Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017L2109

    Direttiva (UE) 2017/2109 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Novembru 2017 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 98/41/KE dwar ir-reġistrazzjoni ta' persuni li jbaħħru abbord vapuri tal-passiġġieri li joperaw lejn jew minn portijiet tal-Istati Membri tal-Komunità u d-Direttiva 2010/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-formalitajiet ta' rappurtar għal bastimenti li jaslu fi u/jew jitilqu minn portijiet tal-Istati Membri

    ĠU L 315, 30.11.2017, p. 52–60 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2017/2109/oj

    30.11.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 315/52


    DIRETTIVA (UE) 2017/2109 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tal-15 ta' Novembru 2017

    li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 98/41/KE dwar ir-reġistrazzjoni ta' persuni li jbaħħru abbord vapuri tal-passiġġieri li joperaw lejn jew minn portijiet tal-Istati Membri tal-Komunità u d-Direttiva 2010/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-formalitajiet ta' rappurtar għal bastimenti li jaslu fi u/jew jitilqu minn portijiet tal-Istati Membri

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 100(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

    Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

    Billi:

    (1)

    L-informazzjoni preċiża u f'waqtha dwar in-numru ta' persuni abbord vapur jew dwar l-identità tagħhom hija essenzjali għat-tħejjija u l-effettività tal-operazzjonijiet ta' tiftix u salvataġġ. Fil-każ ta' inċident fuq il-baħar, il-kooperazzjoni sħiħa u kompleta bejn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-istat jew stati involuti, l-operatur tal-vapur u l-aġenti tagħhom tista' tikkontribwixxi b'mod sinifikanti għall-effettività tal-operazzjonijiet. Ċerti aspetti ta' dik il-kooperazzjoni huma regolati mid-Direttiva tal-Kunsill 98/41/KE (3).

    (2)

    Ir-riżultati tal-kontroll tal-idoneità tal-Programm dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni (REFIT) u l-esperjenza miksuba tul l-implimentazzjoni tad-Direttiva 98/41/KE żvelaw li l-informazzjoni dwar persuni abbord mhix dejjem tkun disponibbli faċilment għall-awtoritajiet kompetenti meta jkollhom bżonnha. Sabiex tiġi indirizzata din is-sitwazzjoni, jenħtieġ li r-rekwiżiti attwali tad-Direttiva 98/41/KE jinġiebu f'konformità mar-rekwiżiti li d-data tiġi rappurtata elettronikament, u b'hekk iwasslu għal aktar effiċjenza. Id-diġitalizzazzjoni ser tagħmel ukoll possibbli li jiġi ffaċilitat l-aċċess għal informazzjoni rigward numru sinifikanti ta' passiġġieri fil-każ ta' emerġenza jew wara inċident fuq il-baħar.

    (3)

    Matul l-aħħar 17-il sena, sar progress teknoloġiku sinifikanti fir-rigward tal-mezzi ta' komunikazzjoni u l-ħżin ta' data dwar il-movimenti tal-vapuri. Numru ta' sistemi obbligatorji ta' rappurtar ta' vapuri ġew stabbiliti tul ix-xtut tal-Ewropa, f'konformità mar-regoli rilevanti adottati mill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI). Kemm id-dritt tal-Unjoni kif ukoll il-liġi nazzjonali jiżguraw li l-vapuri jikkonformaw mar-rekwiżiti tar-rappurtar fis-seħħ skont dawk is-sistemi. Issa jenħtieġ li jsir progress fir-rigward tal-innovazzjoni teknoloġika, billi wieħed jibni fuq ir-riżultati miksuba s'issa, inkluż fil-livell internazzjonali, u billi jiġi żgurat li tibqa' tinżamm dejjem in-newtralità teknoloġika.

    (4)

    Il-ġbir, it-trasmissjoni u l-kondiviżjoni tad-data relatata mal-vapuri ġew permessi, issimplifikati u armonizzati mis-“single window” nazzjonali msemmija fid-Direttiva 2010/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) u s-Sistema tal-Unjoni ta' Skambju ta' Informazzjoni Marittima (SafeSeaNet) imsemmija fid-Direttiva 2002/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5). L-informazzjoni dwar il-persuni abbord mitluba bid-Direttiva 98/41/KE għalhekk jenħtieġ li tiġi rrappurtata fis-“single window” nazzjonali li tippermetti lill-awtorità kompetenti sabiextaċċedi faċilment id-data fil-każ ta' emerġenza jew wara inċident fuq il-baħar. Jenħtieġ li n-numru ta' persuni abbord ikun rappurtat fis-“single window” nazzjonali bl-użu ta' mezzi tekniċi adatti, li jenħtieġ jitħallu għad-diskrezzjoni tal-Istati Membri. Alternattivament, jenħtieġ li dan jiġi rrappurtat lill-awtorità nnominata permezz ta' Sistema ta' Identifikazzjoni Awtomatika.

    (5)

    Sabiex jiġu ffaċilitati l-għoti u l-iskambju ta' informazzjoni rappurtata skont din id-Direttiva u jitnaqqas il-piż amministrattiv, jenħtieġ li l-Istati Membri jużaw il-formalitajiet ta' rappurtar armonizzati stabbiliti bid-Direttiva 2010/65/UE. F'każ ta' inċident li jolqot aktar minn Stat Membru wieħed, jenħtieġ li l-Istati Membri jagħmlu informazzjoni disponibbli għal Stati Membri oħra permezz tas-sistema SafeSeaNet.

    (6)

    Sabiex jingħata żmien biżżejjed lill-Istati Membri biex iżidu funzjonalitajiet ġodda mas-“single windows” nazzjonali, hu adatt li jkun ipprovdut perijodu transizzjonali li matulu l-Istati Membri jkollhom il-possibbiltà li jżommu s-sistema attwali għar-reġistrazzjoni ta' persuni abbord vapuri tal-passiġġieri.

    (7)

    Jenħtieġ li l-progress li jsir fl-iżvilupp ta' “single windows” nazzjonali jservi ta' bażi għat-transizzjoni lejn ambjent ta' “single window” Ewropea fil-futur.

    (8)

    Jenħtieġ li l-Istati Membri jinkoraġġixxu lill-operaturi, u b'mod partikolari lil operaturi iżgħar, biex jużaw is-“single window” nazzjonali. Madankollu, sabiex tiġi żgurata l-konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, jenħtieġ li l-Istati Membri jkollhom il-possibbiltà li jeżentaw, taħt kondizzjonijiet speċifiċi, operaturi iżgħar li għadhom ma jużawx is-“single window” nazzjonali u li joperaw l-aktar fuq vjaġġi domestiċi qosra ta' anqas minn 60 minuta mill-obbligu li jirrapportaw fis-“single window” nazzjonali in-numru ta' persuni abbord.

    (9)

    Sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni l-pożizzjoni ġeografika speċifika tal-gżejjer ta' Heligoland u Bornholm, u n-natura tal-konnessjonijiet tat-trasport tagħhom mal-kontinent, jenħtieġ li l-Ġermanja, id-Danimarka u l-Iżvezja jingħataw żmien addizzjonali biex jiġbru l-lista tal-persuni abbord u, matul perijodu transizzjonali, biex jużaw is-sistema attwali biex jikkomunikaw din l-informazzjoni.

    (10)

    Jenħtieġ li l-Istati Membri jibqa' jkollhom il-possibbilta' li jnaqqsu l-limitu ta' 20 mil għar-reġistrazzjoni u r-rappurtar tal-lista ta' persuni abbord. Dan id-dritt jinkludi vjaġġi fejn il-vapuri tal-passiġġieri li jġorru għadd kbir ta' passiġġieri jagħmlu waqfiet suċċessivi bejn portijiet f'distanza ta' anqas minn 20 mil matul vjaġġ uniku itwal. F'każijiet bħal dawn, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jbaxxu l-limitu ta' 20 mil sabiex ikun possibbli li l-informazzjoni mitluba minn din id-Direttiva tiġi rreġistrata fir-rigward ta' passiġġieri abbord li telgħu abbord fl-ewwel port jew fil-portijiet intermedjarji.

    (11)

    Biex il-qraba jiġu pprovduti informazzjoni affidabbli u f'waqtha fil-każ ta' inċident, biex jitnaqqas id-dewmien bla bżonn fl-għajnuna konsulari u servizzi oħra, u biex jiġu ffaċilitati l-proċeduri ta' identifikazzjoni, jenħtieġ li d-data kkomunikata tinkludi informazzjoni dwar in-nazzjonalità tal-persuni abbord. Jenħtieġ li l-lista tal-entrati tad-data meħtieġa għal vjaġġi ta' aktar minn 20 mil tiġi ssimplifikata, iċċarata u, kemm jista' jkun, allinjata mar-rekwiżiti ta' rappurtar għas-“single window” nazzjonali.

    (12)

    Minħabba fil-progress li sar fil-mezzi elettroniċi għar-reġistrazzjoni tad-data, u b'kont meħud tal-fatt li d-data personali tinġabar qabel it-tluq tal-vapur, jenħtieġ li d-dewmien ta' 30 minuta attwalment previst mid-Direttiva 98/41/KE jitnaqqas għal 15-il minuta.

    (13)

    Huwa importanti li l-istruzzjonijiet ċari li għandhom jiġu segwiti fil-każ ta' emerġenza jiġu pprovduti lil kull persuna abbord, skont ir-rekwiżiti internazzjonali.

    (14)

    Biex tiżdied iċ-ċarezza legali u titjieb il-konsistenza ma' leġislazzjoni tal-Unjoni relatata, u b'mod partikolari mad-Direttiva 2009/45/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), jenħtieġ li numru ta' referenzi mhux aġġornati, ambigwi u li joħolqu konfużjoni jiġu aġġornati jew imħassra. Jenħtieġ li d-definizzjoni ta' “vapur tal-passiġġieri” tiġi allinjata ma' leġislazzjoni oħra tal-Unjoni, b'tali mod u manjiera li ma tmurx lil hinn mill-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva. Jenħtieġ li d-definizzjoni ta' “żona tal-baħar protetta” tiġi ssostitwita minn kunċett li jiġi allinjat mad-Direttiva 2009/45/KE għall-finijiet tal-eżenzjonijiet taħt din id-Direttiva, biex b'hekk tiġi żgurata l-prossimità tal-faċilitajiet ta' tiftix u salvataġġ. Jenħtieġ li d-definizzjoni ta' “reġistratur tal-passiġġieri” tiġi emendata biex tirrifletti d-dmirijiet il-ġodda li ma għadhomx jinkludu ż-żamma ta' informazzjoni. Jenħtieġ li d-definizzjoni ta' “awtorità nnominata” tkopri l-awtoritajiet kompetenti li għandhom aċċess dirett jew indirett għall-informazzjoni mitluba minn din id-Direttiva. Jenħtieġ li r-rekwiżiti korrispondenti għas-sistemi ta' reġistrazzjoni tal-passiġġieri tal-kumpanniji jitħassru.

    (15)

    Jenħtieġ li din id-Direttiva ma tapplikax għal jottijiet għal skopijiet ta' divertiment jew inġenji tal-baħar għal skopijiet ta' divertiment. B'mod partikolari, jenħtieġ li hija ma tapplikax għal jottijiet għal skopijiet ta' divertiment jew inġenji tal-baħar għal skopijiet ta' divertiment meta jinkrew mingħajr ekwipaġġ u mhux sussegwentement involuti f'kummerċ għall-finijiet ta' ġarr ta' passiġġieri.

    (16)

    Jenħtieġ li l-Istati Membri jibqgħu responsabbli biex jiżguraw il-konformità mar-rekwiżiti tar-reġistrazzjoni tad-data skont id-Direttiva 98/41/KE, jiġifieri fir-rigward tar-reġistrazzjoni preċiża u f'waqtha tad-data. Sabiex tkun żgurata l-konsistenza tal-informazzjoni, jenħtieġ li jkun possibbli li jitwettqu kontrolli mingħajr regola partikolari.

    (17)

    Sa fejn il-miżuri previsti fid-Direttivi 98/41/KE u 2010/65/UE jinvolvu l-ipproċessar ta' data personali, jenħtieġ li dak l-ipproċessar isir f'konformità mal-liġi tal-Unjoni dwar il-protezzjoni ta' data personali, b'mod partikolari r-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) u r-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8). B'mod partikolari u mingħajr preġudizzju għal obbligi legali oħra f'konformità mal-liġi dwar il-protezzjoni tad-data, jenħtieġ li data personali miġbura f'konformità mad-Direttiva 98/41/KE ma tiġix pproċessata jew użata għal kwalunkwe skop ieħor u m'għandhiex tinżamm aktar milli meħtieġ għall-finijiet tad-Direttiva 98/41/KE. Jenħtieġ, għaldaqstant, li d-data personali titħassar awtomatikament u mingħajr dewmien bla bżonn ladarba l-vjaġġ tal-vapur ikun intemm għalkollox b'mod sikur jew, skont il-każ, meta jkunu ġew konklużi investigazzjoni jew proċediment ġudizzjarju li jsiru wara li jkunu seħħew xi inċident jew xi emerġenza.

    (18)

    Filwaqt li tieħu kont tal-aktar teknoloġija avvanzata u l-ispiża tal-implimentazzjoni, jenħtieġ li kull kumpannija timplimenta miżuri tekniċi u organizzattivi adatti sabiex tipproteġi d-data personali pproċessata skont din id-Direttiva mid-distruzzjoni jew it-telf aċċidentali jew illegali kif ukoll tibdil, żvelar jew aċċess mhux awtorizzat, f'konformità mal-leġislazzjoni tal-Unjoni u dik nazzjonali dwar il-protezzjoni tad-data.

    (19)

    Fid-dawl tal-prinċipju tal-proporzjonalità u billi huwa fl-aħjar interess tal-passiġġier li tingħata informazzjoni ġenwina, il-mezzi attwali tal-ġbir tad-data personali abbażi tal-awtodikjarazzjoni mill-passiġġieri hija biżżejjed għall-finijiet tad-Direttiva 98/41/KE. Fl-istess ħin, jenħtieġ li l-mezzi elettroniċi tar-reġistrazzjoni u l-verifika tad-data jiżguraw li informazzjoni unika tiġi rreġistrata għal kull persuna abbord.

    (20)

    Biex tiżdied it-trasparenza u tiġi ffaċilitata n-notifika mill-Istati Membri ta' eżenzjonijiet u talbiet għal derogi, jenħtieġ li tiġi stabbilita u tinżamm bażi ta' data għal dak il-għan mill-Kummissjoni. Jenħtieġ li tinkludi l-miżuri notifikati fil-forma ta' abbozz u dik adottata tagħhom. Jenħtieġ li l-miżuri adottati jkunu aċċessibbli pubblikament.

    (21)

    Jenħtieġ li d-data relatata man-notifika tal-eżenzjonijiet u tat-talbiet għal derogi mill-Istati Membri tiġi armonizzata u kkoordinata kif meħtieġ sabiex jiġi żgurat li l-użu ta' tali data jkun kemm jista' jkun effettiv.

    (22)

    Fid-dawl tal-bidliet li ġab miegħu t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), jenħtieġ li s-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni biex timplimenta d-Direttiva 98/41/KE jiġu aġġornati b'mod korrispondenti. Jenħtieġ li l-atti ta' implimentazzjoni jiġu adottati f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9).

    (23)

    Sabiex jittieħed kont tal-iżviluppi fil-livell internazzjonali u tiżdied it-trasparenza, jenħtieġ li s-setgħa biex jiġu adottati atti f'konformità mal-Artikolu 290 tat-TFUE tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward li jekk għall-finijiet ta' din id-Direttiva, ikun jeħtieġ li ma jiġux applikati emendi għall-istrumenti internazzjonali. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet adatti matul il-ħidma ta' tħejjija tagħha, inkluż fil-livell ta' esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jitwettqu f'konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar Tfassil Aħjar tal-Liġijiet. Biex tkun żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija tal-atti delegati, b'mod partikolari, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess waqt bħall-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom sistematikament aċċess għal-laqgħat tal-gruppi ta' esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta' atti delegati.

    (24)

    Fid-dawl taċ-ċiklu sħiħ ta' monitoraġġ taż-żjarat tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima, jenħtieġ li l-Kummissjoni tevalwa l-implimentazzjoni tad-Direttiva 98/41/KE sat-22 ta' Diċembru 2026 u tirrapporta dwarha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Jenħtieġ li l-Istati Membri jikkooperaw mal-Kummissjoni biex jiġbru l-informazzjoni kollha meħtieġa għal dik l-evalwazzjoni.

    (25)

    Biex jiġu riflessi l-bidliet fid-Direttiva 98/41/KE, jenħtieġ li l-informazzjoni dwar il-persuni abbord tiġi inkluża fil-lista ta' formalitajiet ta' rappurtar imsemmija fil-Parti A tal-Anness għad-Direttiva 2010/65/UE.

    (26)

    Sabiex ma jiġix impost piż amministrattiv sproporzjonat fuq Stati Membri mingħajr kosta li m'għandhomx portijiet marittimi u li m'għandhomx vapuri tal-passiġġieri li jtajru l-bandiera tagħhom u li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva, jenħtieġ li tali Stati Membri jitħallew jidderogaw mid-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva. Dan ifisser li dment li din il-kondizzjoni tiġi ssodisfata, dawn mhumiex obbligati li jittrasponu din id-Direttiva.

    (27)

    Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-data ġie kkonsultat skont l-Artikolu 28(2) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 u pprovda kummenti formali fid-9 ta' Diċembru 2016.

    (28)

    Għalhekk jenħtieġ li d-Direttivi 98/41/KE u 2010/65/UE jiġu emendati kif meħtieġ,

    ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

    Artikolu 1

    Emendi għad-Direttiva 98/41/KE

    Id-Direttiva 98/41/KE hija emendata kif ġej:

    (1)

    l-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    it-tieni inċiż jinbidel b'dan li ġej:

    “—

    ‘vapur tal-passiġġieri’ għandha tfisser vapur jew opra tal-baħar ta' veloċità għolja li ġġorr aktar minn 12-il passiġġier,”;

    (b)

    is-sitt inċiż jinbidel b'dan li ġej:

    “—

    ‘reġistratur tal-passiġġieri’ għandha tfisser il-persuna responsabbli nnominata minn kumpannija sabiex tissodisfa l-obbligi, fejn applikabbli, tal-Kodiċi ISM jew persuna nnominata minn kumpannija bħala responsabbli għat-trasmissjoni ta' informazzjoni dwar persuni li jkunu imbarkaw fuq vapur tal-passiġġieri tal-kumpannija,”;

    (c)

    is-seba' inċiż jinbidel b'dan li ġej:

    “—

    ‘awtorità nnominata’ għandha tfisser l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru responsabbli għat-tiftix u s-salvataġġ jew ikkonċernata mill-konsegwenzi segwenti ta' inċident, li jkollha aċċess għall-informazzjoni meħtieġa skont din id-Direttiva,”;

    (d)

    id-disa' inċiż jitħassar;

    (e)

    fl-għaxar inċiż, il-frażi tal-bidu tinbidel b'dan li ġej:

    “—

    ‘servizz regolari’ għandha tfisser sensiela ta' vjaġġi ta' vapuri operati biex jaqdu traffiku bejn l-istess żewġ portijiet jew iżjed, jew sensiela ta' vjaġġi minn u lejn l-istess port mingħajr waqfiet intermedjarji, jew:”;

    (f)

    jiżdied l-inċiż li ġej:

    “—

    ‘żona ta' port’ għandha tfisser żona kif definita fil-punt (r) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/45/KE,”;

    (g)

    jiżdied l-inċiż li ġej:

    “—

    ‘jott għal skopijiet ta' divertiment/inġenju tal-baħar għal skopijiet ta' divertiment’ għandha tfisser bastiment li mhux involut fil-kummerċ, irrispettivament mill-mezz tal-propulsjoni tiegħu.”;

    (2)

    l-Artikolu 3 jinbidel b'dan li ġej:

    “L-Artikolu 3

    1.   Din id-Direttiva għandha tapplika għall-vapuri tal-passiġġieri, bl-eċċezzjoni ta':

    vapuri tal-gwerra u vapuri tat-truppi,

    jottijiet u inġenji tal-baħar għal skopijiet ta' divertiment,

    bastimenti esklużivament involuti f'żoni tal-port jew passaġġi fuq l-ilma interni.

    2.   L-Istati Membri li m'għandhomx portijiet marittimi u li m'għandhomx vapuri tal-passiġġieri li jtajru l-bandiera tagħhom li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva, jistgħu jidderogaw mid-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva bl-eċċezzjoni tal-obbligu stabbilit fit-tieni subparagrafu.

    Dawk l-Istati Membri li jkun beħsiebhom jagħmlu użu minn deroga bħal din għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mill-21 ta' Diċembru 2019 dwar jekk il-kondizzjonijiet ikunux issodisfati u għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni annwalment minn hemm 'il quddiem bi kwalunkwe bidla sussegwenti. Dawn l-Istati Membri m'għandhomx jippermettu li vapuri tal-passiġġieri li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva jtajru l-bandiera tagħhom sakemm ma jkunx ittrasponew u implimentaw din id-Direttiva.”;

    (3)

    fl-Artikolu 4, il-paragrafu 2 jinbidel b'dan li ġej:

    “2.   Qabel ma l-vapur tal-passiġġieri jitlaq, il-kaptan tal-vapur għandu jiġi mgħarraf bin-numru ta' persuni abbord, u dan in-numru għandu jiġi rappurtat permezz ta' mezzi tekniċi adatti fis-“single window” stabbilita skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2010/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1), jew, jekk l-Istat Membru jagħżel hekk, dan in-numru għandu jiġi mgħarraf lill-awtorità nominata permezz tas-Sistema ta' Identifikazzjoni Awtomatika.

    Għal perijodu transizzjonali ta' sitt snin mill-20 ta' Diċembru 2017, l-Istati Membri jistgħu jkomplu jippermettu li dik l-informazzjoni tiġi kkomunikata lir-reġistratur tal-passiġġieri tal-kumpannija jew fis-sistema tal-kumpannija bbażata fuq l-art li tagħmel l-istess funzjoni, minflok ma jenħtieġu li din tiġi rrappurtata fis-“single window” jew lill-awtorità nominata permezz tas-Sistema ta' Identifikazzjoni Awtomatika.

    (*1)  Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2010/65/UE tal-20 ta' Ottubru 2010 dwar il-formalitajiet ta' rappurtar għal vapuri li jaslu fi u/jew jitilqu minn portijiet tal-Istati Membri u li tħassar id-Direttiva 2002/6/KE (ĠU L 283, 29.10.2010, p. 1).”;"

    (4)

    l-Artikolu 5 jinbidel b'dan li ġej:

    “L-Artikolu 5

    1.   Fejn vapur tal-passiġġieri jitlaq minn port li jinsab fi Stat Membru sabiex jagħmel vjaġġ fejn id-distanza mbaħħra mill-punt tat-tluq sal-port ta' żjara li jmiss taqbeż l-20 mil, l-informazzjoni li ġejja għandha tiġi rreġistrata:

    il-kunjomijiet tal-persuni abbord, l-ewwel ismijiet tagħhom, is-sess tagħhom, in-nazzjonalità tagħhom,id-dati tat-twelid tagħhom,

    fuq għażla ta' passiġġier, l-informazzjoni dwar il- ħtieġa ta' kura jew għajnuna speċjali li tista' tkun meħtieġa f' sitwazzjoni ta' emerġenza,

    jekk l-Istat Membru jagħżel hekk, fuq għażla tal-passiġġier, numru ta' kuntatt f'każ ta' emerġenza.

    2.   L-informazzjoni elenkata fil-paragrafu 1 għandha tinġabar qabel it-tluq tal-vapur tal-passiġġieri u għandha tiġi rrappurtata fis-“single window” stabbilita skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2010/65/UE mat-tluq tal-vapur tal-passiġġieri imma f'ebda każ mhux aktar tard minn 15-il minuta wara t-tluq tiegħu.

    3.   Għal perijodu transizzjonali ta' sitt snin mill-20 ta' Diċembru 2017, l-Istati Membri jistgħu jkomplu jippermettu li dik l-informazzjoni tiġi komunikata lir-reġistratur tal-passiġġieri tal-kumpannija jew fis-sistema tal-kumpannija bbażata fuq l-art li tagħmel l-istess funzjoni, minflok ma jenħtieġu li din tiġi rappurtata fis-“single window”.

    4.   Mingħajr preġudizzju għal obbligi legali oħra li jikkonformaw mal-leġislazzjoni tal-Unjoni u dik nazzjonali dwar il-protezzjoni tad-data, id-data personali miġbura għall-finijiet ta' din id-Direttiva m'għandha tiġi pproċessata u użata għall-ebda skop ieħor. Data personali bħal din għandha dejjem tiġi ttrattata f'konformità mal-liġi tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data u l-privatezza, u għandha titħassar awtomatikament u mingħajr dewmien żejjed ladarba ma tkunx għadha meħtieġa.”;

    (5)

    fl-Artikolu 6, il-paragrafu 2 jinbidel b'dan li ġej:

    “2.   Kull Stat Membru, fir-rigward ta' kull vapur tal-passiġġieri li jtajjar il-bandiera ta' pajjiż terz, li jitlaq minn port li jinsab 'il barra mill-Unjoni u li jkun destinat lejn port li jinsab f'dak l-Istat Membru, għandu jeħtieġ li l-kumpannija tassigura li l-informazzjoni speċifikata fl-Artikoli 4(1) u 5(1) tingħata f'konformità mal-Artikoli 4(2) u 5(2).”;

    (6)

    l-Artikolu 8 jinbidel b'dan li ġej:

    “L-Artikolu 8

    1.   Kull kumpannija li tassumi responsabbiltà għall-operazzjoni ta' vapur tal-passiġġieri għandha, fejn meħtieġ taħt l-Artikoli 4 u 5 ta' din id-Direttiva, taħtar reġistratur tal-passiġġieri responsabbli għar-rappurtar tal-informazzjoni msemmija f'dawk id-dispożizzjonijiet fis-“single window” stabbilita skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2010/65/UE jew lill-awtorità nominata permezz tas-Sistema ta' Identifikazzjoni Awtomatika.

    2.   Id-data personali miġbura f'konformità mal-Artikolu 5 ta' din id-Direttiva għandha tinżamm mill-kumpannija għal mhux aktar żmien milli huwa meħtieġ għall-finijiet ta' din id-Direttiva, u fi kwalunkwe każ sal-mument biss li l-vjaġġ tal-vapur inkwistjoni jkun tlesta b'mod sikur u d-data tkun ġiet irrappurtata fis-“single window” stabbilita skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2010/65/UE. Mingħajr preġudizzju għal obbligi legali speċifiċi oħra skont id-dritt tal-Unjoni jew dak nazzjonali, inkluż għal finijiet ta' statistika, ladarba l-informazzjoni ma tibqax meħtieġa għal dan il-għan, din għandha titħassar awtomatikament u mingħajr dewmien żejjed.

    3.   Kull kumpannija għandha tiżgura li l-informazzjoni dwar il-passiġġieri li jkunu ddikjaraw ħtieġa għal kura jew assistenza speċjali f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza tiġi rreġistrata u kkomunikata korrettament lill-kaptan qabel ma jsalpa l-vapur tal-passiġġieri.”;

    (7)

    l-Artikolu 9 jiġi emendat kif ġej:

    (a)

    il-paragrafu 2 huwa emendat kif ġej:

    jitħassar il-punt (a);

    il-punti (b) u (c) jinbidlu b'dan li ġej:

    “2.   Stat Membru li mill-port tiegħu jsalpa vapur tal-passiġġieri jista' jeżentah mill-obbligu li jirrapporta n-numru ta' passiġġieri abbord fis-“single window” stabbilita skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2010/65/UE, taħt il-kundizzjoni li l-vapur ikkonċernat ma huwiex inġenju tal-baħar ta' veloċità għolja, li jopera servizzi regulari ta' inqas minn siegħa bejn portijiet tal-waqfa, jopera esklużivament fiż-żona tal-baħar D stabbilita skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2009/45/KE u tiġi żgurata l-prossimità tal-faċilitajiet tat-tiftix u s-salvataġġ f'dik iż-żona tal-baħar.

    Stat Membru jista' jeżenta vapuri tal-passiġġieri li jbaħħru bejn żewġ portijiet jew minn u lejn l-istess port mingħajr waqfiet intermedjarji mill-obbligi stipulati fl-Artikolu 5 ta' din id-Direttiva, taħt il-kundizzjoni li l-vapur ikkonċernat jopera esklużivament fiż-żona tal-baħar D stabbilita skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2009/45/KE, u tiġi żgurata l-prossimità tal-faċilitajiet tat-tiftix u s-salvataġġ f'dik iż-żona tal-baħar.”;

    jiżdied is-subparagrafu li ġej:

    “B'deroga mill-Artikolu 5(2) u mingħajr preġudizzju għall-perijodu ta' transizzjonali stabbilit fl-Artikolu 5 (3), l-Istati Membri li ġejjin għandu jkollhom id-dritt li japplikaw l-eżenzjonijiet li ġejjin:

    (i)

    Il-Ġermanja tista' testendi l-perijodi għall-ġbir u r-rappurtar tal-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 5(1) sa siegħa wara t-tluq fil-każ ta' vapuri tal-passiġġieri li joperaw minn u lejn il-gżira ta' Heligoland, u

    (ii)

    Id-Danimarka u l-Iżvezja jistgħu jestendu l-perijodi għall-ġbir u r-rappurtar tal-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 5(1) sa siegħa wara t-tluq fil-każ ta' vapuri tal-passiġġieri li joperaw minn u lejn il-gżira ta' Bornholm.”;

    (b)

    fil-paragrafu 3, il-punti (a) u (b) jinbidlu b'dan li ġej:

    “(a)

    l-Istat Membru għandu mingħajr dewmien jinnotifika lill-Kummissjoni dwar id-deċiżjoni tiegħu li jagħti eżenzjoni mill-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 5, u għandu jagħti r-raġunijiet sostantivi tiegħu għal dan. Din in-notifika għandha titwettaq permezz ta' bażi ta' data stabbilita u miżmuma mill-Kummissjoni għal dak il-għan, u li għaliha l-Kummissjoni u l-Istati Membri għandu jkollhom aċċess. Il-Kummissjoni għandha tagħmel disponibbli l-miżuri adottati fuq website aċċessibbli pubblikament;

    (b)

    jekk fi żmien sitt xhur minn tali notifika l-Kummissjoni tikkunsidra li l-eżenzjoni ma tkunx ġustifikata jew li jista' jkollha effetti negattivi fuq il-kompetizzjoni, il-Kummissjoni tista' tadotta atti ta' implimentazzjoni li jitolbu lill-Istat Membru jemenda jew jirtira d-deċiżjoni tiegħu. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 13(2).”;

    (c)

    fil-paragrafu 4, it-tielet subparagrafu jinbidel b'dan li ġej:

    “It-talba għandha tintbagħat lill-Kummissjoni permezz tal-bażi ta' data msemmija fil-paragrafu 3. Jekk fi żmien sitt xhur minn din it-talba l-Kummissjoni tikkunsidra li d-deroga ma tkunx ġustifikata jew jista' jkollha effetti negattivi fuq il-kompetizzjoni, il-Kummissjoni tista' tadotta atti ta' implimentazzjoni li jitolbu li l-Istat Membru jemenda jew li ma jadottax id-deċiżjoni proposta. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 13(2).”;

    (8)

    l-Artikolu 10 jinbidel b'dan li ġej:

    “L-Artikolu 10

    1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumpanniji jkollhom proċedura ta' reġistrazzjoni ta' data attwata li tiggarantixxi li l-informazzjoni mitluba minn din id-Direttiva tiġi rrappurtata b'mod preċiż u fil-ħin.

    2.   Kull Stat Membru għandu jinnomina l-awtorità li ser ikollha aċċess għall-informazzjoni meħtieġa skont din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fil-każ ta' emerġenza jew wara inċident, dik l-awtorità nnominata jkollha aċċess immedjat għall-informazzjoni meħtieġa skont din id-Direttiva.

    3.   Id-data personali miġbura skont l-Artikolu 5 għandha tinżamm mill-Istati Membri mhux aktar milli meħtieġ għall-finijiet ta' din id-Direttiva u fi kwalunkwe każ, mhux iżjed minn:

    (a)

    sal-mument li l-vjaġġ tal-vapur inkwistjoni jintemm b'mod sikur, iżda f'kull każ mhux iżjed minn 60 jum wara t-tluq tal-vapur; jew

    (b)

    fil-każ ta' emerġenza jew wara inċident, sakemm ikunu ntemmu kwalunkwe investigazzjoni jew proċedimenti ġudizzjarji.

    4.   Mingħajr preġudizzju għal obbligi legali speċifiċi oħra skont id-dritt tal-Unjoni jew dak nazzjonali, inkluż obbligi għal finijiet ta' statistika, ladarba l-informazzjoni ma tibqax meħtieġa għall-għanijiet ta' din id-Direttiva, din għandha titħassar awtomatikament u mingħajr dewmien żejjed.”;

    (9)

    l-Artikolu 11 jinbidel b'dan li ġej:

    “L-Artikolu 11

    1.   Għall-finijiet ta' din id-Direttiva d-data meħtieġa għandha tinġabar u tiġi reġistrata b'tali mod li ebda dewmien żejjed ma jiġi kkawżat għal passiġġieri li jimbarkaw jew jiżbarkaw minn fuq il-bastiment.

    2.   Multipliċità ta' ġbir ta' data dwar l-istess rotot jew dwar rotot simili għandha tkun evitata.”;

    (10)

    jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

    “L-Artikolu 11a

    1.   L-ipproċessar tad-data personali skont din id-Direttiva għandu jsir f'konformità mar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*2).

    2.   L-ipproċessar tad-data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni skont din id-Direttiva, bħal pereżempju fis-“Single Window” u fis-SafeSeaNet, għandu jsir skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*3).

    (*2)  Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1)."

    (*3)  Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta' dak id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).”;"

    (11)

    l-Artikolu 12 jinbidel b'dan li ġej:

    “L-Artikolu 12

    1.   F'ċirkostanzi eċċezzjonali, fejn ikun debitament ġustifikat b'analiżi adatta mill-Kummissjoni u sabiex tiġi evitata theddida serja u inaċċettabbli għas-sikurezza marittima jew inkompatibbiltà mal-leġislazzjoni marittima tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandha s-setgħa tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 12a, li jemenda din id-Direttiva sabiex għall-finijiet ta' din id-Direttiva, ma tiġix applikata emenda għall-istrumenti internazzjonali msemmija fl-Artikolu 2.

    2.   Dawk l-atti delegati għandhom jiġu adottati tal-anqas tliet xhur qabel l-iskadenza tal-perijodu stabbilit internazzjonalment għall-aċċettazzjoni taċita tal-emenda konċernata jew id-data prevista għad-dħul fis-seħħ ta' din l-emenda. Fil-perijodu ta' qabel id-dħul fis-seħħ ta' tali att delegat, l-Istati Membri għandhom joqogħdu lura minn kwalunkwe inizjattiva maħsuba biex tintegra l-emenda f'leġislazzjoni nazzjonali jew biex tapplika l-emenda għall-istrument internazzjonali konċernat.”;

    (12)

    jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

    “L-Artikolu 12a

    1.   Is-setgħa li jiġu adottati l-atti delegati msemmija fl-Artikolu 12 tingħata lill-Kummissjoni soġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

    2.   Is-setgħa li jiġu adottati l-atti delegati msemmija fl-Artikolu 12 għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perijodu ta' seba' snin mill-20 ta' Diċembru 2017. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport dwar id-delega tas-setgħa mhux aktar tard minn disa' xhur qabel tmiem il-perijodu ta' seba' snin. Id-delega tas-setgħa għandha tiġi estiża b'mod taċitu għal perijodi ta' tul ta' żmien identiku, sakemm il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma joġġezzjonawx għal din l-estensjoni mhux aktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta' kull perijodu.

    3.   Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikoli 12 tista' tiġi rrevokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta' revoka ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fiha. M'għandhiex taffettwa l-validità ta' kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

    4.   Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta mal-esperti nnominati minn kull Stat Membru f'konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

    5.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

    6.   Att delegat li jiġi adottat skont l-Artikolu 12 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tkun saret l-ebda oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill it-tnejn ikunu informaw lill-Kummissjoni li mhux ser joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.”.

    (13)

    l-Artikolu 13 jiġi emendat kif ġej:

    (a)

    il-paragrafu 2 jinbidel b'dan li ġej:

    “2.   Fejn ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*4).

    (*4)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).”;"

    (b)

    il-paragrafu 3 jitħassar;

    (14)

    jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

    “L-Artikolu 14a

    Il-Kummissjoni għandha tevalwa l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva u tissottometti r-riżultati tal-evalwazzjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sat-22 ta' Diċembru 2026.

    Sat-22 ta' Diċembru 2022, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport interim lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva.”.

    Artikolu 2

    Emendi għall-Anness tad-Direttiva 2010/65/UE

    Fil-Parti A tal-Anness tad-Direttiva 2010/65/UE, għandu jiżdied il-punt li ġej:

    “7.   Informazzjoni dwar persuni abbord

    L-Artikoli 4(2) u 5(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 98/41/KE tat-18 ta' Ġunju 1998 dwar ir-reġistrazzjoni ta' persuni li jbaħħru abbord vapuri tal-passiġġieri li joperaw lejn jew minn portijiet tal-Istati Membri tal-Komunità (ĠU L 188, 2.7.1998, p. 35).”.

    Artikolu 3

    Traspożizzjoni

    1.   Sal-21 ta' Diċembru 2019, l--Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw il-miżuri meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva. Huma għandhom minnufih jgħarrfu lill-Kummissjoni f'dak ir-rigward.

    Għandhom japplikaw dawk il-miżuri mill-21 ta' Diċembru 2019.

    Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom jinkludu dik ir-referenza meta jiġu ppubblikati uffiċjalment. Il-metodi ta' kif issir dik ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

    2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tal-miżuri ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jaddottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

    Artikolu 4

    Dħul fis-seħħ

    Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 5

    Destinatarji

    Din id-Direttiva hi indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Strasburgu, il-15 ta' Novembru 2017.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    A. TAJANI

    Għall-Kunsill

    Il-President

    M. MAASIKAS


    (1)  ĠU C 34, 2.2.2017, p. 172.

    (2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Ottubru 2017 (għandha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2017.

    (3)  Direttiva tal-Kunsill 98/41/KE tat-18 ta' Ġunju 1998 dwar ir-reġistrazzjoni ta' persuni li jbaħħru abbord vapuri tal-passiġġieri li joperaw lejn jew minn portijiet tal-Istati Membri tal-Komunità (ĠU L 188, 2.7.1998, p. 35).

    (4)  Direttiva 2010/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ottubru 2010 dwar il-formalitajiet ta' rappurtar għal bastimenti li jaslu fi u/jew jitilqu minn portijiet tal-Istati Membri u li tħassar id-Direttiva 2002/6/KE (ĠU L 283, 29.10.2010, p. 1).

    (5)  Direttiva 2002/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Ġunju 2002 li tistabbilixxi sistema għall-monitoraġġ u l-informazzjoni dwar it-traffiku tal-bastimenti fil-Komunità u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/75/KEE (ĠU L 208, 5.8.2002, p. 10).

    (6)  Direttiva 2009/45/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Mejju 2009 dwar regoli u standards ta' sigurtà għal vapuri tal-passiġġieri (ĠU L 163, 25.6.2009, p. 1).

    (7)  Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

    (8)  Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dak id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).

    (9)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).


    Top