Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017D2380

Direttiva (UE) 2017/2380 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2017 li temenda d-Direttiva 2010/40/UE fir-rigward tal-perijodu għall-adozzjoni ta' atti delegati (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )

ĠU L 340, 20.12.2017, p. 1–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2017/2380/oj

20.12.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 340/1


DIRETTIVA (UE) 2017/2380 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-12 ta' Diċembru 2017

li temenda d-Direttiva 2010/40/UE fir-rigward tal-perijodu għall-adozzjoni ta' atti delegati

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 91 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw il-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2010/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) tipprevedi l-iżvilupp ta' speċifikazzjonijiet għal azzjonijiet ta' prijorità fi ħdan oqsma ta' prijorità.

(2)

Minn mindu daħlet fis-seħħ id-Direttiva 2010/40/UE, erba' atti delegati relatati ma' azzjonijiet ta' prijorità ta' dik id-Direttiva ġew adottati mill-Kummissjoni. Dawn jindirizzaw b'mod partikulari l-eCall u l-mekkaniżmi tal-qsim tad-data li jiffaċilitaw l-iskambju elettroniku tad-data bejn l-awtoritajiet pubbliċi rilevanti u l-partijiet ikkonċernati u l-fornituri rilevanti tas-servizzi tas-Sistemi ta' Trasport Intelliġenti (STI). Hemm ħtieġa għal aktar atti delegati dwar azzjonijiet li għad iridu jiġu indirizzati u li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 2010/40/UE.

(3)

Skont l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2010/40/UE, is-setgħa konferita lill-Kummissjoni biex tadotta l-atti delegati msemmija fl-Artikolu 7 tad-Direttiva tiskadi fis-27 ta' Awwissu 2017.

(4)

Sabiex jinkisbu l-għanijiet tad-Direttiva 2010/40/UE jenħtieġ li tiġi delegata lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-ispeċifikazzjonijiet meħtieġa biex jiġu żgurati l-kompatibbiltà, l-interoperabbiltà u l-kontinwità għall-varar u l-użu operattiv tal-STI għall-azzjonijiet ta' prijorità għal perijodu addizzjonali ta' ħames snin li jibda mis-27 ta' Awwissu 2017. Jenħtieġ li dan il-perijodu jiġi estiż b'mod taċitu għal perijodi tal-istess tul, sakemm il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma jopponux għal tali estensjoni. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol tagħha ta' tħejjija, ukoll fil-livell ta' esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jiġu mwettqa f'konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (4). B'mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija tal-atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jkunu qed jittrattaw it-tħejjija tal-atti delegati,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Direttiva 2010/40/UE hija emendata kif ġej:

(1)

l-Artikolu 12 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 12

Eżerċizzju tad-delega

1.   Is-setgħa ta' adozzjoni ta' tti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati msemmija fl-Artikolu 7 hija mogħtija lill-Kummissjoni għal perijodu ta' ħames snin mis-27 ta' Awwissu 2017. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta' setgħa mhux iktar tard minn disa' xhur qabel it-tmiem tal-perijodu ta' ħames snin. Id-delega ta' setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perijodi ta' żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjona għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta' kull perijodu.

3.   Id-delega ta' setgħa msemmija fl-Artikolu 7 tista' tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta' setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fih. M'għandhiex taffettwa l-validità ta' kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti innominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

5.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 7 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien perijodu ta' xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.”;

(2)

l-Artikoli 13 u 14 huma mħassra;

(3)

fl-Artikolu 17, il-paragrafu 5 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“5.   F'konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 15(2), il-Kummissjoni għandha tadotta programm ta' ħidma, sas-27 ta' Frar 2011. Il-programm ta' ħidma għandu jinkludi objettivi u dati għall-implimentazzjoni tiegħu kull sena u jekk ikun meħtieġ għandu jipproponi l-adattamenti meħtieġa.

Il-Kummissjoni għandha taġġorna il-programm ta' ħidma relatat mal-azzjonijiet taħt l-Artikolu 6(3) sal-10 ta' Jannar 2019 u qabel kull estensjoni sussegwenti ta' ħames snin tas-setgħa li jiġu adottati atti delegati skont l-Artikolu 12(2).”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Strasburgu, it-12 ta' Diċembru 2017.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

M. MAASIKAS


(1)  ĠU C 345, 13.10.2017, p. 67.

(2)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Novembru 2017(għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-4 ta' Diċembru 2017.

(3)  Id-Direttiva 2010/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Lulju 2010 dwar il-qafas għall-varar ta' Sistemi ta' Trasport Intelliġenti fil-qasam tat-trasport bit-triq u għall-interkonnessjonijiet ma' modi oħrajn ta' trasport (ĠU L 207, 6.8.2010, p. 1).

(4)  ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.


Top