This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32015D1612
Commission Implementing Decision (EU) 2015/1612 of 23 September 2015 amending Decision 2008/961/EC on the use by third countries' issuers of securities of certain third country's national accounting standards and International Financial Reporting Standards to prepare their consolidated financial statements (notified under document C(2015) 6369) (Text with EEA relevance)
Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1612 tat-23 ta' Settembru 2015 li temeda d-Deċiżjoni 2008/961/KE dwar l-użu, min-naħa ta' emittenti ta' titoli ta' pajjiżi terzi, tal-istandards nazzjonali tal-kontabbiltà ta' ċerti pajjiżi terzi u l-istandards internazzjonali tar-rappurtar finanzjajru biex jippreparaw ir-rapporti finanzjarji konsolidati tagħhom (notifikata bid-dokument C(2015) 6369) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1612 tat-23 ta' Settembru 2015 li temeda d-Deċiżjoni 2008/961/KE dwar l-użu, min-naħa ta' emittenti ta' titoli ta' pajjiżi terzi, tal-istandards nazzjonali tal-kontabbiltà ta' ċerti pajjiżi terzi u l-istandards internazzjonali tar-rappurtar finanzjajru biex jippreparaw ir-rapporti finanzjarji konsolidati tagħhom (notifikata bid-dokument C(2015) 6369) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
ĠU L 249, 25.9.2015, p. 26–27
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
25.9.2015 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 249/26 |
DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/1612
tat-23 ta' Settembru 2015
li temeda d-Deċiżjoni 2008/961/KE dwar l-użu, min-naħa ta' emittenti ta' titoli ta' pajjiżi terzi, tal-istandards nazzjonali tal-kontabbiltà ta' ċerti pajjiżi terzi u l-istandards internazzjonali tar-rappurtar finanzjajru biex jippreparaw ir-rapporti finanzjarji konsolidati tagħhom
(notifikata bid-dokument C(2015) 6369)
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Diċembru 2004 dwar l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti ta' trasparenza f'dak li għandu x'jaqsam ma' informazzjoni dwar emittenti li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f'suq regolat u li temenda d-Direttiva 2001/34/KE (1), u b'mod partikolari t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 23(4) tagħha,
Billi:
(1) |
Skont l-Artikolu 23 tad-Direttiva 2004/109/KE, l-emittenti ta' pajjiżi terzi jistgħu jiġu eżentati mir-rekwiżit li jippreparaw kontijiet konsolidati skont l-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju (IFRS) adottati fl-Unjoni, jekk il-Prinċipji ta' Kontabbiltà Ġeneralment Aċċettati (GAAP) tal-pajjiżi terzi inkwistjoni jistipulaw rekwiżiti ekwivalenti. Sabiex tiġi vvalutata l-ekwivalenza tal-GAAP ta' dak il-pajjiż terz mal-IFRS adottati, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1569/2007 (2) jipprovdi għal definizzjoni tal-ekwivalenza u jistabbilixxi mekkaniżmu għad-determinazzjoni tal-ekwivalenza tal-GAAP ta' pajjiż terz. |
(2) |
Huwa importanti li jiġu vvalutati l-isforzi ta' dawk il-pajjiżi li ħadu l-passi biex jikkonverġu l-istandards tal-kontabbiltà tagħhom mal-IFRS jew biex jadottaw lil dawn tal-aħħar. Għaldaqstant, ir-Regolament (KE) Nru 1569/2007 għandu jiġi emendat biex il-perjodu ta' ekwivalenza temporanja jiġi estiż sal-31 ta' Marzu 2016. |
(3) |
Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/961/KE (3) ipprovdiet li qabel is-snin finanzjarji li jibdew fl-1 ta' Jannar 2015 jew wara, l-emittenti ta' pajjiżi terzi jitħallew jippreparaw ir-rapporti finanzjarji konsolidati annwali u ta' kull sitt xhur tagħhom skont il-GAAP tal-Indja. |
(4) |
Il-Gvern tal-Indja u l-Indian Institute of Chartered Accountants impenjaw ruħhom pubblikament li jadottaw l-IFRS sal-31 ta' Diċembru 2011 bil-għan li sa dakinhar il-GAAP Indjani jkunu konformi għalkollox mal-IFRS. Dan il-proċess iddewwem. F'Ottubru 2014, l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) issottomettiet lill-Kummissjoni rapport dwar l-ekwivalenza tal-GAAP Indjani. F'dan ir-rapport, l-ESMA osservat li l-GAAP Indjani jidher li fihom għadd ta' differenzi mill-IFRS li fil-prattika, jistgħu jkunu sinifikanti. |
(5) |
F'Marzu 2014 l-Indian Institute of Chartered Accountants ippubblika pjan direzzjonali ġdid għall-implimentazzjoni tal-konverġenza tal-GAAP Indjani mal-IFRS. Fit-2 ta' Jannar 2015, il-Ministeru tal-Affarijiet Korporattivi tal-Indja ħabbar pjan direzzjonali rivedut għall-implimentazzjoni tal-GAAP Indjani li se jiġu konverġuti mal-IFRS. Dan il-pjan direzzjonali jipprevedi l-użu obbligatorju tal-GAAP Indjani, konverġuti mal-IFRS, mill-kumpaniji elenkati kollha għall-perjodi tal-kontabbiltà li jibdew fl-1 ta' April 2016 jew wara. Madankollu, għad hemm inċertezzi dwar l-iskeda għall-implimentazzjoni tas-sistema tar-rappurtar konformi mal-IFRS u tl-infurzar tal-IFRS. |
(6) |
Għalhekk, huwa xieraq li l-perjodu tranżizzjonali jiġi estiż sal-31 ta' Marzu 2016, sabiex jippermetti lill-emittenti ta' pajjiżi terzi jippreparaw ir-rapporti finanzjarji annwali u ta' kull sitt xhur tagħhom skont il-GAAP Indjani fl-Unjoni. Dan il-perjodu addizzjonali għandu jkun biżżejjed biex jippermetti lill-awtoritajiet Indjani jlestu l-konverġenza tal-GAAP Indjani mal-IFRS. |
(7) |
Peress li l-perjodu tranżizzjonali li matulu d-Deċiżjoni 2008/961/KE tat ekwivalenza lill-GAAP Indjani ntemm fil-31 ta' Diċembru 2014, għar-raġuni taċ-ċertezza legali, din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta' Jannar 2015. |
(8) |
Għalhekk, id-Deċiżjoni 2008/961/KE għandha tiġi emendata skont dan. |
(9) |
Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Ewropew tat-Titoli, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2008/961/KE, id-data l-1 ta' Jannar 2015 tinbidel bid-data l-1 ta' April 2016.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
Din id-Deċiżjoni tapplika mill-1 ta' Jannar 2015.
Magħmul fi Brussell, it-23 ta' Settembru 2015.
Għall-Kummissjoni
Jonathan HILL
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 390, 31.12.2004, p. 38.
(2) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1569/2007 tal-21 ta' Diċembru 2007 li jistabbilixxi mekkaniżmu għad-determinazzjoni tal-ekwivalenza għall-istandards tal-kontabilità applikati mill-emittenti tal-pajjiż terz ta' titoli skont id-Direttiva 2003/71/KE u 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 340, 22.12.2007, p. 66).
(3) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/961/KE tat-12 ta' Diċembru 2008 dwar l-użu, min-naħa ta' emittenti ta' titoli ta' pajjiżi terzi, tal-istandards nazzjonali tal-kontabbiltà ta' ċerti pajjiżi terzi u l-istandards internazzjonali tar-rappurtar finanzjajru biex jippreparaw ir-rapporti finanzjarji konsolidati tagħhom (ĠU L 340, 19.12.2008, p. 112).