Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018D1788

    Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/1788 tad-19 ta' Novembru 2018 b'appoġġ għaċ-Ċentru tax-Xlokk u tal-Lvant tal-Ewropa għall-kontroll tal-Armi Ħfief u ta' Kalibru Żgħir (SEESAC) għall-implimentazzjoni tal-Pjan Direzzjonali Reġjonali għall-ġlieda kontra t-traffikar illeċitu ta' armi fil-Balkani tal-Punent

    ST/12975/2018/INIT

    ĠU L 293, 20.11.2018, p. 11–23 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 17/01/2023: This act has been changed. Current consolidated version: 27/09/2022

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2018/1788/oj

    20.11.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 293/11


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2018/1788

    tad-19 ta' Novembru 2018

    b'appoġġ għaċ-Ċentru tax-Xlokk u tal-Lvant tal-Ewropa għall-kontroll tal-Armi Ħfief u ta' Kalibru Żgħir (SEESAC) għall-implimentazzjoni tal-Pjan Direzzjonali Reġjonali għall-ġlieda kontra t-traffikar illeċitu ta' armi fil-Balkani tal-Punent

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 28(1) u 31(1) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

    Billi:

    (1)

    Fis-16 ta' Diċembru 2005 il-Kunsill Ewropew adotta l-Istrateġija tal-UE għall-ġlieda kontra l-akkumulazzjoni u t-traffikar illeċiti ta' SALW u l-munizzjon tagħhom (“l-Istrateġija tal-UE dwar is-SALW”), sussegwentement riveduta fl-2018, li stabbilixxiet l-linji gwida għal azzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-armi ħfief u ta' kalibru żgħir (“SALW”). L-Istrateġija tal-UE dwar is-SALW innotat li l-Unjoni sejra, bħala prijorità, tappoġġa inizjattivi reġjonali li jiġġieldu kontra s-SALW illeċiti u l-munizzjon tagħhom, billi tagħti appoġġ finanzjarju u tekniku lill-organizzazzjonijiet reġjonali u nazzjonali responsabbli mill-implimentazzjoni tal-istrumenti reġjonali rilevanti. L-Istrateġija tal-UE dwar is-SALW semmiet lill-Balkani bħala reġjun ta' prijorità għall-appoġġ.

    (2)

    Fis-17 ta' Mejju 2018, fis-Summit bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent f'Sofija, il-mexxejja tal-UE qablu dwar id-Dikjarazzjoni ta' Sofija, li magħha allinjaw ruħhom is-sħab tal-Balkani tal-Punent, u li tinkludi l-impenn tat-tisħiħ b'mod sinifikanti tal-kooperazzjoni operazzjonali fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata internazzjonali f'oqsma ta' prijorità bħall-armi tan-nar, id-drogi, il-faċilitazzjoni ta' immigrazzjoni illegali u t-traffikar ta' bnedmin.

    (3)

    Ir-reġjun tal-Balkani tal-Punent għadu wieħed mis-sorsi tat-traffikar illeċitu ta' armi fl-Unjoni.

    (4)

    Fit-13 ta' Ġunju 2018 il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (ir-“Rappreżentant Għoli”) preżentaw Komunikazzjoni Konġunta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar elementi lejn strateġija tal-UE kontra l-armi tan-nar, is-SALW u l-munizzjoni tagħhom intitolata “Sigurtà fuq l-Armi, Nipproteġu liċ-Ċittadini”.

    (5)

    Fl-10 ta' Lulju 2018 ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq ospita l-ħames Summit tal-Balkani tal-Punent, f'Londra, li adotta l-“Pjan Direzzjonali Reġjonali għal soluzzjoni sostenibbli għall-pussess illegali, l-użu ħażin u t-traffikar ta' SALW/armi tan-nar u l-munizzjoni tagħhom fil-Balkani tal-Punent sal-2024” (il-“Pjan Direzzjonali”), li tħejja mill-kummissjonijiet għas-SALW tal-Balkani tal-Punent fil-qafas tal-inizjattiva Franko-Ġermaniża ta' koordinazzjoni tad-donaturi rigward it-traffikar illeċitu ta' armi tan-nar fil-Balkani tal-Punent. Dawk il-kummissjonijiet qed iħejju l-pjanijiet ta' azzjoni tagħhom għall-implimentazzjoni tal-Pjan Direzzjonali.

    (6)

    L-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti (NU), adottata fil-25 ta' Settembru 2015, affermat li l-iżvilupp sostenibbli ma jistax jinkiseb mingħajr il-paċi u s-sigurtà u li l-flussi ta' illeċiti armi huma fost il-fatturi li jwasslu għall-vjolenza, in-nuqqas ta' sigurtà u l-inġustizzja.

    (7)

    Fit-tielet konferenza tan-NU biex jiġi eżaminat il-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-Programm ta' Azzjoni għall-Prevenzjoni, il-Ġlieda kontra u l-Qerda tal-Kummerċ Illeċitu tal-Armi Ħfief u ta' Kalibru Żgħir fl-Aspetti Kollha Tiegħu, li saret f'Ġunju 2018, l-Istati Membri tan-NU impenjaw ruħhom li jsaħħu s-sħubiji u l-kooperazzjoni fil-livelli kollha għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kummerċ illeċitu tas-SALW, u biex jippromwovu u jsaħħu l-kooperazzjoni fuq il-fruntieri u l-koordinazzjoni reġjonali u subreġjonali.

    (8)

    L-għanijiet tal-Pjan Direzzjonali maqbula mis-sħab tal-Balkani tal-Punent huma konsistenti mal-isforzi fl-Unjoni u n-NU fil-ġlieda kontra l-akkumulazzjoni u t-traffikar illeċiti ta' SALW u l-munizzjon tagħhom. Għaldaqstant, l-Unjoni għandha tappoġġa lill-Balkani tal-Punent fl-implimentazzjoni tal-Pjan Direzzjonali.

    (9)

    Is-SEESAC, li ġie stabbilit f'Belgrad fl-2002 u li jiffunzjona taħt il-mandat konġunt tal-Programm ta' Żvilupp tan-NU (UNDP) u tal-Kunsill għall-Kooperazzjoni Reġjonali (KKR), li hu s-suċċessur għall-Patt ta' Stabbiltà għax-Xlokk tal-Ewropa, jassisti lill-partijiet ikkonċernati nazzjonali u reġjonali fil-kontroll u t-tnaqqis tal-firxa u l-użu ħażin ta' SALW u munizzjon, u b'hekk jikkontribwixxi għat-titjib tal-istabbiltà, is-sigurtà u l-iżvilupp ix-Xlokk u fil-Lvant tal-Ewropa. Is-SEESAC jagħmel enfasi partikolari fuq l-iżvilupp ta' proġetti reġjonali biex tiġi indirizzata r-realtà tal-flussi transfruntieri tal-armi.

    (10)

    L-Unjoni fil-passat appoġġat lis-SEESAC permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/842/PESK (1), estiża u emendata bid-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2003/807/PESK (2) u 2004/791/PESK (3), kif ukoll permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/179/PESK (4), id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/730/PESK (5), estiża bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/2051 (6), u d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/2356 (7).

    Il-ftehim konkluż bis-saħħa tad-Deċiżjoni (PESK) 2016/2356 jiskadi fid-29 ta' Diċembru 2019.

    (11)

    L-Unjoni tikkunsidra li s-SEESAC hu s-sieħeb preferut għall-implimentazzjoni tal-Pjan Direzzjonali fil-Balkani tal-Punent, minħabba l-esperjenza ppruvata u n-netwerk stabbilit tiegħu, il-kwalità ppruvata tal-ħidma tiegħu u r-rwol ta' koordinazzjoni tiegħu fit-tħejjija tal-Pjan Direzzjonali.

    (12)

    Barra minn hekk, jenħtieġ li din l-azzjoni tal-Unjoni tipprovdi appoġġ għall-ġlieda kontra t-traffikar illeċitu fir-Repubblika tal-Moldova, l-Ukrajna u l-Belarussja,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    1.   Bil-ħsieb tal-ġlieda kontra l-kummerċ illeċitu ta' armi tan-nar u s-SALW fil-Balkani tal-Punent u tat-tnaqqis tar-riskju li armi illeċiti jidħlu fl-Unjoni mir-reġjun tal-Balkani tal-Punent, l-Unjoni għandha tappoġġa lis-sħab tal-Balkani tal-Punent fl-implimentazzjoni tal-“Pjan Direzzjonali Reġjonali għal soluzzjoni sostenibbli għall-pussess illegali, l-użu ħażin u t-traffikar ta' SALW/armi tan-nar u l-munizzjon tagħhom fil-Balkani tal-Punent sal-2024”, billi tkompli tappoġġa lis-sħab tal-Balkani tal-Punent fl-ilħuq tal-miri indikati fil-Pjan Direzzjonali, jiġifieri (8):

    (1)

    Sal-2023, jiġi żgurat li tkun fis-seħħ il-leġiżlazzjoni dwar il-kontroll tal-armi, armonizzata bis-sħiħ mal-qafas regolatorju tal-UE u ma' obbligi internazzjonali relatati oħra u standardizzata fir-reġjun kollu.

    (2)

    Sal-2024, jiġi żgurat li l-politiki u l-prattiki dwar il-kontroll tal-armi fil-Balkani tal-Punent ikunu bbażati fuq l-evidenza u mmexxija mill-intelligence.

    (3)

    Sal-2024, jitnaqqsu b'mod sinifikanti l-flussi illeċiti ta' armi tan-nar, munizzjon u splussivi (FAE) ġewwa u lil hinn mill-Balkani tal-Punent.

    (4)

    Sal-2024, jitnaqqsu b'mod sinifikanti l-forniment, id-domanda u l-użu ħażin ta' armi tan-nar permezz ta' aktar ħidma ta' sensibilizzazzjoni, edukazzjoni, tixrid ta' informazzjoni u promozzjoni.

    (5)

    Sal-2024, jitnaqqas b'mod sostanzjali l-għadd stmat ta' armi tan-nar f'pussess illeċitu fil-Balkani tal-Punent.

    (6)

    Jitnaqqas b'mod sistematiku l-ammont żejjed u jinqerdu l-armi ħfief u ta' kalibru żgħir u l-munizzjon sekwestrati.

    (7)

    Jitnaqqas b'mod sinifikanti r-riskju ta' proliferazzjoni u d-diverżjoni ta' armi tan-nar, munizzjon u splussivi.

    2.   B'mod addizzjonali għall-objettivi msemmija fil-paragrafu 1, din l-azzjoni tal-Unjoni għandha tipprovdi appoġġ għall-ġlieda kontra t-traffikar illeċitu fir-Repubblika tal-Moldova, l-Ukrajna u l-Belarussja.

    3.   Sabiex tikseb l-objettivi msemmija fil-paragrafi 1 u 2, l-Unjoni għandha, permezz ta' din id-Deċiżjoni:

    (a)

    tappoġġa l-koordinazzjoni u l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-Pjan Direzzjonali għal soluzzjoni sostenibbli għall-pussess illegali, l-użu ħażin u t-traffikar ta' SALW/armi tan-nar u l-munizzjon tagħhom fil-Balkani tal-Punent;

    (b)

    tappoġġa lill-awtoritajiet fil-Balkani tal-Punent fl-armonizzazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjoni tagħhom dwar il-kontroll tal-armi mal-qafas regolatorju tal-Unjoni u ma' obbligi internazzjonali relatati oħra; u

    (c)

    tipprovdi appoġġ għall-ġlieda kontra t-traffikar illeċitu ta' armi fil-Balkani tal-Punent, ir-Repubblika tal-Moldova, l-Ukrajna u l-Belarussja permezz ta' valutazzjonijiet tal-kapaċitajiet u assistenza teknika lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u l-pulizija tal-fruntiera.

    4.   L-ambitu ġeografiku tal-proġett huwa l-Balkani tal-Punent, filwaqt li l-benefiċjarji diretti tal-proġett huma l-Albanija, il-Bożnija-Ħerzegovina, il-Kosovo (*1), il-Montenegro, is-Serbja u l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja. Barra minn hekk, il-proġett ser ifittex ikompli bl-appoġġ lir-Repubblika tal-Moldova, l-Ukrajna u l-Belarussja, li qed jiffaċċaw sfidi simili għall-kontroll tas-SALW permezz tat-trasferiment ta' għarfien u esperjenzi miksuba kif ukoll l-aħjar prattiki żviluppati fil-Balkani tal-Punent mill-2001 'l hawn.

    5.   L-azzjoni li tirriżulta minn din id-Deċiżjoni tibni fuq il-bażi li nħolqot mill-kisbiet taħt id-Deċiżjonijiet preċedenti tal-Kunsill b'appoġġ għas-SEESAC.

    6.   Deskrizzjoni dettaljata tal-proġett tinsab fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    1.   Ir-Rappreżentant Għoli għandha tkun responsabbli għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni.

    2.   L-implimentazzjoni teknika tal-proġett imsemmija fl-Artikolu 1 għandha titwettaq mis-SEESAC, fejn meħtieġ f'koordinazzjoni mal-Mexxej ta' pjattaforma multidixxiplinari Ewropea kontra t-theddid kriminali (EMPACT) Firearms.

    3.   Is-SEESAC għandu jwettaq il-kompitu tiegħu taħt ir-responsabbiltà tar-Rappreżentant Għoli. Għal dak l-għan, ir-Rappreżentant Għoli għandha tistabbilixxi l-arranġamenti meħtieġa mal-UNDP, li għandu jaġixxi f'isem is-SEESAC.

    Artikolu 3

    1.   L-ammont ta' referenza finanzjarja għall-implimentazzjoni tal-proġett iffinanzjat mill-Unjoni msemmi fl-Artikolu 1 għandu jkun ta' EUR 4 002 587,52.

    2.   L-infiq iffinanzjat mill-ammont ta' referenza li jinsab fil-paragrafu 1 għandu jiġi amministrat f'konformità mal-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit tal-Unjoni.

    3.   Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-amministrazzjoni korretta tal-infiq imsemmi fil-paragrafu 2. Għal dak il-għan, għandha tikkonkludi l-ftehim meħtieġ mal-UNDP, li għandu jaġixxi f'isem is-SEESAC. Il-ftehim għandu jistipula li s-SEESAC għandu jiżgura l-viżibbiltà tal-kontribuzzjoni tal-UE, adatt skont id-daqs tagħha.

    4.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tikkonkludi l-ftehim imsemmi fil-paragrafu 3 malajr kemm jista' jkun wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni. Hija għandha tinforma lill-Kunsill bi kwalunkwe diffikultà f'dak il-proċess u dwar id-data tal-konklużjoni tal-ftehim.

    Artikolu 4

    1.   Ir-Rappreżentant Għoli għandha tirrapporta lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni abbażi ta' rapporti regolari kull tliet xhur imħejjija mis-SEESAC. Dawk ir-rapporti għandhom jiffurmaw il-bażi tal-evalwazzjoni mwettqa mill-Kunsill.

    2.   Il-Kummissjoni għandha tirrapporta dwar l-aspetti finanzjarji tal-proġett imsemmi fl-Artikolu 1.

    Artikolu 5

    1.   Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    2.   Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi 36 xahar wara d-data tal-konklużjoni tal-ftehim imsemmi fl-Artikolu 3(3). Madankollu, għandha tiskadi sitt xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ tagħha jekk ma jkun ġie konkluż l-ebda ftehim f'dak il-perijodu.

    Magħmul fi Brussell, id-19 ta' Novembru 2018.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    F. MOGHERINI


    (1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/842/PESK tal-21 ta' Ottubru 2002 dwar l-implimentazzjoni tal-Azzjoni Konġunta 2002/589/PESK bl-għan li l-Unjoni Ewropea tagħti l-kontribut tagħha biex tikkumbatti l-akkumulazzjoni destabilizzanti u t-tixrid ta' armi ħfief u żgħar fix-Xlokk tal-Ewropa (ĠU L 289, 26.10.2002, p. 1).

    (2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2003/807/PESK tas-17 ta' Novembru 2003 li testendi u temenda d-Deċiżjoni 2002/842/PESK li tikkonċerna l-implimentazzjoni tal-Azzjoni Konġunta 2002/589/PESK sabiex l-Unjoni Ewropea tikkontribwixxi għall-ġlieda kontra l-akkumulazzjoni u l-firxa ta' armamenti żgħar fix-Xlokk tal-Ewropa (ĠU L 302, 20.11.2003, p. 39).

    (3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/791/PESK tat-22 ta' Novembru 2004 li testendi u temenda d-Deċiżjoni 2002/842/PESK li timplimenta l-Azzjoni Konġunta 2002/589/PESK bil-ħsieb ta' kontribut tal-Unjoni Ewropea għall-ġlieda kontra l-akkumulazzjoni u t-tixrid destabbilizzanti ta' armi żgħar u armamenti ħfief fl-Ewropa tax-Xlokk (ĠU L 348, 24.11.2004, p. 46).

    (4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/179/PESK tal-11 ta' Marzu 2010 b'appoġġ għall-attivitajiet tas-SEESAC fil-kontroll ta' armi fil-Balkani tal-Punent, fil-qafas tal-Istrateġija tal-UE għall-ġlieda kontra l-akkumulazzjoni u t-traffikar illeċiti tas-SALW u tal-munizzjon tagħhom (ĠU L 80, 26.3.2010, p. 48).

    (5)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/730/PESK tad-9 ta' Diċembru 2013 b'appoġġ għall-attivitajiet ta' SEESAC ta' diżarm u ta' kontroll ta' armi fix-Xlokk tal-Ewropa fil-qafas tal-Istrateġija tal-UE għall-Ġlieda kontra l-Akkumulazzjoni u t-Traffikar Illeċiti ta' SALW u l-Munizzjon tagħhom (ĠU L 332, 11.12.2013, p. 19).

    (6)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/2051 tas-16 ta' Novembru 2015 li temenda d-Deċiżjoni 2013/730/PESK b'appoġġ għall-attivitajiet ta' SEESAC ta' diżarm u ta' kontroll ta' armi fix-Xlokk tal-Ewropa fil-qafas tal-Istrateġija tal-UE għall-Ġlieda kontra l-Akkumulazzjoni u t-Traffikar Illeċiti ta' SALW u l-Munizzjon tagħhom (ĠU L 300, 17.11.2015, p. 19).v

    (7)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/2356 tad-19 ta' Diċembru 2016 b'appoġġ għall-attivitajiet tas-SEESAC rigward id-diżarm u l-kontroll tal-armi fix-Xlokk tal-Ewropa fil-qafas tal-Istrateġija tal-UE għall-ġlieda kontra l-akkumulazzjoni u t-traffikar illeċiti ta' SALW u l-munizzjon tagħhom (ĠU L 348, 21.12.2016, p. 60).

    (8)  http://www.seesac.org/f/docs/News-SALW/Roadmap-for-sustainable-solution.pdf

    (*1)  Dan l-isem huwa mingħajr preġudizzju għal pożizzjonijiet dwar l-istatus, u jikkonforma mal-UNSCR 1244/1999 u l-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.


    ANNESS

    KONTRIBUT TAL-UNJONI GĦALL-PROĠETT TAS-SEESAC DWAR ATTIVITAJIET TA' KONTROLL TA' SALW FIL-BALKANI TAL-PUNENT FL-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PJAN DIREZZJONALI GĦAL SOLUZZJONI SOSTENIBBLI GĦALL-PUSSESS ILLEGALI, L-UŻU ĦAŻIN U T-TRAFFIKAR TA' SALW/ARMI TAN-NAR U L-MUNIZZJON TAGĦHOM FIL-BALKANI TAL-PUNENT

    1.   Introduzzjoni u objettivi

    Ix-Xlokk tal-Ewropa jibqa' qasam ta' tħassib u sfida importanti fl-Istrateġija tal-UE għall-ġlieda kontra l-akkumulazzjoni u t-traffikar illeċiti tas-SALW) u l-munizzjon tagħhom (“l-Istrateġija tal-UE dwar is-SALW”). Filwaqt li sar progress sinifikanti fis-snin reċenti, l-akkumulazzjoni ta' armi ħfief u ta' kalibru żgħir (“SALW”) u ta' munizzjon, il-kundizzjonijiet inadegwati tal-ħżin, il-pussess illeċitu, u t-tfassil tal-politika u l-lakuni fil-kapaċità ta' implimentazzjoni flimkien mas-sistemi politiċi fraġili, qed ikomplu jillimitaw l-effettività tal-isforzi għall-kontroll ta' SALW. Għalhekk, sabiex jiġi żgurat il-progress kontinwu, jiġu assigurati l-kisbiet li saru u titwitta t-triq għal soluzzjoni sostenibbli fit-tul li tinkludi armonizzazzjoni sħiħa mal-qafas leġiżlattiv u regolatorju tal-Unjoni u konformità mal-istandards internazzjonali, il-kontinwazzjoni tal-appoġġ għall-ġlieda kontra t-theddida kkawżata mit-tixrid u t-traffikar illeċitu ta' SALW fix-Xlokk tal-Ewropa u minnha tifforma parti essenzjali mill-isforzi tal-Unjoni biex jinkisbu l-miri tal-Istrateġija tal-UE dwar is-SALW.

    Sabiex jiġu indirizzati l-isfidi li fadal fil-kontroll ta' SALW u jissaħħaħ l-impenn tal-Balkani tal-Punent fil-ġlieda kontra t-traffikar illeċitu u l-użu ħażin ta' armi tan-nar, ġie żviluppat Pjan Direzzjonali għal soluzzjoni sostenibbli għall-pussess illegali, l-użu ħażin u t-traffikar ta' SALW/armi tan-nar u l-munizzjon tagħhom fil-Balkani tal-Punent sal-2024 (“il-Pjan Direzzjonali”) mill-kummissjonijiet tal-Balkani tal-Punent dwar is-SALW fid-29 ta' Mejju 2018 f'Tirana, wara proċess ta' konsultazzjoni mal-istituzzjonijiet u l-organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti. Dan ġie approvat fil-qafas tas-Summit tal-Balkani tal-Punent f'Londra fid-9 ta' Lulju 2018. Il-Pjan Direzzjonali jipprevedi li l-Balkani tal-Punent isir reġjun aktar sikur u sors tas-sigurtà, fejn mekkaniżmi komprensivi u sostenibbli ta' sorveljanza u kontroll, armonizzati bis-sħiħ ma' standards tal-Unjoni u ma' standards internazzjonali oħra, ikunu fis-seħħ biex jidentifikaw, jipprevjenu, jipprosegwixxu u jikkontrollaw il-pussess illegali, l-użu ħażin u t-traffikar ta' armi tan-nar, munizzjon u splussivi. Il-Pjan Direzzjonali ġie żviluppat bħala dokument ta' gwida u, bħala tali, jipprevedi livelli maqbula ta' prestazzjoni, u jiddeskrivi fil-qosor l-impenn meħtieġ fil-livell strateġiku, operazzjonali u ta' politika fost il-benefiċjarji, li jibni fuq l-impenn politiku tal-awtoritajiet tal-Balkani tal-Punent lejn l-impenji u d-dokumenti strateġiċi tan-NU u tal-Unjoni dwar il-kontroll tal-armi.

    Iċ-Ċentru tax-Xlokk u tal-Lvant tal-Ewropa għall-Kontroll tal-Armi Ħfief u ta' Kalibru Żgħir (SEESAC), bħala l-fergħa eżekuttiva tal-Pjan ta' Implimentazzjoni Reġjonali dwar il-Ġlieda Kontra l-Proliferazzjoni ta' Armi Ħfief u ta' Kalibru Żgħir, appoġġa l-iżvilupp tal-Pjan Direzzjonali u ser jikkoordina u jappoġġa l-implimentazzjoni tiegħu. Din l-azzjoni b'hekk ser iżżid l-assistenza għall-kontroll tas-SALW prevista permezz tad-Deċiżjonijet tal-Kunsill 2010/179/PESK, 2013/730/PESK u (PESK) 2016/2356. Hija ser tavvanza ulterjorment il-proċessi u l-miżuri meħtieġa għall-kisba ta' kontroll sostenibbli tas-SALW fil-Balkani tal-Punent.

    Din l-azzjoni ser: (a) tappoġġa l-koordinazzjoni tal-implimentazzjoni tal-Pjan Direzzjonali; (b) tipprovdi appoġġ għall-armonizzazzjoni tal-oqfsa leġiżlattivi u regolatorji dwar is-SALW/armi tan-nar ma' dawk tal-Unjoni; u (c) tippermetti fehim ċar tal-lakuni u l-ħtiġijiet attwali sabiex jittejbu ulterjorment il-kapaċitajiet transfruntieri ta' kxif fir-rigward tat-traffikar illeċitu ta' armi tan-nar billi tibni fuq l-istabbiliment tal-punt fokali dwar l-armi tan-nar (“FFP”) fix-Xlokk tal-Ewropa. Hija ser tiżgura wkoll ħarsa ġenerali aħjar tas-sitwazzjoni attwali u tidentifika oqsma għall-appoġġ ta' kapaċitajiet fil-prevenzjoni tal-proliferazzjoni u t-traffikar illeċiti ta' SALW/armi tan-nar fl-Ukrajna u l-Belarussja, billi tibni fuq l-assistenza prevista skont id-Deċiżjoni (PESK) 2016/2356 b'appoġġ għat-tnaqqis tat-theddid tal-akkumulazzjoni u t-traffikar illeċiti tas-SALW fix-Xlokk tal-Ewropa (SEESAC IV). Bħala tali, l-implimentazzjoni ta' din l-azzjoni ser tikkomplementa l-attivitajiet skont id-Deċiżjoni (PESK) 2016/2356, billi tippermetti l-espansjoni tal-impatt fuq il-ġlieda kontra t-traffikar illeċitu ta' armi tan-nar. Hija tiżgura l-koordinazzjoni ta' azzjonijiet u inizjattivi oħra fir-reġjun li jikkonċernaw il-ġlieda kontra t-traffikar ta' armi tan-nar, sabiex jiġu sfruttati sinerġiji, tittejjeb l-interoperabbiltà u tiġi evitata d-duplikazzjoni ta' sforzi (1).

    L-objettiv ġenerali tal-proġett huwa li jikkontribwixxi għall-paċi u s-sigurtà Ewropej u globali billi jiġġieled kontra t-theddida kkawżata mill-akkumulazzjoni u t-traffikar illeċiti ta' SALW u l-munizzjon tagħhom fix-Xlokk tal-Ewropa u minnha. Fl-istess waqt, ser isaħħaħ l-istabbiltà reġjonali billi jaħdem fil-qafas tal-Kunsill għall-Kooperazzjoni Reġjonali (KKR) u fi sħubija ma' sħab u inizjattivi internazzjonali rilevanti oħra.

    Il-proġett ser jikkontribwixxi b'mod dirett għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE dwar is-Sigurtà, l-Istrateġija tal-UE dwar is-SALW, l-Istrateġija tal-UE dwar l-Armi tan-Nar, il-Pjan ta' Azzjoni dwar it-traffikar illeċitu ta' armi tan-nar bejn l-UE u r-reġjun tax-Xlokk tal-Ewropa għall-perjodu 2015–2019 (“il-Pjan ta' Azzjoni 2015–2019”), iċ-Ċiklu ta' Politika tal-UE għall-kriminalità internazzjonali organizzata u serja, inkluż il-pjattaforma multidixxiplinari Ewropea kontra t-theddid kriminali (EMPACT) Firearms, it-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi, il-Programm ta' Azzjoni tan-NU għall-Prevenzjoni, il-Ġlieda kontra u l-Qerda tal-Kummerċ Illeċitu tal-Armi Ħfief u ta' Kalibru Żgħir fl-Aspetti Kollha Tiegħu, l-Istrument Internazzjonali tat-Traċċar, il-Protokoll tan-NU dwar l-Armi tan-Nar u r-Riżoluzzjoni 1325 (2000) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, u jtejjeb b'mod speċifiku l-kooperazzjoni reġjonali fil-ġlieda kontra t-theddida kkawżata mill-firxa tas-SALW u l-munizzjon tagħhom. Ir-riżultati tal-proġett ser jikkontribwixxu b'mod dirett ukoll għall-implimentazzjoni tal-Għan ta' Żvilupp Sostenibbli numru 16 dwar soċjetajiet paċifiċi u ġusti, b'mod partikolari l-miri 16.1 (titnaqqas b'mod sinifikanti kull forma ta' vjolenza u r-rata ta' mwiet kullimkien) u 16.4 (jitnaqqsu b'mod sinifikanti l-flussi ta' armi illeċiti). Barra minn hekk, il-proġett ser jikkomplementa l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni tal-Kummissjoni biex jiġi indirizzat it-traffikar illeċitu ta' armi tan-nar u ta' splussivi fl-Unjoni.

    B'mod speċifiku, il-proġett ser:

    jikkoordina u jimmonitorja l-implimentazzjoni tal-Pjan Direzzjonali għal soluzzjoni sostenibbli għall-pussess illegali, l-użu ħażin u t-traffikar ta' SALW/armi tan-nar u l-munizzjon tagħhom fil-Balkani tal-Punent;

    tappoġġa lill-awtoritajiet fil-Balkani tal-Punent fl-armonizzazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjoni tagħhom dwar il-kontroll tal-armi mal-qafas regolatorju tal-Unjoni u ma' obbligi internazzjonali relatati oħra; u

    tipprovdi appoġġ għall-ġlieda kontra t-traffikar illeċitu ta' armi fil-Balkani tal-Punent, ir-Repubblika tal-Moldova, l-Ukrajna u l-Belarussja permezz ta' valutazzjonijiet tal-kapaċitajiet u assistenza teknika għall-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u l-pulizija tal-fruntiera.

    Filwaqt li jibni fuq l-implimentazzjoni b'suċċess tad-Deċiżjoni 2013/730/PESK kif ukoll id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/2356, u b'mod allinjat mal-Istrateġija tal-UE dwar is-SALW, dan il-proġett ta' segwitu b'hekk għandu l-għan li jsaħħaħ ulterjorment is-sistemi ta' kontroll tas-sħab u jkompli jrawwem il-multilateraliżmu billi jsaħħaħ mekkaniżmi reġjonali stabbiliti tajjeb kontra l-forniment u t-tixrid destabbilizzanti tas-SALW u tal-munizzjon tagħhom. Barra minn hekk, sabiex jiġi żgurat li l-kapaċitajiet żviluppati fl-istituzzjonijiet tax-Xlokk tal-Ewropa jiġu kondiviżi ma' żoni ġeografiċi oħra ta' tħassib, il-proġett ser jipprovdi dimensjoni reġjonali aktar komprensiva permezz ta' sforzi ta' trasferiment immirat tal-għarfien.

    2.   Għażla tal-aġenzija ta' implimentazzjoni u koordinazzjoni ma' inizjattivi ta' finanzjament rilevanti oħra

    Is-SEESAC huwa inizjattiva konġunta tal-Programm ta' Żvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti (UNDP) u l-KKR, u bħala tali huwa l-punt fokali għall-attivitajiet relatati mas-SALW fix-Xlokk tal-Ewropa. Bħala l-fergħa eżekuttiva tal-Pjan ta' Implimentazzjoni Reġjonali dwar il-Ġlieda kontra l-Proliferazzjoni tas-SALW, is-SEESAC ilu mill-2002 jaħdem ma' partijiet ikkonċernati nazzjonali u internazzjonali fix-Xlokk tal-Ewropa fuq l-implimentazzjoni ta' approċċ olistiku għall-kontroll tas-SALW permezz tat-twettiq ta' spettru wiesa' ta' attivitajiet inkluż: il-faċilitazzjoni tal-kooperazzjoni reġjonali strateġika u operazzjonali, appoġġ għall-politika ta' żvilupp u titjib tal-kapaċitajiet għall-istituzzjonijiet, kampanji ta' sensibilizzazzjoni u ta' ġbir tas-SALW, ġestjoni tal-kumulu tal-ħażniet, tnaqqis ta' ammonti żejda, u titjib tal-kapaċitajiet ta' mmarkar u ta' rintraċċar, kif ukoll kontroll imtejjeb tal-esportazzjonijiet tal-armi. B'dan il-mod, is-SEESAC kiseb kapaċità u esperjenza unika fl-implimentazzjoni ta' interventi reġjonali bil-parteċipazzjoni ta' diversi partijiet ikkonċernati fl-isfond politiku u ekonomiku kondiviż tas-sħab fir-reġjun, waqt li jiżgura sjieda nazzjonali u reġjonali u sostenibbiltà fit-tul tal-azzjonijiet tiegħu u jistabbilixxi lilu nnifsu bħala l-awtorità reġjonali primarja fil-qasam tal-kontroll tas-SALW.

    Is-SEESAC ikompli jżomm kanali ta' komunikazzjoni bilaterali u multilaterali mal-atturi u l-organizzazzjonijiet rilevanti kollha. F'dak ir-rigward, is-SEESAC ikompli jservi bħala s-Segretarjat tal-Grupp Reġjonali ta' Tmexxija għas-SALW (RSG). Barra minn hekk, is-SEESAC huwa s-Segretarjat tal-inizjattiva għall-Approċċ Reġjonali għat-Tnaqqis tal-Kumulu tal-Ħażniet (RASR). Is-SEESAC jieħu wkoll sehem fil-laqgħat ta' koordinazzjoni SALW u l-azzjoni kontra l-mini (“MA”), mekkaniżmu informali ta' koordinazzjoni dwar l-attivitajiet ta' kontroll tas-SALW li jinvolvi n-NATO, l-Unjoni, l-l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE) u s-SEESAC. Is-SEESAC jikkontribwixxi b'mod regolari għal fora reġjonali rilevanti. Is-SEESAC ikompli jżomm netwerk wiesa' ta' sħubijiet formali u informali ma' organizzazzjonijiet bħaċ-Ċentru għall-Kooperazzjoni fis-Sigurtà taċ-Ċentru Reġjonali ta' Assistenza għall-Implimentazzjoni u l-Verifika tal-Kontroll tal-Armi (RACVIAC) u l-Forum tal-OSKE għall-Kooperazzjoni fis-Sigurtà (FSC). Laqgħat regolari ta' koordinazzjoni kif ukoll skambju ta' informazzjoni u ta' data ma' aġenziji oħra tan-NU bħall-UNODC u l-UNODA jseħħu, fost l-oħrajn, permezz tal-Azzjoni ta' Koordinazzjoni tan-NU dwar Armi Ħfief (CASA). Is-SEESAC b'hekk iservi bħala ċentru reġjonali u punt fokali għal spettru wiesa' ta' kwistjonijiet relatati mar-riforma tas-settur tas-sigurtà, b'attenzjoni partikolari fuq il-kontroll tas-SALW u l-ġestjoni tal-kumulu tal-ħażniet. Is-SEESAC iżomm kuntatt mill-qrib u jipprovdi appoġġ lill-istituzzjonijiet rilevanti tal-Unjoni għal tixrid ta' informazzjoni aktar effettiva mal-kontropartijiet tax-Xlokk tal-Ewropa, primarjament lid-DĠ Migrazzjoni u Affarijiet Interni tal-Kummissjoni, u lill-Europol, kif ukoll inizjattivi mmexxija mill-Unjoni bħall-EMPACT Firearms, u l-grupp ta' Esperti Ewropej tal-Armi tan-Nar (EFE).

    Ibbażat f'Belgrad, is-SEESAC attwalment jopera fix-Xlokk tal-Ewropa kollu, b'attivitajiet fl-Albanija, il-Bożnija-Ħerzegovina (BiH), il-Kosovo, il-Montenegro, is-Serbja u l-Eks Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u ir-Repubblika tal-Moldova, kif ukoll jagħti appoġġ limitat lill-Ukrajna u l-Belarussja. Fil-passat, is-SEESAC kien jopera wkoll fil-Bulgarija, fil-Kroazja u fir-Rumanija. Is-sjieda reġjonali hija żgurata permezz tal-KKR kif ukoll permezz tal-RSG, fejn ir-rappreżentanti tas-sħab kollha fix-Xlokk tal-Ewropa jipprovdu l-gwida strateġika, l-inizjattivi u t-talbiet għall-attivitajiet tas-SEESAC.

    Is-SEESAC kien il-pijunier ta' approċċ ibbażat fuq l-indirizzar ta' problemi kondiviżi permezz ta' inizjattivi reġjonali, li ħalla riżultati impressjonanti fix-Xlokk tal-Ewropa mhux biss minħabba l-kondiviżjoni kruċjali tal-informazzjoni u l-promozzjoni ta' kompetizzjoni reġjonali b'saħħitha li dan l-approċċ iqanqal, iżda wkoll għax jgħin biex jinkisbu riżultati konsistenti u li jitkejlu faċilment fil-livell nazzjonali u dak reġjonali permezz ta' modalità ta' implimentazzjoni olistika. L-organizzazzjoni tal-laqgħat annwali tal-RSG u l-parteċipazzjoni mis-SEESAC fil-proċessi u l-inizjattivi reġjonali rilevanti kollha jipprovdu skambju ta' informazzjoni f'waqtu u espliċitu, għarfien qawwi tas-sitwazzjoni u t-tbassir meħtieġ biex tiġi żgurata li l-implimentazzjoni ma toħloqx sitwazzjonijiet ta' trikkib u tkun konformi mal-ħtiġijiet attwali tal-gvernijiet u r-reġjuni kif ukoll max-xejriet li jiżviluppaw.

    Is-SEESAC jibbaża l-attivitajiet kollha tiegħu fuq il-ħtiġijiet espressi mill-kontropartijiet u d-data bażika miġbura, u jassigura l-approvazzjoni u l-appoġġ politiku minn partijiet ikkonċernati nazzjonali bħala prekondizzjoni għall-azzjoni. Barra minn hekk, l-isforzi kollha jsiru fil-qafas ta' appoġġ għall-proċessi mmexxija mill-Unjoni u l-kisba tal-istandards u l-kriterji tal-Unjoni. Is-SEESAC implimenta l-proġetti preċedenti tiegħu ffinanzjati mill-Unjoni b'rata għolja ħafna ta' rendiment tal-attivitajiet previsti, billi kiseb riżultati sostenibbli għall-proġett billi żviluppa u rawwem sjieda tas-sħab tal-proġetti u l-attivitajiet tiegħu, u billi ppromwova koordinazzjoni reġjonali, esperjenza u l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki, kif ukoll riċerka reġjonali. L-għarfien espert tiegħu dwar is-SALW u l-għarfien profond tal-affarijiet reġjonali u l-partijiet ikkonċernati rilevanti jagħmlu s-SEESAC l-aktar sieħeb ta' implimentazzjoni adatt għal din l-azzjoni partikolari.

    Il-proġett jikkomplementa wkoll l-isforzi nazzjonali u reġjonali eżistenti, filwaqt li jfittex sinerġiji massimi. Is-SEESAC ser jaħdem flimkien mal-isforzi ta' assistenza internazzjonali li ġejjin:

    Fil-BiH:

    il-proġett tal-Unjoni għall-ġestjoni tal-kumulu tal-ħażniet, l-appoġġ tekniku, u t-tnaqqis tal-munizzjon żejjed (EU STAR), iffinanzjata mill-komponent fuq perijodu qasir tal-Istrument tal-Unjoni li jikkontribwixxi għall-Istabbiltà u l-Paċi u implimentata mill-uffiċċju tal-UNDP f'Sarajevo. Il-proġett EU STAR jibni fuq ir-riżultati u t-tagħlimiet meħuda mill-proġett EXPLODE, li kien iffinanzjat mill-Unjoni u implimentat mill-UNDP minn April 2013 sa Novembru 2016, biex ikompli l-appoġġ għall-istabbiliment ta' sistema sostenibbli għall-ġestjoni tal-kumulu tal-hażniet fil-BiH;

    il-proġett iffinanzjat mill-Uffiċċju Federali tal-Affarijiet Barranin tal-Ġermanja li jiffoka fuq il-ġlieda kontra t-traffikar illeċitu ta' armi (CIAT), li jassisti lill-pulizija tal-fruntieri tal-BiH, kif ukoll lill-Ministeru għas-Sigurtà tal-BiH fit-tisħiħ tal-kapaċitajiet tagħhom li jidentifikaw, jipprevjenu u jiġġieldu kontra t-traffikar tal-armi tan-nar, il-munizzjon u l-isplussivi li ġejjin mill-BiĦ, u li jgħaddu minnha;

    il-mekkaniżmu ta' koordinazzjoni stabbilit mill-Ministeru għad-Difiża tal-BiĦ (“MoD”) u atturi internazzjonali taħt il-koordinazzjoni tal-EUFOR Althea fi sforz biex tiġi żgurata l-komplementarjetà kontinwa tal-azzjoni mal-isforzi li għaddejjin tal-komunità internazzjonali biex tiġi indirizzata l-kwistjoni dwar il-ħażniet żejda ta' munizzjon konvenzjonali miżmuma mill-Ministeru għad-Difiża tal-BiH u fid-dawl ta' kwalunkwe possibbiltà ta' pjanijiet futuri għal kampanja biex jinġabru armi konvenzjonali illegali fil-BiH.

    Sa issa, saru kisbiet sinifikanti permezz tal-kooperazzjoni u koordinazzjoni stretti ma' dawk it-tliet proġetti, li wasslu għal riżultati aktar effiċjenti'

    fis-Serbja, il-proġett tal-ġestjoni tal-kumulu ta' ħażniet ta' munizzjon konvenzjonali (CASM), iffinanzjat mid-Dipartiment tal-Istat tal-Istati Uniti tal-Amerka, il-UNDP u l-OSKE, huwa mfassal biex itejjeb is-sikurezza u s-sigurtà ta' siti predefiniti għall-ħażniet ta' munizzjon konvenzjonali u r-rimi ta' munizzjon żejjed irrapportat;

    fil-Montenegro, il-proġett tad-demilitarizzazzjoni tal-Montenegro (MONDEM), amministrat mill-UNDP fi sħubija mal-OSKE, huwa mfassal biex jaħdem għat-tnaqqis tar-riskji tal-ġlieda kontra l-proliferazzjoni permezz tal-iżvilupp ta' infrastruttura għall-ħżin ta' munizzjon konvenzjonali u sistemi ta' ġestjoni siguri u mingħajr periklu, it-tnaqqis tar-riskju ta' splussivi għall-komunitajiet permezz tad-demilitarizzazzjoni favur l-ambjent, il-qerda ta' skart tossiku perikoluż (propellant likwidu tar-rokits) u appoġġ għar-riforma tad-difiża permezz tal-qerda ta' kwantità limitata ta' sistemi ta' armi tqal imfassla mill-MoD għall-Montenegro;

    fl-Eks Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-proġett għat-tnaqqis tar-riskju tal-proliferazzjoni ta' armi u munizzjon, li għandu l-għan li jżid is-sigurtà tal-kumulu tal-ħażniet eżistenti ta' armi ta' kalibru żgħir u munizzjon, u li hu ġestit mill-Ministeru għall-Affarijiet Interni u implimentat mill-missjoni OSKE fi Skopje;

    fil-Kosovo, il-proġett dwar il-mitigazzjoni tar-riskju tal-armi tan-nar u splussivi (FERM) (preċedentement KOSSAC), li kien inizjalment imfassal biex inaqqas il-vjolenza bl-armi fil-Kosovo u jżid is-sigurtà tal-komunità, u li għandu l-għan li jappoġġa lill-partijiet ikkonċernati tal-Kosovo fil-kontroll tal-pussess illegali mifrux u ċ-ċirkolazzjoni ta' SALW u, permezz ta' ġestjoni bbażata fuq ir-riskju u approċċ ibbażat fuq l-evidenza, biex jitnaqqsu r-riskji ta' tali armi u materjali esplożivi;

    fil-livell reġjonali, il-Pjattaforma Reġjonali għar-Riforma tas-Settur tas-Sigurtà (RSSRP), riżorsa stabbilita sew li tagħti rispons malajr, effettiv u skont id-domanda għall-ħtiġijiet tal-istat tad-dritt fil-livell tekniku fid-dinja kollha; b'mekkaniżmu ta' skjerament malajr ibbażat fuq in-netwerk uniku tas-SEESAC ta' esperti fis-sigurtà b'esperjenza fil-qasam tar-riforma tas-settur tas-sigurtà, l-RSSRP tipprovdi assistenza mfassla apposta b'attenzjoni partikolari fuq il-kontroll ta' SALW u l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fil-politika ta' sigurtà.

    Is-SEESAC iżomm kuntatti regolari mal-OSKE, in-NATO, il-Europol, l-EMPACT u l-Interpol, kif ukoll ma' atturi oħra rilevanti, sabiex jiżgura l-komplementarjetà tal-azzjoni, il-puntwalità tal-interventi u l-kosteffettività fl-użu tar-riżorsi.

    3.   Deskrizzjoni tal-proġett

    Il-fażi l-ġdida tal-proġett SEESAC ser tibni fuq il-bażi tar-riżultati li nkisbu taħt id-Deċiżjoni 2013/730/PESK u b'mod komplementari mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/2356.

    Hija ser tiffoka fuq tliet oqsma ewlenin, filwaqt li żżomm l-approċċ olistiku għall-indirizzar tat-theddida ppreżentata mis-SALW fir-reġjun. Dawk it-tliet oqsma jindirizzaw il-livell strateġiku/politiku kif ukoll l-aspetti operazzjonali, u b'hekk jassistu b'mod dirett fil-livelli kollha tal-kontroll tas-SALW, b'attenzjoni partikolari fuq: il-koordinazzjoni mill-qrib ta' approċċ reġjonali għall-implimentazzjoni tal-Pjan Direzzjonali; it-tisħiħ ta' kapaċitajiet għall-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar il-kontroll tal-armi; u l-kontribuzzjoni għal fehim aħjar tal-kapaċitajiet sabiex jiġi miġġieled it-traffikar illeċitu fir-rigward tal-Ukrajna u l-Belarussja.

    B'mod partikolari, il-proġett ser iwassal għal:

    implimentazzjoni koordinata tal-Pjan Direzzjonali għal soluzzjoni sostenibbli għall-pussess illegali, l-użu ħażin u t-traffikar ta' SALW/armi tan-nar u l-munizzjon tagħhom fil-Balkani tal-Punent;

    l-għoti ta' appoġġ għall-armonizzazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjoni tal-Balkani tal-Punent dwar il-kontroll tal-armi tal-awtoritajiet mal-qafas regolatorju tal-Unjoni u obbligi internazzjonali relatati oħra, u l-istandardizzazzjoni fir-reġjun kollu;

    il-ġlieda kontra t-traffikar illeċitu ta' armi fil-Balkani tal-Punent, ir-Repubblika tal-Moldova, l-Ukrajna u l-Belarussja permezz ta' valutazzjonijiet tal-kapaċitajiet u assistenza teknika lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u l-pulizija tal-fruntiera.

    L-istrateġija tal-proġett hija msejsa fuq l-approċċ uniku tas-SEESAC biex jitrawmu l-fiduċja u l-kooperazzjoni fir-reġjun bħala prerekwiżit biex tinkiseb bidla trasformattiva konkreta u li tista' titkejjel. B'mod partikolari, fil-livell reġjonali, il-proċessi ta' kooperazzjoni differenti ffaċilitati mis-SEESAC, li jinvolvu kemm lil dawk li jfasslu l-politika kif ukoll lill-prattikanti fil-livell operazzjonali, urew li huma ingredjent essenzjali biex jiġi żgurat ambjent kompetittiv u li jippermetti t-trasferiment ta' għarfien, l-iskambju ta' għarfien espert u l-kondiviżjoni ta' informazzjoni. Dan serva mhux biss biex jiżdiedu l-kapaċitajiet fir-reġjun, iżda aktar importanti minn hekk biex tinbena l-fiduċja u tiġi stabbilita kooperazzjoni diretta fost l-istituzzjonijiet u l-esperti individwali, li fost affarijiet oħra, ippermettiet l-iżvilupp tal-Pjan Direzzjonali. Konsegwentement, l-atmosfera ta' fiduċja professjonali tippermetti li jsir progress fil-livell nazzjonali fi kwistjonijiet li huma indirizzati mill-Pjan Direzzjonali. Barra minn hekk, l-approċċ ta' kooperazzjoni reġjonali għamel lir-reġjun aktar trasparenti u effiċjenti fl-isforzi tiegħu biex jikkontrolla l-kummerċ tal-armi, bir-riżultat li s-sħab tax-Xlokk tal-Ewropa huma fost l-aktar trasparenti fid-dinja fir-rappurtar tagħhom dwar it-trasferimenti tal-armi. Għaldaqstant, il-proġett ser ikompli jrawwem il-kooperazzjoni reġjonali bħala element essenzjali li jippermetti li jinkisbu riżultati li jistgħu jitkejlu.

    L-ambitu ġeografiku tal-proġett huwa l-Balkani tal-Punent, u l-Albanija, il-BiĦ, il-Kosovo, il-Montenegro, is-Serbja u l-Eks Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja huma benefiċjarji diretti tal-proġett. Barra minn hekk, il-proġett ser ifittex ikompli bl-appoġġ għall-pajjiżi tal-Ewropa tal-Lvant li qed jiffaċċjaw sfidi simili fil-kontroll tas-SALW, bħar-Repubblika tal-Moldova, l-Ukrajna u l-Belarussja, permezz tat-trasferiment ta' għarfien u esperjenzi miksuba kif ukoll l-aħjar prattiki żviluppati fil-Balkani tal-Punent mill-2001 'l hawn.

    3.1.   Koordinazzjoni tal-implimentazzjoni tal-Pjan Direzzjonali għal soluzzjoni sostenibbli għall-pussess illegali, l-użu ħażin u t-traffikar ta' SALW/armi tan-nar u l-munizzjon tagħhom fil-Balkani tal-Punent

    Objettiv

    Biex tiġi żgurata l-koordinazzjoni effettiva tal-implimentazzjoni tal-Pjan Direzzjonali minn sitt benefiċjarji u s-sitt pjanijiet ta' azzjoni li jakkumpanjawh żviluppati b'objettivi speċifiċi u mkejla permezz ta' indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni (KPIs). Il-progress ser jitkejjel permezz ta' mekkaniżmu għall-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rappurtar tar-riżultati miksuba fl-implimentazzjoni tal-Pjan Direzzjonali u l-pjanijiet ta' azzjoni tas-sħab għall-implimentazzjoni tiegħu.

    Deskrizzjoni

    Fid-9 ta' Lulju 2018, fis-Summit tal-Balkani tal-Punent f'Londra, is-sħab tal-Balkani tal-Punent reġgħu kkonfermaw id-determinazzjoni komuni u l-impenn imsaħħaħ biex jintemm il-pussess illeċitu, l-użu ħażin u t-traffikar ta' armi tan-nar permezz tal-approvazzjoni tal-Pjan Direzzjonali. Il-Pjan Direzzjonali reġjonali li żviluppa permezz ta' proċess konsultattiv u bl-appoġġ tas-SEESAC, jikkomplementa l-attività eżistenti tal-Unjoni biex tiġi miġġielda dik it-theddida, b'mod speċifiku l-Pjan ta' Azzjoni 2015–2019, il-Komunikazzjoni Konġunta tal-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli dwar elementi lejn strateġija tal-UE kontra l-armi tan-nar, armi ħfief u ta' kalibru żgħir illeċiti u l-munizzjoni tagħhom, u l-ħidma EMPACT tal-Europol fir-reġjun. Il-Pjan Direzzjonali huwa xhieda tal-kunsens milħuq fost il-partijiet ikkonċernati kollha fir-reġjun dwar l-isfidi attwali, il-miri globali li għandhom jintlaħqu u l-iskeda ta' żmien għall-azzjonijiet li għandhom jittieħdu. Huwa jipprovdi pjattaforma ġenerali għall-kisba ta' KPIs maqbula b'mod komuni fil-livell strateġiku, operazzjonali u ta' politika. Bħala tali, il-ħidma taħt dan il-komponent ser tirriżulta fi: koordinazzjoni effettiva tal-implimentazzjoni tal-Pjan Direzzjonali fil-livell reġjonali; appoġġ imfassal apposta għall-kummissjonijiet tas-SALW u l-awtoritajiet rilevanti fl-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta' azzjoni tagħhom għall-Pjan Direzzjonali; monitoraġġ u evalwazzjoni perjodiċi tal-progress fid-dawl tal-KPIs maqbula b'mod konġunt; u fehim aħjar tal-kapaċitajiet tal-benefiċjarji biex jimplimentaw l-azzjonijiet taħt l-oqsma funzjonali tal-Pjan Direzzjonali.

    B'mod speċifiku, il-proġett jipprevedi l-koordinazzjoni tal-implimentazzjoni tal-Pjan Direzzjonali permezz ta':

    laqgħat reġjonali formali għall-koordinazzjoni tal-Pjan Direzzjonali li jiffokaw fuq l-evalwazzjoni tal-progress u l-iskambju ta' informazzjoni;

    l-għoti ta' appoġġ espert u tekniku għal-laqgħat lokali ta' koordinazzjoni tal-Pjan Direzzjonali biex tiġi mmonitorjata l-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta' azzjoni tas-sħab;

    l-iżvilupp ta' rapporti ta' monitoraġġ u evalwazzjoni biannwali li jiddokumentaw il-progress, l-isfidi u l-ħtiġijiet fl-implimentazzjoni tal-Pjan Direzzjonali abbażi tal-KPIs maqbula b'mod komuni;

    evalwazzjoni ta' nofs it-terminu tal-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta' azzjoni tal-Pjan Direzzjonali, inkluż il-valutazzjoni tal-kapaċità tas-sitt benefiċjarji fir-rigward tal-kontroll tas-SALW;

    Attivitajiet ta' tixrid ta informazzjoni u viżibbiltà marbuta mal-Pjan Direzzjonali (inkluż l-istabbiliment ta' pjattaforma online, l-involviment tal-partijiet ikkonċernati u s-sensibilizzazzjoni).

    Riżultati/indikaturi tal-implimentazzjoni tal-proġett:

    Jiġu organizzati sa mhux iktar minn sitt laqgħat ta' koordinazzjoni reġjonali tal-Pjan Direzzjonali;

    Jiġu ffaċilitati l-evalwazzjoni tal-progress, l-iskambju ta' informazzjoni, it-trasferiment tal-għarfien u l-istandardizzazzjoni;

    Jiġu organizzati laqgħat ta' koordinazzjoni lokali (sa total ta' 36);

    Jiġu żviluppati rapporti ta' monitoraġġ u evalwazzjoni biannwali (sa sitta);

    Issir evalwazzjoni ta' nofs it-terminu, li tinkludi valutazzjoni tal-kapaċità imħejjija għas-sitt benefiċjarji tal-Pjan Direzzjonali;

    Tiġi stabbilita pjattaforma online biex jiġi żġurat tixrid ta' informazzjoni u viżibbiltà xierqa tal-Pjan Direzzjonali.

    3.2.   Appoġġ lill-awtoritajiet tal-Balkani tal-Punent biex jarmonizzaw b'mod sħiħ il-leġiżlazzjoni tagħhom dwar il-kontroll tal-armi mal-qafas regolatorju tal-Unjoni u ma' obbligi u standards internazzjonali relatati oħra fir-reġjun kollu

    Objettiv

    Dan il-komponent ser jipprovdi appoġġ tekniku komprensiv għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' qafas legali b'saħħtu għall-kontroll tas-SALW li jkun armonizzat b'mod sħiħ u li jkun konformi mal-qafas regolatorju tal-Unjoni u ma' ftehimiet u standards internazzjonali oħrajn.

    Deskrizzjoni

    L-ewwel mira tal-Pjan Direzzjonali għandha l-għan li tiżgura li fil-Balkani tal-Punent tkun fis-seħħ leġiżlazzjoni dwar il-kontroll tal-armi u li din tkun armonizzata b'mod sħiħ mal-qafas regolatorju tal-Unjoni u ma' obbligi internazzjonali relatati oħra sal-2023. Hemm ħtieġa evidenti u urġenti għal tali qafas leġiżlattiv u regolatorju dwar il-kontroll tas-SALW/l-armi tan-nar fil-Balkani tal-Punent sabiex il-kontroll tal-armi tan-nar jiġi regolat b'mod effettiv u jiġi ffaċilitat ir-rispons għal theddid rilevanti. Konsegwentement dan ser jiffaċilita l-kompatibbiltà tal-liġijiet u l-proċeduri dwar il-kontroll tal-armi fil-Balkani tal-Punent u l-istandardizzazzjoni tal-proċeduri u l-prattiki ta' kontroll tas-SALW/l-armi tan-nar. Tali standardizzazzjoni tippermetti t-tneħħija tal-ostakli li jimpedixxu l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u l-ġudikatura milli jikkooperaw direttament, jiskambjaw informazzjoni u jwettqu investigazzjonijiet konġunti jew paralleli. Tagħti lok ukoll għal rispons aħjar u aktar effiċjenti fil-livell nazzjonali, reġjonali u Ewropew għal theddid marbut mal-armi tan-nar. Barra minn hekk, peress li l-perspettiva tal-ugwaljanza bejn is-sessi rari tkun rikonoxxuta jew indirizzata b'mod adegwat mill-oqfsa leġiżlattivi u ta' politika li jirregolaw il-kontroll tas-SALW fix-Xlokk tal-Ewropa, u b'hekk l-isforzi fir-rigward tal-kontroll tal-armi jkunu inqas effiċjenti biex jipprovdu sigurtà għaċ-ċittadini kollha, kemm jekk nisa, irġiel, bniet jew subien, il-proġett ser jikkontribwixxi għall-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ugwaljanza bejn is-sessi fil-leġiżlazzjoni dwar il-kontroll tal-armi.

    Bl-appoġġ espert pprovdut lill-awtoritajiet fir-reġjun permezz tal-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni 2013/730/PESK bħala bażi, dan il-komponent ser jappoġġa lill-awtoritajiet fir-reġjun bil-ħsieb li: jiġi pprovdut fehim aħjar tal-linja bażi attwali u tal-lakuni fil-qafas legali tas-sitt benefiċjarji; jiżgura appoġġ tekniku għall-armonizzazzjoni sħiħa mal-qafas regolatorju tal-Unjoni u ma' standards/ftehimiet internazzjonali oħrajn; jiġu żviluppati workshops tematiċi nazzjonali u reġjonali mfassla apposta; jiġi aġġornat il-kompendju tal-liġi reġjonali dwar l-armi; isir skrinjar tal-aspett tal-ugwaljanza bejn is-sessi fil-qafas legali tal-benefiċjarji tal-proġett sabiex jiġi żgurat li l-politiki li jirregolaw il-kontroll tal-armi ma jinjorawx ir-rabtiet bejn is-SALW u l-kwistjoni tal-ġeneri; u jitkompla l-programm gwida dwar il-Ġeneri (Gender Coach Programme). L-azzjoni ser tipprovdi wkoll appoġġ għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-kummissjonijiet tas-SALW għat-tixrid ta' informazzjoni u għall-promozzjoni permezz ta' taħriġ dwar l-iżvilupp ta' strateġija tal-media.

    Dan ser iseħħ permezz ta':

    l-iżvilupp ta' valutazzjoni u analiżi tal-lakuni fl-oqfsa legali tas-sħab dwar il-kontroll tas-SALW u l-livell tal-armonizzazzjoni mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u dik internazzjonali, kif ukoll il-livell ta' standardizzazzjoni tal-proċeduri fir-reġjun;

    l-għoti ta' appoġġ għal standardizzazzjoni u armonizzazzjoni leġiżlattivi permezz ta' appoġġ konsultattiv kontinwu u fuq talba u l-organizzazzjoni ta' workshops tematiċi dwar il-liġijiet, ir-regolamenti u l-kodiċi kriminali fir-rigward tal-armi kemm fil-livell reġjonali kif ukoll f'dak nazzjonali;

    l-aġġornament tal-kompendju reġjonali tal-liġijiet dwar l-armi bħala gwida ta' referenza faċli għal-leġiżlazzjoni dwar il-kontroll tas-SALW/l-armi tan-nar fir-reġjun;

    it-twettiq ta' skrinjar tal-aspett tal-ugwaljanza bejn is-sessi fil-qafas legali u l-kontinwazzjoni tal-programm gwida dwar il-Ġeneri;

    it-taħriġ dwar l-iżvilupp ta' strateġija tal-media.

    Riżultati/indikaturi tal-implimentazzjoni tal-proġett:

    valutazzjoni u analiżi tal-lakuni (sitta) tar-rapporti dwar il-qafas legali għal kull benefiċjarju;

    sa mhux aktar minn tliet workshops reġjonali u sitt workshops tematiċi għall-benefiċjarji;

    l-għoti ta' għarfien espert fuq talba dwar aġġornamenti leġiżlattivi u ta' politika;

    kompendju tal-liġijiet dwar l-armi aġġornat, tradott bil-lingwi rilevanti kollha tar-reġjun;

    rapporti dwar l-iskrinjar tal-aspett tal-ugwaljanza bejn is-sessi fil-qafas legali tal-armi (sitt rapporti);

    programm gwida dwar il-Ġeneri ma' żewġ kapijiet tal-kummissjonijiet tas-SALW;

    l-iżvilupp ta' strateġija tal-media u taħriġ.

    3.3.   Ġlieda kontra t-traffikar illeċitu ta' armi fil-Balkani tal-Punent, ir-Repubblika tal-Moldova, l-Ukrajna u l-Belarussja permezz ta' valutazzjonijiet tal-kapaċitajiet u assistenza teknika għall-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u l-pulizija tal-fruntiera

    Objettiv

    Li titnaqqas it-theddida tat-traffikar illeċitu ta' armi tan-nar billi jissaħħu l-kapaċitajiet tal-infurzar tal-liġi u l-pulizija tal-fruntiera għal aktar ġbir, analiżi u kondiviżjoni ta' informazzjoni.

    Deskrizzjoni

    Dan il-komponent ser jivvaluta l-kapaċitajiet tal-awtoritajiet reġjonali li jwettqu attivitajiet preventivi u attivitajiet ripressivi meħtieġa biex ikunu jistgħu jidentifikaw, ifixklu u jiġġieldu kontra t-traffikar ta' armi tan-nar, munizzjon u splussivi li ġejjin miż-żoni ta' ġurisdizzjoni tagħhom u li jgħaddu minnhom. L-assistenza ser tiffoka fuq valutazzjoni profonda tal-ħtiġijiet tal-awtoritajiet tal-fruntieri u tal-pulizija kriminali fir-rigward tar-riżorsi umani u t-tagħmir meħtieġa għal funzjonament u prestazzjoni adegwati. Ser jiġi implimentat proġett pilota bil-ħsieb li jiġi stabbilit n-Netwerk ta' Informazzjoni Ballistika tax-Xlokk tal-Ewropa, struttura kosteffettiva u operazzjonali għall-iskambju ta' informazzjoni ballistika li tkun konnessa direttament mal-Europol u li hija mfassla biex tawtomatizza l-ġbir u l-iskambju ta' informazzjoni ballistika azzjonabbli dwar il-kriminalità transfruntiera eżistenti relatata mal-armi tan-nar, il-prevenzjoni ta' kriminalità ulterjuri u t-titjib tal-istampa strateġika dwar in-natura u t-tendenzi tal-kriminalità marbuta mal-armi tan-nar.

    L-attivitajiet proposti ser jikkomplementaw l-azzjonijiet appoġġati mill-Unjoni li għaddejjin fix-Xlokk tal-Ewropa, u jkunu kkoordinati mill-qrib magħhom, primarjament iċ-Ċiklu ta' Politika tal-UE għall-kriminalità internazzjonali organizzata u serja u b'mod speċifiku l-pjanijiet ta' azzjoni operazzjonali tal-EMPACT Firearms, kif ukoll l-attivitajiet tal-Europol, tal-Frontex u tal-Interpol. Fl-aħħar nett, l-attivitajiet taħt dan il-komponent ser jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni 2015 – 2019.

    Barra minn hekk, abbażi tal-approċċ li rnexxa li jinkludi lill-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Moldova, tal-Ukrajna, u tal-Belarussja, fil-proċessi ta' kooperazzjoni reġjonali li għaddejjin fix-Xlokk tal-Ewropa, diġà ġew identifikati għadd ta' ħtiġijiet marbuta mal-kontroll tas-SALW. Bl-għan li tiżdied il-kapaċità tal-awtoritajiet ta' kontroll tas-SALW fir-Repubblika tal-Moldova, fl-Ukrajna u fil-Belarussja biex jiġġieldu l-kriminalità b'mod ġenerali u l-proliferazzjoni u t-traffikar tas-SALW/Armi tan-nar b'mod partikolari, dan il-komponent ser jivvaluta l-oqsma kritiċi tal-kontroll tas-SALW f'dawk il-ġurisdizzjonijiet, u b'hekk titwitta t-triq għal interventi mmirati li jindirizzaw it-theddida tat-traffikar illeċitu tas-SALW.

    Attivitajiet ewlenin previsti:

    valutazzjoni tal-ħtiġijiet tas-servizzi tal-pulizija tal-fruntiera u tal-pulizija kriminali tal-Balkani tal-Punent fil-ġlieda kontra t-traffikar Illeċitu ta' armi;

    inkomplu nibnu fuq il-ħidma li għaddejja dwar it-twaqqif tal-FFP permezz tal-appoġġ prattiku għall-kapaċitajiet ta' skambju tal-informazzjoni, b'mod partikolari fir-rigward tal-evidenza ballistika, kif ukoll l-akkwist ta' tagħmir speċjalizzat b'appoġġ għall-FFP;

    Valutazzjoni tal-kapaċitajiet tar-Repubblika tal-Moldova, tal-Ukrajna u tal-Belarussja għal aspetti magħżula tal-kontroll tas-SALW, il-munizzjon u l-isplussivi kif ukoll il-ġlieda kontra t-traffikar illeċitu tal-armi tan-nar, b'attenzjoni partikolari, fost l-oħrajn, fuq oqfsa legali u ta' politika, kapaċitajiet tas-sigurtà fiżika u tal-ġestjoni tal-kumulu tal-ħażniet tas-SALW (PSSM), il-kontroll tal-fruntieri, il-pulizija kriminali u r-rispons ġudizzjarju għat-traffikar u l-użu ħażin ta' armi tan-nar. Il-valutazzjoni dettaljata ser tidentifika opportunitajiet, theddid u sfidi, b'rakkomandazzjonijiet għal interventi mmirati possibbli li jindirizzaw it-theddida tat-traffikar illeċitu tas-SALW.

    Riżultati/indikaturi tal-implimentazzjoni tal-proġett:

    valutazzjoni tal-ħtiġijiet tas-servizzi tal-pulizija tal-fruntiera u tal-pulizija kriminali tal-Balkani tal-Punent fil-ġlieda kontra t-traffikar illeċitu tal-armi;

    kapaċità msaħħa tal-esperti tal-ballistiċi u l-investigaturi għall-indirizzar tal-kriminalità relatata mal-armi tan-nar transfruntieri;

    implimentazzjoni ta' proġett pilota fuq struttura għall-iskambju ta' informazzjoni ballistika operazzjonali;

    valutazzjoni tal-kapaċitajiet tar-Repubblika tal-Moldova, tal-Ukrajna u tal-Belarussja għal aspetti magħżula tal-kontroll tas-SALW b'interventi mmirati identifikati.

    4.   Benefiċjarji

    Il-benefiċjarji diretti tal-proġett ser ikunu l-istituzzjonijiet responsabbli mill-kontroll tas-SALW fil-Balkani tal-Punent. L-awtoritajiet tal-affarijiet interni, is-servizzi tal-pulizija, il-gwardji tal-fruntieri u l-awtoritajiet doganali tar-Repubblika tal-Albanija, tal-BiH, tal-Kosovo, tal-Montenegro, tas-Serbja, tal-Eks Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u tar-Repubblika tal-Moldova ser jibbenefikaw mill-iżvilupp tal-kapaċitajiet, it-titjib tal-għarfien, proċeduri mtejba u tagħmir speċjalizzat kosteffettiv meħtieġ għall-avvanzi ta' politika, operazzjonali u tekniċi fil-kontroll tas-SALW. Fl-aħħar nett, il-kummissjonijiet tas-SALW u istituzzjonijiet oħra responsabbli mill-kontroll tas-SALW fix-Xlokk tal-Ewropa ser jibbenefikaw minn taħriġ u kondiviżjoni ta' informazzjoni kif ukoll kooperazzjoni reġjonali. Barra minn hekk, l-istituzzjonijiet ewlenin inkarigati bil-kontroll tas-SALW fir-Repubblika tal-Moldova, l-Ukrajna u l-Belarussja ser jibbenefikaw minn fehim aħjar tat-theddida tat-traffikar illeċitu tal-armi tan-nar u t-trasferiment ta' għarfien immirat.

    L-attivitajiet proposti huma f'konformità sħiħa mal-Pjan Direzzjonali, kif ukoll mal-prijoritajiet tas-sħab dwar il-kontroll tas-SALW u ġew approvati mill-awtoritajiet rilevanti tas-sħab għall-kontroll tas-SALW, li juri l-adeżjoni u l-impenn tagħhom lejn il-kisba tar-riżultati tal-proġett.

    Il-popolazzjoni ġenerali tal-pajjiżi fil-Balkani tal-Punent, fil-Lvant tal-Ewropa u fl-Unjoni, fir-riskju tal-proliferazzjoni mifruxa tas-SALW, ser tibbenefika minn dan il-proġett hekk kif jitnaqqas ir-riskju.

    5.   Viżibbiltà tal-Unjoni

    Is-SEESAC għandu jieħu l-miżuri kollha adatti biex jirreklama l-fatt li l-azzjoni ġiet iffinanzjata mill-Unjoni. Tali miżuri ser jitwettqu f'konformità mal-Manwal tal-Kummissjoni għall-Komunikazzjoni u l-Viżibbiltà tal-Azzjonijiet Esterni tal-Unjoni Ewropea. B'dan il-mod, is-SEESAC ser jiżgura l-viżibbiltà tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni Ewropea permezz ta' mmarkar u pubbliċità adatti, li jenfasizzaw ir-rwol tal-Unjoni, jiżguraw it-trasparenza tal-azzjonijiet tagħha u s-sensibilizzazzjoni tar-raġunijiet għad-Deċiżjoni kif ukoll l-appoġġ tal-Unjoni għad-Deċiżjoni u r-riżultati ta' dan l-appoġġ. Il-materjal prodott bil-proġett ser juri b'mod prominenti l-bandiera tal-Unjoni Ewropea f'konformità mal-linji gwida tal-Unjoni għall-użu u r-riproduzzjoni preċiżi tal-bandiera.

    Minħabba li l-attivitajiet ippjanati jvarjaw ħafna fl-ambitu u t-tip, ser tintuża firxa ta' għodod promozzjonali, inkluż: il-media tradizzjonali; is-siti web; il-media soċjali; u materjal informattiv u promozzjonali inkluż infografika, fuljetti, bullettini, stqarrijiet għall-istampa u oħrajn kif adatt. Pubblikazzjonijiet, avvenimenti pubbliċi, kampanji, tagħmir u xogħlijiet ta' kostruzzjoni akkwistati taħt il-proġett ser jiġu mmarkati kif xieraq. Biex jiġi amplifikat aktar l-impatt permezz tas-sensibilizzazzjoni fost diversi gvernijiet nazzjonali u l-pubbliku, il-komunità internazzjonali u l-mezzi ta' komunikazzjoni lokali u internazzjonali, kull wieħed mill-gruppi fil-mira tal-proġett ser jiġi indirizzat permezz tal-lingwa adatta. Ser issir enfasi partikolari fuq media ġdida u l-preżenza online.

    6.   Durata

    Abbażi tal-esperjenza tal-implimentazzjoni tad-Deċiżjonijiet 2010/179/PESK u 2013/730/PESK, u b'kont meħud tal-ambitu reġjonali tal-proġett, l-għadd ta' benefiċjarji u l-għadd u l-kumplessità tal-attivitajiet ippjanati, il-perijodu ta' żmien għall-implimentazzjoni huwa 36 xahar.

    7.   Struttura ġenerali

    L-implimentazzjoni teknika ta' din l-azzjoni ġiet fdata lill-UNDP, li jaġixxi f'isem is-SEESAC, l-inizjattiva reġjonali li taħdem taħt il-mandat tal-UNDP u l-KKR. Bħala l-fergħa eżekuttiva tal-Pjan ta' Implimentazzjoni Reġjonali dwar il-Ġlieda Kontra l-Proliferazzjoni ta' SALW, is-SEESAC jaġixxi bħala l-punt fokali għall-kwistjonijiet kollha relatati mas-SALW fir-reġjun tax-Xlokk tal-Ewropa, inkluż il-faċilitazzjoni tal-koordinazzjoni tal-implimentazzjoni tal-Pjan Direzzjonali reġjonali.

    Il-UNDP, li jaġixxi f'isem is-SEESAC, ser ikollu r-responsabbiltà ġenerali għall-implimentazzjoni tal-attivitajiet tal-proġett u l-kontabbiltà għall-implimentazzjoni tal-proġett. Id-durata tal-proġett huwa tliet snin (36 xahar).

    8.   Sħab

    Is-SEESAC ser jimplimenta direttament l-azzjoni f'kooperazzjoni mill-qrib mal-kummissjonijiet tas-SALW kif ukoll mal-awtoritajiet tal-affarijiet -interni tal-Albanija, il-BiH, il-Kosovo, il-Montenegro, is-Serbja, l-Eks Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u r-Repubblika tal-Moldova, u l-istituzzjonijiet rilevanti fl-Ukrajna u l-Belarussja. Istituzzjonijiet oħra ser ikunu involuti mill-qrib, f'konformità mal-approċċ olistiku b'diversi partijiet kkonċernati stabbilit għall-kontroll tas-SALW.

    9.   Rapportar

    Ir-rapportar, kemm narrattiv kif ukoll finanzjarju, għandu jkopri l-azzjoni kollha deskritta fil-ftehim speċifiku għall-kontribuzzjoni rilevanti u l-baġit mehmuż miegħu, irrispettivament minn jekk din l-azzjoni hijiex kompletament iffinanzjata jew kofinanzjata mill-Kummissjoni.

    Kull tliet xhur, għandhom jiġu ppreżentati rapporti narrattivi ta' progress biex jiġi rreġistrat u mmonitorjat il-progress lejn it-twettiq tar-riżultati ewlenin.

    10.   Baġit stmat

    L-ispiża totali stmata tal-proġett iffinanzjat mill-Unjoni hija ta' EUR 4 002 587,52.


    (1)  Il-Pjan ta' Azzjoni dwar it-traffikar illeċitu ta' armi tan-nar bejn l-UE u r-Reġjun tax-Xlokk tal-Ewropa għall-2015-2019; konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta' ċiklu ta' politika tal-UE 2018-2021 għall-kriminalità internazzjonali organizzata u serja - EMPACT Firearms.


    Top