Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019D0971

    Deċiżjoni Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2019/971 tas-26 ta' Frar 2019 dwar id-definizzjoni tar-rekwiżiti tas-servizz ta' kont sigur skont l-Artikolu 6(4) tar-Regolament (UE) 2018/1240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li jippermetti li l-applikanti jagħtu kull informazzjoni jew dokumentazzjoni addizzjonali mitluba (Test b'rilevanza għaż-ŻEE.)

    C/2019/1695

    ĠU L 156, 13.6.2019, p. 20–24 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_del/2019/971/oj

    13.6.2019   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 156/20


    DEĊIŻJONI DELEGATA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/971

    tas-26 ta' Frar 2019

    dwar id-definizzjoni tar-rekwiżiti tas-servizz ta' kont sigur skont l-Artikolu 6(4) tar-Regolament (UE) 2018/1240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li jippermetti li l-applikanti jagħtu kull informazzjoni jew dokumentazzjoni addizzjonali mitluba

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2018/1240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Settembru 2018 li jistabbilixxi Sistema Ewropea ta' Informazzjoni u ta' Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS) u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1077/2011, (UE) Nru 515/2014, (UE) 2016/399, (UE) 2016/1624 u (UE) 2017/2226 (1), u b'mod partikulari l-Artikolu 6(4) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament (UE) 2018/1240 stabbilixxa Sistema Ewropea ta' Informazzjoni u ta' Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS) bħala sistema għaċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu eżenti mir-rekwiżit li jkollhom viża meta jaqsmu l-fruntieri esterni. Huwa stabbilixxa l-kundizzjonijiet u l-proċeduri biex tinħareġ jew tiġi rifjutata awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar.

    (2)

    L-Unitajiet Nazzjonali tal-ETIAS li jipproċessaw l-applikazzjonijiet tal-ETIAS manwalment jistgħu jitolbu lill-applikanti jagħtu dokumentazzjoni jew informazzjoni addizzjonali. Jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tistabbilixxi l-kundizzjonijiet dwar kif l-applikanti jistgħu jagħtu jew jirtiraw il-kunsens tagħhom bl-użu ta' għodda apposta.

    (3)

    Jenħtieġ li s-servizz ta' kont sigur ikun aċċessibbli permezz tas-sit web pubbliku ddedikat u l-applikazzjoni għall-apparat mobbli u permezz ta' link sigur.

    (4)

    Jenħtieġ li s-servizz ta' kont sigur jippermetti li tiġi kkonfermata l-identità tal-applikant u jiġi żgurat l-aċċess għall-għodda. Għaldaqstant, huwa neċessarju li jiġu stabbiliti r-rekwiżiti tal-awtentikazzjoni, inkluż billi l-applikant jingħata kodiċi uniku.

    (5)

    Huwa neċessarju wkoll li tiġi stabbilita l-proċedura għall-preżentazzjoni ta' informazzjoni jew dokumentazzjoni addizzjonali kif ukoll ta' outputs tas-servizz ta' kont sigur.

    (6)

    Jenħtieġ li l-applikanti jkunu jistgħu jippreżentaw informazzjoni jew dokumentazzjoni addizzjonali fi kwalunkwe ħin, fiż-żmien allokat skont l-Artikolu 27(2) jew l-Artikolu 44(3) minn meta jirċievu t-talba għal informazzjoni jew dokumentazzjoni addizzjonali. Jenħtieġ li l-applikanti jkunu jistgħu jissejvjaw u jkomplu bil-ħidma tagħhom f'dak il-limitu ta' żmien. Wara li tinqabeż din l-iskadenza, jenħtieġ li l-applikanti ma jkollhomx aktar aċċess għas-servizz ta' kont sigur.

    (7)

    Jenħtieġ li jiġu stabbiliti l-mezzi ta' komunikazzjoni tas-servizz ta' kont sigur mas-Sistema Ċentrali tal-ETIAS. Barra minn hekk, jenħtieġ li jiġu stabbiliti l-format tal-messaġġ, l-istandards u l-protokolli kif ukoll ir-rekwiżiti tas-sigurtà.

    (8)

    Skont l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka ma ħaditx sehem fl-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2017/2226 u mhijiex marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu. Madankollu, billi r-Regolament (UE) 2018/1240 jibni fuq l-acquis ta' Schengen, fil-21 ta' Diċembru 2018, skont l-Artikolu 4 ta' dak il-Protokoll, id-Danimarka nnotifikat bid-deċiżjoni tagħha li timplimenta r-Regolament (UE) 2018/1240 fil-liġi nazzjonali tagħha.

    (9)

    Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen li r-Renju Unit ma jiħux sehem fihom, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE (2); għaldaqstant, ir-Renju Unit mhuwiex qed jieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhuwiex marbut biha jew soġġett għall-applikazzjoni tagħha.

    (10)

    Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen li l-Irlanda ma tiħux sehem fihom, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE (3); għaldaqstant, l-Irlanda mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

    (11)

    Fir-rigward tal-Iżlanda u tan-Norveġja, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen fis-sens tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u mir-Repubblika tal-Iżlanda u mir-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta' dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, mal-applikazzjoni u mal-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen (4), li jaqgħu fil-qasam imsemmi fil-Punt A tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE (5).

    (12)

    Fir-rigward tal-Iżvizzera, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen fis-sens tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, mal-applikazzjoni u mal-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen (6), li jaqgħu fil-qasam imsemmi fil-Punt A tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 1999/437/KE, moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE (7).

    (13)

    Fir-rigward tal-Liechtenstein, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen fis-sens tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, mal-applikazzjoni u mal-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen (8), li jaqgħu fil-qasam imsemmi fil-Punt A tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 1999/437/KE, moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE (9).

    (14)

    Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat fit-28 ta' Jannar 2019 u ta l-opinjoni tiegħu fit-8 ta' Frar 2019,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Aċċess għas-servizz ta' kont sigur

    1.   Is-servizz ta' kont sigur għandu jkun aċċessibbli permezz ta':

    (a)

    is-sit web pubbliku msemmi fl-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) 2018/1240;

    (b)

    l-applikazzjoni għall-apparat mobbli msemmi fl-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) 2018/1240;

    (c)

    link ipprovdut permezz tas-servizz tal-posta elettronika tal-ETIAS imsemmi fil-punt (f) tal-Artikolu 6(2) tar-Regolament (UE) 2018/1240.

    2.   Is-servizz ta' kont sigur għandu jkun aċċessibbli sa:

    (a)

    l-aħħar preżentazzjoni ta' informazzjoni jew dokumentazzjoni addizzjonali kkonfermata mill-applikant tal-ETIAS; jew

    (b)

    meta jiskadi l-limitu ta' żmien, imsemmi fl-Artikolu 27(2) tar-Regolament (UE) 2018/1240; jew

    (c)

    meta jiskadi ż-żmien stabbilit mill-Unità Nazzjonali tal-ETIAS skont l-Artikolu 44 tar-Regolament (UE) 2018/1240.

    Artikolu 2

    Awtentikazzjoni b'żewġ fatturi għall-aċċess għas-servizz ta' kont sigur

    1.   Sabiex taqbad mas-servizz ta' kont sigur, għandha tintuża awtentikazzjoni b'żewġ fatturi.

    2.   L-ewwel awtentikazzjoni għandha tikkonsisti fid-dħul ta' din id-data:

    (a)

    in-numru tal-applikazzjoni;

    (b)

    in-numru tad-dokument tal-ivvjaġġar.

    3.   Meta l-applikant ma jagħtix in-numru tal-applikazzjoni tiegħu, l-ewwel awtentikazzjoni għandha tikkonsisti fid-dħul ta' din id-data:

    (a)

    in-numru tad-dokument tal-ivvjaġġar;

    (b)

    il-pajjiż tal-ħruġ tad-dokument tal-ivvjaġġar li għandu jintgħażel minn lista predeterminata;

    (c)

    id-data tal-ħruġ u tal-iskadenza tad-dokument tal-ivvjaġġar; u

    (d)

    l-ismijiet taż-żewġ ġenituri.

    4.   In-numru tal-applikazzjoni għandu jkun l-istess bħal dak mogħti lill-applikanti permezz tas-servizz tal-posta elettronika tal-ETIAS fil-mument tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni tagħhom. Id-data l-oħra, imsemmija fil-paragrafu 2 jew fil-paragrafu 3, ippreżentata mill-applikant għandha tkun l-istess ukoll bħal dik mogħtija mill-applikanti waqt il-preżentazzjoni tal-applikazzjoni tagħhom.

    5.   It-tieni awtentikazzjoni għandha tikkonsisti f'kodiċi uniku li għandu jiddaħħal fis-servizz ta' kont sigur biex tiġi kkonfermata l-awtentikazzjoni.

    6.   Mal-preżentazzjoni tal-informazzjoni fil-paragrafu 2 jew fil-paragrafu 3, il-kodiċi uniku msemmi fil-paragrafu 4 għandu jiġi ġġenerat awtomatikament u jintbagħat lill-applikant permezz tas-servizz tal-posta elettronika msemmi fil-punt (f) tal-Artikolu 6(2) tar-Regolament (UE) 2018/1240.

    7.   Il-kodiċi uniku għandu jintbagħat fuq l-istess indirizz elettroniku mogħti fl-applikazzjoni ppreżentata.

    8.   Il-kodiċi uniku għandu jiskadi wara perjodu qasir ta' żmien. Jekk jintbagħat kodiċi uniku ġdid, dan għandu jinvalida l-kodiċijiet uniċi li jkunu ntbagħtu qabel lill-istess applikant.

    9.   Il-kodiċi uniku għandu jkun jista' jintuża darba waħda biss.

    Artikolu 3

    Preżentazzjoni ta' informazzjoni jew dokumentazzjoni addizzjonali għas-servizz ta' kont sigur

    1.   Għall-fini tal-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) 2018/1240, l-applikanti tal-ETIAS għandhom jippreżentaw informazzjoni jew dokumentazzjoni addizzjonali, f'wieħed minn dawn il-formati:

    (a)

    Portable Document Format (PDF);

    (b)

    Joint Photographic Experts Group (JPEG); jew

    (c)

    Portable Network Graphics (PNG).

    2.   Is-servizz ta' kont sigur għandu jaċċetta tlugħ finali ta' massimu ta' 20 fajl u daqs finali tal-preżentazzjoni li ma jaqbiżx 50 MB.

    3.   L-applikanti tal-ETIAS għandhom ikunu jistgħu jissejvjaw il-ħidma tagħhom u jkomplu jippreżentaw l-informazzjoni jew id-dokumentazzjoni addizzjonali fis-servizz ta' kont sigur fil-limitu ta' żmien imsemmi fl-Artikolu 27(2) tar-Regolament (UE) 2018/1240 jew il-limitu ta' żmien allokat mill-Unità Nazzjonali tal-ETIAS meta jiġu applikati d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 44 ta' dak ir-Regolament. Is-servizz ta' kont sigur għandu jippermetti li l-applikanti jindikaw b'mod ċar jekk il-preżentazzjoni tkunx finali jew le. Is-servizz ta' kont sigur għandu jippermetti li l-applikanti jivverifikaw li d-dokumenti jittellgħu b'mod korrett qabel ma jikkonfermaw il-preżentazzjoni.

    4.   L-applikanti għandhom jitħallew iħassru d-dokumenti li jkunu tellgħu qabel il-preżentazzjoni finali fiż-żmien allokat, imsemmi fl-Artikolu 27(2) tar-Regolament (UE) 2018/1240 jew fiż-żmien allokat mill-Unità Nazzjonali tal-ETIAS meta jiġu applikati d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 44 ta' dak ir-Regolament.

    5.   L-applikanti għandhom jintalbu jikkonfermaw il-preżentazzjoni tagħhom permezz tal-ittikkjar ta' kaxxa apposta fis-servizz ta' kont sigur.

    Artikolu 4

    Output għas-servizz ta' kont sigur

    1.   Meta ssir il-preżentazzjoni finali tal-informazzjoni u/jew id-dokumentazzjoni finali:

    (a)

    għandha tkun disponibbli verżjoni li tinqara biss tal-informazzjoni u/jew tad-dokumentazzjoni addizzjonali ppreżentata li tkun akkumpanjata bir-referenza “submitted”;

    (b)

    l-applikant, permezz tas-servizz tal-posta elettronika tal-ETIAS, għandu jirċievi ittra elettronika li tikkonferma l-preżentazzjoni tal-informazzjoni u/jew tad-dokumentazzjoni addizzjonali, inklużi l-ismijiet u l-formati tad-dokumenti mtellgħin, il-kronogramma tal-preżentazzjoni finali u valur alfanumeriku ta' tul fiss li jidentifika data b'mod uniku (“hash values”) għall-fajls ippreżentati.

    2.   Wara li tiġi ppreżentata l-informazzjoni u/jew id-dokumentazzjoni addizzjonali, l-applikanti ma għandux ikollhom aktar aċċess għas-servizz ta' kont sigur.

    3.   Is-servizz ta' kont sigur għandu jkollu soluzzjoni teknika inkorporata li tgħin biex tiggarantixxi li kull dokument maħżun fil-fajl tal-applikazzjoni jkun l-istess bħal dak imtella' mill-applikant fis-servizz ta' kont sigur.

    Artikolu 5

    Komunikazzjoni tas-servizz ta' kont sigur mas-Sistema Ċentrali tal-ETIAS

    1.   Wara talba għal informazzjoni jew dokumentazzjoni addizzjonali minn Unità Nazzjonali tal-ETIAS, skont l-Artikoli 27 jew 44 tar-Regolament (UE) 2018/1240, is-Sistema Ċentrali tal-ETIAS għandha tinforma immedjatament lis-servizz ta' kont sigur b'din it-talba permezz tas-servizz web sigur, imsemmi fil-punt (l) tal-Artikolu 6(2) tar-Regolament (UE) 2018/1240.

    2.   Wara li l-applikant jippreżenta l-informazzjoni jew id-dokumentazzjoni addizzjonali, is-servizz ta' kont sigur għandu:

    (a)

    jikkalkula l-hash values tal-fajls ippreżentati, u

    (b)

    jittrażmetti l-informazzjoni jew id-dokumentazzjoni addizzjonali lis-Sistema Ċentrali tal-ETIAS permezz tas-servizz web sigur.

    3.   Is-servizz web sigur għandu jwettaq il-proċessi ta' verifika neċessarji biex jiżgura li d-dokumenti huma siguri u mingħajr periklu qabel ma jittrażmettihom lis-Sistema Ċentrali tal-ETIAS.

    4.   Is-Sistema Ċentrali tal-ETIAS għandha tirreġistra u taħżen l-informazzjoni u/jew id-dokumentazzjoni addizzjonali dwar il-fajl tal-applikazzjoni skont l-Artikolu 27(9) u 44(3) tar-Regolament (UE) 2018/1240.

    Artikolu 6

    Format tal-messaġġi, standards u protokolli

    Il-format tal-messaġġi u l-protokolli li għandhom jiġu implimentati għandhom jiġu inklużi fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi msemmija fl-Artikolu 73(3) tar-Regolament (UE) 2018/1240.

    Artikolu 7

    Kunsiderazzjonijiet speċifiċi tas-sigurtà

    1.   Is-servizz ta' kont sigur għandu jitfassal u jiġi implimentat b'mod li jipprekludi l-aċċess illegali għalih. Għal dan l-għan, is-servizz ta' kont sigur għandu jillimita l-għadd ta' tentattivi għall-aċċess għas-servizz tal-kont sigur bl-istess dokument tal-ivvjaġġar, numru tal-applikazzjoni jew kodiċi uniku. Is-servizz ta' kont sigur għandu jkun fih ukoll miżuri ta' protezzjoni kontra mġiba mhux umana.

    2.   Is-servizz ta' kont sigur għandu jkun fih ukoll miżuri li ma jħallukx illoggjat wara ftit minuti ta' inattività.

    3.   Dettalji addizzjonali dwar il-kunfidenzjalità, l-integrità u d-disponibbiltà tad-data proċessata għandhom ikunu soġġetti għall-ispeċifikazzjonijiet tekniċi msemmija fl-Artikolu 73(3) tar-Regolament (UE) 2018/1240.

    Artikolu 8

    Reġistrazzjonijiet

    1.   Is-servizz ta' kont sigur għandu jżomm reġistrazzjonijiet tal-attività li jkun fihom:

    (a)

    data ta' awtentikazzjoni, inkluż jekk l-awtentikazzjoni rnexxietx jew le;

    (b)

    id-data u l-ħin ta' meta jkun intbagħat il-kodiċi uniku;

    (c)

    id-data u l-ħin tal-aċċess;

    (d)

    l-għadd ta' dokumenti mtella';

    (e)

    il-verifika tas-sikurezza u tas-sigurtà tad-dokumenti.

    2.   Barra minn hekk, għal kull dokument, għandhom jinżammu dawn ir-reġistrazzjonijiet:

    (a)

    id-data u l-ħin tad-dokument(i) imtella'/imtellgħin;

    (b)

    l-isem/ismijiet tad-dokument(i);

    (c)

    id-daqs tad-dokument(i);

    (d)

    il-hash values tad-dokumenti mtellgħin.

    3.   Ir-reġistrazzjonijiet tal-attività u tad-dokumenti tas-servizz ta' kont sigur għandhom jiġu kkupjati fis-Sistema Ċentrali. Dawn għandhom jinħażnu għal mhux aktar minn sena wara t-tmiem tal-perjodu taż-żamma tal-fajl tal-applikazzjoni, sakemm ma jkunux meħtieġa għal proċeduri ta' monitoraġġ li jkunu diġà nbdew. Wara dak il-perjodu, dawn għandhom jitħassru awtomatikament.

    Dawn ir-reġistrazzjonijiet jistgħu jintużaw biss għall-fini tal-Artikolu 69(4) tar-Regolament (UE) 2018/1240.

    Artikolu 9

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, is-26 ta' Frar 2019.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 236, 19.9.2018, p. 1.

    (2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta' Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq biex jieħu parti f'xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 131, 1.6.2000, p. 43).

    (3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta' Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f'xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20).

    (4)  ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.

    (5)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta' Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta' dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31).

    (6)  ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52.

    (7)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE tat-28 ta' Jannar 2008 dwar il-konklużjoni f'isem il-Komunità Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1).

    (8)  ĠU L 160, 18.6.2011, p. 21.

    (9)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE tas-7 ta' Marzu 2011 dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen, relatat mal-abolizzjoni tal-verifiki mal-fruntieri interni u l-moviment tal-persuni (ĠU L 160, 18.6.2011, p. 19).


    Top