis fl-introjtu jew it-telf tiegħu.

(6)

“Id-Digriet tal-Gvern Nru 59/2020. (III. 23.) (5)” u “Att LVIII tal-2020” (6), kif inhuma msemmija fit-talba tal-Ungerija tas-6 ta’ Awwissu 2020, jestendu l-benefiċċji għat-tħaris tat-tfal u għal dawk li jaħdmu għal rashom, li jkunu skadew minħabba r-restrizzjonijiet ta’ età bejn il-11 ta’ Marzu 2020 u t-30 ta’ Ġunju 2020, li kien il-perijodu tal-istat ta’ allarm. Dawk il-benefiċċju tat-tħaris tat-tfal jistgħu jitqiesu li huma miżura simili għal skemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar, kif imsemmija fir-Regolament (UE) 2020/672, minħabba li jipprovdu appoġġ ta’ introjtu għall-impjegati u lil dawk li jaħdmu għal rashom, li jgħin ikopri l-kostijiet tat-tħaris tat-tfal matul l-għeluq tal-iskejjel u għalhekk jgħin lill-ġenituri jkomplu jaħdmu, u jevita li r-relazzjoni tal-impjieg tkun f’riskju.

(7)

Fuq il-bażi tad-“Digriet tal-Gvern Nru 47/2020. (III. 18.)” (7) (kif emendat) kif imsemmi fit-talba tal-Ungerija tas-6 ta’ Awwissu 2020, l-awtoritajiet introduċew għadd ta’ miżuri relatati mat-taxxa. Minħabba li dawk il-miżuri jikkonsistu minn dħul mitluf għall-Gvern, dawn jistgħu jitqiesu li huma ekwivalenti għal nefqa pubblika.

(8)

L-awtoritajiet introduċew eżenzjoni mill-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali u mill-imposta tat-taħriġ vokazzjonali tal-impjegati għall-perijodu minn Marzu sa Diċembru 2020, kif ukoll tnaqqis fit-taxxa ta’ kontribuzzjoni ta’ riabilitazzjoni għall-perijodu minn Marzu sa Ġunju 2020 għas-setturi l-aktar milquta mill-pandemija. Il-parti tan-nefqa totali relatata mal-kumpaniji li jnaqqsu jew iwaqqfu l-ħin tax-xogħol jew meta l-impjegati jkunu kontinwament fl-impjieg sa meta tintalab l-aħħar data tal-eżitu.

(9)

Ġiet introdotta eżenzjoni mir-reġim ta’ taxxa f’somma waħda f’daqqa għan-negozji ż-żgħar (“KATA”), għall-perijodu minn Marzu sa Ġunju 2020 għal kontribwenti tat-taxxa żgħar f’26 attività. Ġiet mitluba biss dik il-parti tan-nefqa relatata mal-appoġġ għal dawk li jaħdmu għal rashom u għall-kumpaniji b’membru wieħed. Il-miżura tista’ titqies bħala miżura simili għal skemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar, kif imsemmija fir-Regolament (UE) 2020/672, peress li għandha l-għan li tipproteġi lil dawk li jaħdmu għal rashom jew kategoriji simili ta’ ħaddiema minn tnaqqis fl-introjtu jew it-telf tiegħu.

(10)

Fl-aħħar nett, b’rabta mal-miżuri relatati mat-taxxa, fis-setturi l-aktar milquta mill-pandemija, l-awtoritajiet eskludew il-kostijiet tal-persunal mill-bażi ta’ taxxa għall-impriżi żgħar (“KIVA”), għall-perijodu minn Marzu sa Ġunju 2020. Il-parti tan-nefqa totali relatata mal-kumpaniji li jnaqqsu jew iwaqqfu l-ħin tax-xogħol jew meta l-impjegati jkunu kontinwament fl-impjieg sa meta tintalab l-aħħar data tal-eżitu.

(11)

L-Unġerija introduċiet ukoll serje ta’ miżuri relatati mas-saħħa biex tindirizza t-tifqigħa tal-COVID-19. “Id-Digriet tal-Gvern Nru 275/2020. (VI. 12.)” (8), kif imsemmi fit-talba tal-Ungerija tas-6 ta’ Awwissu 2020, introduċa somma waħda f’daqqa ta’ HUF 500 000 għal kull persuna għal ħaddiema bħala rikonoxximent tax-xogħol żejjed tagħhom matul il-pandemija.

(12)

Kumpaniji tal-istat, li l-kostijiet tagħhom huma mġarrba mill-Istat, introduċew miżuri speċjali b’kostijiet korrispondenti biex jikkontrollaw il-pandemija. miżuri relatati mas-saħħa bħal dawn jinkludu t-tindif u d-dispożizzjoni ta’ tagħmir protettiv.

(13)

Fuq il-bażi tad-“Digriet tal-Gvern Nru 250/2014. (X. 2.) dwar id-Direttorat Ġenerali għall-Akkwist Pubbliku u l-Forniment (KEF)” (9), kif inhu msemmi fit-talba tal-Ungerija tas-6 ta’ Awwissu 2020, miżuri speċjali biex tiġi kkontrollata l-pandemija (bħal servizzi ta’ diżinfettar ta’ kuljum, kif ukoll tindif spiss ta’ sistemi tal-ventilazzjoni u liftijiet) u biex tiġi protetta s-saħħa personali ta’ uffiċjali pubbliċi b’diżinfettanti u għodod ta’ protezzjoni, irriżultaw f’żieda fil-kostijiet. Miżuri bħal dawn ġew introdotti mill-KFE biex jiġi żgurat it-tħaddim kontinwu ta’ korpi baġitarji pubbliċi.

(14)

Fl-aħħar nett, “Ir-Riżoluzzjoni tal-Gvern 1012/2020. (I. 31.) dwar it-Twaqqif ta’ Persunal Operattiv” (10) kif imsemmi fit-talba tal-Ungerija tas-6 ta’ Awwissu 2020, introduċiet miżuri relatati mal-infrastrutturi u l-investimenti fl-isptarijiet biex jiġi permess livell għoli ta’ protezzjoni tal-ħaddiema tas-saħħa u tal-pazjenti. Il-miżuri jinkludu kmamar għall-eżamijiet dedikati u swali iżolati tal-COVID. Barra minn hekk, il-kostijiet diretti ta’ għodod u tagħmir ta’ protezzjoni personali (maskri tal-wiċċ li jintużaw darba, ġagagi mediċi, tarki tal-plastik għall-wiċċ, ingwanti, diżinfettanti, eċċ.) fi sptarijiet u istituzzjonijiet oħra tal-kura tas-saħħa żdiedu biex jippermettu għal livell għoli ta’ protezzjoni tal-ħaddiema tal-kura tas-saħħa.

(15)

L-Ungerija tissodisfa l-kundizzjonijiet għat-talba ta’ assistenza finanzjarja stabbiliti fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2020/672. L-Ungerija pprovdiet lill-Kummissjoni b’evidenza xierqa li n-nefqa pubblika attwali u ppjanata żdiedet b’EUR 639 500 000 mill-1 ta’ Frar 2020 minħabba l-miżuri nazzjonali meħuda biex jiġu indirizzati l-effetti soċjoekonomiċi tat-tifqigħa tal-COVID-19. L-ammont miżjud li huwa direttament relatat mal-miżuri t’hawn fuq li huma simili għall-iskemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar jikkostitwixxu żieda għal għarrieda u qawwija minħabba li hija relatata ma’ miżuri ġodda u estensjoni tal-miżuri eżistenti, li jkopru proporzjon sinifikanti tal-impriżi u tal-forza tax-xogħol fl-Ungerija. L-Ungerija biħsiebha tiffinanzja EUR 113 740 000 tal-ammont miżjud ta’ nfiq permezz ta’ fondi tal-Unjoni.

(16)

Il-Kummissjoni kkonsultat lill-Ungerija u vverifikat iż-żieda għal għarrieda u qawwija fin-nefqa pubblika attwali u ppjanata direttament relatata mal-iskemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar u miżuri simili, kif ukoll ir-rikors għall-miżuri rilevanti marbuta mas-saħħa relatati mat-tifqigħa tal-COVID-19, imsemmija fit-talba tas-6 ta’ Awwissu 2020, skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2020/672.

(17)

Miżuri relatati mas-saħħa, kif mitluba mill-Ungerija, u msemmija fil-premessi (11) sa (14), jammontaw għal EUR 268 550 000. Dan l-ammont jirrappreżenta aktar minn nofs it-total mitlub ta’ appoġġ finanzjarju. Minħabba l-bżonn li tiġi żgurata n-natura anċillari ta’ din il-kategorija ta’ miżuri, l-ammont tal-assistenza finanzjarja b’appoġġ għall-miżuri relatati mas-saħħa se jkun limitat għal EUR 247 124 000, biex l-ammont jirrappreżenta anqas minn nofs it-total ta’ assistenza finanzjarja.

(18)

Għalhekk jenħtieġ li tingħata assistenza finanzjarja bil-għan li l-Ungerija tiġi megħjuna tindirizza l-effetti soċjoekonomiċi tat-taqlib ekonomiku gravi kkawżat mit-tifqigħa tal-COVID-19. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tieħu d-deċiżjonijiet rigward il-maturitajiet, il-qies u r-rilaxx tal-ħlasijiet parzjali u tal-partijiet f’kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali.

(19)

Jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tkun mingħajr preġudizzju għall-eżitu ta’ kwalunkwe proċedura relatata ma’ distorsjonijiet tal-operat tas-suq intern li tista’ titwettaq, b’mod partikolari skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat. Ma twarrabx il-ħtieġa li l-Istati Membri jinnotifikaw każijiet ta’ għajnuna potenzjali mill-Istat lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 108 tat-Trattat.

(20)

Jenħtieġ li l-Ungerija tinforma lill-Kummissjoni fuq bażi regolari dwar l-implimentazzjoni tan-nefqa pubblika ppjanata, sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tivvaluta l-punt sa fejn l-Ungerija implimentat dik in-nefqa.

(21)

Id-deċiżjoni li tingħata assistenza finanzjarja ttieħdet b’kunsiderazzjoni tal-ħtiġijiet eżistenti u mistennija tal-Ungerija, kif ukoll it-talbiet għal assistenza finanzjarja skont ir-Regolament (UE) 2020/672 diġà ppreżentati jew ippjanati li jiġu ppreżentati minn Stati Membri oħra, filwaqt li jiġu applikati l-prinċipji ta’ trattament ugwali, solidarjetà, proporzjonalità u trasparenza,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Ungerija tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2020/672.

Artikolu 2

1.   L-Unjoni għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Ungerija self li jammonta għal massimu ta’ EUR 504 330 000. Is-self għandu jkollu maturità medja massima ta’ 15-il sena.

2.   Il-perijodu ta’ disponibbiltà għall-għajnuna finanzjarja mogħtija b’din id-Deċiżjoni għandu jkun ta’ 18-il xahar li jibdew mill-ewwel jum wara li din id-Deċiżjoni ssir effettiva.

3.   L-assistenza finanzjarja tal-Unjoni għandha ssir disponibbli mill-Kummissjoni lill-Ungerija f’massimu ta’ tmien ħlasijiet parzjali. Ħlas parzjali jista’ jingħata f’parti waħda jew iktar. Il-maturitajiet tal-partijiet taħt l-ewwel ħlas parzjali jistgħu jkunu itwal mill-maturità medja massima msemmija fil-paragrafu 1. F’każijiet bħal dawn, il-maturitajiet ta’ partijiet oħrajn għandhom ikunu stabbiliti b’tali mod li l-maturità medja massima msemmija fil-paragrafu 1 tiġi rispettata ladarba jsir l-iżborż tal-ħlasijiet parzjali kollha.

4.   L-ewwel ħlas parzjali għandu jiġi rilaxxat soġġett għad-dħul fis-seħħ tal-ftehim tas-self previst fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) 2020/672.

5.   L-Ungerija għandha tħallas il-kost tal-finanzjament tal-Unjoni msemmi fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2020/672 għal kull ħlas parzjali flimkien ma’ kwalunkwe tariffa, kost u spiża tal-Unjoni li jirriżultaw minn kwalunkwe finanzjament relatat mas-self mogħti skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

6.   Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar id-daqs u r-rilaxx tal-ħlasijiet parzjali, kif ukoll dwar id-daqs tal-partijiet.

Artikolu 3

L-Ungerija tista’ tiffinanzja l-miżuri li ġejjin:

(a)

appoġġ temporanju biex tittejjeb l-akkomodazzjoni fid-destinazzjonijiet turistiċi biex tinżamm il-forza tax-xogħol eżistenti, kif previst bir-“Riżoluzzjoni tal-Gvern 2080/2020 dwar l-iżvilupp nazzjonali ta’ akkomodazzjoni”, għall-parti tan-nefqa relatata mal-appoġġ ta’ dawk li jaħdmu għal rashom u ta’ kumpaniji b’membru wieħed;

(b)

appoġġ temporanju għal kumpaniji tal-ipproċessar tal-ikel, kif previst mid-“Digriet tal-Ministeru tal-Agrikoltura Nru 25/2020. (VI. 22.)”, għall-parti tan-nefqa relatata mal-appoġġ ta’ dawk li jaħdmu għal rashom u ta’ kumpaniji b’membru wieħed;

(c)

appoġġ temporanju għal kumpaniji ortikulturali fis-setturi tat-tkabbir ta’ għelejjel mhux perenni u ta’ propagazzjoni tal-pjanti kif previst mid-“Digriet tal-Ministeru tal-Agrikoltura Nru 26/2020. (VI. 22.)”, għall-parti ta’ nefqa relatata mal-appoġġ ta’ dawk li jaħdmu għal rashom u ta’ kumpaniji b’membru wieħed;

(d)

appoġġ temporanju għal kumpaniji ta’ trobbija tal-ħut, kif previst mid-“Digriet tal-Ministeru tal-Agrikoltura Nru 30/2020. (VI. 22.)”, għall-parti ta’ nefqa relatata mal-appoġġ ta’ dawk li jaħdmu għal rashom u ta’ kumpaniji b’membru wieħed;

(e)

l-estensjoni sat-30 ta’ Ġunju 2020, ta’ dawk il-benefiċċji għat-tħaris tat-tfal li skadew matul il-perijodu tal-istat ta’ allarm, kif previst mid-“Digriet tal-Gvern Nru 59/2020. (III. 23.)” u l-Artikolu 71 tal-“Att LVIII tal- 2020”;

(f)

is-sospensjoni tat-taxxa tal-kontribuzzjoni soċjali tal-impjegaturi f’ċerti setturi għall-perijodu minn Marzu sa Diċembru 2020, kif previst mill-punt (a) tal-Artikolu 4 tad-“Digriet tal-Gvern Nru 47/2020. (III. 18.)” (kif emendat), għal parti min-nefqa relatata ma’ kumpaniji li jnaqqsu jew iwaqqfu l-ħin tax-xogħol, jew meta l-impjegati kienu kontinwament fl-impjieg;

(g)

eżenzjonijiet mit-taxxa tal-kontribuzzjoni soċjali tal-impjegaturi f’ċerti setturi għall-perijodu minn Marzu sa Diċembru 2020, kif previst mill-punt (a) tal-Artikolu 4 tad-“Digriet tal-Gvern Nru 47/2020. (III. 18.)” (kif emendat), għal parti min-nefqa relatata ma’ kumpaniji li jnaqqsu jew iwaqqfu l-ħin tax-xogħol, jew meta l-impjegati kienu kontinwament fl-impjieg;

(h)

it-tnaqqis tat-taxxa tal-kontribuzzjoni ta’ riabilitazzjoni tal-impjegaturi f’ċerti setturi għall-perijodu minn Marzu sa Ġunju 2020, kif previst mill-punt (a) tal-Artikolu 4 tad-“Digriet tal-Gvern Nru 47/2020. (III. 18.)” (kif emendat), għal parti min-nefqa relatata ma’ kumpaniji li jnaqqsu jew iwaqqfu l-ħin tax-xogħol, jew meta l-impjegati kienu kontinwament fl-impjieg;

(i)

eżenzjoni tat-taxxa għal kontribwenti tat-taxxa żgħar mir-reġim ta’ taxxa f’somma waħda f’daqqa għan-negozji ż-żgħar (“KATA”), f’26 attività, għall-perijodu minn Marzu sa Ġunju 2020 kif previst mill-Artikolu 5 tad-“Digriet tal-Gvern Nru 47/2020. (III. 18.)” (kif emendat), għall-parti tan-nefqa relatata mal-appoġġ ta’ dawk li jaħdmu għal rashom u ta’ kumpaniji b’membru wieħed;

(j)

l-esklużjoni ta’ kostijiet ta’ persunal mill-bażi tat-taxxa tat-taxxa tal-impriżi ż-żgħar (“KIVA”) f’ċerti setturi għall-perijodu minn Marzu sa Ġunju 2020, kif previst mid-“Digriet tal-Gvern Nru 47/2020. (III. 18.)” (kif emendat), għal parti min-nefqa relatata ma’ kumpaniji li jnaqqsu jew iwaqqfu l-ħin tax-xogħol, jew meta l-impjegati kienu kontinwament fl-impjieg;

(k)

benefiċċju mogħti bħala somma waħda f’daqqa bħala rikonoxximent tax-xogħol żejjed tagħhom matul il-pandemija, kif previst mid-“Digriet tal-Gvern Nru 275/2020. (VI. 12.)”;

(l)

kostijiet relatati mal-miżuri speċjali biex tiġi kkontrollata l-pandemija introdotti f’kumpaniji sjieda tal-istat;

(m)

kostijiet relatati ma’ miżuri speċjali biex tiġi kkontrollata l-pandemija u biex titħares is-saħħa personali tal-uffiċjali pubbliċi kif previst mid-“Digriet tal-Gvern Nru 250/2014. (X. 2.) dwar id-Direttorat Ġenerali għall-Akkwist Pubbliku u l-Forniment (KEF)”;

(n)

kostijiet relatati mal-infrastruttura u l-investiment fi sptarijiet għal ħarsien ta’ livell għoli tal-ħaddiema tal-kura tas-saħħa u tal-pazjenti, kif previst mir-“Riżoluzzjoni tal-Gvern 1012/2020. (I. 31.) dwar it-Twaqqif tal-Persunal Operattiv”;

(o)

kostijiet diretti ta’ għodod u tagħmir għall-protezzjoni personali fi sptarijiet u f’istituzzjonijiet oħra għall-kura tas-saħħa għal ħarsien ta’ livell għoli tal-ħaddiema tal-kura tas-saħħa, kif previst mir-“Riżoluzzjoni tal-Gvern 1012/2020. (I. 31) dwar it-Twaqqif tal-Persunal Operattiv”.

Artikolu 4

L-Ungerija għandha tinforma lill-Kummissjoni sat-28 ta’ April 2021, u kull sitt xhur wara l-implimentazzjoni tan-nefqa pubblika ppjanata sakemm dik in-nefqa pubblika ppjanata tkun ġiet implimentata b’mod sħiħ.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Ungerija.

Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva fid-data tan-notifika tagħha lid-destinatarju.

Artikolu 6

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi pubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Ottubru 2020.

Għall-Kunsill

Il-President

M. ROTH


(1)  ĠU L 159, 20.5.2020, p. 1.

(2)  Promulgata fil-Gazzetta Uffiċjali Ungeriża fit-22 ta’ Ġunju, 2020 (Nru 148), p. 3872.

(3)  Promulgata fil-Gazzetta Uffiċjali Ungeriża fit-22 ta’ Ġunju, 2020 (Nru 148), p. 3875.

(4)  Promulgata fil-Gazzetta Uffiċjali Ungeriża fit-22 ta’ Ġunju, 2020 (Nru 148), p. 3889.

(5)  Promulgata fil-Gazzetta Uffiċjali Ungeriża fit-23 ta’ Marzu, 2020 (Nru 51), p. 1558.

(6)  Promulgata fil-Gazzetta Uffiċjali Ungeriża fis-17 ta’ Ġunju, 2020 (Nru 144), p. 3652.

(7)  Promulgata fil-Gazzetta Uffiċjali Ungeriża fit-18 ta’ Marzu, 2020 (Nru 47), p. 1462.

(8)  Promulgata fil-Gazzetta Uffiċjali Ungeriża fit-12 ta’ Ġunju, 2020 (Nru 141), p. 3585.

(9)  Promulgata fil-Gazzetta Uffiċjali Ungeriża fit-2 ta’ Ottubru 2014 (Nru 136), p. 13839.

(10)  Promulgata fil-Gazzetta Uffiċjali Ungeriża fil-31 ta’ Jannar 2020 (Nru 16), p. 288.


Naar boven