Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018BP1392

    Riżoluzzjoni (UE) 2018/1392 tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' April 2018 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit taċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga għas-sena finanzjarja 2016

    ĠU L 248, 3.10.2018, p. 267–269 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    ELI: http://data.europa.eu/eli/res/2018/1392/oj

    3.10.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 248/267


    RIŻOLUZZJONI (UE) 2018/1392 TAL-PARLAMENT EWROPEW

    tat-18 ta' April 2018

    li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit taċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga għas-sena finanzjarja 2016

    IL-PARLAMENT EWROPEW,

    wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit taċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga għas-sena finanzjarja 2016,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0081/2018),

    A.

    billi, fil-kuntest tal-proċedura ta' kwittanza, l-awtorità ta' kwittanza tixtieq tisħaq fuq l-importanza partikolari li tkompli tissaħħaħ il-leġittimità demokratika tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni permezz ta' titjib fit-trasparenza u fl-obbligu ta' rendikont, kif ukoll bl-implimentazzjoni tal-kunċett ta' baġitjar abbażi tal-prestazzjoni u governanza tajba tar-riżorsi umani;

    B.

    billi, skont id-dikjarazzjoni tad-dħul u tal-infiq tiegħu (1), il-baġit finali taċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga (''iċ-Ċentru'') għas-sena finanzjarja 2016 kien ta' EUR 15 421 357, li jirrappreżenta tnaqqis ta' 16,73 % meta mqabbel mal-2015; billi l-baġit taċ-Ċentru huwa prinċipalment derivat mill-baġit tal-Unjoni;

    C.

    billi l-Qorti tal-Awdituri (“il-Qorti”), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali taċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga għas-sena finanzjarja 2016 (“ir-rapport tal-Qorti”), stqarret li kisbet assigurazzjonijiet raġonevoli li l-kontijiet annwali taċ-Ċentru huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta' bażi huma legali u regolari,

    Segwitu għall-kwittanza 2015

    1.

    Jinnota li skont ir-rapport tal-Qorti, fl-2012 iċ-Ċentru ffirma kuntratt qafas b'ammont massimu għall-iffirmar ta' kuntratti speċifiċi ta' EUR 250 000, li kien speċifikat fl-avviż dwar il-kuntratt; jinnota bi tħassib li ċ-Ċentru ma rrispettax dan il-limitu massimu; jinnota barra minn hekk, li sa tmiem l-2015, il-pagamenti totali li saru taħt dan il-kuntratt kienu jammontaw għal EUR 382 181, jiġifieri żieda ta' 50 % fuq il-limitu massimu; jirrimarka li l-pagamenti mwettqa 'l fuq mil-limitu massimu jindikaw li l-proċedura taċ-Ċentru għall-monitoraġġ ta' kuntratti qafas għandha titjieb; jappella liċ-Ċentru biex jirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-istatus tal-azzjoni korrettiva li attwalment hi reġistrata bħala “għadha għaddejja”, kif ukoll, dwar it-titjib futur fil-monitoraġġ tal-kuntratti qafas;

    Kummenti dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet

    2.

    Jinnota li skont ir-rapport tal-Qorti, għal żewġ kuntratti qafas b'valuri massimi ta' EUR 135 000 u EUR 650 000, wieħed mill-impjegati taċ-Ċentru aġixxa bħala uffiċjal awtorizzanti b'delega fil-ħatra tal-kumitat ta' evalwazzjoni, u ħa deċiżjonijiet dwar l-għotjiet u ffirma l-kuntratti; jinnota madankollu, li d-delega mogħtija mill-uffiċjal awtorizzanti kienet limitata għal EUR 130 000 u ma kinitx tirreferi b'mod espliċitu għall-kuntratti qafas; jinnota li, skont ir-risposta taċ-Ċentru, il-valuri massimi taż-żewġ kuntratti qafas indikaw l-ammont totali kumulattiv tal-kuntratti speċifiċi li aktarx jiġu konklużi għall-eżekuzzjoni tagħhom; jinnota b'sodisfazzjon li ċ-Ċentru se jaġġusta d-deċiżjoni tiegħu dwar id-delegazzjoni tal-poteri tal-uffiċjal awtorizzanti sabiex l-atti koperti minn din id-delegazzjoni jiġu ċċarati b'mod aktar espliċitu;

    Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

    3.

    Jinnota li l-isforzi ta' monitoraġġ tal-baġit matul is-sena finanzjarja 2016 irriżultaw f'rata ta' implimentazzjoni baġitarja ta' 99,95 %, li tfisser żieda ta' 0,12 % meta mqabbla mal-2015, u li r-rata ta' eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta' pagament kienet ta' 95,64 %, li tfisser tnaqqis ta' 1,71 % meta mqabbla mal-2015; jinnota b'sodisfazzjon li l-livell komplessivament għoli tal-approprjazzjonijiet ta' impenn indika li l-impenji saru puntwalment;

    Impenji u riporti

    4.

    Jinnota li l-livell ta' approprjazzjonijiet ta' impenn riportati għall-2016 kien jammonta għal EUR 671 266 (4,36 %);

    5.

    Jinnota li r-riporti spiss jistgħu jiġu parzjalment jew kompletament ġustifikati minħabba n-natura pluriennali tal-programmi operattivi tal-aġenziji, u mhux neċessarjament jindikaw dgħufijiet fl-ippjanar u fl-implimentazzjoni tal-baġit, kif ukoll mhux dejjem imorru kontra l-prinċipju baġitarju tal-annwalità, b'mod partikolari jekk ikunu ppjanati minn qabel miċ-Ċentru u kkomunikati lill-Qorti;

    Akkwist

    6.

    Jinnota l-fatt li ċ-Ċentru implimenta pjan ta' akkwist ġdid li ġie eżegwit b'suċċess f'kollaborazzjoni mill-qrib mal-unitajiet kollha; jistieden liċ-Ċentru jirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-implimentazzjoni ta' dan il-pjan;

    7.

    Jinnota li ċ-Ċentru pparteċipa fil-laqgħa tan-Netwerk tal-Uffiċjali tal-Aġenziji responsabbli għall-Proċeduri ta' Akkwist sabiex jiskambja esperjenzi biex ikompli bl-implimentazzjoni ta' miżuri sabiex il-proċessi ta' offerti ta' akkwist u ta' proċessi finanzjarji oħrajn jiġu razzjonalizzati u ottimizzati;

    Politika tal-persunal

    8.

    Jikkonstata li skont ir-riżultati tal-eżerċizzju ta' skrining tal-persunal taċ-Ċentru, fl-2016, 69,75 % tar-riżorsi umani tiegħu ġew iddedikati għal attivitajiet operattivi, 20,17 % ġew allokati għall-appoġġ u l-kordinament amministrattiv, u 10,08 % kienu assenjati għal operazzjonijiet meqjusa newtrali;

    9.

    Josserva li skont l-organigramma 73 post (mid-79 post awtorizzat skont il-baġit tal-Unjoni) kienu okkupati fil-31 ta' Diċembru 2016, meta mqabbla mal-74 post fl-2015; jinnota b'apprezzament il-fatt li skont in-numru tal-postijiet okkupati kollha fil-31 ta' Diċembru 2016, jidher li ntlaħaq bilanċ bejn is-sessi peress li l-proporzjon kien ta' 53,47 % nisa u 46,53 % irġiel;

    10.

    jisħaq fuq il-fatt li l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għandu jkun parti mill-politika tal-persunal taċ-Ċentru u li l-baġit li ntefaq fuq attivitajiet ta' benessri jkun jammonta għal madwar EUR 100 għal kull membru tal-persunal, korrispondenti għal jum wieħed; josserva li l-medja tal-liv minħabba mard tammonta għal 8,54 ġurnata għal kull membru tal-persunal;

    11.

    Japprezza l-fatt li ċ-Ċentru diġà adotta politika dwar il-protezzjoni tad-dinjità tal-persuna u l-prevenzjoni tal-fastidju; jistieden liċ-Ċentru jorganizza sessjonijiet ta' taħriġ sabiex ikabbar is-sensibbilizzazzjoni tal-persunal;

    12.

    Jinnota b'sodisfazzjon il-fatt li fl-2016 iċ-Ċentru ma rċieva l-ebda lment, ma ttieħdet l-ebda azzjoni legali jew ma ġewx irrapportati każijiet marbuta mal-ingaġġ jew mat-tkeċċija ta' membri tal-persunal;

    Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta' interess, it-trasparenza u d-demokrazija

    13.

    Jinnota li d-dikjarazzjoni tal-interessi tad-direttur taċ-Ċentru hi ppubblikata fuq is-sit web taċ-Ċentru; jappella liċ-Ċentru jippubblika aktar dikjarazzjonijiet tal-interess fuq is-sit web tiegħu;

    14.

    Jinnota li l-bord ta' ġestjoni adotta l-politika taċ-Ċentru, kontra l-frodi, li timxi fuq il-metodoloġija mħejjija mill-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF) biex tiggwida lill-aġenziji deċentralizzati, u li tikkompleta l-miżuri li diġà ttieħdu miċ-Ċentru f'dan ir-rigward, partikolarment ir-regoli tal-OLAF dwar l-investigazzjonijiet interni, l-inizjattivi ta' sensibilizzazzjoni dwar l-etika tal-persunal, ir-regoli dwar ir-rigali u l-ospitalità offruti minn partijiet terzi, kif ukoll il-linji gwida dwar għemil ħażin gravi u dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta;

    15.

    Jafferma l-bżonn li jiġi stabbilit korp ta' żvelar, konsulenza u riferiment indipendenti b'riżorsi baġitarji suffiċjenti, li jgħin lill-informaturi jużaw il-mezzi adatti biex jiżvelaw l-informazzjoni tagħhom dwar irregolaritajiet possibbli li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, filwaqt li titħares il-kunfidenzjalità tagħhom u jingħataw l-appoġġ u l-konsulenza meħtieġa;

    Kisbiet ewlenin

    16.

    Jilqa' t-tliet kisbiet ewlenin identifikati miċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga (EMCDDA) fl-2016, prinċipalment:

    l-adozzjoni tal-ewwel pjan fuq il-perjodu twil tiegħu: l-istrateġija EMCDDA 2025;

    id-dħul fis-seħħ ta' mekkaniżmi xierqa għall-gwida b'suċċess tal-organizzazzjoni matul perjodu ta' tranżizzjoni, filwaqt li jinkiseb aktar progress fit-twettiq tal-missjoni tiegħu;

    huwa vara tliet pubblikazzjonijiet ewlenin: il-Pakkett dwar ir-Rapport Ewropew dwar id-droga tal-2016, ir-Rapport dwar is-Swieq tad-Droga tal-UE għall-2016 – imfassal b'mod konġunt mill-EMCDDA u l-Europol, u r-Rapport Ewropew ta' Stħarriġ Skolastiku dwar l-Alkoħol u Drogi Oħrajn għall-2015;

    Awditu intern

    17.

    Jinnota bi tħassib li skont ir-rapport tal-Qorti fir-rapport tal-awditjar tagħha ta' Jannar 2016, is-Servizz tal-Awditjar Intern (IAS) tal-Kummissjoni enfasizza l-bżonn qawwi li ċ-Ċentru jtejjeb il-mod li bih jimmaniġġja l-proġetti tal-IT; jinnota barra minn hekk bi tħassib li l-IAS ikkonkluda b'mod partikolari li ma hemm l-ebda viżjoni strateġika ġenerali fuq il-perjodu twil għas-sistemi tal-IT bħala appoġġ għall-proċessi operattivi ewlenin taċ-Ċentru, kif ukoll li l-metodoloġija tiegħu għall-immaniġġjar tal-proġetti tal-IT kienet adatta biss parzjalment għall-ħtiġijiet tiegħu, u li l-proċess għall-ġestjoni tar-rekwiżiti tas-sistema mhuwiex adegwat; jinnota li ċ-Ċentru u l-IAS qablu dwar pjan biex tittieħed azzjoni korrettiva; jappella liċ-Ċentru jirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar il-progress li twettaq;

    18.

    Jinnota li skont il-linji stabbiliti fil-Pjan Strateġiku għall-Awditjar Intern 2016-18 tiegħu, l-IAS wettaq “Rieżami Limitat dwar il-Kontinwità tal-Operat fl-EMCDDA”, f'Settembru 2016; jinnota li l-abbozz ta' rapport wassal għal tliet rakkomandazzjonijiet li ġew ikklassifikati bħala “importanti” mill-awditur intern, liema rakkomandazzjonijiet ikopru kwistjonijiet dwar l-analiżi tal-impatt fuq in-negozju, l-azzjonijiet ta' taħriġ u ta' sensibilizzazzjoni, u l-lista ta' rekords kritiċi; jinnota li b'segwitu għall-wasla tar-rapport finali dwar il-kontinwità tan-negozju fiċ-Ċentru, ser jiġi mfassal pjan ta' azzjoni li jkollu l-għan li jittratta t-tliet rakkomandazzjonijiet; jistieden liċ-Ċentru jirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-implimentazzjoni ta' dan il-pjan ta' azzjoni;

    19.

    Iħeġġeġ l-impenn taċ-Ċentru biex jipprovdi aċċess imtejjeb għad-data tiegħu lill-partijiet terzi interessati fid-dawl tal-fatt li wieħed mill-objettivi ewlenin tiegħu huwa t-tixrid tad-data u tal-informazzjoni dwar l-istat tal-problema tad-drogi, inkluża d-data dwar it-tendenzi l-ġodda rilevanti; jistenna li impenn bħal dan iwassal biex jittieħdu azzjonijiet korrispondenti effettivi.

    20.

    Jirreferi, fir-rigward tal-kummenti l-oħrajn li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, li huma ta' natura orizzontali, għar-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta’ April 2018 (2) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.

    (1)  ĠU C 12, 13.1.2017, p. 6.

    (2)  Testi adottati, P8_TA(2018)0133. Ara paġna 393 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.


    Top