EUR-Lex Hozzáférés az európai uniós joghoz

Vissza az EUR-Lex kezdőlapjára

Ez a dokumentum az EUR-Lex webhelyről származik.

Dokumentum 22019A0925(01)

Ftehim fir-Rigward tal-Limitazzjonijiet ta' Żmien dwar Arranġamenti għall-Forniment ta' Inġenji tal-Ajru bl-Ekwipaġġ

ST/10584/2019/INIT

ĠU L 245, 25.9.2019., 3—6. o. (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

A dokumentum hatályossági állapota Hatályos

ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2019/1580/oj

Kapcsolódó tanácsi határozat
Kapcsolódó tanácsi határozat

25.9.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 245/3


TRADUZZJONI

FTEHIM

fir-Rigward tal-Limitazzjonijiet ta' Żmien dwar Arranġamenti għall-Forniment ta' Inġenji tal-Ajru bl-Ekwipaġġ

L-ISTATI UNITI TAL-AMERKA (minn hawn 'il quddiem, “l-Istati Uniti”), L-UNJONI EWROPEA, L-IŻLANDA, u r-RENJU TAN-NORVEĠJA (minn hawn 'il quddiem, “in-Norveġja”),

JIRRIKONOXXU l-benefiċċju tal-promozzjoni tal-flessibbiltà u tal-opportunitajiet ġusti u ndaqs fir-rigward tal-arranġamenti operattivi konklużi mil-linji tal-ajru skont l-Artikolu 10(9) tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-Istati Uniti tal-Amerka u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, li ġie ffirmat fil-25 u fit-30 ta' April 2007, kif emendat mill-Protokoll li Jemenda l-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-Istati Uniti tal-Amerka u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, li ġie ffirmat fl-24 ta' Ġunju 2010 (minn hawn 'il quddiem, “l-ATA bejn l-Istati Uniti u l-UE”) u li ġie applikat skont il-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-Istati Uniti tal-Amerka, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, l-Iżlanda, u r-Renju tan-Norveġja, li ġie ffirmat fis-16 u fil-21 ta' Ġunju 2011 (minn hawn 'il quddiem, l-“ATA bejn Erba' Partijiet”);

JIRRIKONOXXU r-relazzjoni komprensiva tal-avjazzjoni bejn il-partijiet, stabbilita mill-ATA bejn l-Istati Uniti u l-UE u mill-ATA bejn Erba' Partijiet, u l-kooperazzjoni mill-qrib bejn il-partijiet li ġiet żviluppata fil-kuntest ta' dawn il-Ftehimiet;

JAFFERMAW mill-ġdid l-objettiv komuni tal-Partijiet li jiżguraw l-ogħla grad ta' sikurezza u sigurtà fit-trasport internazzjonali bl-ajru, kif rifless fl-oqfsa regolatorji simili tagħhom;

JIRRIKONOXXU l-eżistenza ta' kundizzjonijiet soċjali u ekonomiċi komparabbli bejn il-Partijiet fir-rigward tat-trasport internazzjonali bl-ajru; u

JIMPENJAW ruħhom li jippromwovu l-flessibbiltà fl-arranġamenti operattivi bejn il-linji tal-ajru biex jikru l-inġenji tal-ajru bl-ekwipaġġ kif previst mill-ATA bejn l-Istati Uniti u l-UE, inkluż kif applikat mill-ATA bejn Erba' Partijiet, billi jneħħu b'mod reċiproku l-limiti ta' żmien fuq tali arranġamenti, mingħajr ma jaffettwaw b'mod ieħor l-applikazzjoni ta' dawk il-Ftehimiet;

FTIEHMU KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan il-Ftehim:

1.

“Linji tal-ajru Ewropej” tfisser linji tal-ajru tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri tagħha, tal-Iżlanda u tan-Norveġja, li huma awtorizzati biex jipprovdu trasport internazzjonali bl-ajru skont l-Artikolu 4 tal-ATA bejn l-Istati Uniti u l-UE, inkluż kif applikat mill-ATA bejn Erba' Partijiet.

2.

“Parti” tfisser l-Istati Uniti, l-Unjoni Ewropea, l-Iżlanda, jew in-Norveġja.

3.

“Linji tal-ajru tal-Istati Uniti” tfisser linji tal-ajru tal-Istati Uniti awtorizzati biex jipprovdu trasport internazzjonali bl-ajru skont l-Artikolu 4 tal-ATA bejn l-Istati Uniti u l-UE, inkluż kif applikat mill-ATA bejn Erba' Partijiet.

4.

“Kiri bl-ekwipaġġ” tfisser kwalunkwe arranġament bejn żewġ linji tal-ajru għall-forniment ta' inġenju tal-ajru bl-ekwipaġġ għat-trasport internazzjonali bl-ajru.

Artikolu 2

Limitazzjonijiet ta' Żmien

1.   L-ebda Parti ma għandha timponi, inkluż permezz ta' statut jew regolament, limitazzjonijiet ta' żmien fuq l-operat ta' xi kiri bl-ekwipaġġ skont l-Artikolu 10(9) tal-ATA bejn l-Istati Uniti u l-UE, inkluż kif applikat mill-ATA bejn Erba' Partijiet, dment li tali kiri bl-ekwipaġġ jikkonforma mat-termini u l-kundizzjonijiet kollha tal-Artikolu 10(9) imsemmi.

2.   Xejn fil-paragrafu 1 ma għandu jinftiehem bħala li jillimita d-dritt ta' Parti li tapplika b'mod ieħor l-istatuti u r-regolamenti tagħha fir-rigward tal-arranġamenti tal-kiri bl-ekwipaġġ li jinvolvu l-linji tal-ajru tagħha u dawk tal-pajjiżi li mhumiex parti għal dan il-Ftehim.

Artikolu 3

Konsultazzjonijiet

Kwalunkwe Parti tista', fi kwalunkwe mument, titlob konsultazzjonijiet ma' kwalunkwe Parti jew Partijiet oħra fir-rigward ta' kwalunkwe kwistjoni relatata ma' dan il-Ftehim. Tali konsultazzjonijiet għandhom jibdew fl-aktar data kmieni possibbli, iżda mhux aktar tard minn 60 jum mid-data li fiha l-Parti l-oħra tirċievi t-talba jew, kif xieraq, mid-data li fiha l-Partijiet l-oħra kollha jkunu rċevew it-talba, sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor. Tali konsultazzjonijiet jistgħu jiġu organizzati b'rabta ma' laqgħa tal-Kumitat Konġunt imsemmi fl-Artikolu 18 tal-ATA bejn l-Istati Uniti u l-UE.

Artikolu 4

Rieżami

Il-Partijiet għandhom jeżaminaw mill-ġdid, kif xieraq, l-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim. Tali rieżami jista' jsir b'rabta ma' laqgħa tal-Kumitat Konġunt imsemmi fl-Artikolu 18 tal-ATA bejn l-Istati Uniti u l-UE.

Artikolu 5

Riżoluzzjoni ta' tilwim

1.   Kwalunkwe tilwima li tirriżulta fil-qafas ta' dan il-Ftehim li ma tiġix solvuta bil-konsultazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 3 tista' titressaq quddiem persuna jew korp biex tittieħed deċiżjoni bi ftehim tal-partijiet għat-tilwima. Jekk il-partijiet għat-tilwima ma jaqblux dwar dan, fuq talba ta' waħda mill-partijiet għat-tilwima, it-tilwima għandha titressaq għall-arbitraġġ permezz tal-proċeduri previsti fl-Artikolu 19(2)-(8) tal-ATA bejn l-Istati Uniti u l-UE, ħlief kif previst hawnhekk.

2.   Fil-każ ta' tilwima li tinvolvi:

(a)

żewġ Partijiet għal dan il-Ftehim, it-terminu “Parti” jew “Partijiet” fl-Artikolu 19(2)-(8) tal-ATA bejn l-Istati Uniti u l-UE, meta jiġi applikat għal tali tilwima taħt dan il-Ftehim, għandu jfisser parti jew partijiet għal tilwima taħt dan il-Ftehim.

(b)

aktar minn żewġ Partijiet għal dan il-Ftehim, waħda min-naħat jew iż-żewġ naħat jistgħu jinkludu diversi Partijiet għall-finijiet ta' parteċipazzjoni fi proċediment deskritt f'dan l-Artikolu. Fil-każ ta' tali tilwima taħt dan il-Ftehim, ir-referenzi kollha għal “Parti” fl-Artikolu 19(2)-(8) tal-ATA bejn l-Istati Uniti u l-UE, meta jiġu applikati għal dik it-tilwima, għandhom ifissru naħa waħda għat-tilwima taħt dan il-Ftehim, u r-referenzi kollha għal “Partijiet”, meta jiġu applikati għal dik it-tilwima, għandhom ifissru ż-żewġ naħat għat-tilwima taħt dan il-Ftehim.

3.   It-terminu “dan il-Ftehim” fl-Artikolu 19(3) u (7) tal-ATA bejn l-Istati Uniti u l-UE, meta jiġi applikat għal tilwima fil-qafas ta' dan il-Ftehim, għandu jfisser dan il-Ftehim fir-Rigward tal-Limitazzjonijiet ta' Żmien fuq l-Arranġamenti għall-Forniment ta' Inġenji tal-Ajru bl-Ekwipaġġ bejn l-Istati Uniti tal-Amerika, l-Unjoni Ewropea, l-Iżlanda, u r-Renju tan-Norveġja.

4.   Ir-referenza għal “Stat Membru” fl-Artikolu 19(2) tal-ATA bejn l-Istati Uniti u l-UE, meta tiġi applikata għal tilwima fil-qafas ta' dan il-Ftehim, għandha tinkludi lill-Iżlanda u lin-Norverġja.

Artikolu 6

Reġistrazzjoni mal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Avjazzjoni Ċivili (ICAO)

Dan il-Ftehim u l-emendi kollha li jsiru fih għandhom jiġu rreġistrati mal-ICAO mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 7

Dħul fis-Seħħ, Applikazzjoni Provviżorja u Terminazzjoni

1.   Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ xahar wara d-data tal-aħħar nota tal-iskambji ta' noti diplomatiċi bejn il-Partijiet, li tikkonferma li l-proċeduri kollha meħtieġa biex dan il-Ftehim jidħol fis-seħħ ikunu tlestew.

2.   Sakemm jidħol fis-seħħ, il-Partijiet jaqblu li dan il-Ftehim għandu jiġi applikat b'mod provviżorju mill-Istati Uniti u mill-Unjoni Ewropea malli jiġi ffirmat mill-Istati Uniti u mill-Unjoni Ewropea, u min-Norveġja u l-Iżlanda fl-aktar data tard tal-applikazzjoni provviżorja mill-Istati Uniti u mill-Unjoni Ewropea u l-firma minn dak l-Istat ta' dan il-Ftehim.

3.   L-Istati Uniti jew l-Unjoni Ewropea jistgħu, fi kwalunkwe mument, jagħtu avviż bil-miktub lill-Partijiet l-oħra, permezz ta' kanali diplomatiċi, dwar id-deċiżjoni tagħhom li jtemmu dan il-Ftehim jew li jtemmu l-applikazzjoni provviżorja ta' dan il-Ftehim skont il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu. Kopja tal-avviż għandha tintbagħat fl-istess ħin lill-ICAO. Dan il-Ftehim għandu jintemm, jew l-applikazzjoni provviżorja ta' dan il-Ftehim għandha tintemm, f'nofsillejl GMT 90 jum wara d-data tal-avviż bil-miktub, sakemm l-avviż ma jiġix irtirat bi qbil tal-Istati Uniti u tal-Unjoni Ewropea qabel it-tmiem ta' dan il-perijodu.

4.   L-Iżlanda jew in-Norveġja jistgħu, fi kwalunkwe mument, jagħtu avviż bil-miktub lill-Partijiet l-oħra, permezz ta' kanali diplomatiċi, dwar id-deċiżjoni tagħhom li jirtiraw minn dan il-Ftehim jew li jtemmu l-applikazzjoni provviżorja tagħhom ta' dan il-Ftehim skont il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu. Kopja tal-avviż għandha tintbagħat fl-istess ħin lill-ICAO. Tali rtirar jew waqfien tal-applikazzjoni provviżorja għandu jkun effettiv f'nofsillejl GMT 90 jum wara d-data tal-avviż bil-miktub, sakemm l-avviż ma jiġix irtirat bi qbil tal-Parti li tagħti l-avviż bil-miktub, l-Istati Uniti, u l-Unjoni Ewropea qabel it-tmiem ta' dan il-perijodu.

5.   Minkejja kwalunkwe dispożizzjoni oħra ta' dan l-Artikolu, jekk l-ATA bejn l-Istati Uniti u l-UE jintemm jew il-partijiet għal dak il-ftehim ma jibqgħux japplikawh b'mod provviżorju, dan il-Ftehim għandu jintemm fl-istess ħin.

6.   Minkejja kwalunkwe dispożizzjoni oħra ta' dan l-Artikolu, jekk l-ATA bejn Erba' Partijiet jintemm skont l-Artikolu 3(1) ta' dak il-ftehim, jew il-partijiet għal dak il-ftehim ma jibqgħux japplikawh b'mod provviżorju, jew jekk dak il-ftehim jintemm fir-rigward tan-Norveġja jew tal-Iżlanda skont l-Artikolu 3(3), dan il-Ftehim għandu jintemm fir-rigward tan-Norveġja u/jew tal-Iżlanda fl-istess data li fiha l-waqfien jew it-tmiem isir effettiv għal dik il-Parti jew Partijiet.

7.   Minkejja kwalunkwe dispożizzjoni oħra ta' dan l-Artikolu, jekk in-Norveġja u/jew l-Iżlanda jirtiraw mill-ATA bejn Erba' Partijiet skont l-Artikolu 3(2) ta' dak il-ftehim, dan il-Ftehim għandu jintemm fir-rigward tal-Parti jew tal-Partijiet li jirtiraw mill-ATA bejn Erba' Partijiet fl-istess data li fiha l-irtirar mill-ATA bejn Erba' Partijiet isir effettiv għal dik il-Parti jew Partijiet.

B'XHIEDA TA' DAN, il-firmatarji, debitament awtorizzati, iffirmaw dan il-Ftehim.

Magħmul fi Brussell f'erba' kopji, bil-lingwa Ingliża, fis-sebgħa u għoxrin jum ta' Awwissu fis-sena elfejn u dsatax.

Għall-Istati Uniti tal-Amerka:

Image 1

Għall-Unjoni Ewropea:

Image 2

Għall-Iżlanda:

Image 3

Għar-Renju tan-Norveġja:

Image 4


DIKJARAZZJONI KONĠUNTA

Ir-rappreżentanti tal-Istati Uniti, tal-Unjoni Ewropea, tal-Iżlanda, u tan-Norveġja kkonfermaw li l-Ftehim fir-Rigward tal-Limitazzjonijiet ta' Żmien fuq l-Arranġamenti għall-Forniment ta' Inġenji tal-Ajru bl-Ekwipaġġ, li għandu jiġi ffirmat bl-Ingliż biss, għandu jiġi awtentikat f'lingwi oħra, kif previst minn skambju ta' ittri fost il-Partijiet.

Din id-Dikjarazzjoni Konġunta hija parti integrali tal-Ftehim.

Għall-Istati Uniti tal-Amerka:

Image 5

Għall-Unjoni Ewropea:

Image 6

Għall-Iżlanda:

Image 7

Għar-Renju tan-Norveġja:

Image 8


Az oldal tetejére