Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020R0133

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/133 tat-30 ta’ Jannar 2020 għal deroga mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1150 li jistabbilixxi r-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fil-każ ta’ programmi nazzjonali ta’ appoġġ fis-settur tal-inbid

    C/2020/422

    ĠU L 27, 31.1.2020, p. 24–26 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2020/133/oj

    31.1.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 27/24


    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/133

    tat-30 ta’ Jannar 2020

    għal deroga mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1150 li jistabbilixxi r-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fil-każ ta’ programmi nazzjonali ta’ appoġġ fis-settur tal-inbid

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 54(a) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Fit-2 ta’ Ottubru 2019, l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) ħarġet id-deċiżjoni ta’ arbitraġġ fil-Komunitajiet Ewropej u f’Ċerti Stati Membri – Miżuri li Jaffettwaw il-Kummerċ f’Inġenji tal-Ajru Ċivili Kbar (Measures Affecting Trade in Large Civil Aircraft), WT/DS316/ARB. Id-deċiżjoni ta’ arbitraġġ intitolat lill-Istati Uniti tal-Amerka (USA) jitolbu awtorizzazzjoni biex jiġu imposti kontromiżuri f’livell li ma jaqbiżx USD 7,5 biljun fis-sena b’reazzjoni għas-sussidji tal-Unjoni għal Airbus. Fit-18 ta’ Ottubru 2019, l-Istati Uniti tal-Amerka imponew dazju fuq l-importazzjoni ad valorem ta’ 25 % fuq, fost l-oħrajn, inbejjed bla gass esportati lejn l-Istati Uniti tal-Amerka, mill-Ġermanja, minn Spanja, minn Franza u mir-Renju Unit. Din is-sitwazzjoni eċċezzjonali, inġusta u imprevedibbli qed ikollha impatt qawwi u detrimentali fuq il-kummerċ globali tal-inbejjed kollha tal-Unjoni. L-Istati Uniti tal-Amerka heddew ukoll li japplikaw dazji tal-importazzjoni ad valorem ta’ 100 % fuq l-inbejjed frizzanti Franċiżi b’reazzjoni għat-Taxxa Franċiża fuq is-Servizzi Diġitali (it-taxxa GAFA).

    (2)

    Id-dazji tal-importazzjoni imposti mill-Istati Uniti tal-Amerka qed ikollhom impatt dirett u qawwi fuq il-kummerċ tal-inbid tal-Unjoni fis-suq tal-Istati Uniti tal-Amerka, li huwa l-akbar suq ta’ esportazzjoni tal-Unjoni għall-prodotti agrikoli, u b’mod partikolari għall-inbid, kemm f’termini ta’ valur kif ukoll f’termini ta’ volum ta’ esportazzjonijiet. Fl-2018, l-esportazzjonijiet tal-inbid tal-Unjoni lejn l-Istati Uniti tal-Amerka ammontaw għal total ta’ 6,5 miljun ettolitru, li jammontaw għal EUR 4 biljun. L-esportazzjonijiet tal-inbid tal-Unjoni lejn l-Istati Uniti tal-Amerka tipikament jirrappreżentaw bejn 30 % u 40 % tal-valur globali tal-esportazzjoni tal-inbid tal-Unjoni.

    (3)

    Iż-żieda tad-dazji tal-importazzjoni imposti mill-Istati Uniti tal-Amerka qed ikollha effett ta’ ħsara fuq l-inbid kollu tal-Unjoni, mhux biss fuq inbejjed bla gass li joriġinaw mill-erba’ Stati Membri li huma soġġetti għaż-żieda tad-dazji tal-importazzjoni. B’riżultat ta’ dan, ir-reputazzjoni u l-kummerċ tal-inbid kollu tal-Unjoni preżenti fis-suq tal-Istati Uniti tal-Amerka qed jintlaqat ħażin. Ir-reputazzjoni ta’ nbid hija determinata mhux biss mill-kwalità tiegħu iżda wkoll mill-prezz tiegħu u l-proporzjon perċeput bejn il-prezz u l-kwalità. Dan japplika b’mod partikolari għall-inbejjed bi prezz baxx sa medju, li, f’termini assoluti, jiġu affettwati aktar b’dazju ta’ importazzjoni ta’ 25 % minn inbejjed aktar għoljin li jinxtraw minn esperti li għalihom iż-żieda fil-prezz mhijiex ta’ deterrent. L-inbejjed tal-Unjoni jikkompetu fis-suq tal-Istati Uniti tal-Amerka ma’ nbejjed minn oriġini oħra bħall-Amerika t’Isfel, l-Awstralja jew l-Afrika t’Isfel. Fid-dawl ta’ kompetizzjoni ħarxa u qawwija bħal din, il-perċezzjoni tal-livelli ġenerali tal-prezzijiet għandha rwol sinifikanti. Jekk il-konsumatur ikun konxju li l-prezz tal-inbid minn ċerti oriġini fl-Unjoni huwa soġġett għal żieda tad-dazju tal-importazzjoni, dan ser ikollu impatt negattiv fuq il-perċezzjoni ġenerali tal-livell tal-prezz tal-inbejjed tal-Unjoni u b’hekk jidderieġi d-domanda tal-konsumatur għal prodotti ta’ oriġini oħra. Fid-dawl tal-kundizzjonijiet tas-suq identifikati u t-tnaqqis fir-redditi ġenerali għall-produtturi, huma meħtieġa miżuri immedjati biex jindirizzaw l-effetti tad-dazji tal-importazzjoni li jkopru l-inbejjed kollha li joriġinaw fl-Istati Membri kollha u mhux biss f’dawk li huma direttament fil-mira tad-dazji tal-importazzjoni.

    (4)

    Minn perspettiva ta’ stabbiltà tas-suq, is-sistema tad-dazju tal-importazzjoni imposta mill-Istati Uniti tal-Amerka ma tirrappreżentax miżura nazzjonali iżolata b’effetti limitati għall-kummerċ mal-Istati Uniti tal-Amerka. Is-suq dinji tal-inbid huwa suq globali fejn miżuri uniċi meħuda minn atturi ekonomiċi importanti bħall-Istati Uniti tal-Amerka għandhom riperkussjonijiet importanti li jaffettwaw il-kummerċ internazzjonali tal-inbid b’mod ġenerali. Kwalunkwe bidla negattiva fil-kundizzjonijiet f’suq ewlieni ta’ destinazzjoni għall-inbejjed tal-Unjoni, bħall-Istati Uniti tal-Amerka, inevitabbilment taffettwa swieq oħra peress li l-prodotti li ma jkunux jistgħu jinbiegħu fl-Istati Uniti tal-Amerka, minħabba li jkunu saru għaljin wisq, għandhom jintbagħtu band’oħra. Konsegwentement, il-konsumaturi f’dawk is-swieq l-oħra, peress li huma konxji sew mill-kundizzjonijiet tas-suq, ser jeżerċitaw pressjoni addizzjonali fuq il-prezzijiet u l-kompetizzjoni ser tkun ukoll ħafna aktar ħarxa mis-soltu. Għalhekk, id-dazji attwali tal-importazzjoni imposti mill-Istati Uniti tal-Amerka mistennija li jikkawżaw staġnar fl-esportazzjonijiet tal-inbid tal-Unjoni madwar id-dinja. Ir-rapporti mis-settur tal-inbid urew li diġà ġew ikkanċellati ordnijiet sinifikanti ta’ nbejjed Franċiżi fis-suq tal-Istati Uniti tal-Amerka.

    (5)

    Is-suq tal-inbid tal-Unjoni ilu soġġett għal kundizzjonijiet aggravanti tul l-2019 kollha u l-ħażniet tal-inbid jinsabu fl-ogħla livell tagħhom mill-2009. Dan l-iżvilupp huwa dovut primarjament għal kombinazzjoni tal-ħsad rekord fl-2018 u l-konsum tal-inbid li qed jonqos fl-Unjoni. Jekk l-inbejjed affettwati mid-dazji tal-importazzjoni imposti mill-Istati Uniti tal-Amerka ma jinbigħux fis-swieq tal-esportazzjoni barra mill-Unjoni, dan ser jwassal biss biex jiġu amplifikati l-urġenza u l-gravità tas-sitwazzjoni fis-suq tal-Unjoni. Barra minn hekk, l-urġenza tas-sitwazzjoni hija aggravata miż-żmien tal-applikazzjoni tad-dazji tal-importazzjoni. Dawn huma applikabbli mit-18 ta’ Ottubru 2019, data li taħbat eżatt f’nofs il-kampanja tal-ħsad u l-produzzjoni tal-inbid tal-2019 u eżatt qabel tmiem l-istaġun tal-festi tal-aħħar tas-sena; tnejn mill-aktar perjodi importanti ta’ bejgħ tas-sena għas-settur tal-inbid tal-Unjoni. F’dan l-isfond, huwa għalhekk meħtieġ li jittieħdu miżuri immedjati biex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni.

    (6)

    Fost il-miżuri ta’ appoġġ fis-settur tal-inbid stabbiliti fl-Artikolu 43 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, il-miżura ta’ promozzjoni biss skont l-Artikolu 45(1)(b) ta’ dan ir-Regolament hija mmirata direttament għall-promozzjoni ta’ nbejjed tal-Unjoni f’pajjiżi terzi sabiex tittejjeb il-kompetittività tagħhom. Matul is-snin, il-miżura ta’ promozzjoni kienet ferm effettiva biex tirbaħ u tikkonsolida s-swieq f’pajjiżi terzi. Din uriet li kienet l-aktar għodda effettiva għall-appoġġ tal-inbejjed tal-Unjoni fis-swieq ta’ pajjiżi terzi billi saħħet ir-reputazzjoni tagħhom u billi qajmet kuxjenza dwar il-kwalità tagħhom. Is-suq internazzjonali tal-inbid huwa suq globali u kwalunkwe operazzjoni ta’ promozzjoni tal-inbid tal-Unjoni fis-swieq ta’ pajjiżi terzi hija ta’ benefiċċju għall-inbejjed kollha tal-Unjoni. Dan jagħti opportunitajiet lil dawk li sussegwentement ser jidħlu fis-suq inkwistjoni ma’ nbejjed oħra tal-Unjoni. Il-promozzjonijiet individwali għandhom effett “multiplikatur” fuq il-bejgħ peress li jkopru firxiet sħaħ ta’ nbejjed jew reġjuni sħaħ ta’ produzzjoni tal-inbid u mhux biss marka individwali waħda jew tip ta’ nbid wieħed. Għalhekk huwa essenzjali li jitkomplew, jitnedew u jiġu intensifikati l-attivitajiet ta’ promozzjoni fis-swieq kollha sabiex jinstabu postijiet għall-inbejjed li ma jinbigħux fis-suq tal-Istati Uniti tal-Amerka u biex tiġi preservata r-reputazzjoni tal-inbejjed tal-Unjoni f’dawn is-swieq l-oħra, kif ukoll biex jagħmlu tajjeb għall-pressjoni fuq il-prezzijiet.

    (7)

    Għalhekk, biex l-operaturi jiġu megħjuna jwieġbu għaċ-ċirkostanzi eċċezzjonali attwali fis-swieq tal-esportazzjoni madwar id-dinja kollha wara s-sistema tad-dazju tal-importazzjoni imposta mill-Istati Uniti tal-Amerka u biex jindirizzaw din is-sitwazzjoni imprevedibbli u prekarja, jixraq li tkun permessa aktar flessibbiltà fl-implimentazzjoni tal-miżura ta’ promozzjoni skont l-Artikolu 45(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 billi jkun hemm deroga minn ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1150 (2).

    (8)

    L-Artikolu 2(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1150 jipprovdi li bidliet fir-rigward tal-programmi ta’ appoġġ applikabbli, kif imsemmi fl-Artikolu 41(5) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 ma għandhomx jiġu sottomessi aktar minn darbtejn kull sena finanzjarja. Sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jadattaw malajr il-programmi nazzjonali ta’ appoġġ tagħhom u tkun żgurata ċ-ċertezza legali għall-implimentazzjoni ta’ dawn il-modifiki, jixraq li jkun permess li tali bidliet ikunu jistgħu jiġu sottomessi aktar minn darbtejn kull sena finanzjarja. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu kapaċi jirreaġixxu malajr għal dawn iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali u jissottomettu bidliet għall-miżura ta’ promozzjoni kmieni sa minn meta jitqies meħtieġ. Tali flessibilità tippermetti lill-Istati Membri jottimizzaw il-miżuri diġà fis-seħħ, iżidu n-numru ta’ sejħiet u jagħmlu aġġustamenti aktar ta’ spiss b’kunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni tas-suq. Barra minn hekk, ikun possibbli wkoll li l-Istati Membri li ma jkunux inkludew il-miżura ta’ promozzjoni fil-programm nazzjonali ta’ appoġġ tagħhom, jagħmlu dan immedjatament mad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, minflok ikollhom jistennew l-iskadenza li jmiss għall-emendi. B’din il-flessibilità mtejba għall-miżura ta’ promozzjoni, jiġu offruti aktar opportunitajiet lill-operaturi inklużi dawk ġodda, biex jissottomettu applikazzjonijiet għal appoġġ għall-promozzjoni. Dan għandu l-għan li jipprovdi għajnuna lis-settur tal-inbid u jiżgura l-flessibilità meħtieġa biex jinstabu postijiet ġodda fis-swieq internazzjonali minbarra l-Istati Uniti tal-Amerka.

    (9)

    Għaldaqstant, jeħtieġ li ssir deroga mill-Artikolu 2(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1150.

    (10)

    Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament jikkonformaw mal-opinjoni tal-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Kategoriji ta’ prodotti koperti

    Dan ir-Regolament għandu japplika għall-promozzjoni tal-inbid skont it-tifsira tal-punti (1) sa (9), (15) u (16) tal-Parti II tal-Anness VII tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.

    Artikolu 2

    Bidliet fil-programmi ta’ appoġġ

    B’deroga mill-Artikolu 2(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1150, l-Istati Membri jistgħu jintroduċu, kull meta jkun meħtieġ matul sena finanzjarja partikolari, bidliet fil-programmi nazzjonali ta’ appoġġ tagħhom fis-settur tal-inbid fir-rigward tal-miżura ta’ promozzjoni msemmija fl-Artikolu 45(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.

    Artikolu 3

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Jannar 2020.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)   ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

    (2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1150 tal-15 ta’ April 2016 li jistabbilixxi r-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fil-każ ta’ programmi nazzjonali ta’ appoġġ fis-settur tal-inbid (ĠU L 190, 15.7.2016, p. 23).


    Top