This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32019D1887
Commission Implementing Decision (EU) 2019/1887 of 7 November 2019 amending Implementing Decision 2014/709/EU as regards the availability and timeliness of information on the list of approved establishments (notified under document C(2019) 7899) (Text with EEA relevance)
Deċiżjoni Ta’ Implimentazzjoni Tal-Kummissjoni (UE) 2019/1887 tas-7 ta’ Novembru 2019 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2014/709/UE fir-rigward tad-disponibbiltà u l-puntwalità tal-informazzjoni fuq il-lista ta’ stabbilimenti approvati (notifikata bid-dokument C(2019) 7899) (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
Deċiżjoni Ta’ Implimentazzjoni Tal-Kummissjoni (UE) 2019/1887 tas-7 ta’ Novembru 2019 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2014/709/UE fir-rigward tad-disponibbiltà u l-puntwalità tal-informazzjoni fuq il-lista ta’ stabbilimenti approvati (notifikata bid-dokument C(2019) 7899) (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
C/2019/7899
ĠU L 290, 11.11.2019, p. 29–30
(ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
ĠU L 290, 11.11.2019, p. 30–31
(BG)
No longer in force, Date of end of validity: 21/04/2021
11.11.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 290/29 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1887
tas-7 ta’ Novembru 2019
li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2014/709/UE fir-rigward tad-disponibbiltà u l-puntwalità tal-informazzjoni fuq il-lista ta’ stabbilimenti approvati
(notifikata bid-dokument C(2019) 7899)
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 89/662/KEE tal-11 ta’ Diċembru 1989 dwar spezzjonijiet veterinarji fil-kummerċ intra-Komunitarju bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(4) tagħha,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 90/425/KEE tas-26 ta’ Ġunju 1990 dwar l-iċċekkjar veterinarju applikabbli għall-kummerċ intra-Unjoni ta’ ċertu annimali ħajjin u prodotti bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 10(4) tagħha,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2002/99/KE tas-16 ta’ Diċembru 2002 li tistabbilixxi r-regoli sanitarji għall-annimali u li jiddeterminaw il-produzzjoni, l-ipproċessar, id-distribuzzjoni u l-introduzzjoni ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali u li huma għall-konsum uman (3), u b’mod partikolari l-Artikolu 4(3) tagħha,
Billi:
(1) |
Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/709/UE (4) tistabbilixxi l-miżuri ta’ kontroll tas-saħħa tal-annimali marbutin mad-deni Afrikan tal-ħnieżer fl-Istati Membri jew fiż-żoni tagħhom li huma elenkati fl-Anness tagħha (l-Istati Membri kkonċernati). Dik id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tipprevedi projbizzjonijiet tat-tqassim ta’ kunsinni ta’ ħnieżer domestiċi u prodotti tal-ħnieżer, kif ukoll it-tqassim ta’ kunsinni ta’ ħnieżer selvaġġi u prodotti tal-ħnieżer selvaġġi miż-żoni elenkati fl-Anness tagħha. Tistabbilixxi wkoll regoli oħra mmirati lejn il-prevenzjoni tat-tixrid tad-deni Afrikan tal-ħnieżer, inkluż ir-rekwiżiti ta’ informazzjoni għall-Istati Membri. Il-miżuri ta’ kontroll tas-saħħa tal-annimali stipulati fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2014/709/UE japplikaw b’mod parallel għal dawk stabbiliti fid-Direttiva tal-Kunsill 2002/60/KE (5), u huma intenzjonati biex jiġġieldu t-tixrid tad-deni Afrikan tal-ħnieżer b’mod partikolari fil-livell tal-Unjoni. |
(2) |
Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2014/709/UE tipprevedi wkoll derogi mill-projbizzjoni fuq it-tqassim tal-laħam frisk tal-majjal u ta’ ċerti preparazzjonijiet tal-laħam tal-majjal u prodotti tal-laħam tal-majjal li jkun fihom jew li jkunu jikkonsistu minn dan il-laħam miż-żoni mniżżlin fil-Partijiet II, III jew IV tal-Anness ta’ dik id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni, lil Stati Membri oħra u lil pajjiżi terzi. |
(3) |
Ċerti derogi huma possibbli biss jekk il-ħnieżer li minnhom huma derivati l-prodotti inkwistjoni jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-Artikolu 11 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2014/709/UE, il-biċċeriji, l-impjanti tat-tqattigħ u l-stabbilimenti tal-ipproċessar tal-laħam jikkonformaw mal-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni stipulati fl-Artikolu 12 tiegħu, u jekk il-prodotti inkwistjoni jiġu prodotti u pproċessati f’konformità mal-proċess u ċ-ċertifikazzjoni speċifiċi kif meħtieġ f’konformità mal-Artikolu 13 tiegħu. |
(4) |
L-Artikolu 14 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2014/709/UE attwalment jeħtieġ li l-Istati Membri kull sitt xhur mid-data tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2014/709/UE, jikkomunikaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra, il-lista aġġornata tal-istabbilimenti approvati msemmija fl-Artikolu 12 u kwalunkwe informazzjoni rilevanti dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 11, 12 u 13 ta’ dak l-att. Sabiex tiġi ottimizzata l-ħtieġa ta’ trasparenza fejn jidħlu Stati Membri oħra u pajjiżi terzi u sabiex jiġi razzjonalizzat l-iskambju ta’ informazzjoni, jenħtieġ li l-Istati Membri jkollhom ir-responsabbiltà li regolarment jaġġornaw il-lista ta’ stabbilimenti approvati kif imsemmi fl-Artikolu 12 u kwalunkwe informazzjoni rilevanti msemmija fl-Artikoli 11, 12 u 13 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2014/709/UE. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Istati Membri puntwalment, pubblikament u faċilment jagħmlu din l-informazzjoni disponibbli għal Stati Membri oħra u għall-pajjiżi terzi. Jenħtieġ għalhekk li l-Artikolu 14 ta’ dik id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni jiġi emendat skont dan. |
(5) |
Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-Artikolu 14 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2014/709/UE huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Artikolu 14
Informazzjoni b’rabta mal-Artikoli 11, 12 u 13
L-Istati Membri għandhom ifasslu u jżommu aġġornata lista ta’ stabbilimenti approvati skont l-Artikolu 12 (lista ta’ stabbilimenti approvati) u jagħmluha disponibbli għall-Kummissjoni, għall-Istati Membri l-oħra u għall-pubbliku.
L-Istati Membri għandhom minnufih jinfurmaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra dwar:
(a) |
kwalunkwe bidla fil-lista tagħhom ta’ stabbilimenti approvati; kif ukoll |
(b) |
kwalunkwe informazzjoni rilevanti dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 11, 12 u 13.”. |
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Novembru 2019.
Għall-Kummissjoni
Vytenis ANDRIUKAITIS
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 395, 30.12.1989, p. 13.
(2) ĠU L 224, 18.8.1990, p. 29.
(3) ĠU L 18, 23.1.2003, p. 11.
(4) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/709/UE tad-9 ta’ Ottubru 2014 dwar miżuri ta’ kontroll tas-saħħa tal-annimali marbutin mad-deni Afrikan tal-ħnieżer f’ċertu Stati Membri u li tħassar id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2014/178/UE (ĠU L 295, 11.10.2014, p. 63).
(5) Id-Direttiva tal-Kunsill 2002/60/KE tas-27 ta’ Ġunju 2002 li tistipula d-disposizzjonijiet speċifiċi għall-kontroll tad-deni tal-majjal Afrikan u li temenda d-Direttiva 92/119/KEE fir-rigward tal-marda Teschen u tad-deni tal-majjal Afrikan (ĠU L 192, 20.7.2002, p. 27).