Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019R1683

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1683 tat-2 ta’ Ottubru 2019 li japprova emenda mhux minuri fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ta’ isem imniżżel fir-reġistru tad-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini Protetti u tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi Protetti [Crème d’Isigny (DOP)]

    C/2019/7185

    ĠU L 258, 9.10.2019, p. 8–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2019/1683/oj

    9.10.2019   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 258/8


    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1683

    tat-2 ta’ Ottubru 2019

    li japprova emenda mhux minuri fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ta’ isem imniżżel fir-reġistru tad-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini Protetti u tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi Protetti [“Crème d’Isigny” (DOP)]

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 52(2) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 53(1) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, il-Kummissjoni eżaminat l-applikazzjoni ta’ Franza għall-approvazzjoni ta’ emenda fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott tad-denominazzjoni ta’ oriġini protetta “Crème d’Isigny”, irreġistrata skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1107/96 (2). Din l-emenda tinkludi emenda tal-isem “Crème d’Isigny” għal “Crème d’Isigny”/“Crème fraîche d’Isigny”.

    (2)

    Permezz tal-ittra tas-16 ta’ Ottubru 2017, l-awtoritajiet Franċiżi informaw lill-Kummissjoni li kien ingħata perjodu tranżitorju skont l-Artikolu 15(4) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, sal-31 ta’ Diċembru 2022, lil għaxar operaturi stabbiliti fit-territorju tagħhom li jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu skont id-Digriet tat-12 ta’ Settembru 2017 dwar l-emenda tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini protetti “Beurre d’Isigny” u “Crème d’Isigny” ippubblikat fl-20 ta’ Settembru 2017 fil-Journal officiel de la République française. Permezz tal-ittra tas-26 ta’ Settembru 2018, l-istess awtoritajiet ikkomunikaw it-test ta’ Digriet ġdid tat-30 ta’ Awwissu 2018 li jemenda d-Digriet tat-12 ta’ Settembru 2017 u li jinkludi l-ismijiet ta’ dawn l-operaturi. Matul il-proċedura nazzjonali ta’ oppożizzjoni, dawn l-operaturi li kienu kkummerċjalizzaw legalment il-“Crème d’Isigny” b’mod kontinwu għal mill-inqas ħames snin qabel is-sottomissjoni tal-applikazzjoni, kienu ressqu oppożizzjonijiet. Sitt operaturi ressqu oppożizzjoni dwar id-dispożizzjoni li ġejja: Kull baqra li taħleb għandu jkollha mill-inqas 3 500 metru kwadru ta’ bwar (naturali, temporanji jew annwali) għad-dispożizzjoni tagħha, li 2 000 metru kwadru minnhom ikunu jintużaw għar-ragħa jew mill-inqas 1 000 metru kwadru minnhom ikunu jintużaw għar-ragħa biż-żieda tal-ħaxix bħala għalf supplimentari. L-operaturi kkonċernati huma dawn li ġejjin: il-GAEC des normandes (SIRET: 38531072700016), il-GAEC des Quesnel (SIRET: 41022988100011), il-GAEC du chalet (SIRET: 34005162200017), il-GAEC de la cour des mares (SIRET: 34897314000026), il-GAEC du hameau (SIRET: 38259121200016) u l-GAEC du petit flot (SIRET: 43783781800016). Żewġ operaturi ressqu oppożizzjoni dwar id-dispożizzjoni li ġejja: Bħala medja, il-ħaxix frisk jew ippreservat għandu jikkostitwixxi mill-inqas 40 % mir-razzjon tal-għalf, mogħti bħala materja niexfa, matul il-perjodu minimu ta’ seba’ xhur ta’ ragħa. L-operaturi kkonċernati huma dawn li ġejjin: l-EARL des clôtures (SIRET: 51075733900013) u l-GAEC du Clos Roset (SIRET: 48310227300016). Żewġ operaturi ressqu oppożizzjoni dwar id-dispożizzjoni li ġejja: Matul il-bqija tas-sena (barra mill-perjodu ta’ ragħa), il-proporzjon tiegħu (ħaxix frisk jew ippreservat) ma jridx ikun inqas minn 20 % mir-razzjon tal-għalf ta’ kuljum, mogħti bħala materja niexfa. L-operaturi kkonċernati huma dawn li ġejjin: il-GAEC de la Ronchette (SIRET: 49754563200018) u l-GAEC du Village Culot.

    (3)

    Billi l-emenda kkonċernata mhijiex minuri skont it-tifsira tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, il-Kummissjoni ppubblikat l-applikazzjoni għal emenda, kif meħtieġ skont l-Artikolu 50(2)(a) tal-istess Regolament, f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (3).

    (4)

    Billi l-Kummissjoni ma rċeviet ebda dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, jenħtieġ li l-emenda fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott tiġi approvata,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-emenda fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea b’rabta mal-isem “Crème d’Isigny” (DOP) hija approvata.

    Artikolu 2

    Il-protezzjoni mogħtija skont l-Artikolu 1 hija soġġetta għall-perjodu tranżitorju mogħti minn Franza skont l-Artikolu 15(4) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 lill-operaturi li jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ dak l-Artikolu, wara d-Digrieti tat-12 ta’ Settembru 2017 u tal-30 ta’ Awwissu 2018 dwar l-emenda tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini protetti “Beurre d’Isigny” u “Crème d’Isigny” ippubblikati rispettivament fl-20 ta’ Settembru 2017 u fis-6 ta’ Settembru 2018 fil-Journal Officiel de la République française.

    Artikolu 3

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Ottubru 2019.

    Għall-Kummissjoni

    f’isem il-President,

    Phil HOGAN

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.

    (2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1107/96 tat-12 ta’ Ġunju 1996 dwar ir-reġistrazzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi u denominazzjonijiet ta’ oriġini taħt il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2081/92. (ĠU L 148, 21.6.1996, p. 1).

    (3)  ĠU C 176, 22.5.2019, p. 7.


    Top