This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32020D0430
Council Decision (EU) 2020/430 of 23 March 2020 on a temporary derogation from the Council’s Rules of Procedure in view of the travel difficulties caused by the COVID-19 pandemic in the Union
Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/430 tat-23 ta’ Marzu 2020 dwar deroga temporanja mir-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill fid-dawl tad-diffikultajiet ta’ vvjaġġar ikkawżati mill-pandemija tal-COVID-19 fl-Unjoni
Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/430 tat-23 ta’ Marzu 2020 dwar deroga temporanja mir-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill fid-dawl tad-diffikultajiet ta’ vvjaġġar ikkawżati mill-pandemija tal-COVID-19 fl-Unjoni
ST/6891/2020/INIT
ĠU L 88I, 24.3.2020, p. 1–2
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
No longer in force, Date of end of validity: 30/06/2022
24.3.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
LI 88/1 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/430
tat-23 ta’ Marzu 2020
dwar deroga temporanja mir-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill fid-dawl tad-diffikultajiet ta’ vvjaġġar ikkawżati mill-pandemija tal-COVID-19 fl-Unjoni
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 240(3) tiegħu,
Billi:
(1) |
Minn meta faqqgħet il-kriżi epidemjoloġika kkawżata mill-coronavirus SARS-CoV-2, il-marda assoċjata magħha, il-COVID-19, bdiet tinfirex b’mod rapidu madwar id-dinja, u laħqet ukoll it-territorju tal-Unjoni. Minħabba ż-żieda mgħaġġla fl-għadd ta’ każijiet, fil-11 ta’ Marzu 2020 id-Direttur Ġenerali tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) ikkwalifika lill-COVID-19 bħala pandemija. Fit-12 ta’ Marzu 2020, fid-dawl tal-eskalazzjoni rapida fir-Reġjun Ewropew tad-WHO, b’aktar minn 20 000 każ ikkonfermat u kważi 1000 imwiet, id-Direttur Reġjonali tad-WHO għall-Ewropa indika li l-Ewropa kienet saret l-epiċentru ta’ din il-pandemija. |
(2) |
Bħala konsegwenza, l-Istati Membri ħadu għadd ta’ miżuri straordinarji ta’ prevenzjoni u trażżin bħall-kwarantina, l-għeluq ta’ ħwienet mhux essenzjali, tal-iskejjel u tal-universitajiet, l-implimentazzjoni ta’ politiki ta’ ħidma minn distanza kif ukoll restrizzjonijiet jew projbizzjonijiet fuq il-moviment u l-ivvjaġġar. Dawk il-miżuri jagħmlu impossibbli jew diffiċli ħafna li ċerti membri tal-Kunsill jivvjaġġaw bil-ħsieb li jkunu fiżikament preżenti għal-laqgħat tal-Kunsill miżmuma fis-sede tal-Kunsill. Dan imbagħad jagħmel diffiċli li jintlaħaq il-kworum meħtieġ mill-Artikolu 11(4) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill (1), u b’konsegwenza ta’ dan isir diffiċli li l-Kunsill ikollu laqgħat formali. |
(3) |
Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali, u bil-għan li tiġi żgurata l-kontinwità istituzzjonali fit-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-Kunsill, huwa neċessarju li ssir deroga temporanja mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 12(1) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill fir-rigward tad-deċiżjonijiet biex tintuża l-proċedura ordinarja bil-miktub. Matul il-perijodu ta’ applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, u matul dan il-perijodu biss, deċiżjoni biex tintuża l-proċedura ordinarja bil-miktub li tittieħed mill-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri (Coreper) jenħtieġ li tittieħed f’konformità mar-regola ta’ votazzjoni applikabbli għall-adozzjoni tal-att ikkonċernat tal-Kunsill. Din id-deroga għandha tapplika għal perijodu ta’ xahar, li jista’ jiġġedded. |
(4) |
L-użu tal-proċedura ordinarja bil-miktub bħala alternattiva għall-adozzjoni ta’ atti tal-Kunsill fil-laqgħat tal-Kunsill jenħtieġ li jkun ippreċedut minn tħejjija bir-reqqa fil-Coreper, u l-att tal-Kunsill ikkonċernat, fejn ikun possibbli u rilevanti, jenħtieġ li jkun soġġett għal diskussjoni politika minn qabel mill-ministri, pereżempju permezz ta’ vidjokonferenza informali, sabiex ikunu żgurati, sa fejn hu l-aktar possibbli, fost oħrajn, il-koordinazzjoni nazzjonali, it-trasparenza pubblika, u l-involviment tal-parlamenti nazzjonali f’konformità mal-prattiki tal-Istati Membri, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
B’deroga mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 12(1) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill, deċiżjoni biex tintuża l-proċedura ordinarja bil-miktub, fejn dik id-deċiżjoni tittieħed mill-Coreper, għandha tittieħed f’konformità mar-regoli ta’ votazzjoni applikabbli għall-adozzjoni tal-att ikkonċernat tal-Kunsill.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tapplika għall-perijodu ta’ xahar mid-data tal-adozzjoni tagħha.
Jekk iġġustifikat minħabba kontinwazzjoni taċ-ċirkostanzi eċċezzjonali, il-Kunsill jista’ jġedded din id-Deċiżjoni.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Hija għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Marzu 2020.
Għall-Kunsill
Il-President
A. METELKO-ZGOMBIĆ
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/937/UE tal-1 ta’ Diċembru 2009 li tadotta r-Regoli ta’ Proċedura tiegħu (ĠU L 325, 11.12.2009, p. 35).