EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019D0217

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/217 tat-28 ta' Jannar 2019 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim fil-forma ta' Skambju ta' Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk dwar l-emenda tal-Protokolli Nru 1 u Nru 4 tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra

ST/10593/2018/INIT

ĠU L 34, 6.2.2019, p. 1–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2019/217/oj

Related international agreement

6.2.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 34/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2019/217

tat-28 ta' Jannar 2019

dwar il-konklużjoni tal-Ftehim fil-forma ta' Skambju ta' Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk dwar l-emenda tal-Protokolli Nru 1 u Nru 4 tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(6)(a)(i) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

Il-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra (2) (“Ftehim ta' Assoċjazzjoni”), daħal fis-seħħ fl-1 ta' Marzu 2000.

(2)

Sa mid-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, l-Unjoni kompliet issaħħaħ ir-relazzjonijiet bilaterali tagħha mar-Renju tal-Marokk u tatu status avvanzat.

(3)

L-Unjoni ma għandhiex preġudizzju dwar l-eżitu tal-proċess politiku dwar l-istatus finali tas-Saħara tal-Punent li qed isir taħt l-awspiċji tan-Nazzjonijiet Uniti u hi tenniet ripetutament l-impenn tagħha fis-soluzzjoni tat-tilwima fis-Saħara tal-Punent, li attwalment huwa inkluż min-Nazzjonijiet Uniti fil-lista tat-territorji mhux awtonomi, u li fil-preżent huwa amministrat fil-parti l-kbira mir-Renju tal-Marokk. Hija tappoġġa bis-sħiħ l-isforzi tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u tal-mibgħut speċjali tiegħu biex jgħinu lill-partijiet jaslu għal soluzzjoni politika ġusta, dejjiema u reċiprokament aċċettabbli, li tkun tipprevedi l-awtodeterminazzjoni tal-poplu tas-Saħara tal-Punent fil-kuntest ta' arranġamenti konsistenti mal-prinċipji u l-għanijiet tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti kif stabbiliti fir-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, b'mod partikolari r-Riżoluzzjoni 2152 (2014), 2218 (2015), 2385 (2016), 2351 (2017) et 2414 (2018).

(4)

Sa mid-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, il-prodotti li joriġinaw mis-Saħara tal-Punent u ċertifikati ta' oriġini Marokkina ġew importati fl-Unjoni u bbenefikaw minn preferenzi tariffarji pprovduti skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-imsemmi Ftehim.

(5)

Fis-sentenza tagħha fil-Kawża C-104/16 P (3), il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu ppreċiżat li l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni kien ikopri biss it-territorju tar-Renju tal-Marokk u mhux tas-Saħara tal-Punent, territorju li mhux awtonomu.

(6)

Huwa importanti li filwaqt li jiġu stabbiliti salvagwardji xierqa għall-protezzjoni tad-dritt internazzjonali, inkluż id-drittijiet tal-bniedem u l-iżvilupp sostenibbli tat-territorji kkonċernati, jiġi żgurat li l-flussi kummerċjali li ġew żviluppati matul is-snin ma jiġux imfixkla. Fid-29 ta' Mejju 2017, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ negozjati mar-Renju tal-Marokk bil-ħsieb li tiġi stabbilita, f'konformità mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, bażi ġuridika biex jingħataw preferenzi tariffarji previsti mill-Ftehim ta' Assoċjazzjoni għall-prodotti li joriġinaw mis-Saħara tal-Punent. Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk huwa l-uniku mezz li jiżgura li l-importazzjoni ta' prodotti li joriġinaw mis-Saħara tal-Punent ikunu jistgħu jibbenefikaw minn oriġini preferenzjali, peress li l-awtoritajiet Marokkini biss huma kapaċi jiżguraw konformità mar-regoli meħtieġa għall-għoti ta' dawn il-preferenzi.

(7)

Il-Kummissjoni vvalutat l-effetti potenzjali ta' ftehim bħal dan fuq l-iżvilupp sostenibbli, b'mod partikolari fir-rigward tal-vantaġġi u l-iżvantaġġi tal-preferenzi tariffarji għall-prodotti tas-Saħara tal-Punent li jirriżultaw fuq il-popolazzjonijiet milqutin u l-effetti tal-isfruttament tar-riżorsi naturali tat-territorji kkonċernati. L-effetti ta' vantaġġi tariffarji fuq l-impjiegi, id-drittijiet tal-bniedem u l-isfruttament tar-riżorsi naturali huma diffiċli ħafna li jitkejlu minħabba n-natura indiretta tagħhom. Għaldaqstant, huwa diffiċli li tinkiseb informazzjoni oġġettiva f'dan ir-rigward.

(8)

Madankollu, minn din l-evalwazzjoni jirriżulta li b'mod ġenerali, il-vantaġġi għall-ekonomija tas-Saħara tal-Punent, li jirriżultaw mill-għoti tal-preferenzi tariffarji previsti mill-Ftehim ta' Assoċjazzjoni għall-prodotti li joriġinaw mis-Saħara tal-Punent, u partikolarment l-ingranaġġ ekonomiku b'saħħtu u b'konsegwenza l-iżvilupp soċjali li jġib miegħu, jaqbżu l-iżvantaġġi msemmija fil-proċess ta' konsultazzjonijiet, fosthom l-użu estensiv tar-riżorsi naturali, b'mod partikolari tar-riżervi tal-ilma ta' taħt l-art, li għalih ittieħdu l-miżuri xierqa.

(9)

Ġie stmat li l-estensjoni tal-preferenzi tariffarji għall-prodotti li joriġinaw mis-Saħara tal-Punent ser ikollha impatt ġenerali pożittiv fuq il-popolazzjonijiet milqutin. Huwa probabbli li dan l-impatt jippersisti u jista' saħansitra jissaħħaħ fil-futur. L-evalwazzjoni tindika li l-estensjoni tal-preferenzi tariffarji għall-prodotti tas-Saħara tal-Punent tippromwovi l-kundizzjonijiet tal-investiment u tiffaċilita żvilupp rapidu u sinifikanti favur l-impjiegi lokali. L-eżistenza fis-Saħara tal-Punent ta' attivitajiet ekonomiċi u ta' produzzjoni li għandhom l-akbar interess li jibbenefikaw mill-preferenzi tariffarji previsti mill-Ftehim ta' Assoċjazzjoni turi li jekk ma jingħatawx preferenzi tariffarji tiġi kompromessa b'mod sinifikanti l-esportazzjoni tas-Saħara tal-Punent, b'mod partikolari dik tal-prodotti tas-sajd u l-prodotti agrikoli. Huwa stmat li l-għoti ta' preferenzi tariffarji jkollu wkoll impatt pożittiv fuq l-iżvilupp tal-ekonomija tas-Saħara tal-Punent, billi jistimula l-investiment.

(10)

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet dwar il-kunsens fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni, flimkien mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, ħadet il-miżuri raġonevoli u possibbli kollha fil-kuntest attwali biex tinvolvi kif xieraq iil-popolazzjonijiet milqutin sabiex tiżgura l-kunsens tagħhom għall-Ftehim. Saru konsultazzjonijiet estensivi u l-biċċa l-kbira tal-atturi soċjoekonomiċi u politiċi li pparteċipaw fil-konsultazzjonijiet iddikjaraw li kienu favur l-estensjoni tal-preferenzi tariffarji tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni għas-Saħara tal-Punent. Dawk li rrifjutaw l-estensjoni kkunsidraw essenzjalment li tali ftehim jikkonferma l-pożizzjoni tal-Marokk fuq it-territorju tas-Saħara tal-Punent. Madankollu, xejnjimplika rrikonoxximent tas-sovranità tal-Marokk fuq is-Saħara tal-Punent. L-Unjoni, permezz ta' sforzi msaħħa, ser tkompli tappoġġa l-proċess ta' riżoluzzjoni paċifika tat-tilwima li nbeda u kompla għaddej taħt l-awspiċji tan-Nazzjonijiet Uniti.

(11)

F'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1893 (4), il-Ftehim fil-forma ta' Skambju ta' Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk dwar l-emenda tal-Protokolli Nru 1 u Nru 4 tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”), ġie ffirmat fil-25 ta' Ottubru 2018, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f'data iktar tard.

(12)

Il-Ftehim jikkontribwixxi biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Unjoni skont l-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

(13)

Għalhekk, jenħtieġ li l-Ftehim jiġi approvat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Ftehim, fil-forma ta' Skambju ta' Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk dwar l-emenda tal-Protokolli Nru 1 u Nru 4 tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”)huwa approvat f'isem l-Unjoni.

It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill għandu jinnomina il-persuna bis-setgħa li tipproċedi, f'isem l-Unjoni, għan-notifika prevista fil-Ftehim (5),

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta' Jannar 2019.

Għall-Kunsill

Il-President

P. DAEA


(1)  Kunsens tas-16 ta' Jannar 2019 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  ĠU L 70, 18.3.2000, p. 2.

(3)  Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Diċembru 2016, Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea vs Front Polisario, C-104/16 P, ECLI:EU:C:2016:973.

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1893 tas-16 ta' Lulju 2018 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim fil-forma ta' Skambju ta' Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk dwar l-emenda tal-Protokolli Nru 1 u Nru 4 tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra (ĠU L 310, 6.12.2018, p. 1).

(5)  Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ser tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.


Top