Pasirinkite eksperimentines funkcijas, kurias norite išbandyti

Šis dokumentas gautas iš interneto svetainės „EUR-Lex“

Dokumentas 32019R0962

    Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2019/962 tat-12 ta' Ġunju 2019 li jemenda l-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tat-twaqqif ta' żewġ gruppi funzjonali ġodda tal-addittivi tal-għalf (Test b'rilevanza għaż-ŻEE.)

    C/2019/4234

    ĠU L 156, 13.6.2019, p. 1—2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dokumento teisinis statusas Galioja

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/962/oj

    13.6.2019   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 156/1


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/962

    tat-12 ta' Ġunju 2019

    li jemenda l-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tat-twaqqif ta' żewġ gruppi funzjonali ġodda tal-addittivi tal-għalf

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Settembru 2003 fuq l-addittivi għall-użu fl-għalf tal-annimali (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 6(3) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 jipprevedi l-allokazzjoni tal-addittivi fl-għalf f'kategoriji u anke fi gruppi funzjonali fi ħdan dawk il-kategoriji skont il-funzjonijiet u l-proprjetajiet tagħhom.

    (2)

    Minħabba l-iżvilupp teknoloġiku u xjentifiku, hemm diversi sustanzi li jista' jkollhom effett teknoloġiku fuq l-għalf li mhuwiex deskritt b'rabta ma' xi grupp funzjonali li jeżisti diġà. Għaldaqstant, jixraq li jinħoloq grupp funzjonali ġeneriku ġdid fil-kategorija tal-“addittivi teknoloġiċi” biex jinkludi lil dawn is-sustanzi.

    (3)

    Minbarra l-prattiki tajba tal-biedja li jiżguraw il-benessri tal-annimali u r-rispett tad-dispożizzjonijiet dwar il-benessri tal-annimali fl-UE, l-istudji xjentifiċi juru li xi addittivi tal-għalf jistgħu jgħinu lill-annimali f'saħħithom biex iżommu kundizzjoni fiżjoloġika tajba, jikkontribwixxu għall-benessri tal-annimali, jaffettwaw favorevolment ir-reżiljenza tal-annimali għall-fatturi tal-istress jew jappoġġaw il-benessri tagħhom f'ċerti sitwazzjonijiet. Peress li l-funzjoni ewlenija ta' dawn l-addittivi tal-għalf ma tista' tiġi allokata lill-ebda wieħed mill-gruppi funzjonali speċifiċi previsti mir-Regolament (KE) Nru 1831/2003, jixraq li jinħoloq grupp funzjonali ġdid fil-kategorija tal-“addittivi żootekniċi”. Dan għandu jippermetti li jkun hemm definizzjoni aħjar tal-iskop intiż għal dawk l-addittivi, li jiġu stabbiliti l-kriterji għall-evalwazzjoni tal-effikaċja u li tinħoloq iċ-ċarezza ġuridika għall-applikanti.

    (4)

    Sabiex jiġu introdotti dawk iż-żewġ gruppi funzjonali l-ġodda, jenħtieġ li l-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003 jiġi emendat skont dan.

    (5)

    Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Emendi lir-Regolament (KE) Nru 1831/2003

    L-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    fil-punt 1 jiddaħħal il-punt li ġej:

    “(o)

    addittivi teknoloġiċi oħrajn: sustanzi jew, meta applikabbli, mikroorganiżmi, miżjuda mal-għalf għal skop teknoloġiku u li jaffettwaw b'mod pożittiv il-karatteristiċi tal-għalf.”

    (2)

    fil-punt 4 jiddaħħal il-punt li ġej:

    “(e)

    stabilizzaturi tal-kundizzjoni fiżjoloġika: sustanzi jew, meta applikabbli, mikroorganiżmi, li, meta jingħataw lill-annimali f'saħħithom, jaffettwaw b'mod pożittiv il-kundizzjoni fiżjoloġika tagħhom, inkluż ir-reżiljenza tagħhom għall-fatturi tal-istress.”

    Artikolu 2

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-12 ta' Ġunju 2019.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 268, 18.10.2003, p. 29.


    Į viršų