Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020R0127

    Regolament (UE) 2020/127 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ Jannar 2020 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 fir-rigward tad-dixxiplina finanzjarja mis-sena finanzjarja 2021 u r-Regolament (UE) Nru 1307/2013 fir-rigward tal-flessibbiltà bejn il-pilastri fir-rigward tas-sena kalendarja 2020

    PE/95/2019/REV/1

    ĠU L 27, 31.1.2020, p. 1–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2022; Impliċitament imħassar minn 32021R2116

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2020/127/oj

    31.1.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 27/1


    REGOLAMENT (UE) 2020/127 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tad-29 ta’ Jannar 2020

    li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 fir-rigward tad-dixxiplina finanzjarja mis-sena finanzjarja 2021 u r-Regolament (UE) Nru 1307/2013 fir-rigward tal-flessibbiltà bejn il-pilastri fir-rigward tas-sena kalendarja 2020

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

    Billi:

    (1)

    L-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jipprevedi li l-limitu massimu annwali għall-infiq taħt il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) irid ikun ikkostitwit mill-ammonti massimi stabbiliti għalih taħt ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 (4). Skont l-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, għandha tiġi ddeterminata rata ta’ aġġustament tad-dixxiplina finanzjarja, meta dan ikun meħtieġ, sabiex jiġi żgurat li l-limiti massimi annwali stipulati fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013 għall-finanzjament tal-infiq relatat mas-suq u għal pagamenti diretti għall-perjodu 2014-2020 huma rispettati. Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013 ma jipprevedix limiti massimi għas-snin finanzjarji ta’ wara l-2020. Sabiex jiġi żgurat li l-limitu massimu għall-finanzjament tal-infiq relatat mas-suq u għal pagamenti diretti jiġi rispettat ukoll fis-snin finanzjarji wara l-2020, jeħtieġ li l-Artikoli 16 u 26 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 jirreferu, għal dawk is-snin finanzjarji, għall-ammonti stabbiliti taħt il-FAEG fir-Regolament li jrid jiġi adottat mill-Kunsill skont l-Artikolu 312(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) għas-snin mill-2021 sal-2027.

    (2)

    Il-flessibiltà bejn il-pilastri hija trasferiment fakultattiv ta’ fondi bejn il-pagamenti diretti u l-iżvilupp rurali. Taħt l-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), l-Istati Membri jistgħu jużaw dik il-flessibiltà fir-rigward tas-snin kalendarji mill-2014 sal-2019. Sabiex jiġi żgurat li l-Istati Membri jkunu jistgħu jżommu l-istrateġija proprja tagħhom, ir-Regolament (UE) 2019/288 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) estenda l-flessibbiltà bejn il-pilastri għas-sena kalendarja 2020, jiġifieri s-sena finanzjarja 2021. L-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 attwalment jipprevedi t-trasferiment mill-iżvilupp rurali għal pagamenti diretti bħala perċentwal tal-ammont allokat għall-appoġġ iffinanzjat taħt il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) fis-sena finanzjarja 2021 mil-leġislazzjoni tal-Unjoni adottata wara l-adozzjoni mill-Kunsill tar-Regolament rilevanti skont l-Artikolu 312(2) tat-TFUE. Billi l-leġislazzjoni rilevanti tal-Unjoni mhijiex se tiġi adottata sa meta l-Istati Membri jridu jinnotifikaw id-deċiżjoni tagħhom dwar it-trasferiment, huwa xieraq li tiġi prevista l-possibbiltà li tkompli tiġi applikata dik il-flessibbiltà u li jiġi stabbilit l-ammont massimu li jista’ jiġi trasferit.

    L-ammont assolut massimu għal kull Stat Membru jiġi kkalkulat abbażi tal-perċentwali massimi previsti fl-Artikolu 14(2) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 li jridu jiġu applikati għall-ammonti li jridu jiġu allokati għall-appoġġ ta’ tipi ta’ interventi għall-iżvilupp rurali skont il-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli dwar l-appoġġ għal pjanijiet strateġiċi li jridu jitfasslu mill-Istati Membri skont il-Politika agrikola komuni (Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK) u ffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

    (3)

    F’konformità mal-Artikolu 53(6) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, l-Istati Membri kellhom l-għażla li, sal-1 ta’ Awwissu 2019, jirrieżaminaw il-perċentwal tal-limitu massimu nazzjonali tagħhom għall-pagamenti diretti li huma jallokaw għall-appoġġ akkoppjat volontarju (VCS), kif ukoll id-deċiżjonijiet ta’ appoġġ dettaljati tagħhom mis-sena kalendarja 2020. L-Istati Membri għandhom biss sal-31 ta’ Diċembru 2019 biex jinnotifikaw id-deċiżjoni tagħhom dwar it-trasferiment mill-pagamenti diretti lejn l-iżvilupp rurali, jekk ikun hemm, kif ukoll dwar it-trasferiment mill-iżvilupp rurali lejn il-pagamenti diretti, jekk ikun hemm, ftit wara. Madankollu, tali deċiżjoni se taffettwa l-limitu massimu nazzjonali tagħhom għall-pagamenti diretti għas-sena kalendarja 2020. Sabiex tinżamm il-konsistenza bejn id-deċiżjonijiet ta’ appoġġ dettaljati u l-limitu massimu baġitarju tal-VCS, huwa xieraq li l-Istati Membri, sa fejn ikun meħtieġ biex jaġġustaw għad-deċiżjoni tagħhom rigward il-flessibbiltà bejn il-pilastri, ikunu jistgħu jirrieżaminaw il-perċentwal allokat għall-VCS, kif ukoll id-deċiżjonijiet ta’ appoġġ dettaljati. Konsegwentement, l-iskadenza rilevanti ta’ notifika jenħtieġ li tkun ftit wara l-31 ta’ Diċembru 2019. Billi dak ir-rieżami huwa limitat sal-punt meħtieġ biex l-Istati Membri jaġġustaw għad-deċiżjoni tagħhom rigward il-flessibbiltà bejn il-pilastri, l-Istati Membri jenħtieġ li jispjegaw fin-notifika tagħhom ir-rabta bejn ir-rieżami u dik id-deċiżjoni.

    (4)

    Għalhekk, ir-Regolamenti (UE) Nru 1306/2013 u (UE) Nru 1307/2013 jenħtieġ li jiġu emendati kif meħtieġ.

    (5)

    Sabiex l-emendi previsti f’dan ir-Regolament ikunu jistgħu jiġu applikati kemm jista’ jkun malajr, tqies li huwa xieraq li ssir eċċezzjoni għall-perjodu ta’ tmien ġimgħat imsemmi fl-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 1 dwar ir-rwol tal-Parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, mat-TFUE u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika.

    (6)

    Sabiex l-emendi previsti f’dan ir-Regolament ikunu jistgħu jiġu applikati kemm jista’ jkun malajr, dan ir-Regolament jenħtieġ li jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

    ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Emendi għar-Regolament (UE) Nru 1306/2013

    Ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    fl-Artikolu 16, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “1.   Il-limitu massimu annwali għal infiq mill-FAEG għandu jkun ikkostitwit mill-ammonti massimi stabbiliti għalih taħt ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013 u taħt ir-Regolament li għandu jiġi adottat mill-Kunsill skont l-Artikolu 312(2) tat-TFUE għas-snin 2021 sa 2027.”;

    (2)

    fl-Artikolu 26, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “1.   Sabiex jiġi żgurat li jiġu rispettati l-limiti massimi annwali msemmija fl-Artikolu 16 għall-finanzjament tal-infiq relatat mas-suq u għal pagamenti diretti, għandha tiġi ddeterminata rata ta’ aġġustament għall-pagamenti diretti (“ir-rata ta’ aġġustament”) meta t-tbassir għall-iffinanzjar tal-miżuri ffinanzjati skont dak is-sublimitu massimu għal sena finanzjarja partikolari jindika li jkunu se jinqabżu l-limiti massimi annwali applikabbli.”.

    Artikolu 2

    Emendi għar-Regolament (UE) Nru 1307/2013

    Ir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    fl-Artikolu 14(2), is-sitt subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Mit-8 ta’ Frar 2020, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li, għas-sena kalendarja 2020, bħala pagamenti diretti jagħmlu disponibbli ammont mhux ogħla mill-ammont stipulat fl-Anness VIa. B’riżultat ta’ dan, l-ammont korrispondenti ma għandux jibqa’ disponibbli għall-appoġġ iffinanzjat taħt il-FAEŻR għas-sena finanzjarja 2021. Dik id-deċiżjoni għandha tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni mit-8 ta’ Frar 2020 u għandha tistabbilixxi l-ammont li jrid jiġi trasferit.”;

    (2)

    fl-Artikolu 53, il-paragrafu 6 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “6.   Sal-1 ta’ Awwissu ta’ kwalunkwe sena partikolari, l-Istati Membri jistgħu jirrieżaminaw id-deċiżjoni tagħhom skont dan il-Kapitolu.

    Mit-8 ta’ Frar 2020, l-Istati Membri jistgħu jirrieżaminaw ukoll id-deċiżjoni tagħhom skont dan il-Kapitolu sa fejn ikun meħtieġ biex jaġġustaw għad-deċiżjoni dwar il-flessibbiltà bejn il-pilastri għas-sena kalendarja 2020 li tkun ittieħdet f’konformità mal-Artikolu 14.

    Permezz ta’ rieżami skont l-ewwel u t-tieni subparagrafi ta’ dan il-paragrafu, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu, b’effett mis-sena ta’ wara:

    (a)

    li jżommu kif inhu, iżidu jew inaqqsu l-perċentwal iffissat skont il-paragrafi 1, 2 u 3, fil-limiti stabbiliti hemmhekk fejn applikabbli, jew li jżommu kif inhu jew inaqqsu l-perċentwal iffissat skont il-paragrafu 4;

    (b)

    li jimmodifikaw il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-appoġġ;

    (c)

    li jieqfu jagħtu l-appoġġ taħt dan il-Kapitolu.

    L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe deċiżjoni relatata ma’ rieżami skont l-ewwel u t-tieni subparagrafi ta’ dan il-paragrafu sad-dati rispettivi msemmija f’dawk is-subparagrafi. In-notifika tad-deċiżjoni relatata ma’ rieżami skont it-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu għandha tispjega r-rabta bejn ir-rieżami u d-deċiżjoni dwar il-flessibbiltà bejn il-pilastri għas-sena kalendarja 2020 meħuda f’konformità mal-Artikolu 14.”;

    (3)

    jiddaħħal l-Anness VIa, li t-test tiegħu jinsab fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 3

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Jannar 2020.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    D. M. SASSOLI

    Għall-Kunsill

    Il-President

    N. BRNJAC


    (1)  L-Opinjoni tal-11 ta’ Diċembru 2019 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

    (2)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta’ Diċembru 2019 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tas-27 ta’ Jannar 2020.

    (3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549).

    (4)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884).

    (5)  Ir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta’ appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 608).

    (6)  Ir-Regolament (UE) 2019/288 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Frar 2019 li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1305/2013 u (UE) Nru 1307/2013 fir-rigward ta’ ċerti regoli dwar il-pagamenti diretti u l-appoġġ għall-iżvilupp rurali għas-snin 2019 u 2020 (ĠU L 53, 22.2.2019, p. 14).


    ANNESS

    “ANNESS VIa

    L-AMMONTI MASSIMI MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 14(2)

    (EUR)

    Il-Belġju

    10 076 707 10 076 707

    Il-Bulgarija

    70 427 849 70 427 849

    Iċ-Ċekja

    38 815 980 38 815 980

    Id-Danimarka

    11 371 893 11 371 893

    Il-Ġermanja

    148 488 749 148 488 749

    L-Estonja

    21 968 972 21 968 972

    L-Irlanda

    39 700 643 39 700 643

    Il-Greċja

    76 438 741 76 438 741

    Spanja

    250 300 720 250 300 720

    Franza

    181 388 880 181 388 880

    Il-Kroazja

    42 201 225 42 201 225

    L-Italja

    190 546 556 190 546 556

    Ċipru

    2 398 093 2 398 093

    Il-Latvja

    29 326 817 29 326 817

    Il-Litwanja

    48 795 629 48 795 629

    Il-Lussemburgu

    1 843 643 1 843 643

    L-Ungerija

    62 430 371 62 430 371

    Malta

    1 831 098 1 831 098

    In-Netherlands

    10 972 679 10 972 679

    L-Awstrija

    72 070 055 72 070 055

    Il-Polonja

    329 472 633 329 472 633

    Il-Portugall

    123 303 715 123 303 715

    Ir-Rumanija

    241 375 835 241 375 835

    Is-Slovenja

    15 337 318 15 337 318

    Is-Slovakkja

    56 920 680 56 920 680

    Il-Finlandja

    73 005 307 73 005 307

    L-Iżvezja

    52 887 719 52 887 719


    Top