Šis dokuments ir izvilkums no tīmekļa vietnes EUR-Lex.
Dokuments 32019L0173
Commission Delegated Directive (EU) 2019/173 of 16 November 2018 amending, for the purposes of adapting to scientific and technical progress, Annex III to Directive 2011/65/EU of the European Parliament and of the Council as regards an exemption for lead and cadmium in printing inks for the application of enamels on glasses (Text with EEA relevance.)
Direttiva Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2019/173 tas-16 ta' Novembru 2018 li temenda, għall-finijiet ta' adattament għall-progress xjentifiku u tekniku, l-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' eżenzjoni għaċ-ċomb u l-kadmju fil-linka tal-istampar għall-applikazzjoni ta' enameli fuq il-ħġieġ (Test b'rilevanza għaż-ŻEE.)
Direttiva Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2019/173 tas-16 ta' Novembru 2018 li temenda, għall-finijiet ta' adattament għall-progress xjentifiku u tekniku, l-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' eżenzjoni għaċ-ċomb u l-kadmju fil-linka tal-istampar għall-applikazzjoni ta' enameli fuq il-ħġieġ (Test b'rilevanza għaż-ŻEE.)
C/2018/7507
ĠU L 33, 5.2.2019., 17./19. lpp.
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Spēkā
5.2.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 33/17 |
DIRETTIVA DELEGATA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/173
tas-16 ta' Novembru 2018
li temenda, għall-finijiet ta' adattament għall-progress xjentifiku u tekniku, l-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' eżenzjoni għaċ-ċomb u l-kadmju fil-linka tal-istampar għall-applikazzjoni ta' enameli fuq il-ħġieġ
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2011 dwar ir-restrizzjoni tal-użu ta' ċerti sustanzi perikolużi fit-tagħmir elettriku u elettroniku (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 5(1)(a) tagħha,
Billi:
(1) |
Id-Direttiva 2011/65/UE teżiġi li l-Istati Membri jiżguraw li t-tagħmir elettriku u elettroniku mqiegħed fis-suq ma jkunx fih ċerti sustanzi perikolużi elenkati fl-Anness II ta' dik id-Direttiva. Dak ir-rekwiżit ma japplikax għall-applikazzjonijiet elenkati fl-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE. |
(2) |
Il-kategoriji differenti tat-tagħmir elettriku u elettroniku li għalihom tapplika d-Direttiva 2011/65/UE (kategoriji 1 sa 11) huma elenkati fl-Anness I ta' dik id-Direttiva. |
(3) |
Iċ-ċomb u l-kadmju huma sustanzi ristretti elenkati fl-Anness II tad-Direttiva 2011/65/UE. Madankollu, l-użu taċ-ċomb u l-kadmju f'ċerti applikazzjonijiet tal-istampar fuq il-ħġieġ, kien eżentat mir-restrizzjoni u bħalissa hu elenkat fl-entrata 21 tal-Anness III ta' dik id-Direttiva. Għall-kategoriji 1 sa 7 u 10, l-iskadenza ta' dik l-eżenzjoni kienet il-21 ta' Lulju 2016. |
(4) |
Il-Kummissjoni rċeviet applikazzjoni għal tiġdid ta' dik l-eżenzjoni qabel il-21 ta' Jannar 2015, skont l-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2011/65/UE. L-eżenzjoni tibqa' valida sakemm tkun ġiet adottata deċiżjoni dwar dik l-applikazzjoni. |
(5) |
Iċ-ċomb u l-kadmju fil-linka tal-istampar applikati fuq il-ħġieġ jipprovdu mmarkar durabbli tal-prodott, l-aktar fuq il-bozoz tal-ħġieġ tal-lampi. L-immarkar jaqdi bosta skopijiet fosthom għall-immarkar CE (il-konformità Ewropea) u WEEE (skart ta' tagħmir elettriku u elettroniku), jidentifika l-produttur, it-tip ta' lampa u l-potenza, li huma rilevanti għas-sikurezza, għall-bidla korretta tal-lampa u għar-riċiklaġġ. Id-durabbiltà tal-immarkar hi importanti biex l-immarkar tal-prodott jibqa' leġibbli tul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodott, kif jeżiġu l-leġiżlazzjonijiet u l-istandards tas-sikurezza tal-prodott. |
(6) |
Iċ-ċomb jipprovdi proprjetajiet essenzjali, fosthom adeżjoni tajba, temperaturi aktar baxxi tal-enamellar, aktar durabbiltà u opaċità. |
(7) |
Il-kadmju jintuża biex jinkisbu ċerti kuluri tal-enamel f'diversi oqsma ta' applikazzjonijiet, inkluż applikazzjonijiet għal finijiet ta' sikurezza u ta' twissija meta ċerti kuluri jitqiesu li jżidu l-viżibbiltà. Dan jipprovdi wkoll funzjonijiet importanti ta' ffiltrar. |
(8) |
Sostituzzjoni jew tneħħija taċ-ċomb għadhom mhumiex prattiċi mil-lat xjentifiku jew tekniku għal ċerti applikazzjonijiet koperti mill-eżenzjoni attwali fir-rigward tal-kategoriji 1 sa 7 u 10 minħabba n-nuqqas ta' sostituti affidabbli. L-eżenzjoni ma ddgħajjifx il-protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa li jagħti r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2). Għaldaqstant jenħtieġ li l-eżenzjoni tiġġedded għal dawk l-applikazzjonijiet u l-kategoriji partikolari. |
(9) |
Sostituzzjoni jew tneħħija tal-kadmju għadhom mhumiex prattiċi mil-lat xjentifiku jew tekniku għal ċerti applikazzjonijiet koperti mill-eżenzjoni attwali fir-rigward tal-kategoriji 1 sa 7 u 10 minħabba n-nuqqas ta' sostituti affidabbli. L-eżenzjoni ma ddgħajjifx il-protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa li jagħti r-Regolament (KE) Nru 1907/2006. Għaldaqstant jenħtieġ li l-eżenzjoni tiġġedded għal dawk l-applikazzjonijiet u l-kategoriji partikolari. |
(10) |
Għall-applikazzjonijiet l-oħra kollha li bħalissa huma koperti mill-eżenzjoni, il-kundizzjonijiet għat-tiġdid mhumiex issodisfati. Jenħtieġ li l-eżenzjonijiet għal dawk l-applikazzjonijiet jibqgħu japplikaw għal 12-il xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva Delegata skont l-Artikolu 5(6) tad-Direttiva 2011/65/UE. |
(11) |
Peress li, għall-applikazzjonijiet biċ-ċomb ikkonċernati mit-tiġdid, ma hemm l-ebda alternattiva disponibbli fis-suq, l-eżenzjoni għal dawk l-applikazzjonijiet jenħtieġ tiġġedded għall-kategoriji 1 sa 7 u 10 għall-perjodu massimu ta' ħames snin sal-21 ta' Lulju 2021. Fid-dawl tar-riżultati tal-isforzi li għaddejjin biex tinsab sostituzzjoni affidabbli, aktarx li t-tul tal-eżenzjoni mhux se jħalli impatti negattivi fuq l-innovazzjoni. |
(12) |
Peress li, għall-applikazzjonijiet bil-kadmju kkonċernati mit-tiġdid, ma hemm l-ebda alternattiva disponibbli fis-suq, l-eżenzjoni għal dawk l-applikazzjonijiet jenħtieġ tiġġedded għall-kategoriji 1 sa 7 u 10 għall-perjodu massimu ta' ħames snin sal-21 ta' Lulju 2021. Fid-dawl tar-riżultati tal-isforzi li għaddejjin biex tinsab sostituzzjoni affidabbli, aktarx li t-tul tal-eżenzjoni mhux se jħalli impatti negattivi fuq l-innovazzjoni. |
(13) |
Għall-kategoriji l-oħra għajr il-kategoriji 1 sa 7 u l-kategorija 10, l-eżenzjoni attwali tibqa' valida għall-perjodi ta' validità stabbiliti fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2011/65/UE. Għal raġunijiet ta' ċarezza, jenħtieġ li d-dati tal-iskadenza jiżdiedu fl-Anness III ta' dik id-Direttiva. |
(14) |
Għalhekk jenħtieġ li d-Direttiva 2011/65/UE tiġi emendata skont dan, |
ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:
Artikolu 1
L-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE hu emendat kif stabbilit fl-Anness ta' din id-Direttiva.
Artikolu 2
1. L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux iktar tard mid-29 ta' Frar 2020 il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva. Għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-testi ta' dawk id-dispożizzjonijiet.
Dawn għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mill-1 ta’ Marzu 2020.
Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn dik ir-referenza meta ssir il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif għandha ssir dik ir-referenza.
2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tad-dritt nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.
Artikolu 3
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 4
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, is-16 ta' Novembru 2018.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 174, 1.7.2011, p. 88.
(2) Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (REACH) u li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1).
ANNESS
Fl-Anness III mad-Direttiva 2011/65/UE, l-entrata 21 hija sostitwita b'dan li ġej:
“21 |
Iċ-ċomb u l-kadmju fil-linka tal-istampar għall-applikazzjoni ta' enameli fuq ħġieġ, bħall-ħġieġ tal-borosilikat u tas-soda lime. |
Dan japplika għall-kategoriji 8, 9 u 11 u jiskadi fi:
|
||||||
21(a) |
Il-kadmju, meta jintuża fil-ħġieġ stampat bil-kulur biex jipprovdi funzjonijiet ta' ffiltrar, użat bħala komponent f'applikazzjonijiet tat-tidwil installati fuq skrins u pannelli tal-kontroll tal-EEE |
Dan japplika għall-kategoriji 1 sa 7 u 10, għajr għall-applikazzjonijiet koperti bl-entrati 21(b) jew 39, u jiskadi fil-21 ta' Lulju 2021. |
||||||
21(b) |
Il-kadmju fil-linka tal-istampar għall-applikazzjoni ta' enameli fuq ħġieġ, bħall-ħġieġ tal-borosilikat u tas-soda lime. |
Dan japplika għall-kategoriji 1 sa 7 u 10, għajr għall-applikazzjonijiet koperti bl-entrati 21(a) jew 39, u jiskadi fil-21 ta' Lulju 2021. |
||||||
21(c) |
Iċ-ċomb fil-linka tal-istampar għall-applikazzjoni ta' enameli fuq ħġieġ, għajr il-ħġieġ tal-borosilikat |
Dan japplika għall-kategoriji 1 sa 7 u 10 u jiskadi fil-21 ta' Lulju 2021.” |