Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019Q1111(01)

    Deċiżjoni Tal-Bord Maniġerjali Tal-Unjoni Ewropea Tal-Aġenzija Tal-Unjoni Ewropea Għat-Taħriġ Fl-Infurzar Tal-Liġi tal-5 ta' Awwissu 2019 li tistabbilixxi regoli interni li jikkonċernaw ir-restrizzjoni ta' ċerti drittijiet ta' suġġetti tad-data fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali fil-qafas tal-funzjonament tas-CEPOL

    ĠU L 290, 11.11.2019, p. 34–41 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
    ĠU L 290, 11.11.2019, p. 35–42 (BG)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/proc_rules/2019/1111/oj

    11.11.2019   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 290/34


    DEĊIŻJONI TAL-BORD MANIĠERJALI TAL-UNJONI EWROPEA TAL-AĠENZIJA TAL-UNJONI EWROPEA GĦAT-TAĦRIĠ FL-INFURZAR TAL-LIĠI

    tal-5 ta' Awwissu 2019

    li tistabbilixxi regoli interni li jikkonċernaw ir-restrizzjoni ta' ċerti drittijiet ta' suġġetti tad-data fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali fil-qafas tal-funzjonament tas-CEPOL

    IL-BORD MANIĠERJALI,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru1247/2002/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 25 tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2015/2219 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi (CEPOL) u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/681/JHA (2),

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-KEPD tal-20 ta’ Ġunju 2019 u l-Gwida tal-KEPD dwar l-Artikolu 25 tar-Regolament il-ġdid u r-regoli interni (3),

    Billi:

    (1)

    Is-CEPOL twettaq l-attivitajiet tagħha skont ir-Regolament (UE) 2015/2219.

    (2)

    Skont l-Artikolu 25(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 ir-restrizzjonijiet fuq l-applikazzjoni tal-Artikoli 14 sa 22, 35 u 36, kif ukoll l-Artikolu 4 ta' dak ir-Regolament sa fejn id-dispożizzjonijiet tiegħu jikkorrispondu għad-drittijiet u għall-obbligi previsti fl-Artikoli 14 sa 22 għandhom ikunu bbażati fuq regoli interni li għandhom jiġu adottati mill-Aġenzija, fejn dawn mhumiex ibbażati fuq atti legali adottati fuq il-bażi tat-Trattati.

    (3)

    Dawn ir-regoli interni, inkluż id-dispożizzjonijiet tagħhom dwar il-valutazzjoni tan-neċessità u l-proporzjonalità ta' restrizzjoni, m'għandhomx japplikaw fejn att legali adottat fuq il-bażi tat-Trattati jipprevedi restrizzjoni tad-drittijiet tas-suġġett tad-data.

    (4)

    Fejn l-Aġenzija twettaq id-dmirijiet tagħha fir-rigward tad-drittijiet tas-suġġett tad-data skont ir-Regolament (UE) 2018/1725, hija għandha tikkunsidra jekk tapplikax xi waħda mill-eżenzjonijiet stabbiliti f'dak ir-Regolament.

    (5)

    Fi ħdan il-qafas tal-funzjonament amministrattiv tagħha, l-Aġenzija tista’ twettaq inkjesti amministrattivi, proċedimenti dixxiplinari, twettaq attivitajiet preliminari relatati ma’ każijiet ta’ irregolaritajiet potenzjali rrappurtati lill-OLAF, tipproċessa każijiet ta’ whistleblowing, tipproċessa proċeduri (formali u informali) ta’ fastidju, tipproċessi lmenti interni u esterni, twettaq verifiki interni, twettaq investigazzjonijiet mill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data skont l-Artikolu 45(2) tar-Regolament (UE) 2018/1725 u investigazzjonijiet ta’ sigurtà interni (tal-IT) . Barra minn hekk, l-Aġenzija tista’ tindirizza talbiet għal aċċess għall-fajl mediku tal-membri tal-persunal.

    L-Aġenzija tipproċessa diversi kategoriji ta' data personali, inkluż data fattwali (data “oġġettiva” bħal data ta' identifikazzjoni, data ta' kuntatt, data professjonali, dettalji amministrattivi, data riċevuta minn sorsi speċifiċi, komunikazzjonijiet elettroniċi u data tat-traffiku) u/jew data suġġettiva (data “suġġettiva” relatata mal-każ bħal raġunament, data dwar l-imġiba, evalwazzjonijiet, data dwar il-prestazzjoni u l-kondotta u data relatata ma' jew imressqa b'konnessjoni mas-suġġett tal-proċedura jew tal-attività).

    (6)

    L-Aġenzija, irrappreżentata mid-Direttur Eżekuttiv tagħha, taġixxi bħala l-kontrollur tad-data irrispettivament minn aktar delegazzjonijiet tar-rwol tal-kontrollur fi ħdan l-Aġenzija biex tirrifletti r-responsabbiltajiet operattivi għal operazzjonijiet speċifiċi tal-ipproċessar ta' data personali.

    (7)

    Id-data personali tinħażen b'mod sigur f'ambjent elettroniku jew fuq karta b'mod li jipprevjeni l-aċċess jew it-trasferiment illegali ta' data lil persuni li m'għandhomx il-ħtieġa li jkunu jafu. Il-fajls mediċi jinħażnu mill-fornitur estern tas-servizzi użat mill-Aġenzija. Id-data personali pproċessata tinżamm għal mhux aktar milli meħtieġ u xieraq għall-finijiet li għalihom id-data tiġi pproċessata għall-perjodu speċifikat fl-avviżi dwar il-protezzjoni tad-data, id-dikjarazzjonijiet ta' privatezza jew ir-rekords tal-Aġenzija.

    (8)

    Ir-regoli interni għandhom japplikaw għall-operazzjonijiet kollha ta’ pproċessar imwettqa mill-Aġenzija fit-twettiq ta’ inkjesti amministrattivi, proċedimenti dixxiplinari, attivitajiet preliminari relatati ma’ każijiet ta’ irregolaritajiet potenzjali rrappurtati lill-OLAF, proċeduri ta’ whistleblowing, proċeduri (formali u informali) għal każijiet ta’ fastidju, ipproċessar ta’ lmenti interni u esterni, awditjar intern, l-investigazzjonijiet imwettqa mill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data f’konformità mal-Artikolu 45(2) tar-Regolament (UE) 2018/1725, investigazzjonijiet ta’ sigurtà (IT) indirizzati internament jew b’involviment estern (eż. CERT-UE), kif ukoll l-indirizzar ta’ talbiet għal aċċess għall-fajl mediku tagħhom stess.

    (9)

    Dawn għandhom japplikaw għal operazzjonijiet ta' pproċessar imwettqa qabel il-ftuħ tal-proċeduri msemmija hawn fuq, matul dawn il-proċeduri u matul il-monitoraġġ tas-segwitu għall-eżitu ta' dawn il-proċeduri. Għandha tinkludi wkoll l-assistenza u l-kooperazzjoni pprovduti mill-Aġenzija lill-awtoritajiet nazzjonali u l-organizzazzjonijiet internazzjonali barra mill-investigazzjonijiet amministrattivi tagħha.

    (10)

    Fil-każijiet fejn japplikaw dawn ir-regoli interni l-Aġenzija trid tagħti ġustifikazzjonijiet fejn tispjega għalfejn ir-restrizzjonijiet huma strettament meħtieġa u proporzjonati f'soċjetà demokratika u jirrispettaw l-essenza tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali.

    (11)

    F'dan il-qafas l-Aġenzija hija marbuta li tirrispetta, sa fejn hu l-aktar possibli, id-drittijiet fundamentali tas-suġġetti tad-data matul il-proċeduri ta' hawn fuq, b'mod partikolari, dawk relatati mad-dritt għall-għoti ta' informazzjoni, aċċess u rettifika, id-dritt għal tħassir, ir-restrizzjoni tal-ipproċessar, id-dritt għall-komunikazzjoni ta' ksur ta' data personali lis-suġġett tad-data jew għall-kunfidenzjalità tal-komunikazzjoni kif stabbilit fir-Regolament (UE) 2018/1725.

    (12)

    Madankollu, l-Aġenzija tista' tkun obbligata tirrestrinġi l-informazzjoni lis-suġġett tad-data u drittijiet oħra tas-suġġett tad-data biex tipproteġi, b'mod partikolari, l-investigazzjonijiet tagħha stess, l-investigazzjonijiet u l-proċedimenti ta' awtoritajiet pubbliċi oħra, kif ukoll id-drittijiet ta' persuni oħra relatati mal-investigazzjonijiet tagħha jew proċeduri oħra.

    (13)

    L-Aġenzija tista' għalhekk tirrestrinġi l-informazzjoni bil-għan li tipproteġi l-investigazzjoni u d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali ta' suġġetti oħra tad-data.

    (14)

    L-Aġenzija għandha timmonitorja perjodikament li l-kundizzjonijiet li jiġġustifikaw ir-restrizzjoni għadhom japplikaw u tneħħi r-restrizzjoni jekk ma jibqgħux japplikaw.

    (15)

    Il-Kontrollur għandu jinforma lill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data fil-mument tad-differiment u matul ir-reviżjonijiet,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

    1.   Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi regoli relatati mal-kundizzjonijiet li taħthom l-Aġenzija fil-qafas tal-proċeduri tagħha stabbiliti fil-paragrafu 2 tista' tirrestrinġi l-applikazzjoni tad-drittijiet stabbiliti fl-Artikoli 14 sa 21, 35 u 36, kif ukoll l-Artikolu 4 tagħha, b'segwitu tal-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2018/1725.

    2.   Fil-qafas tal-funzjonament amministrattiv tal-Aġenzija, din id-Deċiżjoni tapplika għall-operazzjonijiet tal-ipproċessar dwar data personali mill-Uffiċċju għall-finijiet ta’: twettiq ta' inkjesti amministrattivi, proċedimenti dixxiplinarji, attivitajiet preliminari relatati ma' każijiet ta' irregolaritajiet potenzjali rrapportati lill-OLAF, l-ipproċessar ta' każijiet ta' żvelar ta' informazzjoni protetta, proċeduri (formali u informali) ta' fastidju, l-ipproċessar ta' lmenti interni u esterni, it-twettiq ta' awditi interni, investigazzjonijiet imwettqa mill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data f'konformità mal-Artikolu 45(2) tar-Regolament (UE) 2018/1725, l-investigazzjonijiet dwar is-sigurtà (tal-IT) indirizzati internament jew b'involviment estern (eż. CERT-UE), kif ukoll l-indirizzar ta’ talbiet għal aċċess għall-fajl mediku tagħhom stess.

    3.   Il-kategoriji ta' data kkonċernati huma data fattwali (data 'oġġettiva' bħal data ta' identifikazzjoni, data ta' kuntatt, data professjonali, dettalji amministrattivi, data riċevuta minn sorsi speċifiċi, komunikazzjonijiet elettroniċi u data tat-traffiku) u/jew data suġġettiva (data 'suġġettiva' relatata mal-każ bħal raġunament, data dwar l-imġiba, evalwazzjonijiet, data dwar il-prestazzjoni u l-kondotta u data relatata ma' jew imressqa b'konnessjoni mas-suġġett tal-proċedura jew tal-attività).

    4.   Fejn l-Aġenzija twettaq id-dmirijiet tagħha fir-rigward tad-drittijiet tas-suġġett tad-data skont ir-Regolament (UE) 2018/1725, hija għandha tikkunsidra jekk tapplikax xi waħda mill-eżenzjonijiet stabbiliti f'dak ir-Regolament.

    5.   Soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f'din id-Deċiżjoni, ir-restrizzjonijiet jistgħu japplikaw għad-drittijiet li ġejjin: l-għoti ta' informazzjoni lis-suġġetti tad-data, id-dritt ta' aċċess, rettifika, tħassir, restrizzjoni tal-ipproċessar, komunikazzjoni ta' ksur ta' data personali lis-suġġett tad-data jew il-kunfidenzjalità tal-komunikazzjoni.

    Artikolu 2

    Speċifikazzjoni tal-kontrollur u tas-salvagwardji

    1.   Is-salvagwardji fis-seħħ biex jiġi evitat ksur, kxif jew żvelar mhux awtorizzat ta' data huma dawn li ġejjin:

    (a)

    Id-dokumenti tal-karti għandhom jinżammu f’armarji siguri u għandhom ikunu aċċessibbli għall-persunal awtorizzat biss;

    (b)

    Id-data elettronika kollha għandha tinħażen skont il-prattica tal-Aġenzija, kif ukoll f'folders elettroniċi speċifiċi aċċessibbli biss għall-persunal awtorizzat. Livelli ta’ aċċess xierqa għandhom jingħataw b’mod individwali;

    (c)

    L-ambjent tal-IT tal-Aġenzija huwa aċċessibbli permezz ta’ sistema ta’ sign-on waħda mqabbda awtomatikament mal-ID u l-password tal-utent. Is-sostituzzjoni ta’ utenti hija pprojbita strettament. Ir-rekords elettroniċi għandhom jinżammu b'mod sigur biex tiġi salvagwardjata l-kunfidenzjalità u l-privatezza tad-data fihom;

    (d)

    Il-fornitur estern tas-servizzi li jaħżen il-fajls mediċi huwa marbut bi klawżoli kuntrattwali speċifiċi dwar il-kunfidenzjalità u l-ipproċessar ta’ data personali;

    (e)

    Il-persuni kollha li jkollhom aċċess għad-data huma marbuta bl-obbligu tal-kunfidenzjalità.

    2.   Il-kontrollur tal-operazzjonijiet tal-ipproċessar huwa l-Aġenzija, irrappreżentata mid-Direttur Eżekuttiv tagħha, li jista' jiddelega l-funzjoni tal-kontrollur. Is-suġġetti tad-data għandhom jiġu infurmati dwar il-kontrollur delegat permezz tal-avviżi jew ir-rekords tal-protezzjoni tad-data ppubblikati fuq is-sit web u ċċirkolata internament fl-Aġenzija.

    3.   Il-perjodu ta' żamma tad-data personali msemmija fl-Artikolu 1(3) m'għandux ikun itwal minn dak meħtieġ u xieraq għall-finijiet li għalihom id-data tiġi pproċessata. Fi kwalunkwe każ m'għandux ikun itwal mill-perjodu ta' żamma speċifikat fl-avviżi tal-protezzjoni tad-data, id-dikjarazzjonijiet tal-privatezza jew ir-rekords imsemmija fl-Artikolu 5(1).

    4.   Fejn l-Aġenzija tikkunsidra li tapplika restrizzjoni, ir-riskju għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġett tad-data għandu jintiżen, b'mod partikolari, kontra r-riskju għad-drittijiet u l-libertajiet ta' suġġetti oħra tad-data u r-riskju ta' kanċellazzjoni tal-effett tal-investigazzjonijiet jew il-proċeduri tal-Aġenzija pereżempju billi tinqered l-evidenza. Ir-riskji għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġett tad-data jikkonċernaw primarjament, iżda mhumiex limitati għal, riskji ta' reputazzjoni u riskji għad-dritt tad-difiża u d-dritt li jinstema'.

    Artikolu 3

    Restrizzjonijiet

    1.   Kull restrizzjoni għandha tiġi applikata biss mill-Aġenzija biex tissalvagwardja:

    (a)

    il-prevenzjoni, l-investigazzjoni, id-detezzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, inkluża s-salvagwardja kontra u l-prevenzjoni ta’ theddid għas-sigurtà pubblika;

    (b)

    is-sigurtà interna tal-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni, inkluża dik tan-netwerks tal-komunikazzjoni elettronika tagħhom;

    (c)

    il-protezzjoni tal-indipendenza ġudizzjarja u l-proċedimenti ġudizzjarji;

    (d)

    il-prevenzjoni, l-investigazzjoni, id-detezzjoni u l-prosekuzzjoni tal-ksur tal-etika għal professjonijiet regolati;

    (e)

    il-protezzjoni tas-suġġett tad-data jew id-drittijiet u l-libertajiet ta' oħrajn;

    (f)

    l-infurzar ta' pretensjonijiet skont il-liġi ċivili.

    2.   Bħala applikazzjoni speċifika tal-finijiet deskritti fil-paragrafu 1 hawn fuq, l-Aġenzija tista' tapplika restrizzjonijiet relatati mad-data personali skambjata mas-servizzi tal-Kummissjoni jew ma' istituzzjonijiet, korpi, aġenziji u uffiċċji oħra tal-Unjoni, ma' awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jew ma' pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali, fiċ-ċirkostanzi li ġejjin:

    (a)

    fejn l-eżerċizzju ta' dawk id-drittijiet u l-obbligi jkun jista' jiġi ristrett mis-servizzi tal-Kummissjoni jew minn istituzzjonijiet, korpi, aġenziji u uffiċċji oħra tal-Unjoni fuq il-bażi ta' atti oħra previsti fl-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2018/1725 jew skont il-Kapitolu IX ta' dak ir-Regolament jew skont l-atti fundaturi ta' istituzzjonijiet, korpi, aġenziji u uffiċċji oħra tal-Unjoni;

    (b)

    fejn l-eżerċizzju ta' dawk id-drittijiet u obbligi jista' jkun ristrett mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri abbażi tal-atti msemmija fl-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), jew taħt miżuri nazzjonali li jittrasponu l-Artikoli 13(3), 15 (3) jew 16(3) tad-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5);

    (c)

    meta l-eżerċizzju ta' dawk id-drittijiet u l-obbligi jista' jipperikola l-kooperazzjoni tal-Aġenzija ma' pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali fit-twettiq tal-kompiti tagħha.

    (d)

    Qabel ma tapplika r-restrizzjonijiet fiċ-ċirkustanzi msemmija fil-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu, l-Aġenzija għandha tikkonsulta s-servizzi rilevanti tal-Kummissjoni, tal-istituzzjonijiet, tal-korpi, tal-aġenziji, tal-uffiċċji tal-Unjoni jew l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri sakemm ma jkunx ċar għall-Aġenzija li l-applikazzjoni ta' restrizzjoni tkun prevista minn wieħed mill-atti msemmija f'dawk il-punti.

    3.   Kwalunkwe restrizzjoni għandha tkun meħtieġa u proporzjonata billi tqis ir-riskji għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data u tirrispetta l-essenza tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali f'soċjetà demokratika.

    4.   Jekk titqies l-applikazzjoni ta’ restrizzjoni, għandu jitwettaq test tan-neċessità u tal-proporzjonalità abbażi tar-regoli preżenti. Dan għandu jiġi ddokumentat fuq bażi ta’ każ b’każ permezz ta’ nota ta’ valutazzjoni interna għall-finijiet ta’ responsabbiltà.

    5.   Ir-restrizzjonijiet għandhom jitneħħew hekk kif iċ-ċirkostanzi li jiġġustifikawhom ma jkunux għadhom japplikaw. B’mod partikolari, fejn ikun meqjus li l-eżerċitar tad-dritt ristrett ma jibqax jikkanċella l-effett tar-restrizzjoni imposta jew jaffettwa b’mod negattiv id-drittijiet jew il-libertajiet ta’ suġġetti tad-data oħra.

    Artikolu 4

    Rieżami mill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data

    1.   L-Aġenzija għandha, mingħajr dewmien żejjed, tinforma lill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data tal-Aġenzija ('l-UPD') kull meta l-kontrollur jirrestrinġi l-applikazzjoni tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data, jew jestendi r-restrizzjoni, skont din id-Deċiżjoni. Il-kontrollur għandu jipprovdi lill-UPD bl-aċċess għar-rekord li jinkludi l-valutazzjoni tan-neċessità u l-proporzjonalità tar-restrizzjoni, u jiddokumenta fir-rekord id-data li fiha jinforma lill-UPD.

    2.   L-UPD jista’ jitlob bil-miktub li l-kontrollur jirrieżamina l-applikazzjoni tar-restrizzjonijiet. Il-kontrollur għandu jinforma lill-UPD bil-miktub dwar l-eżitu tar-rieżami mitlub.

    3.   Il-kontrollur għandu jinforma lill-UPD meta tkun tneħħiet ir-restrizzjoni.

    Artikolu 5

    Forniment ta’ informazzjoni lis-suġġett tad-data

    1.   F’każijiet iġġustifikati kif xieraq u taħt il-kundizzjonijiet stipulati f’din id-deċiżjoni, id-dritt għall-informazzjoni jista’ jiġi ristrett mill-kontrollur fil-kuntest tal-operazzjonijiet tal-ipproċessar li ġejjin:

    (a)

    it-twettiq ta’ inkjesti amministrattivi u proċedimenti dixxiplinarji;

    (b)

    attivitajiet preliminari relatati ma’ każijiet ta’ irregolaritajiet potenzjali rrappurtati lill-OLAF;

    (c)

    proċeduri ta’ żvelar ta’ informazzjoni protetta;

    (d)

    proċeduri (formali u informali) għal każijiet ta’ fastidju;

    (e)

    l-ipproċessar ta’ lmenti interni u esterni;

    (f)

    awditi interni;

    (g)

    l-investigazzjonijiet imwettqa mill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data f’konformità mal-Artikolu 45(2) tar-Regolament (UE) 2018/1725;

    (h)

    investigazzjonijiet ta’ sigurtà (tal-IT) ġestiti internament jew b’involviment estern (eż. CERT-UE).

    L-Aġenzija għandha tinkludi fl-avviżi tal-protezzjoni tad-data, dikjarazzjonijiet ta' privatezza jew rekords fis-sens tal-Artikolu 31 tar-Regolament (UE) 2018/1725, ippubblikati fuq is-sit web tagħha u/jew iċċirkolati internament biex tinforma lis-suġġetti tad-data bid-drittijiet tagħhom fil-qafas ta' proċedura partikolari, informazzjoni relatata mar-restrizzjoni potenzjali ta' dawn id-drittijiet. L-informazzjoni għandha tkopri liema drittijiet jistgħu jiġu ristretti, ir-raġunijiet u d-durata potenzjali.

    2.   Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 3, l-Aġenzija, fejn proporzjonat, għandha tinforma wkoll individwalment lis-suġġetti kollha tad-data, li huma kkunsidrati bħala persuni kkonċernati fl-operazzjoni speċifika tal-ipproċessar, bid-drittijiet tagħhom li jikkonċernaw restrizzjonijiet preżenti jew futuri mingħajr dewmien bla bżonn u bil-miktub.

    3.   Fejn l-Aġenzija tirrestrinġi, kompletament jew parzjalment, l-għoti ta' informazzjoni lis-suġġetti tad-data msemmija fil-paragrafu 2, hija għandha tirreġistra r-raġunijiet għar-restrizzjoni, ir-raġuni legali skont l-Artikolu 3 ta' din id-Deċiżjoni, inkluż valutazzjoni tan-neċessità u l-proporzjonalità tar-restrizzjoni.

    Ir-rekord, u fejn applikabbli, id-dokumenti li jinkludu l-elementi fattwali u legali sottostanti għandhom jiġu rreġistrati. Dawn għandhom isiru disponibbli għall-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data meta jintalbu.

    4.   Ir-restrizzjoni msemmija fil-paragrafu 3 għandha tkompli tapplika dment li jibqgħu applikabbli r-raġunijiet li jiġġustifikawha.

    Fejn ir-raġunijiet għar-restrizzjoni ma jibqgħux japplikaw, l-Aġenzija għandha tipprovdi informazzjoni lis-suġġett tad-data dwar ir-raġunijiet prinċipali li fuqhom tkun ibbażata l-applikazzjoni tar-restrizzjoni. Fl-istess ħin, l-Aġenzija għandha tinforma lis-suġġett tad-data bid-dritt li jressaq ilment mal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data fi kwalunkwe ħin jew li jfittex rimedju ġudizzjarju fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

    L-Aġenzija għandha tirrieżamina l-applikazzjoni tar-restrizzjoni kull sitt xhur mill-adozzjoni tagħha u fl-għeluq tal-inkjesta, proċedura jew investigazzjoni rilevanti. Wara dan, kull sitt xhur, il-kontrollur għandu jimmonitorja l-ħtieġa li tinżamm kwalunkwe restrizzjoni.

    Artikolu 6

    Dritt ta' aċċess mis-suġġett tad-data

    1.   F'każijiet debitament iġġustifikati u taħt il-kundizzjonijiet stipulati f'din id-deċiżjoni, id-dritt għall-aċċess jista' jiġi ristrett mill-kontrollur fil-kuntest tal-operazzjonijiet tal-ipproċessar li ġejjin, fejn meħtieġ u proporzjonat:

    (a)

    it-twettiq ta’ inkjesti amministrattivi u proċedimenti dixxiplinarji;

    (b)

    attivitajiet preliminari relatati ma’ każijiet ta’ irregolaritajiet potenzjali rrappurtati lill-OLAF;

    (c)

    proċeduri ta’ żvelar ta’ informazzjoni protetta;

    (d)

    proċeduri (formali u informali) għal każijiet ta’ fastidju;

    (e)

    l-ipproċessar ta’ lmenti interni u esterni;

    (f)

    awditi interni;

    (g)

    l-investigazzjonijiet imwettqa mill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data f’konformità mal-Artikolu 45(2) tar-Regolament (UE) 2018/1725;

    (h)

    investigazzjonijiet ta’ sigurtà (tal-IT) ġestiti internament jew b’involviment estern (eż. CERT-UE).

    (i)

    L-indirizzar tat-talbiet għal aċċess għall-fajl mediku proprju.

    Meta s-suġġetti tad-data jitolbu aċċess għad-data personali tagħhom ipproċessata fil-kuntest ta' każ speċifiku wieħed jew aktar jew ta' operazzjoni ta' pproċessar partikolari, skont l-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2018/1725, l-Aġenzija għandha tillimita l-valutazzjoni tagħha tat-talba għal tali data personali biss.

    2.   Meta l-Aġenzija tirrestrinġi, b'mod sħiħ jew parzjali, id-dritt ta' aċċess, imsemmi fl-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2018/1725, hija għandha tieħu l-passi li ġejjin:

    (a)

    għandha tinforma lis-suġġett tad-data kkonċernat, fit-tweġiba tagħha għat-talba, bir-restrizzjoni applikata u bir-raġunijiet prinċipali għaliha, u bil-possibbiltà li jista' jressaq ilment lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data jew li jfittex rimedju ġudizzjarju fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea;

    (b)

    għandha tiddokumenta f'nota ta' valutazzjoni interna r-raġunijiet għar-restrizzjoni, inkluż il-valutazzjoni tan-neċessità, il-proporzjonalità tar-restrizzjoni u t-tul ta' żmien tagħha.

    Restrizzjonijiet imposti fir-rigward tal-aċċess għall-fajl mediku proprju għandhom jikkonċernaw biss talbiet għal aċċess dirett fir-rigward ta’ data medika personali ta’ natura psikoloġika jew psikjatrika, fejn l-aċċess għal tali data x’aktarx jirrappreżenta riskju għas-saħħa tas-suġġett tad-data. Din ir-restrizzjoni għandha tkun proporzjonata għal dak li huwa strettament neċessarju biex jiġi protett is-suġġett tad-data. L-aċċess għal tali informazzjoni għandu jingħata lit-tabib tal-għażla tas-suġġett tad-data.

    Il-forniment ta’ informazzjoni msemmi fil-punt (a) jista’ jiġi differit, jitħalla barra jew jiġi miċħud, jekk dan jikkanċella l-effett tar-restrizzjoni f’konformità mal-Artikolu 25(8) tar-Regolament (UE) 2018/1725.

    L-Aġenzija għandha tirrieżamina l-applikazzjoni tar-restrizzjoni kull sitt xhur mill-adozzjoni tagħha u fl-għeluq tal-investigazzjoni rilevanti. Wara dan, kull sitt xhur, il-kontrollur għandu jimmonitorja l-ħtieġa li tinżamm kwalunkwe restrizzjoni.

    3.   Ir-rekord, u fejn applikabbli, id-dokumenti li jinkludu l-elementi fattwali u legali sottostanti għandhom jiġu rreġistrati. Dawn għandhom isiru disponibbli għall-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data meta jintalbu.

    Artikolu 7

    Dritt ta’ rettifika, tħassir u restrizzjoni ta' pproċessar

    1.   F'każijiet debitament iġġustifikati u taħt il-kundizzjonijiet stipulati f'din id-deċiżjoni, id-dritt għal rettifika, tħassir u restrizzjoni jista' jiġi ristrett mill-kontrollur fil-kuntest tal-operazzjonijiet tal-ipproċessar li ġejjin, fejn meħtieġ u xieraq:

    (a)

    it-twettiq ta’ inkjesti amministrattivi u proċedimenti dixxiplinarji;

    (b)

    attivitajiet preliminari relatati ma’ każijiet ta’ irregolaritajiet potenzjali rrappurtati lill-OLAF;

    (c)

    proċeduri ta’ żvelar ta’ informazzjoni protetta;

    (d)

    proċeduri (formali u informali) għal każijiet ta’ fastidju;

    (e)

    l-ipproċessar ta’ lmenti interni u esterni;

    (f)

    awditi interni;

    (g)

    l-investigazzjonijiet imwettqa mill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data f’konformità mal-Artikolu 45(2) tar-Regolament (UE) 2018/1725;

    (h)

    investigazzjonijiet ta’ sigurtà (tal-IT) ġestiti internament jew b’involviment estern (eż. CERT-UE).

    2.   Fejn l-Aġenzija tirrestrinġi, kompletament jew parzjalment, l-applikazzjoni tad-dritt għar-rettifika, it-tħassir u r-restrizzjoni tal-ipproċessar imsemmi fl-Artikoli 18, 19(1) u 20(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725, hija għandha tieħu l-passi stabbiliti fl-Artikolu 6(2) ta' din id-Deċiżjoni u tirreġistra r-rekord skont l-Artikolu 6(3) tagħha.

    Artikolu 8

    Il-komunikazzjoni ta’ ksur ta’ data personali lis-suġġett tad-data u l-kunfidenzjalità tal-komunikazzjoni elettronika

    1.   F'każijiet debitament iġġustifikati u taħt il-kundizzjonijiet stipulati f'din id-deċiżjoni, id-dritt għall-komunikazzjoni ta' ksur ta' data personali jista' jiġi ristrett mill-kontrollur fil-kuntest tal-operazzjonijiet tal-ipproċessar li ġejjin, fejn meħtieġ u xieraq:

    (a)

    it-twettiq ta’ inkjesti amministrattivi u proċedimenti dixxiplinarji;

    (b)

    attivitajiet preliminari relatati ma’ każijiet ta’ irregolaritajiet potenzjali rrappurtati lill-OLAF;

    (c)

    proċeduri ta’ żvelar ta’ informazzjoni protetta;

    (d)

    l-ipproċessar ta’ lmenti interni u esterni;

    (e)

    awditi interni;

    (f)

    l-investigazzjonijiet imwettqa mill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data f’konformità mal-Artikolu 45(2) tar-Regolament (UE) 2018/1725;

    (g)

    investigazzjonijiet ta’ sigurtà (tal-IT) ġestiti internament jew b’involviment estern (eż. CERT-UE).

    2.   F'każijiet debitament iġġustifikati u taħt il-kundizzjonijiet stipulati f'din id-deċiżjoni, id-dritt għall-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet elettroniċi jista' jiġi ristrett mill-kontrollur fil-kuntest tal-operazzjonijiet tal-ipproċessar li ġejjin, fejn meħtieġ u xieraq:

    (a)

    it-twettiq ta’ inkjesti amministrattivi u proċedimenti dixxiplinarji;

    (b)

    attivitajiet preliminari relatati ma’ każijiet ta’ irregolaritajiet potenzjali rrappurtati lill-OLAF;

    (c)

    proċeduri ta’ żvelar ta’ informazzjoni protetta;

    (d)

    proċeduri formali għal każijiet ta’ fastidju;

    (e)

    l-ipproċessar ta’ lmenti interni u esterni;

    (f)

    investigazzjonijiet ta’ sigurtà (tal-IT) ġestiti internament jew b’involviment estern (eż. CERT-UE).

    3.   Fejn l-Aġenzija tirrestrinġi l-komunikazzjoni ta' ksur ta' data personali lis-suġġett tad-data jew il-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet elettroniċi msemmija fl-Artikoli 35 u 36 tar-Regolament (UE) 2018/1725, għandha tirreġistra u żżomm rekord tar-raġunijiet għar-restrizzjoni f'konformità mal-Artikolu 5(3) ta' din id-deċiżjoni. L-Artikolu 5(4) ta' din id-Deċiżjoni għandu japplika.

    Artikolu 9

    Dħul fis-seħħ

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak li fih tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul f’Tampere, fil-5 ta’ Awwissu 2019.

    Għall-Bord Maniġerjali

    Is-Sur Kimmo HIMBERG

    President tal-Bord Maniġerjali


    (1)  ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39.

    (2)  ĠU L 319, 4.12.2015, p. 1.

    (3)  https://edps.europa.eu/sites/edp/files/publication/18-12-20_guidance_on_article_25_en.pdf

    (4)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

    (5)  Id-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 89).


    Top