Questo documento è un estratto del sito web EUR-Lex.
Documento 32019D0453
Council Decision (EU) 2019/453 of 19 March 2019 on the signing, on behalf of the Union, of the Status Agreement between the European Union and Montenegro on actions carried out by the European Border and Coast Guard Agency in Montenegro
Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/453 tad-19 ta' Marzu 2019 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni, tal-Ftehim ta' Status bejn l-Unjoni Ewropea u l-Montenegro dwar azzjonijiet imwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fil-Montenegro
Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/453 tad-19 ta' Marzu 2019 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni, tal-Ftehim ta' Status bejn l-Unjoni Ewropea u l-Montenegro dwar azzjonijiet imwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fil-Montenegro
ST/6845/2019/INIT
ĠU L 79, 21.3.2019, pagg. 1–3
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In vigore
21.3.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 79/1 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2019/453
tad-19 ta' Marzu 2019
dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni, tal-Ftehim ta' Status bejn l-Unjoni Ewropea u l-Montenegro dwar azzjonijiet imwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fil-Montenegro
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-punti (b) u (d) tal-Artikolu 77(2) u l-punt (c) tal-Artikolu 79(2), flimkien mal-Artikolu 218(5), tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1) |
Skont l-Artikolu 54(4) tar-Regolament (UE) 2016/1624 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), f'każijiet fejn ikun previst li jiġu skjerati timijiet tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta f'pajjiż terz f'azzjonijiet fejn il-membri tat-tim ikollhom setgħat eżekuttivi, jew fejn azzjonijiet oħra f'pajjiżi terzi jirrikjedu dan, għandu jintlaħaq ftehim ta' status mill-Unjoni mal-pajjiż terz konċernat. Dak il-ftehim ta' status jenħtieġ li jkopri l-aspetti kollha li huma meħtieġa għat-twettiq tal-azzjonijiet. |
(2) |
Fis-16 ta' Ottubru 2017, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ negozjati mal-Montenegro għal ftehim ta' status fir-rigward ta' azzjonijiet imwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fil-Montenegro (il-“Ftehim”). |
(3) |
In-negozjati ġew finalizzati b'suċċess bl-inizjalar tal-Ftehim fil-5 ta' Frar 2019. |
(4) |
Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen li fihom ir-Renju Unit ma jiħux sehem, f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE (2); għaldaqstant ir-Renju Unit mhuwiex qed jieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhuwiex marbut biha jew suġġett għall-applikazzjoni tagħha. |
(5) |
Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen li fihom l-Irlanda ma tiħux sehem, f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE (3); għaldaqstant l-Irlanda mhijiex qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha. |
(6) |
F'konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew marbuta bl-applikazzjoni tagħha. Ladarba din id-Deċiżjoni tibni fuq l-acquis ta' Schengen, id-Danimarka għandha f'konformità mal-Artikolu 4 ta' dak il-Protokoll, tiddeċiedi fi żmien sitt xhur wara li l-Kunsill ikun iddeċieda dwar din id-Deċiżjoni jekk hijiex ser timplimentaha fil-liġi nazzjonali tagħha. |
(7) |
Għaldaqstant, jenħtieġ li l-Ftehim jiġi ffirmat u li d-dikjarazzjoni konġunta annessa tiġi approvata, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-iffirmar, f'isem l-Unjoni, tal-Ftehim ta' Status bejn l-Unjoni Ewropea u l-Montenegro dwar azzjonijiet imwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fil-Montenegro huwa b'dan awtorizzat, suġġett għall-konklużjoni tal-imsemmi Ftehim (4).
Artikolu 2
Id-dikjarazzjoni konġunta annessa ma' din id-Deċiżjoni hija approvata f'isem l-Unjoni.
Artikolu 3
Il-President tal-Kunsill huwa b'dan awtorizzat li jinnomina l-persuna jew persuni li jkollhom is-setgħa li jiffirmaw il-Ftehim f'isem l-Unjoni.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, id-19 ta' Marzu 2019.
Għal Kunsill
Il-President
G. CIAMBA
(1) Regolament (UE) 2016/1624 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Settembru 2016 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u li jemenda r-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 863/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/267/KE, (ĠU L 251, 16.9.2016, p. 1).
(2) Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta' Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq biex jipparteċipaw f'xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 131, 1.6.2000, p. 43).
(3) Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta' Frar 2002 dwar it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f'xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20).
(4) It-test tal-Ftehim se jiġi ppubblikat flimkien mad-Deċiżjoni dwar il-konklużjoni tiegħu.
ANNESS
DIKJARAZZJONI KONĠUNTA FIR-RIGWARD TAL-IŻLANDA, IN-NORVEĠJA, L-IŻVIZZERA U L-LIECHTENSTEIN
Il-Partijiet għall-Ftehim ta' Status bejn l-Unjoni Ewropea u l-Montenegro dwar azzjonijiet imwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fil-Montenegro jinnutaw ir-relazzjoni mill-qrib bejn l-Unjoni Ewropea u n-Norveġja, l-Iżlanda, l-Iżvizzera u l-Liechtenstein, b'mod partikolari bis-saħħa tal-Ftehimiet tat-18 ta' Mejju 1999 u tas-26 ta' Ottubru 2004 dwar l-assoċjazzjoni ta' dawn il-pajjiżi mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen.
F'tali ċirkostanzi huwa mixtieq li l-awtoritajiet tan-Norveġja, l-Iżlanda, l-Iżvizzera u l-Liechtenstein, minn naħa waħda, u l-Montenegro, min-naħa l-oħra, jikkonkludu, mingħajr dewmien, ftehimiet bilaterali dwar azzjonijiet imwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fil-Montenegro f'termini simili għal dawk tal-Ftehim ta' Status bejn l-Unjoni Ewropea u l-Montenegro dwar azzjonijiet imwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fil-Montenegro.