Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018R1507

    Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1507 tal-10 ta' Ottubru 2018 dwar miżuri eċċezzjonali ta' appoġġ għas-suq għas-setturi tal-bajd u tal-laħam tat-tjur fil-Polonja

    C/2018/6526

    ĠU L 255, 11.10.2018, p. 7–11 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2018/1507/oj

    11.10.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 255/7


    REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/1507

    tal-10 ta' Ottubru 2018

    dwar miżuri eċċezzjonali ta' appoġġ għas-suq għas-setturi tal-bajd u tal-laħam tat-tjur fil-Polonja

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b'mod partikulari l-Artikolu 220(1)(a) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Bejn it-3 ta' Diċembru 2016 u s-16 ta' Marzu 2017, il-Polonja kkonfermat li kien hemm 65 tifqigħa tal-influwenza tat-tjur b'patoġeniċità għolja tas-sottotip H5 u bagħtet notifiki dwarhom. L-ispeċijiet affettwati kienu l-papri, il-wiżż, id-dundjani u t-tiġieġ tal-bajd u t-tiġieġ tat-tip Gallus domesticus.

    (2)

    Minnufih u b'mod effiċjenti, il-Polonja ħadet il-miżuri kollha marbutin mas-saħħa tal-annimali u l-miżuri kollha veterinarji meħtieġa skont id-Direttiva tal-Kunsill 2005/94/KE (2).

    (3)

    B'mod partikulari, il-Polonja ħadet miżuri ta' kontroll, ta' monitoraġġ u ta' prevenzjoni u stabbiliet żoni ta' protezzjoni u ta' sorveljanza (“iż-żoni regolati”) skont id-Deċiżjonijiet ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2219 (3), (UE) 2016/2367 (4), (UE) 2017/14 (5), (UE) 2017/116 (6), (UE) 2017/155 (7), (UE) 2017/247 (8), (UE) 2017/417 (9) u (UE) 2017/554 (10).

    (4)

    Permezz tal-applikazzjoni ta' dawk il-miżuri, il-Polonja rnexxielha trażżan u twaqqaf għalkollox it-tixrid tal-marda. Il-miżuri tal-Unjoni u dawk nazzjonali marbutin mas-saħħa tal-annimali, kif ukoll dawk tal-Unjoni u dawk nazzjonali veterinarji, ġew applikati sat-22 ta' Mejju 2017 fl-azjendi rilevanti kollha.

    (5)

    Il-Polonja għarrfet lill-Kummissjoni li l-miżuri marbutin mas-saħħa tal-annimali u dawk veterinarji meħtieġa li kienu ġew applikati biex jitrażżan u jitwaqqaf għalkollox it-tixrid tal-marda kienu laqtu għadd kbir ħafna ta' operaturi u li dawk l-operaturi ġarrbu telf ta' introjtu li ma kienx eliġibbli għall-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni skont ir-Regolament (UE) Nru 652/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11).

    (6)

    Fis-17 ta' Lulju 2017, il-Kummissjoni rċeviet talba formali għall-finanzjament parzjali ta' ċerti miżuri eċċezzjonali mingħand il-Polonja skont l-Artikolu 220(3) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013. Fil-11 ta' April 2018, fl-10 ta' Mejju 2018 u fid-19 ta' Ġunju 2018, l-awtoritajiet Pollakki ċċaraw it-talba tagħhom.

    (7)

    Minħabba l-miżuri marbutin mas-saħħa tal-annimali u l-miżuri veterinarji li ġew applikati, ġew estiżi l-perjodi ta' mistrieħ sanitarju, ġiet ipprojbita l-introduzzjoni tat-tjur u ġew ristretti l-movimenti tat-tipi kollha ta' tjur fl-azjendi fiż-żoni regolati stabbiliti wara t-tifqigħat tal-influwenza tat-tjur b'patoġeniċità għolja tas-sottotip H5. Dan kien jolqot lill-ispeċijiet li ġejjin: il-papri, il-wiżż, id-dundjani u t-tiġieġ tal-bajd u t-tiġieġ tat-tip Gallus domesticus. Dan wassal għal telf fil-produzzjoni f'dawn l-azjendi tat-tjur. Għalhekk jixraq li jingħata kumpens għal dan it-telf.

    (8)

    Skont l-Artikolu 220(5) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, il-finanzjament parzjali mill-Unjoni jrid ikun ekwivalenti għal 50 % tan-nefqa mġarrba mill-Polonja għall-miżuri eċċezzjonali ta' appoġġ għas-suq. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tiffissa l-kwantitajiet massimi eliġibbli għall-finanzjament għal kull miżura eċċezzjonali ta' appoġġ għas-suq wara li tkun fliet it-talba li tkun irċeviet mingħand il-Polonja.

    (9)

    Sabiex jiġi evitat kull riskju ta' kumpens żejjed, jenħtieġ li l-ammont b'rata fissa jkun ibbażat fuq studji tekniċi u ekonomiċi jew fuq dokumenti tal-kontabbiltà u li dan jiġi ffissat fil-livell ix-xieraq għal kull annimal u għal kull prodott skont il-kategorija tal-annimali mrobbija.

    (10)

    Sabiex jiġi evitat kull riskju ta' finanzjament doppju, jenħtieġ li t-telf imġarrab ma jkunx ġie kkumpensat b'għajnuna mill-Istat jew b'assigurazzjoni u jenħtieġ li l-finanzjament parzjali mill-Unjoni skont dan ir-Regolament ikun limitat għall-annimali u għall-prodotti eliġibbli li għalihom ma tkun ingħatat l-ebda kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni skont ir-Regolament (UE) Nru 652/2014.

    (11)

    Jenħtieġ li l-livell u t-tul ta' żmien tal-miżuri eċċezzjonali ta' appoġġ għas-suq previsti f'dan ir-Regolament ikunu limitati għal dak li huwa strettament meħtieġ biex jiġi appoġġat is-suq. B'mod partikulari, jenħtieġ li l-miżuri eċċezzjonali ta' appoġġ għas-suq japplikaw biss għat-trobbija tat-tjur fl-azjendi li jinsabu fiż-żoni regolati u għat-tul ta' żmien li matulu kienu fis-seħħ il-miżuri marbutin mas-saħħa tal-annimali u l-miżuri veterinarji stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u fil-leġiżlazzjoni Pollakka rilevanti għall-65 tifqigħa tal-influwenza tat-tjur b'patoġeniċità għolja kkonfermati fil-perjodu ta' bejn it-3 ta' Diċembru 2016 u s-16 ta' Marzu 2017 u għaż-żoni regolati rispettivi.

    (12)

    Għal raġunijiet ta' ġestjoni baġitarja tajba ta' dawn il-miżuri eċċezzjonali ta' appoġġ għas-suq, jenħtieġ li jkunu eliġibbli għall-finanzjament parzjali mill-Unjoni biss dawk il-pagamenti li l-Polonja tagħmel lill-benefiċjarji sa mhux aktar tard mit-30 ta' Settembru 2019. Jenħtieġ li ma jkunx japplika l-Artikolu 5(2) tar-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 907/2014 (12).

    (13)

    Sabiex jiġu żgurati l-eliġibbiltà u l-korrettezza tal-pagamenti, jenħtieġ li l-Polonja twettaq verifiki ex ante.

    (14)

    Jenħtieġ li l-Polonja tgħarraf lill-Kummissjoni bl-approvazzjoni tal-pagamenti sabiex l-Unjoni tkun tista' twettaq il-kontroll finanzjarju tagħha.

    (15)

    Minħabba li r-restrizzjonijiet marbutin mat-tifqigħat tal-influwenza tat-tjur daħlu fis-seħħ f'dati differenti fiż-żoni regolati kkonċernati u minħabba li dan ir-Regolament ma jipprevedix skadenza sa meta għandhom isiru t-talbiet għall-għajnuna, huwa xieraq li, għall-finijiet tal-Artikolu 29(4) tar-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 907/2014, id-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament titqies bħala l-avveniment operattiv għar-rata tal-kambju b'rabta mal-ammonti stipulati f'dan ir-Regolament.

    (16)

    Sabiex ikun żgurat li l-Polonja timplimenta l-miżuri stabbiliti f'dan ir-Regolament b'mod immedjat, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    (17)

    Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-Unjoni għandha tipprovdi finanzjament parzjali li jkun ekwivalenti għal 50 % tan-nefqa li ġarrbet il-Polonja biex tappoġġa s-suq tal-bajd u tal-laħam tat-tjur li ntlaqat ħażin ħafna mill-65 tifqigħa tal-influwenza tat-tjur b'patoġeniċità għolja tas-sottotip H5 li l-Polonja sabet u bagħtet notifiki dwarhom fil-perjodu ta' bejn it-3 ta' Diċembru 2016 u s-16 ta' Marzu 2017.

    Artikolu 2

    In-nefqa li ġarrbet il-Polonja għandha tkun eliġibbli għall-finanzjament parzjali mill-Unjoni biss:

    (a)

    għall-perjodu li matulu kienu applikati l-miżuri marbutin mas-saħħa tal-annimali u l-miżuri veterinarji msemmijin fl-atti leġiżlattivi tal-Unjoni u tal-Polonja mniżżlin fl-Anness u marbutin mal-perjodu stabbilit fl-Artikolu 1; u

    (b)

    għal dawk l-azjendi tat-tjur li jkunu ġew suġġetti għall-miżuri marbutin mas-saħħa tal-annimali u għall-miżuri veterinarji u li jinsabu fiż-żoni msemmijin fl-atti leġiżlattivi tal-Unjoni u tal-Polonja mniżżlin fl-Anness (“iż-żoni regolati”); u

    (c)

    jekk il-Polonja tkun ħallsitha lill-benefiċjarji sa mhux aktar tard mit-30 ta' Settembru 2019. L-Artikolu 5(2) tar-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 907/2014 ma għandux japplika; u

    (d)

    jekk, għall-perjodu msemmi fil-punt (a), l-annimal jew il-prodott ma jkunx ibbenefika minn xi kumpens permezz tal-għajnuna mill-Istat jew tal-assigurazzjoni u għalih ma tkun ingħatat l-ebda kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni skont ir-Regolament (UE) Nru 652/2014.

    Artikolu 3

    Il-livell massimu tal-finanzjament parzjali tal-Unjoni għandu jkun ta' EUR 1,411 miljun għat-telf fil-produzzjoni fis-settur tat-tjur fiż-żoni regolati. Għandhom japplikaw ir-rati fissi li ġejjin:

    (a)

    EUR 0,0059 kuljum għal kull tiġieġa tal-bajd li tidħol fil-kodiċi tan-NM 0105 94 00, għal ammont massimu ta' 186 598 annimal;

    (b)

    EUR 0,0085 kuljum għal kull tiġieġa tas-simna li tidħol fil-kodiċi tan-NM 0105 94 00, għal ammont massimu ta' 474 567 annimal;

    (c)

    EUR 0,01075 kuljum għal kull papra tas-simna li tidħol fil-kodiċi tan-NM 0105 99 10, għal ammont massimu ta' 246 131 annimal;

    (d)

    EUR 0,0126 kuljum għal kull wiżża tas-simna li tidħol fil-kodiċi tan-NM 0105 99 20, għal ammont massimu ta' 4 622 annimal;

    (e)

    EUR 0,1757 kuljum għal kull wiżża għat-tgħammir li tidħol fil-kodiċi tan-NM 0105 99 20, għal ammont massimu ta' 55 307 annimali;

    (f)

    EUR 0,0333 kuljum għal kull dundjan li jidħol fil-kodiċi tan-NM 0105 99 30, għal ammont massimu ta' 485 343 annimal.

    Artikolu 4

    Il-Polonja għandha twettaq verifiki amministrattivi u fiżiċi skont l-Artikoli 58 u 59 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13).

    B'mod partikulari, il-Polonja għandha tivverifika:

    (a)

    l-eliġibbiltà tal-applikant li jkun bagħat it-talba għall-appoġġ;

    (b)

    għal kull applikant eliġibbli: l-eliġibbiltà, il-kwantità u l-valur tat-telf reali fil-produzzjoni;

    (c)

    li kull applikant eliġibbli ma jkunx irċieva finanzjament minn sorsi oħrajn bħala kumpens għat-telf imsemmi fl-Artikolu 2 ta' dan ir-Regolament.

    Għall-applikanti eliġibbli li jkunu sarulhom il-verifiki amministrattivi, l-għajnuna tista' tingħata mingħajr ma wieħed joqgħod jistenna li jsiru l-verifiki kollha, b'mod partikulari dawk fuq l-applikanti li jkunu ntgħażlu għall-verifiki fuq il-post.

    F'każijiet fejn ma tkunx ġiet ikkonfermata l-eliġibbiltà tal-applikant, l-għajnuna għandha tiġi rkuprata u għandhom jiġu applikati s-sanzjonijiet.

    Artikolu 5

    Għall-finijiet tal-Artikolu 29(4) tar-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 907/2014, l-avveniment operattiv għar-rata tal-kambju b'rabta mal-ammonti stipulati fl-Artikolu 3 ta' dan ir-Regolament għandu jkun id-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

    Artikolu 6

    Il-Polonja għandha tgħarraf lill-Kummissjoni bl-approvazzjoni tal-pagamenti.

    Artikolu 7

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, l-10 ta' Ottubru 2018.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

    (2)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2005/94/KE tal-20 ta' Diċembru 2005 dwar miżuri Komunitarji għall-kontroll tal-influwenza tat-tjur u li tħassar id-Direttiva 92/40/KEE (ĠU L 10, 14.1.2006, p. 16).

    (3)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2219 tat-8 ta' Diċembru 2016 li temenda l-Anness tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/2122 dwar miżuri protettivi marbuta ma' tifqigħat tal-influwenza avjarja b'patoġeniċità għolja tas-sottotip H5N8 f'ċerti Stati Membri (ĠU L 334, 9.12.2016, p. 52).

    (4)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2367 tal-21 ta' Diċembru 2016 li temenda l-Anness tad-Deċiżjoni ta' Implimentazjoni (UE) 2016/2122 dwar miżuri protettivi marbuta ma' tifqigħat tal-influwenza avjarja b'patoġeniċità għolja tas-sottotip H5N8 f'ċerti Stati Membri (ĠU L 350, 22.12.2016, p. 42).

    (5)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/14 tal-5 ta' Jannar 2017 li temenda l-Anness tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/2122 dwar miżuri protettivi marbuta ma' tifqigħat tal-influwenza avjarja b'patoġeniċità għolja tas-sottotip H5N8 f'ċerti Stati Membri (ĠU L 4, 7.1.2017, p. 10).

    (6)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/116 tal-20 ta' Jannar 2017 li temenda l-Anness tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/2122 dwar miżuri protettivi marbuta ma' tifqigħat tal-influwenza avjarja b'patoġeniċità għolja tas-sottotip H5N8 f'ċerti Stati Membri (ĠU L 18, 24.1.2017, p. 53).

    (7)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/155 tas-26 ta' Jannar 2017 li temenda l-Anness tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/2122 dwar miżuri protettivi marbuta ma' tifqigħat tal-influwenza avjarja b'patoġeniċità għolja tas-sottotip H5N8 f'ċerti Stati Membri (ĠU L 23, 28.1.2017, p. 25).

    (8)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/247 tad-9 ta' Frar 2017 dwar miżuri protettivi marbuta ma' tifqigħat ta' influwenza avjarja b'patoġeniċità għolja f'ċerti Stati Membri (ĠU L 36, 11.2.2017, p. 62).

    (9)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/417 tas-7 ta' Marzu 2017 li temenda l-Anness tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/247 dwar miżuri protettivi marbuta ma' tifqigħat tal-influwenza avjarja b'patoġeniċità għolja f'ċerti Stati Membri (ĠU L 63, 9.3.2017, p. 177).

    (10)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/554 tat-23 ta' Marzu 2017 li temenda l-Anness tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/247 dwar miżuri protettivi marbuta ma' tifqigħat ta' influwenza avjarja b'patoġeniċità għolja f'ċerti Stati Membri (ĠU L 79, 24.3.2017, p. 15).

    (11)  Ir-Regolament (UE) Nru 652/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet għall-ġestjoni tan-nefqa marbuta mal-katina alimentari, mas-saħħa tal-annimali u mat-trattament xieraq tal-annimali, u marbuta mas-saħħa tal-pjanti u mal-materjal riproduttiv tal-pjanti, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 98/56/KE, 2000/29/KE u 2008/90/KE, ir-Regolamenti (KE) Nru 178/2002, (KE) Nru 882/2004 u (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttiva 2009/128/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 66/399/KEE, 76/894/KEE u 2009/470/KE (ĠU L 189, 27.6.2014, p. 1).

    (12)  Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 907/2014 tal-11 ta' Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-aġenziji tal-pagamenti u korpi oħra, il-ġestjoni finanzjarja, l-approvazzjoni tal-kontijiet, il-garanziji u l-użu tal-euro (ĠU L 255, 28.8.2014, p. 18).

    (13)  Ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549).


    ANNESS

    Żoni regolati u perjodi msemmijin fl-Artikolu 2

    Il-partijiet mit-territorju Pollakk u l-perjodi stabbiliti skont id-Direttiva tal-Kunsill 2005/94/KE u ddefiniti fl-atti leġiżlattivi li ġejjin:

    fid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2219 tat-8 ta' Diċembru 2016 li temenda l-Anness tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/2122 dwar miżuri protettivi marbuta ma' tifqigħat tal-influwenza avjarja b'patoġeniċità għolja tas-sottotip H5N8 f'ċerti Stati Membri (ĠU L 334, 9.12.2016, p. 52);

    fid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2367 tal-21 ta' Diċembru 2016 li temenda l-Anness tad-Deċiżjoni ta' Implimentazjoni (UE) 2016/2122 dwar miżuri protettivi marbuta ma' tifqigħat tal-influwenza avjarja b'patoġeniċità għolja tas-sottotip H5N8 f'ċerti Stati Membri (ĠU L 350, 22.12.2016, p. 42);

    fid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/14 tal-5 ta' Jannar 2017 li temenda l-Anness tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/2122 dwar miżuri protettivi marbuta ma' tifqigħat tal-influwenza avjarja b'patoġeniċità għolja tas-sottotip H5N8 f'ċerti Stati Membri (ĠU L 4, 7.1.2017, p. 10);

    fid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/116 tal-20 ta' Jannar 2017 li temenda l-Anness tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/2122 dwar miżuri protettivi marbuta ma' tifqigħat tal-influwenza avjarja b'patoġeniċità għolja tas-sottotip H5N8 f'ċerti Stati Membri (ĠU L 18, 24.1.2017, p. 53);

    fid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/155 tas-26 ta' Jannar 2017 li temenda l-Anness tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/2122 dwar miżuri protettivi marbuta ma' tifqigħat tal-influwenza avjarja b'patoġeniċità għolja tas-sottotip H5N8 f'ċerti Stati Membri (ĠU L 23, 28.1.2017, p. 25);

    fid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/247 tad-9 ta' Frar 2017 dwar miżuri protettivi marbuta ma' tifqigħat ta' influwenza avjarja b'patoġeniċità għolja f'ċerti Stati Membri (ĠU L 36, 11.2.2017, p. 62);

    fid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/417 tas-7 ta' Marzu 2017 li temenda l-Anness tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/247 dwar miżuri protettivi marbuta ma' tifqigħat tal-influwenza avjarja b'patoġeniċità għolja f'ċerti Stati Membri (ĠU L 63, 9.3.2017, p. 177);

    fid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/554 tat-23 ta' Marzu 2017 li temenda l-Anness tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/247 dwar miżuri protettivi marbuta ma' tifqigħat ta' influwenza avjarja b'patoġeniċità għolja f'ċerti Stati Membri (ĠU L 79, 24.3.2017, p. 15);

    fil-liġijiet nazzjonali li permezz tagħhom ġie ddikjarat li hemm infezzjoni wara t-tifqigħat tal-influwenza tat-tjur b'patoġeniċità għolja li kienu kkonfermati fil-perjodu ta' bejn it-3 ta' Diċembru 2016 u s-16 ta' Marzu 2017;

    fil-liġijiet nazzjonali li permezz tagħhom ġiet irtirata d-dikjarazzjoni ta' infezzjoni wara t-tifqigħat tal-influwenza tat-tjur b'patoġeniċità għolja li kienu kkonfermati fil-perjodu ta' bejn it-3 ta' Diċembru 2016 u s-16 ta' Marzu 2017.


    Top