Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019R1685

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1685 tal-4 ta’ Ottubru 2019 li jaħtar Ċentru ta’ Referenza tal-Unjoni Ewropea għat-Trattament Xieraq tal-Annimali għat-tjur u għal annimali żgħar oħra tar-razzett (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    C/2019/7072

    ĠU L 258, 9.10.2019, p. 11–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 09/10/2019

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2019/1685/oj

    9.10.2019   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 258/11


    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1685

    tal-4 ta’ Ottubru 2019

    li jaħtar Ċentru ta’ Referenza tal-Unjoni Ewropea għat-Trattament Xieraq tal-Annimali għat-tjur u għal annimali żgħar oħra tar-razzett

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta’ regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 95(1) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/329 (2) ħatar lill-konsorzju mmexxi minn Wageningen Livestock Research u li hu magħmul ukoll mill-Università ta’ Aarhus u minn Friedrich-Loeffler-Institut, bħala Ċentru ta’ Referenza tal-Unjoni Ewropea għat-Trattament Xieraq tal-Annimali responsabbli għall-appoġġ tal-attivitajiet orizzontali tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri fil-qasam tar-rekwiżiti dwar it-trattament xieraq tal-annimali, li jissemma fl-Artikolu 1(2)(f) tar-Regolament (UE) 2017/625. Skont il-kompiti stabbiliti fil-programm ta’ ħidma pluriennali taċ-ċentri ta’ referenza tal-Unjoni Ewropea, l-attivitajiet ta’ dan iċ-Ċentru ta’ Referenza tal-Unjoni Ewropea għat-Trattament Xieraq tal-Annimali jiffukaw fuq it-trattament xieraq tal-ħnieżer.

    (2)

    Sussegwentement, skont l-Artikolu 95 tar-Regolament (UE) 2017/625, il-Kummissjoni għamlet sejħa pubblika għall-għażla u l-ħatra ta’ Ċentru ta’ Referenza tal-Unjoni Ewropea għat-Trattament Xieraq tal-Annimali ieħor, li jenħtieġ li jappoġġa l-attivitajiet orrizzontali tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri marbuta mal-applikazzjoni tar-regoli li jistabbilixxu r-rekwiżiti dwar it-trattament xieraq tal-annimali għat-tjur u għal annimali żgħar oħra tar-razzett.

    (3)

    Il-kumitat ta’ evalwazzjoni u ta’ għażla maħtur għal dik is-sejħa pubblika kkonkluda li l-konsorzju mmexxi mill-Agence Nationale de Sécurité Sanitaire de l’Alimentation (Franza) u magħmul ukoll mill-Institut de Recerca I Tecnologia Agroalimentàries (Spanja), mill-Aarhus Universitet — Institut for Husdyrvidenskab (id-Danimarka), mill-Istituto Zooprofilattico Sperimentale della Lombardia e dell’Emilia Romagna (l-Italja), jikkonforma mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 95(3) tar-Regolament (UE) 2017/625 u jista’ jkun responsabbli għall-kompiti stabbiliti fl-Artikolu 96 ta’ dak ir-Regolament, fir-rigward tat-tjur u ta’ annimali żgħar oħra tar-razzett.

    (4)

    Għaldaqstant, jenħtieġ li dak il-konsorzju jinħatar bħala Ċentru ta’ Referenza tal-Unjoni Ewropea għat-Trattament Xieraq tal-Annimali fir-rigward tat-tjur u ta’ annimali żgħar oħra tar-razzett, responsabbli għall-kompiti ta’ appoġġ sakemm ikunu inklużi fil-programmi ta’ ħidma annwali jew pluriennali taċ-ċentri ta’ referenza tal-Unjoni Ewropea. Jeħtieġ li l-programmi ta’ ħidma annwali jew pluriennali jiġu stabbiliti f’konformità mal-objettivi u mal-prijoritajiet tal-programmi ta’ ħidma rilevanti adottati mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 36 tar-Regolament (UE) Nru 652/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

    (5)

    L-Artikolu 95 tar-Regolament (UE) 2017/625 jeħtieġ li l-ħatra ta’ Ċentru ta’ Referenza tal-Unjoni Ewropea għat-Trattament Xieraq tal-Annimali tkun limitata fiż-żmien jew riveduta regolarment. Għalhekk, jenħtieġ li l-ħatra taċ-Ċentru ta’ Referenza tal-Unjoni Ewropea għat-Trattament Xieraq tal-Annimali għat-tjur u għal annimali żgħar oħra tar-razzett, tiġi riveduta kull ħames snin.

    (6)

    Jenħtieġ li ċ-Ċentru ta’ Referenza tal-Unjoni Ewropea għat-Trattament Xieraq tal-Annimali għat-tjur u għal annimali żgħar oħra tar-razzett maħtur, jingħata żmien biżżejjed biex iħejji l-programm ta’ ħidma tiegħu għall-perjodu baġitarju li jmiss. Għalhekk, jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika mill-1 ta’ Jannar 2020,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    1.   Il-konsorzju li ġej għandu jinħatar bħala Ċentru ta’ Referenza tal-Unjoni Ewropea għat-Trattament Xieraq tal-Annimali responsabbli għall-appoġġ tal-attivitajiet orizzontali tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri fil-qasam tar-rekwiżiti dwar it-trattament xieraq tal-annimali għat-tjur u għal annimali żgħar oħra tar-razzett:

    Isem:

    :

    Konsorzju mmexxi mill-Agence Nationale de Sécurité Sanitaire de l’Alimentation (Franza), u magħmul ukoll mill-Institut de Recerca I Tecnologia Agroalimentàries (Spanja), mill-Aarhus Universitet – Institut for Husdyrvidenskab (id-Danimarka), u mill-Istituto Zooprofilattico Sperimentale della Lombardia e dell’Emilia Romagna (l-Italja)

    Indirizz:

    :

    14 rue Pierre et Marie Curie

    94701 Maisons-Alfort Cedex

    FRANCE

    2.   Il-ħatra għandha tiġi eżaminata mill-ġdid kull ħames snin mill-ewwel jum ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2020.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ Ottubru 2019.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 95, 7.4.2017, p. 1.

    (2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/329 tal-5 ta’ Marzu 2018 li jaħtar Ċentru ta’ Referenza tal-Unjoni Ewropea għat-Trattament Xieraq tal-Annimali (ĠU L 63, 6.3.2018, p. 13).

    (3)  Ir-Regolament (UE) Nru 652/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet għall-ġestjoni tan-nefqa marbuta mal-katina alimentari, mas-saħħa tal-annimali u mat-trattament xieraq tal-annimali, u marbuta mas-saħħa tal-pjanti u mal-materjal riproduttiv tal-pjanti, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 98/56/KE, 2000/29/KE u 2008/90/KE, ir-Regolamenti (KE) Nru 178/2002, (KE) Nru 882/2004 u (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttiva 2009/128/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 66/399/KEE, 76/894/KEE u 2009/470/KE (ĠU L 189, 27.6.2014, p. 1).


    Top