This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32016O0015
Guideline (EU) 2016/1061 of the European Central Bank of 26 May 2016 amending Guideline ECB/2008/8 on data collection regarding the euro and the operation of the Currency Information System 2 (ECB/2016/15)
Linja Gwida (UE) 2016/1061 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-26 ta' Mejju 2016 li temenda l-Linja Gwida BĊE/2008/8 dwar ġbir ta' dejta dwar l-euro u l-operazzjoni tal-Currency Information System 2 (BĊE/2016/15)
Linja Gwida (UE) 2016/1061 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-26 ta' Mejju 2016 li temenda l-Linja Gwida BĊE/2008/8 dwar ġbir ta' dejta dwar l-euro u l-operazzjoni tal-Currency Information System 2 (BĊE/2016/15)
ĠU L 173, 30.6.2016, p. 102–107
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
30.6.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 173/102 |
LINJA GWIDA (UE) 2016/1061 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW
tas-26 ta' Mejju 2016
li temenda l-Linja Gwida BĊE/2008/8 dwar ġbir ta' dejta dwar l-euro u l-operazzjoni tal-Currency Information System 2 (BĊE/2016/15)
Il-kunsill governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 128 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b'mod partikolari l-Artikoli 5 u 16 tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3603/93 tat-13 ta' Diċembru 1993, li jispeċifika definizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-projbizzjonijiet li hemm referenza għalihom fl-Artikoli 104 u 104b(1) tat-Trattat (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 6 tiegħu,
Billi:
(1) |
L-Artikolu 128(1) tat-Trattat u l-Artikolu 16 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (minn hawn 'il quddiem l-“Istatut tas-SEBĊ”) jipprovdu li l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għandu d-dritt esklussiv li jawtorizza l-ħruġ ta' karti tal-flus euro fi ħdan l-Unjoni. |
(2) |
L-Artikolu 128(2) tat-Trattat jipprovdi li l-Istati Membri jistgħu joħorġu muniti soġġett għall-approvazzjoni mill-BĊE tal-volum tal-ħruġ. Għalhekk, il-BĊE jadotta deċiżjonijiet annwali li japprovaw il-volum ta' ħruġ ta' muniti mill-Istati Membri li adottaw l-euro (iktar 'il quddiem l-“Istati Membri parteċipanti”) u deċiżjonijiet li japprovaw volumi addizzjonali ta' ħruġ ta' muniti minn Stat Membru wieħed jew minn bosta Stati Membri parteċipanti fuq bażi ad hoc. |
(3) |
L-Artikolu 5 tal-Istatut tas-SEBĊ jipprovdi li biex ikun jista' jwettaq il-kompiti tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali (SEBĊ) il-BĊE, assistit mill-banek ċentrali nazzjonali (BĊNi), għandu jiġbor it-tagħrif statistiku meħtieġ, li jikkonsisti f'tagħrif statistiku fil-qasam tal-ħruġ ta' karti tal-flus u muniti euro. |
(4) |
Barra minn hekk, jeħtieġ li l-BĊE jiġbor informazzjoni għall-iskop tal-monitoraġġ tal-konformità mal-projbizzjoni stabbilita mill-Artikolu 123 tat-Trattat u implimentata bir-Regolament (KE) Nru 3603/93. B'mod partikolari, l-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 3603/93 jipprovdi li kwalunkwe ż-żamma minn kwalunkwe BĊNi ta' muniti euro maħruġa minn u kkreditati lis-settur pubbliku m'għandhomx jitqiesu bħala faċilità ta' kreditu skont it-tifsira tal-Artikolu 123 tat-Trattat fejn l-ammonti ta' dawk l-assi jibqgħu inqas minn 10 % tal-muniti fiċ-ċirkolazzjoni. |
(5) |
Mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi tal-Istati Membri fir-rigward tal-ħruġ ta' muniti euro, u meta jitqies ir-rwol essenzjali tal-biċċa l-kbira tal-BĊNi fid-distribuzzjoni tal-muniti euro, biex iwettqu l-kompiti deskritti hawn fuq, il-BĊE, flimkien mal-BĊNi, għandhom bżonn jiġbru dejta dwar karti tal-flus u muniti euro. Tali ġbir ta' dejta għandu jiffaċilita t-teħid ta' deċiżjonijiet fil-qasam tal-ħruġ ta' karti ta' flus u muniti euro u għandu jippermetti lill-BĊE jimmonitorja l-konformità ma' kwalunkwe deċiżjonijiet f'dan il-qasam fir-rigward tal-ippjanar tal-produzzjoni tal-karti tal-flus euro u l-koordinazzjoni tal-ħruġ tagħhom, it-tqegħid ta' karti tal-flus euro f'ċirkolazzjoni u l-arranġament ta' kwalunkwe trasferiment neċessarju ta' karti ta' flus euro bejn il-BĊNi. L-effetti ta' sinerġija ta' dak il-ġbir ta' dejta għandhom jippermettu wkoll lill-BĊE biex jipprovdi dejta, fejn dan jintalab, lill-istituzzjonijiet u l-korpi b'kompetenzi fir-rigward tal-muniti euro. |
(6) |
Il-proċedura għall-ġbir ta' dejta relatata ma' karti tal-flus euro teħtieġ li tiġi mtejba, b'mod partikolari billi jiġu integrati ċerti elementi tal-Artikolu 2a tal-Linja Gwida BĊE/2008/8 (2) fl-Artikolu 2 u billi jitħassru elementi li m'għadhomx meħtieġa. |
(7) |
Il-proċedura għall-ġbir ta' dejta relatata ma' muniti euro għandha tiġi mtejba wkoll. |
(8) |
Definizzjoni tat-terminu “entitajiet li joħorġu muniti” skont l-Artikolu 128(2) tat-Trattat għandha tiġi inkluża għal raġunijiet ta' ċertezza legali. |
(9) |
Il-proċedura għall-ġbir ta' dejta relatata ma' infrastruttura ta' flus kontanti u attivitajiet operazzjonali ta' terzi għandha tittejjeb ukoll. Ċerti dispożizzjonijiet li jiddefinixxu meta d-dejta għandha tiġi rrapportata għall-ewwel darba u li tiddefinixxi perijodi tranżitorji m'għadhomx meħtieġa. |
(10) |
L-aċċess għall-Currency Information System 2 (CIS 2) ser ikun ristrett għall-BĊE, il-BĊNi u kwalunkwe BĊN futur fl-Eurosistema. Il-possibbiltà li jingħata aċċess lil terzi eliġibbli mhux ser tibqa' disponibbli. Terzi interessati, bħall-Kummissjoni Ewropea u entitajiet li joħorġu muniti fir-rigward ta' dejta relatata ma' muniti, ser jiġu infurmati mid-Direttorat tal-BĊE għall-Karti tal-Flus. |
(11) |
Aktar emendi minuri huma meħtieġa biex jiġu aġġornati l-proċeduri għall-ġbir ta' informazzjoni statistika fil-qasam tal-ħruġ ta' karti tal-flus u muniti euro. |
(12) |
Għalhekk, il-Linja Gwida BĊE/2008/8 għandha tiġi emendata kif meħtieġ, |
ADOTTA DIN IL-LINJA GWIDA:
Artikolu 1
Emendi
Il-Linja Gwida BĊE/2008/8 hija emendata kif ġej:
1. |
Fl-Artikolu 1, il-paragrafu 1 huwa emendat skont kif ġej:
|
2. |
L-Artikolu 2 huwa ssostitwit b'dan li ġej: “Artikolu 2 Ġbir ta' dejta relatata mal-karti tal-flus euro 1. Il-BĊNi għandhom jirrapurtaw lill-BĊE id-dejta tas-CIS 2 relatata mal-karti tal-flus euro, i.e. l-elementi tad-dejta speċifikati fil-Parti 1 tal-Anness I u fl-Anness VII, waqt li josservaw il-frekwenza tar-rapportar speċifikata fihom u r-regoli ta' prenotazzjoni speċifikati fil-Parti 3 tal-Anness I. 2. Il-BĊNi għandhom jittrażmettu d-dejta ta' kull xahar identifikata bħala dejta mmexxija minn avvenimenti relatata ma' karti tal-flus euro sa mhux aktar tard mis-sitt ġurnata ta' xogħol tax-xahar ta' wara l-perijodu ta' rappurtar. 3. Il-BĊNi għandhom jittrażmettu d-dejta ta' kuljum identifikata bħala dejta mmexxija minn avvenimenti relatata ma' karti tal-flus euro sa mhux aktar tard mill-17.00, Ħin Ċentrali Ewropew (CET) (****) fil-jum ta' ħidma ta' wara l-perijodu ta' rapportar. 4. Il-BĊNi għandhom jużaw il-mekkaniżmu ta' trażmissjoni CIS2 biex jittrażmettu d-dejta relatata mal-karti tal-flus euro lill-BĊE skont din il-Linja Gwida. (****) Is-CET iqis il-bidla għall-Ħin tas-Sajf tal-Ewropa Ċentrali (Central European Summer Time).”;" |
3. |
L-Artikolu 2a huwa mħassar; |
4. |
L-Artikolu 3 huwa ssostitwit b'dan li ġej: “Artikolu 3 Ġbir ta' dejta relatata mal-muniti euro 1. Il-BĊNi għandhom jiġbru d-dejta tas-CIS 2 relatata mal-muniti euro, i.e. l-elementi ta' dejta speċifikati fil-Parti 1 tal-Anness II, mill-entitajiet relevanti li joħorġu muniti euro fl-Istati Membri tagħhom. 2. Il-BĊNi għandhom jirrapportaw lill-BĊE dejta tas-CIS 2 relatata mal-muniti euro fuq bażi ta' kull xahar, waqt li josservaw ir-regoli ta' prenotazzjoni speċifikati fil-Parti 3 tal-Anness II. 3. Il-BĊNi għandhom jużaw il-mekkaniżmu ta' trażmissjoni CIS2 biex jittrażmettu d-dejta relatata mal-karti tal-flus euro lill-BĊE skont din il-Linja Gwida.”; |
5. |
L-Artikolu 4 huwa emendat skont kif ġej:
|
6. |
fl-Artikolu 5, il-paragrafu 1 huwa mibdul b'dan li ġej: “1. BĊN għandu jinkludi fl-arranġamenti kuntrattwali li huwa jinkludi ma' BĊN futur tal-Eurosistema skont l-Artikolu 3(3) tal-Linja Gwida BĊE/2006/9 (*****), dispożizzjonijiet speċifiċi dwar l-obbligi ta' rapportar stipulati f'dik il-Linja Gwida. Barra minn hekk, l-arranġamenti kuntrattwali għandhom jeħtieġu li l-BĊN futur tal-Eurosistema jirrapporta lill-BĊE fuq bażi ta' kull xahar l-elementi ta' dejta speċifikati fit-Taqsimiet 4 u 5 tat-tabella tal-Anness I u t-Taqsimiet 4 u 7 tat-tabella fl-Anness II. Il-BĊN futur tal-Eurosistema għandu jkun meħtieġ li jirrapporta waqt li josserva mutatis mutandis ir-regoli ta' prenotazzjoni speċifikati fil-Parti 3 tal-Anness I u l-Parti 3 tal-Anness II, relatati ma' kwalunkwe karti tal-flus euro u/jew muniti li huwa jissellef mingħand BĊN u li jkunu ġew ikkonsenjati lilu mill-istess BĊN. Meta BĊN futur tal-Eurosistema ma jkunx ikkonkluda dawn il-ftehimiet kontrattwali ma' BĊN, il-BĊE għandu jikkonkludi dawn il-ftehimiet kontrattwali ma' dak il-BĊN futur tal-Eurosistema, inklużi l-obbligazzjonijiet ta' rappurtar riferiti f'dan l-Artikolu. (*****) Linja Gwida BĊE/2006/9 tal-14 ta' Lulju 2006, dwar ċerti preparazzjonijiet għat-tibdil tal-flus kontanti euro u dwar il-frontloading u s-subfrontloading tal-karti tal-flus u muniti euro barra ż-żona tal-euro (ĠU L 207, 28.7.2006, p. 39).”;" |
7. |
fl-Artikolu 5, il-paragrafu 4 huwa mibdul b'dan li ġej: “4. Il-BĊNi għandhom jużaw il-mekkaniżmu ta' trażmissjoni CIS2 biex jittrażmettu d-dejta msemmija fil-paragrafu 1.”; |
8. |
fl-Artikolu 6, il-paragrafu 3 huwa mibdul b'dan li ġej: “3. Il-BĊNi għandhom jittrasmettu b'mod tempestiv lill-BĊE, meta jintalbu jagħmlu dan, il-parametri tas-sistema speċifikati fl-Anness IV u għandhom jittrasmettu wkoll lill-BĊE kwalunkwe bidla sussegwenti fil-parametri tas-sistema.”; |
9. |
fl-Artikolu 7, il-paragrafu 1 huwa mibdul b'dan li ġej: “1. BĊNi għandhom jieħdu miżuri xierqa biex jiżguraw il-kompletezza u l-korrettezza tad-dejta meħtieġa skont din il-Linja ta' Gwida qabel jittrażmettuha lill-BĊE. Bħala minimu, huma għandhom iwettqu:
L-applikazzjoni CIS 2 għandha tiċħad messaġġi ta' dejta li ma jkunux jinkludu elementi ta' dejta tal-kategorija 1 kif iddefinit fl-Anness I sa III u fl-Anness VII, li għandhom jiġu rrapportati għall-perijodu ta' rapportar rispettiv.”; |
10. |
L-Artikolu 8 huwa ssostitwit b'dan li ġej: “Artikolu 8 Aċċess għas-CIS 2 1. Malli jirċievi talba għal aċċess minn utent elettroniku permezz tal-IAM u soġġett għall-konklużjoni tal-arranġamenti kuntrattwali separati deskritti fil-paragrafu 2, il-BĊE għandu jagħti aċċess lis-CIS 2 għall-utenti individwali minn kull BĊN u kull BĊN futur tal-Eurosistema, soġġett għad-disponibbiltà u l-kapaċità. 2. Ir-responsabbiltà għall-ġestjoni teknika tal-utenti għall-utenti individwali għandha tiġi stipulata f'arranġamenti kuntrattwali separati bejn il-BĊE u BĊN għall-utenti individwali tiegħu u bejn il-BĊE u BĊN futur tal-Eurosistema għall-utenti individwali ta' dan tal-aħħar. Il-BĊE jista' jinkorpora wkoll f'dawn il-ftehimiet kontrattwali referenzi għal ftehimiet dwar il-ġestjoni tal-utenti, standards ta' sigurtà u kundizzjonijiet għal-liċenzjar applikabbli għas-CIS 2.”; |
11. |
fl-Artikolu 11, il-paragrafu 2 huwa ssostitwit skont kif ġej: “2. Skont l-Artikolu 17.3 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Bord Eżekuttiv għandu jkun awtorizzat li jagħmel emendi tekniċi għall-Annessi f'din il-Linja Gwida u għall-ispeċifikazzjonijiet tal-mekkaniżmu ta' trasmissjoni tas-CIS 2, wara li jqis il-fehmiet tal-Kumitat tal-Karti tal-Flus, tal-Kumitat Legali u tal-Kumitat tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni.”. |
Artikolu 2
Dħul fis-seħħ u implimentazzjoni
1. Din il-Linja Gwida għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tan-notifika tagħha lill-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro.
2. Il-banek ċentrali tal-Eurosistema għandhom jikkonformaw ma' din il-Linja Gwida mill-1 ta' Lulju 2016.
Artikolu 3
Destinatarji
Din il-Linja Gwida hija indirizzata lill-banek ċentrali kollha tal-Eurosistema.
Magħmul fi Frankfurt am Main, 26 ta' Mejju 2016.
Għall-Kunsill Governattiv tal-BĊE
Il-President tal-BĊE
Mario DRAGHI
(1) ĠU L 332, 31.12.1993, p. 1. L-Artikoli 104 u 104b(1) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea ġew issostitwiti bl-Artikolu 126 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.
(2) Linja Gwida BĊE/2008/8 tal-11 ta' Settembru 2008 fuq il-ġbir ta' dejta dwar l-euro u l-operazzjoni tal-Currency Information System 2 (ĠU L 346, 23.12.2008, p. 89).