Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016D2118

    Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/2118 tat-28 ta' Ottubru 2016 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim ta' Sħubija Strateġika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u l-Kanada, min-naħa l-oħra

    ĠU L 329, 3.12.2016, p. 43–44 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2016/2118/oj

    Related international agreement

    3.12.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 329/43


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2016/2118

    tat-28 ta' Ottubru 2016

    dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim ta' Sħubija Strateġika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u l-Kanada, min-naħa l-oħra

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 31(1) u l-Artikolu 37 tiegħu,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 212(1), flimkien mal-Artikolu 218(5) u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 218(8) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta konġunta mill-Kummissjoni Ewropea u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

    Billi:

    (1)

    Fit-8 ta' Diċembru 2010 il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni u lir-Rappreżentant Għoli biex jiftħu negozjati mal-Kanada għal Ftehim Qafas li jieħu post id-Dikjarazzjoni Politika Konġunta dwar ir-relazzjonijiet EU-Kanada tal-1996.

    (2)

    Meta titqies ir-relazzjoni storikament viċina u r-rabtiet dejjem eqreb bejn il-Partijiet, kif ukoll ix-xewqa tagħhom li jsaħħu u jwessgħu r-relazzjonijiet b'mod ambizzjuż u innovattiv, in-negozjati dwar il-Ftehim ta' Sħubija Strateġika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u l-Kanada, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”) ġew konklużi b'suċċess bl-inizjalar tal-Ftehim f'Ottawa fit-8 ta' Settembru 2014.

    (3)

    L-Artikolu 30 tal-Ftehim jipprevedi l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim qabel ma jidħol fis-seħħ.

    (4)

    Il-Ftehim għandu jiġi ffirmat f'isem l-Unjoni. Il-Ftehim għandu jiġi applikat parzjalment, fuq bażi provviżorja f'konformità mal-Artikolu 30 tiegħu, sa metajitlestew il-proċeduri neċessarji għall-konklużjoni tiegħu.

    (5)

    L-iffirmar tal-Ftehim f'isem l-Unjoni u l-applikazzjoni provviżorja ta' partijiet tal-Ftehim huma mingħajr preġudizzju għall-allokazzjoni ta' kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha f'konformità mat-Trattati,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    1.   L-iffirmar f'isem l-Unjoni tal-Ftehim ta' Sħubija Strateġika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u l-Kanada, min-naħa l-oħra, huwa b'dan approvat, soġġett għall-konklużjoni ta' dak il-Ftehim.

    2.   It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Il-President tal-Kunsill huwa b'dan awtorizzat jindika l-persuna jew persuni bis-setgħa li jiffirmaw il-Ftehim f'isem l-Unjoni.

    Artikolu 3

    1.   Sakemm il-Ftehim jidħol fis-seħħ, f'konformità mal-Artikolu 30 tal-Ftehim u soġġett għan-notifiki previsti fih, il-partijiet segwenti tal-Ftehim għandhom jiġu applikati b'mod provviżorju bejn l-Unjoni u l-Kanada, iżda biss sa fejn dawn ikopru materji li jaqgħu fil-kompetenza tal-Unjoni, inkluż materji li jaqgħu fil-kompetenza tal-Unjoni rigward id-definizzjoni u l-implimentazzjoni ta' politika estera u ta' sigurtà komuni:

    (a)

    Titolu I: l-Artikolu 1;

    (b)

    Titolu II: l-Artikolu 2;

    (c)

    Titolu III: l-Artikolu 4(1), l-Artikolu 5 u l-Artikolu 7(b);

    (d)

    Titolu IV:

    l-Artikolu 9, l-Artikoli 10(2), 10(3), 12(4), 12(5) u 12(10), u l-Artikoli 14, 15, 16 u 17;

    l-Artikoli 12(6), 12(7), 12(8), 12(9) u l-Artikolu 13, sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet huma limitati għall-materji li fir-rigward tagħhom l-Unjoni tkun diġà eżerċitat il-kompetenzi tagħha internament;

    (e)

    Titolu V: l-Artikolu 23(2);

    (f)

    Titolu VI: l-Artikoli 26, 27 u 28;

    (g)

    Titolu VII: l-Artikoli 29, 30, 31, 32, 33 u 34, sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet huma limitati għall-fini li tiġi żgurata l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim.

    2.   Id-data li minnha l-Ftehim ser jiġi applikat provviżorjament ser tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.

    Artikolu 4

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data wara dik tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fi Brussell, it-28 ta' Ottubru 2016.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    M. LAJČÁK


    Top