Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018BP1324

    Riżoluzzjoni (UE) 2018/1324 tal-Parlament Ewropew tat-18 ta’ April 2018 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016, Taqsima IV — Il-Qorti tal-Ġustizzja

    ĠU L 248, 3.10.2018, p. 118–122 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    ELI: http://data.europa.eu/eli/res/2018/1324/oj

    3.10.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 248/118


    RIŻOLUZZJONI (UE) 2018/1324 TAL-PARLAMENT EWROPEW

    tat-18 ta’ April 2018

    li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016, Taqsima IV — Il-Qorti tal-Ġustizzja

    IL-PARLAMENT EWROPEW,

    wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016, Taqsima IV – Il-Qorti tal-Ġustizzja,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8-0122/2018),

    1.

    Jinnota li fir-Rapport Annwali tagħha 2016, il-Qorti tal-Awdituri osservat li ma ġiet identifikata l-ebda dgħufija sinifikanti fir-rigward tat-temi awditjati relatati mar-riżorsi umani u l-proċeduri ta' akkwist għall-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QtĠ-UE);

    2.

    Jinnota l-fatt li, abbażi tal-ħidma ta' awditjar tagħha, il-Qorti tal-Awdituri kkonkludiet li l-pagamenti kollha kemm huma għas-sena li ntemmet fil-31 ta' Diċembru 2016 għan-nefqa amministrattiva u ta' tip ieħor tal-istituzzjonijiet u tal-korpi kienu ħielsa minn żbalji materjali;

    3.

    Jilqa' l-ġestjoni finanzjarja kumplessivament prudenti u soda tal-QtĠ-UE fil-perjodu tal-baġit tal-2016; jesprimi appoġġ għall-bidla fundamentali lejn ibbaġitjar ibbażat fuq il-prestazzjoni fl-ippjanar tal-baġit tal-Kummissjoni, introdotta f'Settembru 2015 mill-Viċi President Kristalina Georgieva bħala parti mill-inizjattiva “Baġit tal-UE ffukat fuq ir-Riżultati”; iħeġġeġ lill-QtĠ-UE tapplika l-metodu għall-proċedura ta' ppjanar tal-baġit tagħha stess;

    4.

    Jinnota li, skont il-proċedura ta' kwittanza attwali, il-QTĠ-UE tippreżenta r-rapporti ta' attività annwali lill-Qorti tal-Awdituri f'Ġunju, il-Qorti tal-Awdituri mbagħad tippreżenta r-rapport tagħha lill-Parlament f'Ottubru, u sa Mejju ssir votazzjoni dwar il-kwittanza mill-Parlament fis-sessjoni plenarja; jinnota li, sakemm il-kwittanza ma tiġix differita, jgħaddu mill-inqas 17-il xahar bejn l-għeluq tal-kontijiet annwali u l-għeluq tal-proċedura ta' kwittanza; jirrimarka li l-awditjar fis-settur privat isegwi skeda ta' żmien ħafna iqsar; jenfasizza li l-proċedura ta' kwittanza jeħtiġilha tiġi ssimplifikata u mħaffa; jitlob lill-QtĠ-UE u lill-Qorti tal-Awdituri jsegwu l-aħjar prattika fis-settur privat; jipproponi, f'dan ir-rigward, li l-iskadenza għall-preżentazzjoni ta' rapporti ta' attività annwali tkun il-31 ta' Marzu tas-sena li tiġi wara s-sena kontabilistika u dik għall-preżentazzjoni tar-rapporti tal-Qorti tal-Awdituri tkun l-1 ta' Lulju; jipproponi wkoll li jsir rieżami tal-iskeda taż-żmien għall-proċedura ta' kwittanza kif stabbilita fl-Artikolu 5 tal-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament sabiex il-votazzjoni dwar il-kwittanza ssir fis-sessjoni parzjali tal-Parlament f'Novembru, biex b'hekk tagħlaq il-proċedura ta' kwittanza matul is-sena ta' wara s-sena kontabilistika inkwistjoni;

    5.

    Jinnota li fl-2016, il-QtĠ-UE kellha approprjazzjonijiet li jammontaw għal EUR 380 002 000 (meta fl-2015 dawk kienu jammontaw għal EUR 357 062 000) u li r-rata ta' implimentazzjoni kienet ta' 98,2 %; jirrikonoxxi r-rata għolja ta' użu; jinnota, madankollu, tnaqqis żgħir meta mqabbel mas-snin preċedenti;

    6.

    Jinnota li d-dħul stmat tal-QtĠ-UE għas-sena finanzjarja 2016 kien jammonta għal EUR 51 505 000 filwaqt li l-intitolamenti stabbiliti kienu 3,1 % inqas minn dak stmat (EUR 49 886 228); jinnota li d-differenza ta' EUR 1,62 miljun hija prinċipalment dovuta għal wasla tard fl-2016 ta' 16 minn 19-il imħallef addizzjonali fil-Qorti Ġenerali;

    7.

    Jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja konsistentement tistima b'aktar l-impenji tagħha għal missjonijiet, fejn fl-2016 impenjat EUR 342 000 meta l-pagamenti kienu EUR 157 974 biss; jistieden lill-QtĠ-UE biex tiżgura ġestjoni finanzjarja tajba sabiex tevita diskrepanza simili fil-futur;

    8.

    Jinnota li l-baġit tal-QtĠ-UE huwa fil-biċċa l-kbira amministrattiv: 75 % minnu jintuża għal infiq relatat mal-persuni li jaħdmu fi ħdan l-istituzzjoni waqt li l-bqija jintuża għall-bini, l-għamara, it-tagħmir u l-funzjonijiet speċjali mwettqa mill-istituzzjoni; jinnota li, wara t-talba tal-Parlament, il-QtĠ-UE talbet lis-servizzi amministrattivi tagħha jintroduċu l-prinċipju tal-ibbaġitjar ibbażat fuq ir-riżultati fil-qasam ta' attività tagħhom; jitlob lill-QtĠ-UE tkompli tapplika dan il-prinċipju fl-operazzjonijiet amministrattivi ta' kuljum tagħha, u biex tirrapporta lura lill-awtorità tal-kwittanza dwar l-esperjenzi tagħha, u r-riżultati miksuba;

    9.

    Jilqa' l-intenzjoni tal-QtĠ-UE li tfassal rapport dwar il-funzjonament tal-Qorti Ġenerali sas-26 ta' Diċembru 2020, il-fatt li ser ikun involut konsulent estern, u li r-rapport ser jiġi ppreżentat lill-Parlament, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni;

    10.

    Jieħu att tal-attività ġudizzjarja tal-QtĠ-UE fl-2016, fejn kien hemm 1604 kawżi mressqa quddiem it-tliet qrati u 1628 kawża magħluqa dik is-sena, li huwa numru inferjuri għal dak tal-2015 fejn ingħalqu 1775 kawża; jinnota wkoll li t-tul medju tal-proċedimenti kien ta' 16,7 xahar, jiġifieri ftit itwal minn dak tal-2015 (16,1 xahar); jilqa' l-fatt li minħabba r-riforma tal-QtĠ-UE ż-żmien medju meħud biex tiġi deċiża kawża fl-2017 kien ta' 16-il xahar; ifakkar fil-ħtieġa li jkunu garantiti l-kwalità u l-ħeffa tad-deċiżjonijiet tal-QtĠ-UE, sabiex tiġi evitata kwalunkwe nefqa sinifikanti għall-partijiet ikkonċernati minħabba t-tul ta' żmien eċċessiv meħud; itenni l-importanza tat-tnaqqis tal-lista ta' kawżi pendenti sabiex jiġu rrispettati d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini tal-Unjoni;

    11.

    Jinnota li l-Qorti tal-Ġustizzja għalqet 704 kawża fl-2016 (imqabbla ma' 616-il kawża magħluqa fl-2015) u tressqu quddiemha 692 kawża ġdida (imqabbla ma' 713-il kawża fl-2015), b'żieda fil-kawżi għal deċiżjonijiet preliminari u appelli;

    12.

    Jinnota li fl-2016, il-Qorti Ġenerali rċeviet 974 kawża ġdida (imqabbla ma' 831 fl-2015) u ttrattat 755 kawża (imqabbla ma' 987 fl-2015), b'żieda fl-għadd ta' kawżi pendenti meta mqabbla mas-snin preċedenti;

    13.

    Jirrikonoxxi li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku baqa' jeżisti biss sal-1 ta' Settembru 2016, u għalhekk l-attività tiegħu trid titqies matul perjodu ta' tmien xhur biss; jinnota li t-Tribunal għalaq169 kawża u kellu 77 kawża ġdida, bi tnaqqis konsiderevoli fl-għadd ta' kawżi pendenti (mqabbla ma' 231 fl-2015 u 139 fl-2016); jilqa' l-informazzjoni inkluża fil-proposti tal-QtĠ-UE dwar ir-riforma tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, li inkludiet valutazzjoni tal-funzjonament tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, ippreżentata fil-Parlament fl-2011 u fl-2014 u ppreżentata bħala anness mat-tweġiba għall-kwestjonarju tal-kwittanza għall-2016; itenni l-appell tiegħu għal valutazzjoni dettaljata tal-funzjonament tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fuq l-għaxar snin tal-eżistenza tiegħu;

    14.

    Jinnota l-fatt li l-2015 kienet is-sena tal-adozzjoni tar-riforma tal-arkitettura ġudizzjarja tal-Qorti tal-Ġustizzja, li kienet akkumpanjata mill-iżvilupp ta' regoli ta' proċedura ġodda għall-Qorti Ġenerali; jifhem li, minħabba li l-għadd ta' mħallfin qed jirdoppja fi proċess ta' tliet stadji li jestendi sal-2019, ir-riforma se tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tkompli tittratta ż-żieda fl-għadd tal-kawżi; jistenna bil-ħerqa li jara l-kisbiet ta' dik ir-riforma fil-kapaċità tal-Qorti tal-Ġustizzja li tittratta l-kawżi fi żmien raġonevoli u fl-osservanza tar-rekwiżiti ta' smigħ xieraq;

    15.

    Jinnota li fl-2016, wara r-riforma tal-arkitettura ġudizzjarja tal-QtĠ-UE, il-kawżi tal-persunal kienu t-tielet l-aktar tip komuni ta' proċedimenti quddiem il-Qorti Ġenerali; jistieden lill-QtĠ-UE tkompli tipprovdi statistika dwar l-attivitajiet ġudizzjarji tagħha;

    16.

    Jieħu att tat-tnaqqis ġenerali fit-tul tal-proċedimenti fl-2016, innotat mill-Qorti tal-Awdituri fir-Rapport Speċjali tagħha Nru 14/2017 (1) b'medja ta' 0,9 xahar fil-Qorti tal-Ġustizzja u 1,9 xahar fil-Qorti Ġenerali meta mqabbel mal-2015; jieħu att tal-azzjonijiet organizzattivi u proċedurali meħuda mill-QtĠ-UE biex ittejjeb l-effiċjenza tagħha u jistieden lill-QtĠ-UE biex tkompli bl-isforzi tagħha biex tiżgura l-kontinwazzjoni ta' xejra 'l isfel b'tali mod li l-każijiet kollha jiġu konklużi fi żmien raġonevoli; jinnota bi tħassib li wieħed mill-aktar fatturi frekwenti li jolqot il-perjodu tat-trattament tal-kawżi huma l-btajjel ġudizzjarji; jinnota li kien hemm 14-il ġimgħa ta' btajjel ġudizzjarji fl-2016;

    17.

    Jieħu att tad-dħul fis-seħħ tal-Kodiċi ta' Kondotta għall-Membri u ex-Membri tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li jistabbilixxi regoli li jirriflettu diversi punti ta' tħassib tal-Parlament rigward id-dikjarazzjonijiet ta' interess u l-attivitajiet esterni; jappoġġja d-deċiżjoni tal-QtĠ-UE li jitwaqqfu regoli dwar il-fenomenu ta' “bibien iduru” fl-2018;

    18.

    Jitlob li l-QtĠ-UE tintroduċi approċċ abbażi tal-prestazzjoni aktar immirat fir-rigward tal-attivitajiet esterni tal-imħallfin għad-disseminazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, peress li l-kriterju użat jidher pjuttost ġenerali u l-effetti ta' dawn l-attivitajiet mhumiex imkejla b'mod ċar;

    19.

    Itenni l-appell tiegħu għal livell ogħla ta' trasparenza fir-rigward tal-attivitajiet esterni ta' kull imħallef; jistieden lill-QtĠ-UE tagħti informazzjoni dwar karigi u attivitajiet esterni mħallsa oħra tal-imħallfin fuq is-sit web tagħha u fir-rapport dwar l-attività annwali tagħha, inkluż l-isem tal-avveniment, il-post, ir-rwol tal-imħallfin ikkonċernati, l-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tas-sussistenza u jekk dawn kinux tħallsu mill-QtĠ-UE jew minn parti terza;

    20.

    Iħeġġeġ lill-QtĠ-UE tippubblika s-CVs u d-dikjarazzjonijiet ta' interess tal-membri kollha tal-QtĠ-UE, fejn jiġu elenkati s-sħubiji ta' kwalunkwe organizzazzjoni oħra;

    21.

    Jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' regoli dwar il-fenomenu “bibien iduru” u jħeġġeġ lill-QtĠ-UE tistabbilixxi u timplimenta obbligi stretti f'dan ir-rigward;

    22.

    Huwa tal-fehma li l-QtĠ-UE għandha tikkunsidra tipproduċi l-minuti tal-laqgħat ma' lobbyists, assoċjazzjonijiet professjonali u atturi tas-soċjetà ċivili, meta dan ma jikkompromettix il-kunfidenzjalità ta' kawżi li għadhom għaddejjin;

    23.

    Jitlob lill-QtĠ-UE tippubblika l-laqgħat ma' assoċjazzjonijiet professjonali kif ukoll ma' aġenti li jirrappreżentaw l-Istati Membri;

    24.

    Jiddeplora n-nuqqas ta' sforz mill-Istati Membri biex jinkiseb bilanċ bejn is-sessi f'pożizzjonijiet ta' responsabilità għolja, u jinnota li l-Parlament u l-Kunsill stabbilew, fost l-għanijiet tagħhom, ir-rappreżentazzjoni bilanċjata tas-sessi fil-ħatra ta' mħallfin ġodda fil-Qorti Ġenerali (sal-lum, ħames imħallfin nisa u żewġ avukati ġenerali nisa huma parti mill-organigramma tal-Qorti tal-Ġustizzja u għaxar imħallfin nisa huma parti mill-organigramma tal-Qorti Ġenerali); iqis li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom ikunu rappreżentattivi taċ-ċittadini tagħhom; jenfasizza, għalhekk, l-importanza tal-għan stabbilit mill-Parlament u mill-Kunsill.

    25.

    Jinnota li l-Qorti tal-Awdituri ma kellhiex aċċess għal ċerti dokumenti rilevanti għall-awditjar tar-rieżami tal-prestazzjoni tal-QtĠ-UE (2); jistieden lill-QtĠ-UE biex tkompli taħdem mal-Qorti tal-Awdituri u tagħtiha aċċess għad-dokumenti kollha li jkollha bżonn biex twettaq l-awditjar tagħha dment li dan ma jmurx kontra l-obbligu li tinżamm is-segretezza tal-proċess deliberattiv;

    26.

    Huwa konxju li r-rwol tar-référendaires huwa li dawn jassistu lill-membri tal-Qrati fl-eżaminar ta' kawżi u l-abbozzar ta' dokumenti legali taħt is-superviżjoni tagħhom, bħal sentenzi, digrieti, konklużjonijiet u memoranda; jinnota li r-regoli dwar il-kondotta tagħhom ġew adottati mill-QtĠ-UE fl-2009; jinnota wkoll li r-référendaires jintgħażlu mill-membri li huma ser jaħdmu għalihom u li jeżistu kriterji minimi għar-reklutaġġ; jappella lill-QtĠ-UE biex timplimenta politika li tippermetti allokazzjoni aktar flessibbli tar-référendaires eżistenti biex tgħin fil-mitigazzjoni ta' problemi relatati mal-ġestjoni ta' riżorsi jew kwistjonijiet organizzattivi (3);

    27.

    Jinnota bi tħassib li l-QtĠ-UE ma setgħetx tevalwa l-kapaċità ta' ġestjoni tal-kawżi tal-imħallfin u tar-référendaires peress li l-QtĠ-UE ma tiġbor l-ebda informazzjoni dwar l-ammont ta' ħin li mħallef jew référendaire jieħu fuq kawża partikolari; jinnota li ser jitwettaq studju sabiex jiġi evalwat kemm l-introduzzjoni ta' sistema għall-monitoraġġ tal-użu tar-riżorsi tista' tipprovdi data utli; jistieden lill-QtĠ-UE tippreżenta r-riżultati tal-istudju lill-Parlament;

    28.

    Iqis li t-tweġiba mogħtija mill-QtĠ-UE għall-mistoqsija tal-Parlament (Mistoqsija Nru 50) dwar l-ispejjeż tal-proċedimenti mhijiex sodisfaċenti; jitlob lill-QtĠ-UE tikkunsidra sistema ta' monitoraġġ sabiex jiġu kkalkolati l-ispejjeż ta' kull kawża;

    29.

    Jieħu att tal-monitoraġġ kostanti tal-iżvilupp tax-xogħol b'lura u dewmien potenzjali fi ħdan l-awli; jiddispjaċih li l-QtĠ-UE ma tatx data lill-Parlament dwar in-nuqqas ta' konformità mal-iskedi ta' żmien indikattivi minħabba li tikkonċerna l-organizzazzjoni interna tal-qrati;

    30.

    Huwa mħasseb li l-ilqugħ u l-ipproċessar ta' atti proċedurali mir-reġistru huwa l-aktar fattur frekwenti li jaffettwa t-tul tal-proċedura bil-miktub fil-Qorti Ġenerali (4); jinnota li l-kawżi quddiem il-Qorti Ġenerali huma kkaratterizzati mill-volum tal-atti; jappella lill-Qorti Ġenerali biex tkompli timmonitorja l-għadd u l-kumplessità tal-kawżi sabiex jiġi żgurat li r-reġistru jkollu riżorsi suffiċjenti;

    31.

    Jissottolinja r-rakkomandazzjoni tal-Qorti tal-Awdituri fir-Rapport Speċjali tagħha Nru 14/2017 li l-prestazzjoni tiġi mkejla fuq bażi ta' każ b'każ b'referenza għal żmien speċifiku, filwaqt li jitqiesu r-riżorsi effettivament użati;

    32.

    Jinnota li wara r-riforma tal-istruttura ġudizzjarja tal-QtĠ-UE, l-allokazzjoni tal-imħallfin għall-awli qed ssir skont l-ammont ta' kawżi f'oqsma differenti; jixtieq ikun jaf kif issir din l-allokazzjoni u jekk hemmx awli speċjalizzati għal ċerti oqsma, u jitlob analiżi dwar kif l-allokazzjoni taffettwa l-veloċità li biha l-kawżi huma ttrattati;

    33.

    Jieħu att tal-proċess għall-assenjazzjoni tal-kawżi riferuti lill-Qrati; jinnota li fl-2016, bħas-snin preċedenti, madwar 40 % tal-kawżi quddiem il-Qorti Ġenerali kienu assenjati barra mis-sistema ta' rotazzjoni, u dan il-fatt iqajjem dubji dwar is-sistema nnifisha; jitlob lill-QtĠ-UE tipprovdi regoli li jistipulaw il-proċedura ta' assenjazzjoni fiż-żewġ Qrati;

    34.

    Jinnota li għadd sinifikanti ta' kawżi jinvolvu kwistjonijiet ta' proprjetà intellettwali; iħeġġeġ lill-QtĠ-UE tanalizza modi biex tissimplifika l-proċeduri għal dawn il-kawżi u tikkunsidra analiżi minn qabel mis-servizzi tagħha ta' riċerka u dokumentazzjoni;

    35.

    Josserva li l-QtĠ-UE qed tkompli tikkonforma mal-ftehim interistituzzjonali li tnaqqas il-persunal b'5 % matul il-perjodu ta' ħames snin, minkejja l-ħolqien ta' 137 post ġdid relatati maż-żieda fl-għadd ta' mħallfin u avukati ġenerali;

    36.

    Jieħu att tar-rata għolja ta' okkupazzjoni ta' karigi (kważi 98 %) minkejja r-rata għolja ta' tibdil tal-persunal; jieħu att tad-diffikultajiet iddikjarati mill-QtĠ-UE biex tirrekluta persunal permanenti fil-gradi tad-dħul; jitlob li jkun hemm evalwazzjoni mill-QtĠ-UE dwar ir-raġunijiet tar-rata għolja ta' tibdil tal-persunal u l-miżuri stabbiliti jew dawk maħsuba li jiddaħħlu fis-seħħ biex titjieb is-sitwazzjoni;

    37.

    Jirrikonoxxi l-azzjonijiet tal-QtĠ-UE meħuda fl-2016 biex jitjieb il-bilanċ bejn is-sessi f'karigi ta' maniġment medju u għoli, iżda jissottolinja l-importanza li jinżamm l-għan ta' titjib f'din il-kwistjoni; itenni t-tħassib tiegħu dwar l-iżbilanċ ġeografiku fil-livell maniġerjali medju u għoli u, f'dan ir-rigward ukoll, jappella lill-QtĠ-UE biex timmira għal titjib;

    38.

    Jinnota li l-QtĠ-UE offriet 245 traineeship fl-2016; jiddispjaċih li 188 traineeship fil-Kabinetti ma kinux remunerati; jistieden lill-QtĠ-UE ssib soluzzjoni biex tipprovdi remunerazzjoni diċenti lit-trainees kollha li jaħdmu fl-istituzzjoni bil-għan li jiġu żgurati opportunitajiet indaqs;

    39.

    Jilqa' l-iskambju tal-persunal tal-QtĠ-UE mal-Bank Ċentrali Ewropew u l-proġett biex jiġi stabbilit qafas ta' skambji għall-ġuristi lingwisti bejn id-diversi istituzzjonijiet;

    40.

    Jilqa' l-kooperazzjoni mas-servizzi ta' interpretazzjoni tal-Kummissjoni u tal-Parlament fi ħdan il-Kumitat Interistituzzjonali tat-Traduzzjoni u l-Interpretazzjoni (ICTI);

    41.

    Jinnota b'apprezzament li l-QtĠ-UE saret membru sħiħ tal-Grupp ta' Ħidma Interistituzzjonali dwar Indikaturi Interistituzzjonali Ewlenin tal-Attività u tal-Prestazzjoni u kopriet l-ispejjeż tat-traduzzjoni skont il-metodoloġija armonizzata maqbula fi ħdan il-grupp ta' ħidma;

    42.

    Jieħu att tal-investiment tal-QtĠ-UE f'għodod tal-IT biex ittejjeb il-ġestjoni tal-kawżi; jitlob lill-QtĠ-UE tipprovdi informazzjoni finanzjarja dettaljata li tkun kwantitattiva u kwalitattiva dwar proġetti tal-IT fi ħdan il-QtĠ-UE sa mill-2014; jappella lill-QtĠ-UE biex tiżviluppa sistema tal-IT kompletament integrata biex tappoġġja l-ġestjoni ta' kawżi;

    43.

    Jirrimarka t-tkabbir kostanti tal-okkorrenzi ta' aċċess għall-applikazzjoni “e-Curia” (għadd ta' kontijiet ta' aċċess: 3 599 fl-2016, meta mqabbla ma' 2 914 fl-2015) u l-fatt li fl-2016 l-Istati Membri kollha użaw “e-Curia”, li juri li l-għarfien pubbliku dwar l-eżistenza u l-vantaġġi ta' din l-applikazzjoni żdied;

    44.

    Jistieden lill-QtĠ-UE ttejjeb l-attivitajiet ta' komunikazzjonijiet tagħha sabiex issir aktar aċċessibbli għaċ-ċittadini tal-Unjoni, pereżempju billi torganizza seminars ta' taħriġ għall-ġurnalisti jew tiżviluppa prodotti ta' komunikazzjoni dwar l-attività tagħha b'approċċ aktar iffukat fuq iċ-ċittadin; jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-QtĠ-UE ħadet id-deċiżjoni li taġġorna s-sit web tagħha sabiex tkun aktar faċli għall-utent u jitlob il-QtĠ-UE tagħmel sforzi biex ittejjeb il-bażi ta' data tagħha billi ssir aktar ċentrata fuq l-utenti; jirrikonoxxi l-isforzi tal-QtĠ-UE fir-rigward tal-kanali ta' komunikazzjoni online u jħeġġiġha biex tkompli b' din il-ħidma siewja;

    45.

    Jinnota li l-QtĠ-UE segwiet b'mod gradwali r-rakkomandazzjoni tal-Parlament fir-riżoluzzjoni ta' kwittanza tal-2015 dwar l-użu ta' vetturi uffiċjali (5); iqis li l-azzjonijiet meħuda għar-razzjonalizzazzjoni tal-ġestjoni tal-flotta huma passi fid-direzzjoni t-tajba; jilqa' s-sejħa għall-offerti interistituzzjonali l-ġdida għall-kiri tal-karozzi, li tnediet fl-2016 bl-għan li tipprovdi tfaddil ekonomiku f'dan ir-rigward; jinnota bi tħassib li, fl-2016, 21 titjira ġew irranġati bi spiża ta' EUR 3 998,97 biex is-sewwieqa jintbagħtu fuq missjoni mal-membri tal-Qorti tal-Ġustizzja jew tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fl-Istati Membri rispettivi ta' dawk il-membri;

    46.

    Jilqa' l-impenn tal-QtĠ-UE lejn miri ambjentali ambizzjużi, u jitlob li dawn l-għanijiet jintlaħqu fi żmien xieraq; jinkoraġġixxi lill-istituzzjoni tapplika l-prinċipji ta' akkwist pubbliku ekoloġiku u jitlob li jiġu stabbiliti regoli u baġit suffiċjenti għall-kumpens għall-emissjonijiet tal-karbonju;

    47.

    Jieħu att tal-informazzjoni dettaljata dwar il-politika tal-binjiet, b'mod partikolari rigward il-kostruzzjoni tal-ħames estensjoni tal-kumpless ta' binjiet attwali;

    48.

    Jieħu att tal-esperjenza ulterjuri miksuba fir-rigward tal-uffiċċji fi spazju miftuħ; huwa mħasseb dwar il-fatt li vantaġġi bħat-tnaqqis ta' bżonn ta' spazju u kisbiet f'termini ta' komunikazzjoni aktar faċli u aktar flessibbiltà jistgħu jiġu annullati mit-telf ta' kunfidenzjalità, restrizzjonijiet fuq xogħol fuq fajls li jeħtieġu konċentrazzjoni għolja u telf ta' privatezza; Jappella lill-QtĠ-UE biex tevalwa l-effetti pożittivi u negattivi fuq il-kundizzjonijiet tax-xogħol, filwaqt li tieħu kont tal-ħtiġijiet tal-persunal, u biex tinforma lill-Parlament dwar ir-riżultat ta' din l-evalwazzjoni;

    49.

    Jilqa' l-adozzjoni mill-QtĠ-UE tal-linji gwida fuq l-informazzjoni għall-informaturi u l-protezzjoni tagħhom fil-bidu tal-2016, u jfakkar li l-protezzjoni tal-informaturi hija kwistjoni li trid titqies b'mod serju fi ħdan l-amministrazzjoni pubblika tal-Unjoni, li għandha dejjem tingħata attenzjoni partikolari. jistieden lill-QtĠ-UE biex tħeġġeġ lill-persunal tagħha jiffamiljarizza ruħu mal-linji gwida tal-2016, filwaqt li tissottolinja r-rwol kruċjali tal-informaturi li jikxfu l-għemil ħażin; jistieden lill-QtĠ-UE biex tħeġġeġ lill-persunal tagħha biex jieħu vantaġġ mil-linji gwida tal-2016 f'każijiet xierqa; jitlob lill- QtĠ-UE tipprovdi fi żmien debitu dettalji dwar il-każijiet ta' informaturi, kif ġew trattati u riżolti;

    50.

    Jesprimi l-bżonn li jiġi stabbilit korp indipendenti ta' żvelar, konsulenza u riferiment li jkollu riżorsi baġitarji suffiċjenti, bil-għan li jgħin lill-informaturi jużaw il-mezzi adatti biex jiżvelaw l-informazzjoni dwar irregolaritajiet possibbli li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, filwaqt li jħares il-kunfidenzjalità tagħhom u jagħtihom l-appoġġ u l-konsulenza meħtieġa;

    51.

    Jinnota li n-nomina tal-Membri tal-QtĠ-UE hija r-responsabbiltà tal-Istati Membri fis-sens tal-Artikoli 253 u 254 tat-TFUE; jirrileva li, għall-prestazzjoni tal-QtĠ-UE, huwa importanti li n-nomina u l-ħatra tal-imħallfin isiru f'waqthom; jitlob regola ġdida li tistabbilixxi skadenza speċifika għan-nomina (jew ir-rinomina) ta' mħallef sew qabel tmiem il-mandat tiegħu, u jistieden lill-Kunsill biex jikkunsidra l-ispejjeż mal-benefiċċji fil-ħatra ta' mħallfin ġodda tal-QtĠ-UE; jikkritika n-nomina irregolari, mingħajr sejħa għall-applikazzjonijiet, ta' żewġ imħallfin għat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għal mandat li, barra minn hekk, dam biss mill-14 ta' April 2016 sal-31 ta' Awwissu 2016;

    52.

    Jinnota li wieħed minn żewġ imħallfin għat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li nħatru fl-1 ta' April sal-31 ta' Awwissu 2016 tħallas allowance għall-installazzjoni (EUR 18 962,25) f'konformità mal-Artikolu 4(a) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2016/300 (6), spejjeż tal-ivvjaġġar (EUR 493,10) skont l-Artikolu 4(c) ta' dak ir-Regolament, u spejjeż ta' ġarr (EUR 2 972,91) skont l-Artikolu 4(d) tiegħu; jinnota, barra minn hekk, li l-istess imħallef tħallas allowance tranżizzjonali għal sitt xhur li ammontat għal EUR 47 070 sal-aħħar tal-mandat; jieħu att b'dispjaċir tal-ispejjeż assoċjati ma' wieħed minn dawk l-imħallfin li beda u temm il-“mandat ta' 4 xhur” tiegħu li ammonta għal EUR 69 498,25, barra mis-salarju li rċieva l-imħallef; jistieden lill-QtĠ-UE teżamina jekk it-tul tal-mandat huwiex proporzjonali għall-allowances imsemmija hawn fuq meta jinħatru mħallfin fil-futur; jistieden lill-Kunsill jikkunsidra mill-ġdid il-kundizzjonijiet u l-ammonti ta' dawn l-allowances u jirrevedi r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2016/300 kif xieraq; jikkundanna din il-ħela ta' flus il-kontribwenti tal-Unjoni;

    53.

    Jinnota, barra minn hekk, li l-Qorti Ġenerali (Awla tal-Appell, sentenza tat-23 ta' Jannar 2018 fil-Kawża T-639/16 P) (7) ikkunsidrat li t-Tieni Awla tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, ikkostitwita biex tinkludi wieħed mill-imħallfin b'“mandat ta' 4 xhur” kienet irregolari, li b'hekk invalidat id-deċiżjoni li għaliha tirreferi s-sentenza msemmija kif ukoll kull deċiżjoni ulterjuri tat-Tieni Awla f'dik il-kompożizzjoni; jistaqsi lill-QtĠ-UE liema deċiżjonijiet tat-Tieni Awla f'dik il-kompożizzjoni huma affettwati mid-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali; jesiġi li l-Kunsill jikkummenta dwar dan il-falliment u jikkjarifika min hu responsabbli għalih.

    54.

    Jistieden lill-QtĠ-UE tikkunsidra testendi l-lingwi tad-deliberazzjoni tal-QtĠ-UE, b'mod partikolari tal-Qorti Ġenerali, għal lingwi oħra li mhumiex il-Franċiż; jilqa' t-talba tal-President tal-Qorti Ġenerali fi Frar 2016 għal valutazzjoni tal-impatt ta' bidla fil-lingwa tad-deliberazzjoni li għadha ma ġietx iffinalizzata;

    55.

    Jiddispjaċih għad-deċiżjoni tar-Renju Unit li joħroġ mill-Unjoni; josserva li, f'dan il-waqt, ma tista' ssir l-ebda previżjoni tal-konsegwenzi finanzjarji, amministrattivi, umani u oħrajn relatati mal-ħruġ, jitlob lill-Kunsill u lill-Qorti tal-Awdituri jwettqu valutazzjonijiet tal-impatt u jinformaw lill-Parlament dwar ir-riżultati sa tmiem l-2018.

    (1)  Rapport Speċjali Nru 14/2017 tal-Qorti tal-Awdituri bit-titolu “Analiżi tal-prestazzjoni tal-ġestjoni ta' kawżi fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea”.

    (2)  Ara il-paragrafu 14 tar-Rapport Speċjali Nru 14/2017.

    (3)  Ara l-paġngrafu 98, il-punt C) tar-Rapport Speċjali Nru 14/2017 tal-Qorti tal-Awdituri fejn l-istess Qorti identifikat l-aspetti li ġejjin: in-nuqqas ta' disponibbiltà ta' référendaires, il-piż tax-xogħol tal-imħallfin, l-avukati ġenerali u r-référendaires tagħhom, l-assenjazzjoni mill-ġdid ta' kawżi dovuta għat-tmiem il-mandat tal-imħallfin.

    (4)  Ara l-paragrafu 38, figura 6 tar-Rapport Speċjali Nru 14/2017.

    (5)  ĠU L 252, 29.9.2017, p. 116.

    (6)  Regolament tal-Kunsill (UE) 2016/300 tad-29 ta' Frar 2016 li jiddetermina l-emolumenti ta' persuni f'karigi pubbliċi għolja tal-UE (ĠU L 58, 4.3.2016, p. 1).

    (7)  ECLI:EU:T:2018:22.


    Top