Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015R1375

    Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1375 tal-10 ta' Awwissu 2015 li jistabbilixxi regoli speċifiċi dwar kontrolli uffiċjali għat-Trichinella fil-laħam (kodifikazzjoni) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    ĠU L 212, 11.8.2015, p. 7–34 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 07/11/2023

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2015/1375/oj

    11.8.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 212/7


    REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/1375

    tal-10 ta' Awwissu 2015

    li jistabbilixxi regoli speċifiċi dwar kontrolli uffiċjali għat-Trichinella fil-laħam

    (Kodifikazzjoni)

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 854/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 li jippreskrivi regoli speċifiċi għall-organizzazzjoni ta' kontrolli uffiċjali fuq prodotti li joriġinaw mill-annimali maħsuba għall-konsum uman (1), u b'mod partikolari l-punti 9 u 10 tal-Artikolu 18 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2075/2005 (2) ġie emendat kemm-il darba (3) b'mod sostanzjali. Għal iktar ċarezza u razzjonalità, dak ir-Regolament għandu jiġi kkodifikat.

    (2)

    Ir-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), ir-Regolament (KE) Nru 854/2004 u r-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) jistabbilixxu r-regoli u r-rekwiżiti tas-saħħa rigward l-ikel li joriġina mill-annimali u l-kontrolli uffiċjali mitluba.

    (3)

    Flimkien ma' dawk ir-regoli, għandhom jiġu stabbiliti rekwiżiti aktar speċifiċi għat-Trichinella. Il-laħam tal-majjal domestiku, iċ-ċingjal, iż-żwiemel u speċi ta' annimali oħrajn jista' jkun impestat b'nematodi tal-ġenus Trichinella. Il-konsum ta' laħam impestat bit-Trichinella jista' jikkawża mard serju fil-bniedem. Għandhom jitwaqqfu miżuri għall-prevenzjoni ta' mard tal-bniedem ikkawżat mill-konsum ta' laħam impestat bit-Trichinella.

    (4)

    Dan ir-Regolament għandu jistabbilixxi regoli għat-teħid ta' kampjuni ta' karkassi ta' speċijiet suxxettibbli għall-infezzjoni tat-Trichinella, għad-determinazzjoni tal-istatus tal-azjendi u tal-kompartimenti u l-kundizzjonijiet għall-importazzjoni tal laħam fl-Unjoni. Jipprevedi wkoll metodi ta' referenza u metodi ekwivalenti għall iskoperta tat-Trichinella f'kampjuni ta' karkassi.

    (5)

    Sabiex tiġi ffaċilitata l-operazzjoni tal-postijiet fejn isir it- tqattigħ, id-dispożizzjoni li tippermetti t-tqattigħ tal-karkassi tal-majjal domestiku taħt ċerti kundizzjonijiet waqt l-istennija għar-riżultati tal-eżami tat-Trichinella għandha wkoll titqies għal żwiemel taħt l-istess kundizzjonijiet.

    (6)

    Fit-22 ta' Novembru 2001, il-Kumitat Xjentifiku dwar Miżuri Veterinarji relatati mas-Saħħa Pubblika adotta opinjoni dwar it-trikinellożi, l-epidemjoloġija, il-metodi ta' skoperta u l-produzzjoni ta' majjal mingħajr it-Trichinella. Fl-1 ta' Diċembru 2004, il-Bord Xjentifiku dwar il-Perikli Bijoloġiċi (Biohaz) tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) adotta opinjoni dwar il-pertinenza u d-dettalji ta' metodi tal-iffriżar biex ikun permess il-konsum uman ta' laħam impestat bit-Trichinella jew is-Cysticercus. Fid-9 u l-10 ta' Marzu 2005, Biohaz adotta opinjoni dwar valutazzjoni tar-riskju ta' spezzjoni riveduta ta' annimali tal-qatla f'postijiet bi prevalenza baxxa tat-Trichinella.

    (7)

    Fit-3 ta' Ottubru 2011, l-EFSA adottat Opinjoni Xjentifika dwar il-perikli tas-saħħa pubblika li għandhom ikunu koperti permezz tal-ispezzjoni tal-laħam (majjali) (6). F'dik l-opinjoni l-EFSA identifikat it-Trichinella bħala riskju medju għas-saħħa pubblika fir-rigward tal-konsum tal-laħam tal-majjal u tikkonkludi li fir-rigward tal-metodi ta' spezzjoni għall-perikli bijoloġiċi, l-uniku mod sabiex ikun żġurat il-kontroll effettiv tal-perikli ewlenin hija garanzija tas-sikurezza tal-karkassi tal-majjal, b'firxa ta' miżuri u kontrolli preventivi applikati kemm fi rziezet kif ukoll fil-biċċeriji.

    (8)

    L-EFSA identifikat ċerti indikaturi epidemjoloġiċi fir-rigward tat-Trichinella. Abbażi tal-għan u s-sitwazzjoni epidemjoloġika tal-pajjiż, l-indikaturi jistgħu jiġu applikati fil-livell nazzjonali, reġjonali, fil-biċċerija jew fil-livell tar-razzett.

    (9)

    L-EFSA tirrikonoxxi l-preżenza sporadika tat-Trichinella fl-Unjoni, prinċipalment fil-ħnieżer imrobbija barra u dawk għall-użu personali. L-EFSA identifikat ukoll li t-tip ta' sistema ta' produzzjoni huwa l-uniku fattur tar-riskju prinċipali għall-infezzjonijiet tat-Trichinella. Barra minn hekk, id-dejta disponibbli turi li r-riskju ta' infezzjoni tat-Trichinella fil-ħnieżer minn kundizzjonijiet ikkontrollati ta' sistemazzjoni u rikonoxxuti uffiċjalment huwa negliġibbli.

    (10)

    Status ta' riskju negleġibbli għal pajjiż jew għal reġjun ma għadux rikonoxxut f'kuntest internazzjonali mill-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (OIE). Minflok, dan ir-rikonoxximent huwa marbut ma' kompartimenti ta' razzett wieħed jew aktar li japplikaw kundizzjonijiet ikkontrollati ta' sistemazzjoni speċifiċi.

    (11)

    Sabiex titjieb is-sistema ta' kontroll skont riskji attwali għas-saħħa pubblika, il-miżuri ta' mitigazzjoni tar-riskju għat-Trichinella, inklużi kundizzjonijiet tal-importazzjoni, fil-biċċeriji u l-kundizzjonijiet għad-determinazzjoni tal-istatus tal-infezzjoni tat-Trichinella tal-pajjiżi, ir-reġjuni jew l-razzetts, għandhom jiġu previsti filwaqt li jiġu meqjusal-istandards internazzjonali inter alia.

    (12)

    Fl-2011, il-Belġju u d-Danimarka nnotifikaw riskju negliġibbli ta' Trichinella għat-territorju skont ir-Regolament (KE) Nru 2075/2005. Dak l-istat ta' riskju negliġibbli għal pajjiż jew reġjun m'għadux rikonoxxut. Madankollu, rziezet jew kompartimenti fil-Belġju jew id-Danimarka li huma konformi mal-kundizzjonijiet ikkontrollati ta' sistemazzjoni fl-1 ta' Ġunju 2014 għandhom jingħataw il-permess li japplikaw id-derogazzjoni għal dawk l-irziezet jew kompartimenti mingħajr prerekwiżiti addizzjonali bħal rekwiżiti ulterjuri ta' rikonoxximent post-uffiċjali mill-awtorita' kompetenti.

    (13)

    Għandu jkun previst li l-operaturi għandhom jiżguraw li l-annimali mejtin jinġabru, jiġu identifikati u ttrasportati mingħajr dewmien bla bżonn skont l-Artikoli 21 u 22 tar-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) u l-Anness VIII tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 142/2011 (8).

    (14)

    L-għadd ta' każijiet (importati u awtoktoni) tat-Trichinella fil-bnedmin, inkluża dejta epidemjoloġika, għandu jiġi rrappurtat skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/96/KE (9).

    (15)

    Informazzjoni dwar ir-rikonoxximent uffiċjali li l-azjenda tal-oriġini tapplika kundizzjonijiet ikkontrollati ta' sistemazzjoni għandha tkun inkluża minn veterinarju uffiċjali fiċ-ċertifikati tas-saħħa tal-annimali stipulati fid-Direttiva tal-Kunsill 64/432/KEE (10) fir-rigward ta' kummerċ fi ħdan l-Unjoni ta' majjali u fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 206/2010 (11) fir-rigward ta' importazzjonijiet fl-Unjoni ta' majjali domestiċi minn pajjiżi terzi sabiex tippermetti lill-Istati Membri japplikaw ir-reġim xieraq tal-ittestjar għat-Trichinella waqt it-tbiċċir u ma tipperikolax l-istatus tal-azjenda tad-destinazzjoni tal-majjali għat-tkabbir jew għall-produzzjoni.

    (16)

    Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta ta' dan ir- Regolament, pajjiżi terzi li jesportaw suwini domestiċi jew il-laħam tagħhom, għandhom jiġu elenkati fl-atti rilevanti dwar il-kundizzjonijiet tal-importazzjoni jekk japplikaw id-derogi dwar teħid ta' kampjuni ta' majjal domestiku għat-Trichinella u jekk azjendi jew kompartimenti jkunu uffiċjalment rikonoxxuti li qegħdin japplikaw kundizzjonijiet ikkontrollati ta' sistemazzjoni.

    (17)

    L-attestazzjoni tas-saħħa pubblika tal-eżami tat-Trichinella għandha tkun inkluża fiċ-ċertifikati veterinarji li jakkumpanjaw il-laħam frisk skont ir-Regolament (UE) Nru 206/2010, il-preparazzjonijiet tal-laħam skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/572/KE (12) u l-prodotti tal-laħam skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/777/KE (13).

    (18)

    Ġew approvati metodi diversi tal-laboratorju għall-iskoperta tat-Trichinella fil-laħam frisk. Il-metodu bbażat fuq l-użu ta' oġġett manjetiku li jħawwad għad-diġestjoni tal-kampjuni miġbura flimkien huwa rrikkmandat bħala metodu affidabbli għall-użu ta' rutina. Għandu jiżdied id-daqs tal-kampjun għall-analiżi parassita jekk il-kampjun ma jistax jinġabar fil-post ta' predilezzjoni u jekk it-tip jew l-ispeċi tal-annimal qiegħed f'riskju ogħla li jkun infettat. L-eżami trikinoskopiku ma rnexxilux jiskopri l-ispeċi tat-Trichinella mhux inkapsulata li tinfetta annimali domestiċi u tal-boskijiet u bnedmin u ma għadhiex aktar adattata bħala metodu ta' skoperta Metodi oħrajn, bħalma huma testijiet seroloġiċi, jistgħu jkunu utli għal skopijiet ta' monitoraġġ ladarba t-testijiet jiġu vvalidati minn laboratorju ta' referenza tal-Unjoni maħtur mill-Kummissjoni. Testijiet seroloġiċi mhumiex adatti biex jiskopru impestazzjoni tat-Trichinella f'annimali individwali intiżi għall-konsum uman.

    (19)

    Xi kumpaniji privati bdew jipproduċu apparat ġdid għall-ittestjar għat-Trichinella li jużaw metodu ta' diġestjoni ekwivalenti għall-metodu ta' referenza. Skont dawn l-iżviluppi, il-linji gwida għall-validazzjoni ta' apparat ġdid għall-ittestjar għat-Trichinella permezz tal-metodu ta' diġestjoni ġew awtorizzati b'mod unanimu matul il-laqgħa tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali fis-16 ta' Diċembru 2008.

    (20)

    F'konformità ma' dawn il-linji gwida, fl-2010 il-laboratorju ta' referenza tal-UE għall-parassiti vvalidat metodu ġdid ta' apparat għall-ittestjar għat-Trichinella fil-ħnieżer domestiċi skont il-kodiċi Nru EURLP_D_001/2011 (14).

    (21)

    L-iffriżar tal-laħam f'kundizzjonijiet speċifikati jista' joqtol kwalunkwe parassita preżenti imma ċerti speċi tat-Trichinella li jinsabu fi tjur u żwiemel huma reżistenti meta l-iffriżar iseħħ bit-taħlita rrikkmandata ta' temperatura u ta' ħin.

    (22)

    Il-monitoraġġ regolari ta' majjali domestiċi, iċ-ċingjali, iż-żwiemel u l-volpi jew annimali indikaturi oħrajn huwa għodda importanti biex jiġu valutati tibdiliet fil-prevalenza tal-mard. Ir-riżultati tat-tali monitoraġġ għandhom ikunu kkomunikati f'rapport annwali skont id-Direttiva 2003/99/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15).

    (23)

    Dan ir-Regolament ġeneralment ma jippermettix li laħam tal-ħanżir domestiku jitlaq mill-biċċerija qabel ma jiġu kkomunikati r-riżultati tal-eżaminazzjoni għall-infestazzjoni tat-Trichinella lill-veterinarju uffiċjali. Madanakollu, huwa xieraq li tiġi permessa, taħt ċerti kundizzjonijiet stretti, li tiġi applikata l-marka tas-saħħa u li l-laħam jiġi rrilaxxat għat-trasport qabel ma jkunu magħrufa r-riżultati. Taħt dawn iċ-ċirkustanzi huwa essenzjali li l-awtorità kompetenti tivverifika li t-traċċabilità sħiħa tal-laħam rilaxxat tkun taħdem il-ħin kollu.

    (24)

    Ir-Regolament (KE) Nru 853/2004 ma japplikax għat-tjur selvaġġ jew il-laħam tat-tjur selvaġġ li huwa pprovdut direttament lill-konsumatur aħħari jew lill-istabbilimenti tal-ħwienet lokali li jissupplixxu direttament lill-konsumatur aħħari. Għalhekk għandha tkun ir-responsabbiltà tal-Istati Membri biex jadottaw miżuri nazzjonali biex inaqqsu r-riskju tal-impestazzjoni tat-Trichinella fil-laħam taċ-ċingjal li jasal għand il-konsumatur aħħari.

    (25)

    Il-miżuri pprovduti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    KAPITOLU I

    DISPOŻIZZJONI ĠENERALI

    Artikolu 1

    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (1)

    Trichinella” tfisser kwalunkwe nematodu li jappartjeni għall-ispeċi tal-ġenus Trichinella;

    (2)

    “kundizzjonijiet ikkontrollati ta' sistemazzjoni” tfisser tip ta' trobbija tal annimali fejn il-majjali jinżammu l-ħin kollu taħt kundizzjonijiet ikkontrollati mill-operatur tan-negozju tal-ikel fir-rigward tal-għalf u s-sistemazzjoni;

    (3)

    “kompartiment” tfisser grupp ta' rziezet li japplikaw kundizzjonijiet ikkontrollati ta' sistemazzjoni. L-irziezet kollha li japplikaw kundizzjonijiet ikkontrollati ta' sistemazzjoni fi Stat Membru jistgħu jiġu kkunsidrati bħala kompartiment wieħed;

    KAPITOLU II

    L-OBBLIGI TAL-AWTORITAJIET KOMPETENTI U TAL-OPERATURI TAN-NEGOZJU TAL-IKEL

    Artikolu 2

    Kampjunar tal-karkassi

    1.   Il-karkassi tal-majjali domestiċi għandu jittieħed kampjun tagħhom fil-biċċeriji bħala parti mill-eżami post mortem kif ġej:

    (a)

    il-karkassi kollha ta' majjali femminili għat-tgħammir u ċingjali jew mill-inqas 10 % tal-karkassi tal-annimali mibgħuta għall-qatla kull sena minn kull azjenda li tkun uffiċjalment rikonoxxuta li qed tapplika kundizzjonijiet ikkontrollati ta' sistemazzjoni, għandhom jiġu eżaminati għat-Trichinella;

    (b)

    il-karkassi kollha minn azjendi li mhumiex uffiċjalment rikonoxxuti li qegħdin japplikaw kundizzjonijiet ikkontrollati ta' sistemazzjoni għandhom ikunu sistematikament eżaminati għat-Trichinella.

    Għandu jinġabar kampjun minn kull karkassa u l-kampjun għandu jiġi eżaminat għat-Trichinella f'laboratorju magħżul mill-awtorità kompetenti, fejn għandu jintuża wieħed mill-metodi ta' skoperta li ġejjin:

    (a)

    il-metodu ta' skoperta ta' referenza msemmi fil-Kapitolu I tal-Anness I; jew

    (b)

    metodu ekwivalenti ta' skoperta msemmi fil-Kapitolu II tal-Anness I.

    2.   Karkassi taż-żwiemel, taċ-ċingjal u ta' speċijiet oħrajn ta' annimali mrobbija jew selvaġġi suxxettibbli għall-infestazzjoni tat-Trichinella għandu jittieħed kampjun tagħhom b'mod sistematiku f'biċċeriji jew fi stabbilimenti li jgħaddu minnhom l-annimali kkaċċjati bħala parti mill-eżami tal-awtopsja.

    Għandu jinġabar kampjun minn kull karkassa, u l-kampjun għandu jkun eżaminat skont l-Annessi I u III f'laboratorju magħżul mill-awtorità kompetenti.

    3.   Waqt l-istennija għar-riżultati tal-eżami tat-Trichinella u sakemm hija ggarantita t-traċċabilità sħiħa mill-operatur tan-negozju tal-ikel, il-karkassi ta' majjali u żwiemel domestiċi jistgħu jitqattgħu f'massimu ta' sitt partijiet f'biċċerija jew f'impjant tat-tqattigħ fl-istess bini.

    B'deroga mill-ewwel subparagrafu u wara l-approvazzjoni mill-awtorità kompetenti, dawn il-karkassi jistgħu jinqatgħu f'impjant tal-qtugħ mgħaqqad ma' jew separat mill-biċċerija, sakemm:

    (a)

    il-proċedura tkun taħt is-superviżjoni tal-awtorità kompetenti;

    (b)

    karkassa jew il-partijiet tagħha ma jkollhomx aktar minn impjant wieħed tal-qtugħ bħala destinazzjoni;

    (c)

    l-impjant tat-tqattigħ qiegħed fit-territorju tal-Istat Membru; kif ukoll

    (d)

    f'każ ta' riżultat pożittiv il-partijiet kollha jkunu ddikjarati mhux tajbin għall-konsum uman.

    Artikolu 3

    Derogi

    1.   B'deroga mill-Artikolu 2(1), il-laħam tal-majjali domestiċi li jkun għadda minn trattament tal-iffriżar skont l-Anness II taħt is-superviżjoni tal-awtorità kompetenti għandu jkun eżentat mill-eżami tat-Trichinella.

    2.   B'deroga mill-Artikolu 2(1), il-karkassi u l-laħam ta' majjali domestiċi mhux miftuma b'età ta' inqas minn 5 ġimgħat għandhom ikunu eżentati mill-eżami tat-Trichinella.

    3.   B'deroga mill-Artikolu 2(1), il-karkassi u l-laħam ta' majjali domestiċi jistgħu jkunu eżentati mill-eżami tat-Trichinella meta l-annimali jkunu ġejjin minn razzett jew kompartiment uffiċjalment rikonoxxut li japplika kundizzjonijiet ikkontrollati ta' sistemazzjoni skont l-Anness IV, jekk:

    (a)

    ma ġiet skoperta ebda impestazzjoni tat-Trichinella awtoktona f'majjali domestiċi miżmuma f'irziezet uffiċjalment rikonoxxuti li qegħdin japplikaw kundizzjonijiet ikkontrollati ta' sistemazzjoni fl-Istat Membru fl-aħħar 3 snin, li matulhom sar ittestjar kontinwu skont l-Artikolu 2; jew

    (b)

    dejta storika dwar ittestjar kontinwu mwettaq fuq popolazzjoni ta' majjali maqtula tipprovdi mill-inqas 95 % assigurazzjoni li l-prevalenza tat-Trichinella ma taqbiżx il-wieħed għal kull miljun f'dik il-popolazzjoni; jew

    (c)

    l-irziezet li japplikaw kundizzjonijiet ikkontrollati ta' sistemazzjoni jinsabu fil-Belġju jew fid-Danimarka.

    4.   Fejn Stat Membru jimplimenta d-deroga prevista fil-paragrafu 3, l-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra fil-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf u jressaq rapport annwali lill-Kummissjoni li jkun fih l-informazzjoni msemmija fil-Kapitolu II tal-Anness IV. Fuq il-websajt tagħha l-Kummissjoni għandha tippubblika lista ta' Stati Membri li jimplimentaw id-deroga.

    Fejn Stat Membru jonqos milli jissottometti dak ir-rapport annwali jew ir-rapport annwali ma jkunx sodisfaċenti għall-iskopijiet ta' dan l-Artikolu, id-deroga ma għandhiex tibqa tapplika għal dak l-Istat Membru.

    Artikolu 4

    L-eżami għat-Trichinella u l-applikazzjoni tat-timbru tas-saħħa

    1.   Il-karkassi kif jissemmew fl-Artikolu 2 jew partijiet minnhom, ħlief għal dawk li jissemmew fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(3), ma jistgħux jinħarġu mill-bini, qabel ma r-riżultat tal-eżami għat-Trichinella jirriżulta negattiv.

    Bl-istess mod, partijiet oħra ta' annimal intiż għall-konsum uman jew tal-annimali li għandhom tessut tal-muskolu mtarraz ma jistgħux jinħarġu mill-bini qabel ma r-riżultat tal-eżami għat-Trichinella jirriżulta fin-negattiv.

    2.   Skart tal-annimali u prodotti sekondarji mill-annimali li mhumiex intiżi għall-konsum uman u li ma fihomx muskolu mtarraz jistgħu jinħarġu mill-bini qabel ma r-riżultati tal-eżami għat-Trichinella jkunu disponibbli.

    Madankollu, l-awtorità kompetenti tista' titlob eżami għat-Trichinella jew li jsir trattament minn qabel ta' prodotti sekondarji mill-annimali qabel ma dawn jitħallew joħorġu mill-bini.

    3.   Fejn f'biċċerija jkun hemm proċedura taħdem biex tiżgura li l-ebda parti tal-karkassa eżaminata ma titlaq mill-post qabel mar-riżultat tal-eżami tat-Trichinella joħroġ negattiv u l-proċedura tkun approvata b'mod formali mill-awtorità kompetenti jew fejn tapplika d-deroga prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(3), il-marka tas-saħħa prevista fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 854/2004 tista' tiġi applikata qabel ma r-riżultati tal-eżami tat-Trichinella jkunu disponibbli.

    Artikolu 5

    Taħriġ

    L-awtorità kompetenti tiżgura li l-istaff kollu involut fl-eżami tal-kampjuni biex tkun skoperta t-Trichinella jkun imħarreġ sew u jipparteċipa fi:

    (a)

    programm tal-kontroll tal-kwalità tat-testijiet użati biex tkun skoperta t-Trichinella; u

    (b)

    valutazzjoni regolari tal-proċeduri tal-ittestjar, l-irrekordjar u l-analiżi użati fil-laboratorju.

    Artikolu 6

    Metodi ta' skoperta

    1.   Jintużaw il-metodi ta' skoperta msemmija fil-Kapitoli I u II tal-Anness I għall-eżaminar tal-kampjuni kif imsemmija fl-Artikolu 2 fejn dawn jipprovdu bażi ta' suspett ta' impestazzjoni tat-Trichinella.

    2.   Il-kampjuni pożittivi kollha jiġu mgħoddija lil-laboratorju ta' referenza nazzjonali jew lil-laboratorju ta' referenza tal-UE għad-determinazzjoni tal-ispeċi tat-Trichinella involuta.

    Artikolu 7

    Pjanijiet ta' kontinġenza

    L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jipprovdu pjan ta' kontinġenza li jsemmi kull azzjoni li għandha tittieħed fejn il-kampjuni kif imsemmija fl-Artikolu 2 jirriżultaw pożittivi għat-Trichinella. Dak il-pjan għandu jinkludi dettalji li jkopru:

    (a)

    it-traċċabilità ta' karkassi impestata u partijiet minnha li tinkludi t-tessut tal-muskolu;

    (b)

    il-miżuri biex tkun trattata karkassi impestata u partijiet minnha;

    (c)

    l-investigazzjoni tas-sors tal-impestazzjoni u kull tifrix fost l-annimali selvaġġi;

    (d)

    kull miżura li għandha tittieħed fil-livell tal-bejjiegħ jew tal-konsumatur;

    (e)

    il-miżuri li jridu jittieħdu fejn il-karkassi impestati ma jistgħux jiġu identifikati fil-biċċerija;

    (f)

    id-determinazzjoni tal-ispeċi tat-Trichinella involuta.

    Artikolu 8

    Rikonoxximent uffiċjali ta' rziezet li japplikaw kundizzjonijiet ikkontrollati ta' sistemazzjoni

    1.   Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, l-awtorità kompetenti tista' uffiċjalment tirrikonoxxi razzett jew kompartiment li japplika kundizzjonijiet ikkontrollati ta' sistemazzjoni fejn ikun hemm konformità mar-rekwiżiti stipulati fl-Anness IV.

    2.   Irziezet jew kompartimenti li japplikaw kundizzjonijiet ikkontrollati ta' sistemazzjoni fil-Belġju jew fid-Danimarka skont l-Artikolu 3(3)(c) fl-1 ta' Ġunju 2014 jitqiesu uffiċjalment rikonoxxuti bħala li qed japplikaw kundizzjonijiet ikkontrollati ta' sistemazzjoni kif elenkat fl-Anness IV ta' dan ir-Regolament.

    Artikolu 9

    L-obbligu tal-operaturi tan-negozju tal-ikel li jinfurmaw

    L-operaturi tan-negozju tal-ikel ta' rziezet uffiċjalment rikonoxxuti bħala li japplikaw kundizzjonijiet ikkontrollati ta' sistemazzjoni għandhom jinfurmaw lill-awtorità kompetenti b'kull rekwiżit kif imniżżel fl-Anness IV li ma għadux qed jiġi ssodisfat jew b'kull bidla oħra li tista' taffettwa l-istatus tar-razzett fir-rigward tat-Trichinella.

    Artikolu 10

    Verifiki fi rziezet uffiċjalment rikonoxxuti li qegħdin japplikaw kundizzjonijiet ikkontrollati ta' sistemazzjoni

    L-awtorità kompetenti għandha tiżgura li perjodikament jitwettqu verifiki fi rziezet uffiċjalment rikonoxxuti li qegħdin japplikaw kundizzjonijiet ikkontrollati ta' sistemazzjoni.

    Il-frekwenza tal-verifiki għandha tkun ibbażata fuq ir-riskju, filwaqt li titqies l-istorja tal-marda u l-prevalenza, is-sejbiet preċedenti, iż-żona ġeografika, l-annimali selvaġġi lokali li huma suxxettibbli, il-prattiki ta' trobbija tal-annimali, is-superviżjoni veterinarja u l-konformità tal-bdiewa.

    L-awtorità kompetenti għandha tivverifika li l-majjali domestiċi li ġejjin minn dawn l-irziezet ikunu eżaminati skont l-Artikolu 2(1).

    Artikolu 11

    Programmi ta' Monitoraġġ

    L-awtorità kompetenti tista' timplimenta programm ta' monitoraġġ li jkopri l-popolazzjoni ta' majjali domestiċi li ġejjin minn razzett jew kompartiment uffiċjalment rikonoxxut li qed japplika kundizzjonijiet ikkontrollati ta' sistemazzjoni, sabiex jiġi vverifikat li t-Trichinella hija verament assenti f'dik il-popolazzjoni.

    Il-frekwenza tal-ittestjar, l-għadd ta' annimali li għandu jiġi ttestjat u l-pjan għat-teħid tal-kampjuni għandhom jiġu stabbiliti fil-programm ta' monitoraġġ. Għal dan il-għan, għandhom jinġabru kampjuni tal-laħam u jiġu eżaminati għall-preżenza tal-parassiti tat-Trichinella skont il-Kapitolu I jew II tal-Anness I.

    Il-programm ta' monitoraġġ jista' jinkludi metodi seroloġiċi bħala għodda addizzjonali ladarba test xieraq jiġi vvalidat mil-laboratorju ta' referenza tal-UE.

    Artikolu 12

    L-irtirar ta' rikonoxximent uffiċjali ta' rziezet bħala li qed japplikaw kundizzjonijiet ikkontrollati ta' sistemazzjoni

    1.   Fejn ir-riżultati tal-verifiki mwettqa skont l-Artikolu 10 juru li r-rekwiżiti tal-Anness IV ma għadhomx qed jiġu ssodisfati, l-awtorità kompetenti għandha tirtira r-rikonoxximent uffiċjali tar-razzett mingħajr dewmien.

    2.   Fejn majjali domestiċi minn razzett uffiċjalment rikonoxxut bħala li qed japplika kundizzjonijiet ikkontrollati ta' sistemazzjoni jirriżultaw pożittivi għat-Trichinella, l-awtorità kompetenti għandha, mingħajr dewmien:

    (a)

    tirtira r-rikonoxximent uffiċjali tar-razzett;

    (b)

    teżamina kull majjal domestiku ta' dak ir-razzett fil-ħin tal-qatla;

    (c)

    tintraċċa u tittestja l-annimali tat-trobbija kollha li waslu fir-razzett u, sakemm hu possibbli, dawk kollha li telqu mir-razzett f'mill-anqas is-sitt xhur ta' qabel ma nstab ir-riżultat pożittiv; għal dak il-għan, għandhom jinġabru kampjuni tal-laħam u jiġu eżaminati għall-preżenza ta' parassiti tat-Trichinella bl-użu tal-metodi ta' skoperta stipulati fil-Kapitoli I u II tal-Anness I;

    (d)

    sakemm huwa possibbli, tinvestiga l-firxa tal-impestazzjoni tal-parassita minħabba d-distribuzzjoni ta' laħam minn majjali domestiċi maqtula fil-perjodu ta' qabel is-sejba pożittiva;

    (e)

    tinforma lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħrajn;

    (f)

    fejn ikun rilevanti, tibda investigazzjoni epidemjoloġika biex tiċċara l-kawża tal-impestazzjoni;

    (g)

    tieħu miżuri xierqa fejn karkassa impestata ma tistax tiġi identifikata fil-biċċerija, inkluż:

    (i)

    iżżid id-daqs ta' kull kampjun tal-laħam miġbur għall-ittestjar tal-karkassi suspettati; jew

    (ii)

    tiddikjara li l-karkassi mhumiex tajbin għall-konsum uman;

    (iii)

    tieħu l-miżuri xierqa għar-rimi ta' karkassi suspettati jew partijiet minnhom u dawk li jirriżultaw pożittivi.

    3.   Wara t-tneħħija tar-rikonoxximent, l-irziezet jistgħu jingħataw mill-ġdid ir-rikonoxximent uffiċjali hekk kif il-problemi identifikati jiġu solvuti u r-rekwiżiti stipulati fl-Anness IV jintlaħqu għas-sodisfazzjon tal-awtorità kompetenti.

    4.   Jekk l-ispezzjoni identifikat nuqqas ta' konformità mal-Artikolu 9 jew ittestjar pożittiv f'razzett f' kompartiment, ir-razzett ikkonċernat għandu jitneħħa mill-kompartiment sakemm terġa' tiġi stabbilita l-konformità.

    KAPITOLU III

    IMPORTAZZJONIJIET

    Artikolu 13

    Rekwiżiti tas-saħħa għall-importazzjoni

    1.   Laħam li fih muskoli mtarrża ta' speċijiet ta' annimali li jistgħu jġorru t-Trichinella, jista' jiġi importat biss fl-Unjoni jekk qabel l-esportazzjoni jkun twettaq l-eżami għat-Trichinella skont kundizzjonijiet ekwivalenti għal dawk tal-Artikolu 2 jew 3 fil-pajjiż terz fejn l-annimali jkunu nqatlu.

    2.   Pajjiż terz jista' japplika d-derogi previsti fl-Artikolu 3(2) u (3) biss jekk ikun informa lill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni ta' dawn id-derogi u jekk ikun ġie elenkat għal dak l-iskop:

    (i)

    fil-Parti 1 tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 206/2010 għall-importazzjonijiet ta' majjali domestiċi ħajjin; jew

    (ii)

    fil-Parti 1 tal-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 206/2010 għall-importazzjonijiet ta' laħam frisk ta' majjal domestiku;

    (iii)

    fil-Parti 2 tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2007/777/KE għall-importazzjoni ta' prodotti tal-laħam prodotti esklussivament minn laħam jew prodotti tal-laħam ta' majjal domestiku.

    Artikolu 14

    Dokumenti

    1.   Fil-mudell taċ-ċertifikat ta' saħħa għall-kummerċ intra-Unjoni tal-majjali domestiċi ħajjin kif stipulat fil-Mudell 2 fl-Anness F tad-Direttiva 64/432/KEE, il-veterinarju uffiċjali għandu jinkludi l-informazzjoni dwar ir-rikonoxximent uffiċjali li l-azjenda tal-oriġini tapplika kundizzjonijiet ikkontrollati ta' sistemazzjoni kif previst fl- Artikolu 8 ta' dan ir-Regolament.

    2.   Fil-mudell taċ-ċertifikat tas-saħħa għal importazzjonijiet fl-Unjoni ta' majjali domestiċi stabbiliti fil-mudelli POR-X, POR-Y fil-Parti 2 tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 206/2010, il-veterinarju uffiċjali għandu jinkludi l-informazzjoni dwar r-rikonoxximent uffiċjali mill-awtorità kompetenti ta' pajjiż terz li l-azjenda tal-oriġini tapplika kundizzjonijiet ikkontrollati ta' sistemazzjoni ekwivalenti għal dawk stipulati fl-Anness IV għal dan ir-Regolament.

    3.   Fiċ-ċertifikat veterinarju skont il-mudelli “POR” stipulati fil-Parti 2 tal-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 206/2010 li jakkumpanjaw kunsinni ta' laħam intiżi għall-importazzjoni fl-Unjoni minn pajjiżi terzi, il-veterinarju uffiċjali għandu jinkludi attestazzjoni tas-saħħa pubblika tal-eżami għat-Trichinella mwettqa skont l-Artikolu 13 ta' dan ir-Regolament fil-pajjiż terz tal-oriġini tal-laħam.

    4.   Fiċ-ċertifikat tas-saħħa pubblika u tal-annimali, il-mudell tiegħu huwa stabbilit fl-Anness II għad-Deċiżjoni 2000/572/KE, li jakkumpanja kunsinni ta' preparazzjonijiet tal-laħam intiżi għall-importazzjoni fl-Unjoni minn pajjiżi terzi, il-veterinarju uffiċjali għandu jinkludi attestazzjoni tas-saħħa pubblika tal-eżami għat-Trichinella mwettqa skont l-Artikolu 13 ta' dan ir-Regolament fil-pajjiż terz tal-oriġini tal-laħam.

    5.   Fiċ-ċertifikat tas-saħħa pubblika u tal-annimali, il-mudell tiegħu huwa stabbilit fl-Anness III għad-Deċiżjoni 2007/777/KE, li jakkumpanja kunsinni ta' ċerti prodotti tal-laħam, ħawsli, bżieżaq tal-awrina u msaren ittrattati intiżi għall-importazzjoni fl-Unjoni minn pajjiżi terzi, il-veterinarju uffiċjali għandu jinkludi attestazzjoni tas-saħħa pubblika tal-eżami għat-Trichinella mwettqa skont l-Artikolu 13 ta' dan ir-Regolament fil-pajjiż terz tal-oriġini tal-laħam.

    KAPITOLU IV

    REVOKA U DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

    Artikolu 15

    Revoka

    Ir-Regolament (KE) Nru 2075/2005 huwa mħassar.

    Referenzi għar-Regolament li ġie mħassar għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw skont it-tabella ta' korrelazzjoni fl-Anness VI.

    Artikolu 16

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal- pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, l-10 ta' Awwissu 2015.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 139, 30.4.2004, p. 206.

    (2)  Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2075/2005 tal- 5 ta' Diċembru 2005 li jistabbilixxi regoli speċifiċi dwar kontrolli uffiċjali għat-Trichinella fil-laħam (ĠU L 338, 22.12.2005, p. 60).

    (3)  Ara l-Anness V.

    (4)  Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 li jistabbilixi ċerti regoli speċifiċi ta' iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali (ĠU L 139, 30.4.2004, p. 55).

    (5)  Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifikazzjoni tal-konformità mal-liġi tal-għalf u l-ikel, mas-saħħa tal-annimali u mar-regoli dwar il-welfare tal-annimali (ĠU L 165, 30.4.2004, p. 1).

    (6)  The EFSA Journal 2011; 9(10):2351[198 pp.], ippubblikat fit-3 ta' Ottubru 2011.

    (7)  Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 21 ta' Ottubru 2009 li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali jew derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 (Regolament dwar prodotti sekondarji tal-annimali) (ĠU L 300, 14.11.2009, p. 1).

    (8)  Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 142/2011 tal- 25 ta' Frar 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali jew derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li jimplimenta d-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-verifiki veterinarji fuq prodotti li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi skont dik id-Direttiva (ĠU L 54, 26.2.2011, p. 1).

    (9)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/96/KE tat-22 ta' Diċembru 1999 dwar mard li jittieħed li għandu jiġi kopert b'mod progressiv fin-network tal-Komunità taħt id-Deċiżjoni 2119/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 28, 3.2.2000, p. 50).

    (10)  Id-Direttiva tal-Kunsill 64/432/KEE tas-26 ta' Ġunju 1964 dwar il-problemi tas-saħħa tal-annimali li jaffetwaw il-kummerċ ta' annimali bovini u suwini ġewwa l-Komunità (ĠU 121, 29.7.1964, p. 1977).

    (11)  Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 206/2010 tat- 12 ta' Marzu 2010 li jistabbilixxi listi ta' pajjiżi terzi, territorji jew partijiet minnhom awtorizzati għall-introduzzjoni fl-Unjoni Ewropea ta' annimali partikulari u laħam frisk u r-rekwiżiti relatati maċ-ċertifikazzjoni veterinarja (ĠU L 73, 20.3.2010, p. 1).

    (12)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/572/KE tat-8 ta' Settembru 2000 li tfassal kondizzjonijiet dwar annimali u saħħa pubblika u ċertifikazzjoni veterinarja għall-importazzjoni ta' kapuljat u preparazzjonijiet ta' laħam minn pajjiżi terzi u li tħassar id-deċiżjoni 97/29/KE (ĠU L 240, 23.9.2000, p. 19).

    (13)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/777/KE tad- 29 ta' Novembru 2007 li tistipula l-kundizzjonijiet tas-saħħa tal-annimali u tas-saħħa pubblika kif ukoll il-mudelli taċ-ċertifikati għall-importazzjonijiet ta' ċerti prodotti tal-laħam u tal-istonku, il-bżieżaq tal-awrina u l-imsaren ittrattati għall-konsum mill-bniedem minn pajjiżi terzi u li tirrevoka d-Deċiżjoni 2005/432/KE (ĠU L 312, 30.11.2007, p. 49).

    (14)  http://www.iss.it/crlp/index.php

    (15)  Direttiva 2003/99/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Novembru 2003 rigward il-monitoraġġ taż-żoonożi u tal-aġenti żoonotiċi, temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/424/KEE u tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 92/117/KEE (ĠU L 325, 12.12.2003, p. 31).


    ANNESS I

    Metodi ta' skoperta

    KAPITOLU I

    IL-METODU TA' SKOPERTA TA' REFERENZA

    Il-metodu bbażat fuq l-użu ta' oġġett manjetiku li jħawwad għad-diġestjoni talkampjuni miġbura flimkien

    1.   Apparat u reaġenti

    (a)

    Sikkina jew imqass u pinzetta għat-tqattigħ tal-kampjuni.

    (b)

    Trejs immarkati f'50 kaxxa, fejn kull waħda minnhom tista' żżomm kampjuni ta' madwar 2 g laħam, jew għodod oħrajn li jagħtu garanziji ekwivalenti firrigward tat-traċċabilità tal-kampjuni.

    (c)

    Blender b'xafra bix-xifer jaqta' li tqatta'. Fejn il-kampjuni huma akbar minn 3 g, għandha tintuża magna tal-ikkapuljat tal-laħam b'fetħiet minn 2 sa 4 mm jew imqass. Fil-każ ta' laħam jew ilsien iffriżat (wara t-tneħħija tas-saff ta' fuq, li ma jistax jiġi diġerit), hija neċessarja magna tal-ikkapuljat tal-laħam u d-daqs tal-kampjun jeħtieġ li jiżdied b'mod konsiderevoli.

    (d)

    Oġġetti manjetiċi li jħawwdu bi platt tat-tisħin ikkontrollat termostatikament u vireg li jħawwdu miksija bit-Teflon ta' madwar 5 ċentimetri fit-tul.

    (e)

    Lembutijiet ta' separazzjoni tal-ħġieġ f'għamla konikali, ta' kapaċità ta' mill-anqas 2 litri, preferibbilment li jkollhom tappieri tas-sigurtà tat-Teflon.

    (f)

    Stands, ċrieki u klampijiet.

    (g)

    Passaturi, b'daqs tax-xibka 180 mikron, b'dijametru estern ta' 11-il ċentimetru, b'xibka tal-azzar li ma tissaddadx.

    (h)

    Lembutijiet, b'dijametru intern ta' mhux anqas minn 12-il ċentimetru, biex jirfdu l-passaturi.

    (i)

    Tazzi tal-ħġieġ biż-żennuna, b'kapaċità ta' 3 litri.

    (j)

    Ċilindri tal-ħġieġ immarkati bil-kejl, b'kapaċità ta' 50 sa 100 ml, jew tubi ċentrifugi.

    (k)

    Trikinoskopju b'mejda orizzontali jew stereomikroskopju, ma' sors ta' dawl li jiġi minn taħt b'intensità li tista' tiġi aġġustata.

    (l)

    Numru ta' dixxijiet żgħar mgħottija b'dijametru ta' 9 ċentimetri (għall-użu ma' stereomikroskopju), immarkati min-naħa ta' taħt f'żoni għall-eżami ta' 10 × 10 mm kwadri bl-użu ta' strument bil-ponta.

    (m)

    Friskatur għall-għadd tal-larva (jintuża mat-trikinoskopju), magħmul minn platti tal-akriliku ta' ħxuna ta' 3 mm kif ġej:

    (i)

    il-qiegħ tal-friskatur ikun 180 × 40 mm, immarkat f'kaxxi,

    (ii)

    il-ġnub ikunu 230 × 20 mm,

    (iii)

    it-tarf ikun 40 × 20 mm. Il-qiegħ u t-truf għandhom jiddaħħlu bejn il-ġnub, biex jifformaw żewġ manki żgħar fit-truf. Il-parti ta' fuq tal-qiegħ għandha tittella' bejn 7 sa 9 mm mill-bażi tal-qafas ifformat mill-ġnub u t-trufijiet. Il-komponenti għandhom jitwaħħlu flimkien b'kolla adatta għall-materjal.

    (n)

    Fojl tal-aluminju.

    (o)

    25 % ta' aċidu idrokloriku.

    (p)

    Pepsin, saħħa: 1:10 000 NF (US National Formulary) li jikkorrispondu għal 1:12 500 BP (British Pharmacopoeia) u għal 2 000 FIP (Fédération internationale de pharmacie), jew likwidu pepsin stabilizzat b'minimu ta' 660 unitajiet/ml tal-Farmakopea Ewropej.

    (q)

    Ilma tal-vit imsaħħan għal 46 sa 48 °C.

    (r)

    Miżien preċiż għal mill-anqas 0,1 g.

    (s)

    Trejs tal-metall, b'kapaċità ta' 10 sa 15-il litru, biex jinġabar is-sugu diġestiv li jibqa'.

    (t)

    Pipetti ta' daqsijiet differenti (1, 10 u 25 ml) u portapipetti.

    (u)

    Termometru preċiż sa 0,5 °C fl-iskala minn 1 sa 100 °C.

    (v)

    Sifun għall-ilma tal-vit.

    2.   Il-ġabra ta' kampjuni u l-kwantità li trid tiġi ddiġerita

    (a)

    Fil-każ ta' karkassi sħaħ ta' majjal domestiku, għandu jittieħed kampjun li jiżen mill-anqas 1 gramm mill-kolonna tad-dijaframma fit-tranżizzjoni għall-parti immuskulata. Jistgħu jintużaw forċipi speċjali tat-trichinae sakemm preċiżjoni ta' bejn 1,00 u 1,15 g tista' tkun iggarantita.

    Fil-każ ta' majjali u ċingjal tat-trobbija, għandu jittieħed kampjun akbar li jiżen mill-anqas 2 g mill-kolonna tad-dijaframma fit-tranżizzjoni għall-parti mmuskulata.

    Fin-nuqqas ta' kolonni tad-dijaframma, għandhom jittieħdu kampjuni ta' daqs doppju ta' 2 g (jew 4 g fil-każ ta' majjali u ċingjal tat-trobbija) mill-parti tal-kustilji jew mill-parti tal-għadma tas-sider tad-dijaframma, jew mill-muskolu tax-xedaq, l-ilsien jew il-muskoli taż-żaqq.

    (b)

    Għall-biċċiet tal-laħam, għandu jittieħed kampjun li jiżen mill-anqas 5 g ta' muskolu mtarraz, li fih ftit xaħam, meta possibli minn qrib l-għadam jew l-għeruq. Għandu jinġabar kampjun tal-istess daqs mil-laħam li mhux intiż biex jissajjar kompletament jew għal tipi oħrajn ta' pproċessar wara l-qatla.

    (c)

    Għal kampjuni ffriżati, għandu jittieħed għall-analiżi kampjun li jiżen mill-anqas 5 g ta' tessut tal-muskolu mtarraz.

    Il-piż tal-kampjuni tal-laħam huwa relatat ma' kampjun tal-laħam li ma fihx xaħam u faxxa. Għandha tingħata attenzjoni speċjali meta jinġabru kampjuni tal-muskoli mill-ilsien sabiex tiġi evitata kontaminazzjoni mas-saff ta' fuq tal-ilsien, li ma jistax ikun iddiġerit u jista' jimpedixxi l-qari tas-sediment.

    3.   Il-proċedura

    I.   Gruppi sħaħ (100 g ta' kampjuni kull darba)

    (a)

    jinżied 16 ± 0,5 ml ta' aċidu idrokloriku ma' tazza biż-żennuna ta' 3 litri li fiha 2,0 litri ta' ilma tal-vit, imsaħħan minn qabel għal 46 sa 48 °C; titpoġġa virga li tħawwad fit-tazza biż-żennuna, it-tazza biż-żennuna titpoġġa fuq il-platt imsaħħan minn qabel u jibda t-tħawwid.

    (b)

    10 ± 0,2 g ta' pepsin jew 30 ± 0,5 ml ta' likwidu pepsin huwa miżjud.

    (c)

    jitqattgħu fil-blender 100 g ta' kampjuni miġbura skont il-punt 2.

    (d)

    Il-laħam imqatta' huwa ttrasferit f'tazza biż-żennuna ta' 3 litri li fiha l-ilma, il-pepsin u l-aċidu idrokloriku.

    (e)

    Il-parti li tqatta' tal-blender hija mgħarrqa b'mod ripetut fil-likwidu tad-diġestjoni fit-tazza biż-żennuna u l-bieqja tal-blender titlaħlaħ bi kwantità żgħira ta' likwidu tad-diġestjoni biex jitneħħa xi laħam li jkun għadu mwaħħal.

    (f)

    It-tazza biż-żennuna hija mgħottija b'fojl tal-aluminju.

    (g)

    L-oġġett manjetiku li jħawwad għandu jkun aġġustat sabiex dan iżomm temperatura kostanti ta' 44 sa 46 °C matul l-operazzjoni. Waqt it-tħawwid, il-likwidu tad-diġestjoni għandu jdur b'veloċità qawwija biżżejjed biex joħloq tidwira fonda mingħajr titjir.

    (h)

    Il-likwidu tad-diġestjoni jitħawwad sakemm il-partiċelli tal-laħam jisparixxu (bejn wieħed u ieħor 30 minuta). L-oġġett li jħawwad imbagħad jintefa u l-likwidu tad-diġestjoni jitferra' minn ġol-passatur fil-lembut tas-sedimentazzjoni. Jista' jkun hemm bżonn ta' ħinijiet itwal ta' diġestjoni (li ma jaqbżux 60 minuta) fl-ipproċessar ta' ċerti tipi ta' laħam (ilsien, laħam tat-tjur, eċċ.).

    (i)

    Il-proċess tad-diġestjoni huwa kkunsidrat sodisfaċenti jekk mhux aktar minn 5 % tal-piż tal-kampjun tal-bidu jibqa' fil-passatur.

    (j)

    Il-likwidu tad-diġestjoni jitħalla joqgħod fil-lembut għal 30 minuta.

    (k)

    Wara 30 minuta, jitferra' malajr kampjun ta' 40 ml tal-likwidu tad-diġestjoni għal ġoċ-ċilindru bil-marka tal-kejl jew it-tubu taċ-ċentrifuga.

    (l)

    Il-likwidi tad-diġestjoni jew likwidi oħrajn żejda jinżammu fi trej sakemm il-qari tar-riżultati huwa komplut.

    (m)

    Il-kampjun ta' 40 ml għandu jitħalla joqgħod għal 10 minuti. Imbagħad b'attenzjoni jitneħħew bl-irdigħ 30 ml ta' sustanza li tgħum fil-wiċċ ta' likwidu biex jitneħħew is-saffi tal-wiċċ u jitħalla volum ta' mhux iżjed minn 10 ml.

    (n)

    L-10 ml tal-kampjun tas-sediment li jibqgħu jitferrgħu fi friskatur għall-għadd tal-larva jew dixx żgħir mgħotti.

    (o)

    Iċ-ċilindru jew it-tubu taċ-ċentrifuga jitlaħlaħ b'mhux iżjed minn 10 ml ta' ilma tal-vit, li għandu jiżdied mal-kampjun fil-friskatur għall-għadd tal-larva jew id-dixx żgħir mgħotti. Sussegwentement, il-kampjun huwa eżaminat bi trikinoskopju jew stereomikroskopju b'ingrandiment ta' 15 sa 20 darba. Hija permessal-viżwalizzazzjoni b'tekniki oħrajn, sakemm jintwera eżami ta' kampjuni ta' kontroll pożittiv li jagħtu riżultat ugwali jew aħjar minn metodi tradizzjonali ta' viżwalizzazzjoni. Fil-każijiet kollha ta' żoni suspettużi jew forom bħal parassita, għandhom jintużaw ingrandimenti ogħla ta' 60 sa 100 darba.

    (p)

    Id-diġerir għandhom jiġu eżaminati malli jitlestew. L-eżami m'għandux ikun pospost għall-għada taħt ebda ċirkostanza.

    Fejn id-diġerir mhumiex eżaminati fi żmien 30 minuta mill-preparazzjoni, dawn għandhom jiġu ċċarati kif ġej. Il-kampjun finali ta' madwar 40 ml jitferra' f'ċilindru bil-kejl u jitħalla joqgħod għal 10 minuti. Imbagħad jitneħħew 30 ml tal-likwidu tas-sustanza li tgħum fil-wiċċ tal-likwidu, filwaqt li jitħalla volum ta' 10 ml. Dan il-volum huwa magħmul minn 40 ml ta' ilma tal-vit. Wara 10 minuti oħra biex joqgħod, jitneħħew 30 ml tal-likwidu tas-sustanza li tgħum fil-wiċċ bl-irdigħ, filwaqt li jitħalla volum ta' mhux aktar minn 10 ml għall-eżami f'dixx żgħir mgħotti jew friskatur għall-għadd tal-larva. Iċ-ċilindru bil-kejl jinħasel b'mhux aktar minn 10 ml ta' ilma tal-vit u dawn il-ħasliet huma miżjuda mal-kampjun fid-dixx żgħir mgħotti jew fil-friskatur għall-għadd tal-larva għall-eżami.

    Jekk fl-eżami jinsab li s-sediment mhux ċar, il-kampjun jitferra' f'ċilindru bil-kejl u jiżdied għal 40 ml bl-ilma tal-vit u mbagħad tiġi segwita l-proċedura spjegata f'din it-Taqsima. Il-proċedura tista' tiġi ripetuta minn darbtejn sa 4 darbiet sakemm il-likwidu huwa ċar biżżejjed għal qari affidabbli.

    II.   Gruppi ta' anqas minn 100 g

    Fejn hemm bżonn, jistgħu jiżdiedu sa 15-il g ma' grupp totali ta' 100 g u jiġu eżaminati flimkien ma' dawn il-kampjuni skont il-punt it-Taqsima I. Aktar minn 15-il g għandhom jiġu eżaminati bħala grupp sħiħ. Għall-gruppi sa 50 g, il-likwidu tad-diġestjoni u l-ingredjenti jistgħu jitnaqqsu għal litru wieħed ta' ilma, 8 ml ta' aċidu idrokloriku u 5 g ta' pepsin.

    III.   Riżultati pożittivi jew dubjużi

    Fejn eżami ta' kampjun kollettiv jipproduċi riżultat pożittiv jew dubjuż, jittieħed kampjun ulterjuri ta' 20 g minn kull majjal skont il-punt 2(a). Il-kampjuni ta' 20 g minn ħames majjali jitqiegħdu fi grupp u jiġu eżaminati bl-użu tal-metodu spjegat f'dan il-Kapitolu. B'dan il-mod kampjuni minn 20 grupp ta' ħames majjali jkunu eżaminati.

    Meta t-Trichinella hija skoperta f'kampjun ta' grupp minn ħames majjali, jinġabru kampjuni ulterjuri ta' 20 g mill-majjali individwali fil-grupp u kull wieħed huwa eżaminat separatament bl-użu tal-metodu spjegat f'dan il-Kapitolu.

    Kampjuni parassiti għandhom jinżammu f'90 % ta' alkoħol etiliku għall-konservazzjoni u l-identifikazzjoni fil-livell tal-ispeċi fil-laboratorju ta' referenza tal-UE jew nazzjonali.

    Wara kollezzjoni parassita, il-likwidi pożittivi (sugi tad-diġestjoni, likwidu tas-sustanza li tgħum fil-wiċċ, ħasil, eċċ.) għandhom ikunu ddekontaminati bit-tisħin sa mill-anqas 60 °C.

    IV.   Proċedura ta' tindif u dekontaminazzjoni wara riżultat pożittiv jew dubjuż

    Meta l-eżami ta' kampjun individwali jew kollettiv jipproduċi riżultat pożittiv jew dubjuż, il-materjal kollu f'kuntatt mal-laħam (il-bieqja u x-xafra tal-blender, it-tazza biż-żennuna, il-virga li tħawwad, is-sensur tat-temperatura, il-lenbut koniku tal-filtrazzjoni, il-passatur u l-forċipi) jeħtieġ li jkun dekontaminat sew billi jinħasel fil-misħun (65 sa 90 °C). Huwa rakkomandat li kull biċċa tiġi mlaħalħa sew biex jitneħħa d-deterġent jekk ikun intuża xi deterġent waqt il-ħasil.

    KAPITOLU II

    METODI EKWIVALENTI

    A.   Il-metodu tad-diġestjoni ta' gruppi ta' kampjuni b'għajnuna mekkanika/teknika tas-sedimentazzjoni

    1.   Apparat u reaġenti

    (a)

    Sikkina jew imqass għat-tqattigħ tal-kampjuni.

    (b)

    Trejs immarkati b'50 kaxxa, kull waħda minnhom tesa' kampjuni ta' madwar 2 g ta' laħam, jew għodod oħra li jagħtu garanziji ekwivalenti fir-rigward tat-traċċabilità tal-kampjuni.

    (c)

    Magna tal-kapuljat tal-laħam jew blender tal-elettriku.

    (d)

    Stomacher lab-blender 3 500 thermo model.

    (e)

    Boroż tal-plastik adatti għall-Istomacher lab-blender.

    (f)

    Lembutijiet ta' separazzjoni b'forma konika, b'kapaċità ta' 2 litri, li huma preferibbilment imwaħħla b'tappieri tas-sigurtà tat-Teflon.

    (g)

    Stands, ċrieki u klampijiet.

    (h)

    Passaturi, bid-daqs tax-xibka 180 mikron, b'dijametru estern ta' 11-il cm, b'xibka tal-azzar li ma jissaddadx jew tar-ram isfar.

    (i)

    Lembutijiet, bid-dijametru intern ta' mhux anqas minn 12-il cm, biex jirfed il-passaturi.

    (j)

    Ċilindri tal-ħġieġ immarkati bil-kejl ta' 100 ml.

    (k)

    Termometru preċiż sa 0,5 °C fl-iskala minn 1 sa 100 °C.

    (l)

    Vibratur, pereżempju makkinetta tal-leħja elettrika bir-ras imneħħija.

    (m)

    Apparat ta' trażmissjoni li jixgħel u jitfi f'intervalli ta' minuta.

    (n)

    Trikonoskopju b'mejda orizzontali jew stereomikroskopju, b'sors ta' dawl minn taħt b'intensità li tista' tiġi aġġustata.

    (o)

    Friskatur għall-għadd tal-larva u numru ta' dixxijiet żgħar mgħottija b'dijametru ta' 9 cm bħal fil-Kapitolu I(1), punti (l) u (m).

    (p)

    17,5 % ta' aċidu idrokloriku.

    (q)

    Pepsin, saħħa: 1:10 000 NF (US National Formulary) li jikkorrispondu għal 1:12 500 BP (British Pharmacopoeia) u għal 2 000 FIP (Fédération internationale de pharmacie), jew likwidu pepsin stabbilizzat b'minimu ta' 660 unitajiet/ml tal-Farmakopea Ewropej.

    (r)

    Numru ta' kontenituri ta' 10 litri li għandhom jintużaw għad-dekontaminazzjoni tal-apparat, pereżempju bil-formol, u għas-sugu tad-diġestjoni li jibqa' meta l-kampjuni jirriżultaw pożittivi.

    (s)

    Miżien preċiż sa 0,1 g.

    2.   Il-ġbir ta' kampjuni u l-kwantità li trid tiġi ddiġerita

    Kif stipulat fil-Kapitolu I(2).

    3.   Il-proċedura

    I.   Tħin

    Jekk il-kampjuni tal-laħam jintaħnu minn qabel f'magna tal-ikkapuljat, dan itejjeb il-kwalità tad-diġestjoni. Jekk jintuża blender tal-elettriku, il-blender għandu jitħaddem tlieta jew erba' darbiet għal madwar sekonda kull darba.

    II.   Il-proċedura tad-diġestjoni

    Din il-proċedura tista' tinvolvi gruppi sħaħ (100 g ta' kampjuni kull darba) jew gruppi ta' anqas minn 100 g.

    (a)

    Gruppi sħaħ (100 kampjun kull darba):

    (i)

    L-Istomacher lab-blender 3 500 huwa ffittjat b'borża tal-plastik doppja u l-kontroll tat-temperatura ssettjata għal-40 sa 41 °C.

    (ii)

    Jitferra' litru u nofs ta' ilma msaħħan minn qabel għal 40 sa 41 °C fil-borża tal-plastik interna.

    (iii)

    Jiżdied 25 ml ta' 17,5 % ta' aċidu idrokloriku mal-ilma fl-Istomacher.

    (iv)

    Jiżdiedu 100 kampjun li jiżnu madwar 1 g kull wieħed (bejn 25 sa 30 °C) meħuda minn kull kampjun individwali skont il-punt 2.

    (v)

    Fl-aħħarnett, 6 g ta' pepsin jew 18 ml ta' likwidu pepsin huwa miżjud. Din l-ordni trid tinżamm sabiex tkun evitata d-dekompożizzjoni tal-pepsin.

    (vi)

    L-Istomacher jitħalla jolqot bil-qawwi l-kontenut tal-borża għal 25 minuta.

    (vii)

    Il-borża tal-plastik titneħħa mill-Istomacher u l-likwidu tad-diġestjoni huwa ffiltrat mill-passatur għal ġo tazza biż-żennuna ta' 3 litri.

    (viii)

    Il-borża tal-plastik tinħasel b'madwar 100 ml ta' ilma, li mbagħad jintuża biex jitlaħlaħ il-passatur u fl-aħħar jiżdied mal-filtrat fit-tazza biż-żennuna.

    (ix)

    Jistgħu jiżdiedu sa 15-il kampjun individwali għal grupp totali ta' 100 kampjun u jiġu eżaminati flimkien ma' dawn il-kampjuni.

    (b)

    Gruppi iżgħar (anqas minn 100 kampjun):

    (i)

    L-Istomacher lab-blender 3 500 fih borża tal-plastik doppja u l-kontroll tat-temperatura ssettjat minn 40 sa 41 °C.

    (ii)

    Jitħejja likwidu tad-diġestjoni billi jitħallat madwar litru u nofs ta' ilma u 25 ml ta' 17,5 % ta' aċidu idrokloriku. Jiżdiedu 6 g ta' pepsin u kollox jitħallat f'temperatura minn 40 sa 41 °C. Din l-ordni għandha tkun segwita b'mod strett biex tkun evitata d-dekompożizzjoni tal-pepsin.

    (iii)

    Mil-likwidu tad-diġestjoni, jitkejjel volum li jikkorrispondi għal 15 ml kull g tal-kampjun (pereżempju għal 30 kampjun il-volum meħtieġ huwa 30 × 15 ml = 450 ml) u jiġi ttrasferit fil-parti interna taż-żewġ boroż tal-plastik, flimkien ma' kampjuni tal-laħam li jiżnu madwar 1 g (minn 25 sa 30 °C) meħuda minn kull kampjun individwali skont il-punt 2.

    (iv)

    Jitferra' ilma b'temperatura ta' madwar 41 °C fil-borża ta' barra biex jagħmel volum totali fiż-żewġ boroż ta' litru u nofs. L-Istomacher imbagħad jitħalla jolqot bil-qawwa l-kontenut tal-borża għal 25 minuta.

    (v)

    Il-borża tal-plastik titneħħa mill-Istomacher u l-likwidu tad-diġestjoni huwa ffiltrat mill-passatur għal ġo tazza biż-żennuna ta' 3 litri.

    (vi)

    Il-borża tal-plastik tinħasel b'madwar 100 ml ta' ilma (minn 25 sa 30 °C), li mbagħad jintuża biex jitlaħlaħ il-passatur u fl-aħħar jiżdied mal-filtrat fit-tazza biż-żennuna.

    III.   L-irkuprar ta' larva bis-sedimentazzjoni

    Jiżdied silġ (300 sa 400 g ta' trofof tas-silġ, silġ bil-qoxra jew silġ imfarrak) mal-likwidu tad-diġestjoni biex il-volum tiegħu jitla' għal madwar 2 litri. Il-likwidu tad-diġestjoni mbagħad jitħawwad sakemm jinħall is-silġ. Fil-każ ta' gruppi iżgħar (ara it-Taqsima II(b)), l-ammont tas-silġ għandu jitnaqqas b'mod korrispondenti.

    Il-likwidu ta' diġestjoni mkessaħ huwa ttrasferit f'lembut ta' separazzjoni ta' 2 litri, mgħammar b'vibratur bi klamp żejjed.

    Is-sedimentazzjoni titħalla tkompli għal 30 minuta, matul liema ħin il-lembut tas-sedimentazzjoni huwa vvibrat b'mod intermittenti, jiġifieri vibrazzjoni ta' minuta segwita minn pawża ta' minuta.

    Wara 30 minuta, jitferra' malajr kampjun ta' 60 ml tas-sediment f'ċilindru bil-kejl ta' 100 ml (il-lembut jitlaħlaħ b'diterġent wara li jintuża).

    Il-kampjun ta' 60 ml jitħalla joqgħod għal mill-anqas 10 minuti, wara liema ħin is-sustanza li tgħum fil-wiċċ tal-likwidu titneħħa bl-irdigħ biex tħalli volum ta' 15-il ml, biex ikun eżaminat għall-preżenza ta' larva.

    Għall-irdigħ, tista' tintuża siringa li tista' tintrema, mgħammra b'tubu tal-plastik. It-tul tat-tubu għandu jkun tali li jibqgħu 15-il ml fiċ-ċilindru bil-kejl meta l-flanġi tas-siringa jistrieħu fuq ix-xifer taċ-ċilindru.

    Il-15 ml li jibqgħu jitferrgħu fi friskatur għall-għadd tal-larva jew żewġ dixxijiet żgħar mgħottija u jiġu eżaminati bl-użu ta' trikinoskopju jew stereomikroskopju.

    Iċ-ċilindru bil-kejl jinħasel b'5 sa 10 ml ta' ilma tal-vit u l-ħasliet jiżdiedu mal-kampjun.

    Id-diġerar għandu jkun eżaminat malli jkun lest. L-eżami m'għandux ikun pospost għall-għada taħt ebda ċirkostanza.

    Fejn id-diġerar mhuwiex ċar jew mhuwiex eżaminat fi żmien 30 minuta mill-preparazzjoni tiegħu, dan għandu jkun iċċarat hekk kif ġej:

    il-kampjun finali ta' 60 ml jitferra' f'ċilindru bil-kejl u jitħalla joqgħod għal 10 minuti; imbagħad jitneħħew bl-irdigħ 45 ml ta' sustanza li tgħum fil-wiċċ tal-likwidu u l-15-il ml li jiżdiedu għal 45 ml bl-ilma tal-vit,

    wara 10 minuti oħra biex joqgħod, jitneħħew bl-irdigħ 30 ml tas-sustanza li tgħum fil-wiċċ tal-likwidu u l-15-il ml li jibqgħu jitferrgħu f'dixx żgħir mgħotti jew friskatur għall-għadd tal-larva għall-eżami,

    iċ-ċilindru bil-kejl jinħasel b'10 ml ta' ilma tal-vit u dawn il-ħasliet jiżdiedu mal-kampjun fid-dixx żgħir mgħotti jew il-friskatur għall-għadd tal-larva għall-eżami.

    IV.   Riżultati pożittivi jew dubjużi

    Fejn ir-riżultat huwa pożittiv jew inċert, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet imsemmija fil-Kapitolu I(3)(III).

    B.   Il-metodu tad-diġestjoni ta' gruppi ta' kampjuni b'għajnuna mekkanika/it-teknika ta' “iżolazzjoni bil-filter”

    1.   Apparat u reaġenti

    Kif stipulat fit-Taqsima A(1).

    Tagħmir addizzjonali:

    (a)

    lembut tal-Gelman tal-litru, komplut bil-portafiltru (dijametru ta' 45 mm);

    (b)

    diski tal-filter, li jikkonsistu f'xibka ċirkolari tal-azzar li ma jissaddadx b'fetħa ta' 35 mikron (dijametru tad-diska: 45 mm), żewġ ċrieki tal-lasktu ta' 1 mm ħxuna (dijametru estern: 45 mm; dijametru intern: 38 mm), fejn ix-xibka ċirkolari titpoġġa bejn iż-żewġ ċrieki tal-lasktu u titwaħħal magħhom bl-użu ta' kolla ta' żewġ komponenti adatta għaż-żewġ materjali;

    (c)

    flixkun tal-Erlenmeyer, li jesa' 3 litri, li għandu miegħu tubu fil-ġenb għall-irdigħ;

    (d)

    pompa tal-filtru;

    (e)

    boroż tal-plastik, li jesgħu mill-anqas 80 ml;

    (f)

    tagħmir biex jissiġillaw dawn il-boroż tal-plastik;

    (g)

    rennilase, qawwa 1:150 000 Soxhlet units kull g.

    2.   Il-ġbir ta' kampjuni

    Kif stipulat fil-Kapitolu I(2).

    3.   Il-proċedura

    I.   Tħin

    Jekk il-kampjuni tal-laħam jintaħnu minn qabel f'magna tal-ikkapuljat, dan itejjeb il-kwalità tad-diġestjoni. Jekk jintuża blender tal-elettriku, il-blender għandu jitħaddem tlieta sa erba' darbiet għal madwar sekonda kull darba.

    II.   Il-proċedura tad-diġestjoni

    Din il-proċedura tista' tinvolvi gruppi sħaħ (100 g ta' kampjuni kull darba) jew gruppi ta' anqas minn 100 g.

    (a)

    Gruppi sħaħ (100 kampjun kull darba)

    Ara t-Taqsima A(3)(II)(a).

    (b)

    Gruppi iżgħar (anqas minn 100 kampjun)

    Ara t-Taqsima A(3)(II)(b).

    III.   L-irkuprar ta' larva permezz tal-filtrazzjoni

    (a)

    Jiżdied silġ (300 sa 400 g ta' troffi ta' silġ, silġ bil-qoxra jew silġ imfarrak) mal-likwidu tad-diġestjoni biex il-volum jitla' għal madwar 2 litri. F'każ ta' gruppi iżgħar, l-ammont tas-silġ għandu jitnaqqas b'mod korrispondenti.

    (b)

    Il-likwidu tad-diġestjoni jitħawwad sakemm is-silġ jinħall. Il-likwidu tad-diġestjoni mkessaħ jitħalla għal mill-anqas tliet minuti biex iħalli l-larva titkebbeb.

    (c)

    Il-lembut tal-Gelman, imwaħħal b'portafiltru u diska tal-filtru, jiġi mmontat fuq flixkun tal-Erlenmeyer imqabbad ma' pompa tal-filtru.

    (d)

    Il-likwidu tad-diġestjoni jitferra' fil-lembut tal-Gelman u jiġi ffiltrat. Lejn it-tmiem tal-filtrazzjoni, il-likwidu tad-diġestjoni jiġi megħjun biex jgħaddi mill-filtru bl-irdigħ mal-pompa tal-filtru. L-irdigħ għandu jieqaf qabel mal-filtru jinxef, jiġifieri meta jkun baqa' bejn 2 sa 5 ml ta' likwidu fil-lembut.

    (e)

    Ladarba l-likwidu tad-diġestjoni ġie ffiltrat, id-diska tal-filtru titneħħa u titpoġġa f'borża tal-plastik li tesa' 80 ml, flimkien ma' 15 sa 20 ml ta' soluzzjoni tar-rennilase. Is-soluzzjoni tar-rennilase issir billi jiżdiedu 2 g ta' rennilase ma' 100 ml ta' ilma tal-vit.

    (f)

    Il-borża tal-plastik hija ssiġillata darbtejn u titpoġġa bejn il-borża interna u esterna fl-Istomacher.

    (g)

    L-Istomacher jitħalla jolqot bil-qawwa għal tliet minuti, pereżempju, waqt li qiegħed jaħdem fuq grupp komplut jew mhux komplut.

    (h)

    Wara tliet minuti, il-borża tal-plastik, kompluta bid-diska tal-filtru u s-soluzzjoni tar-rennilase, titneħħa mill-Istomacher u tinfetaħ bi mqass. Il-kontenut likwidu jitferra' fi friskatur għall-għadd tal-larva jew dixx żgħir mgħotti. Il-borża tinħasel b'5 sa 10 ml ta' ilma, li mbagħad jiżdied fil-friskatur għall-għadd tal-larva għall-eżami bi trikinoskopju jew fid-dixx żgħir mgħotti għall-eżami bi stereomikroskopju.

    (i)

    Id-diġerar għandu jkun eżaminat malli jkun lest. L-eżami m'għandux ikun pospost għall-għada taħt ebda ċirkostanza.

    Nota: Diski tal-filtru m'għandhom qatt jintużaw meta mhux nodfa kompletament. Diski maħmuġin m'għandhom qatt jitħallew jinxfu. Diski tal-filtru jistgħu jitnaddfu billi jitħallew f'soluzzjoni tar-rennilase matul il-lejl. Qabel ma jintużaw, dawn għandhom jinħaslu f'soluzzjoni friska tar-rennilase bl-użu tal-Istomacher.

    IV.   Riżultati pożittivi jew dubjużi

    Fejn ir-riżultat huwa pożittiv jew inċert, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet imsemmija fil-Kapitolu I(3)(III).

    C.   Il-metodu ta' diġestjoni awtomatika għall-gruppi ta' kampjuni sa 35 g

    1.   Apparat u reaġenti

    (a)

    Sikkina jew imqass għat-tqattigħ tal-kampjuni.

    (b)

    Trejs immarkati b'50 kaxxa, fejn kull waħda minnhom tista' żżomm kampjuni ta' madwar 2 g ta' laħam, jew għodod oħrajn li jagħtu garanziji ekwivalenti fir-rigward tat-traċċabbilità tal-kampjuni.

    (c)

    Blender Trichomatic 35® bil-filtrazzjoni mdaħħla.

    (d)

    Aċidu idrokloriku li jiżen 8,5 ± 0,5 %.

    (e)

    Filtri trasparenti tal-membrana tal-polikarbonat b'dijametru ta' 50 mm u daqs tal-por ta' 14-il mikron.

    (f)

    Pepsin, saħħa 1:10 000 NF (US National Formulary) li jikkorrispondu għal 1:12 500 BP (British Pharmacopoeia) u għal 2 000 FIP (Fédération internationale de pharmacie), jew likwidu pepsin stabilizzat b'minimu ta' 660 unità/ml tal-Farmakopea Ewropej.

    (g)

    Miżien preċiż sa 0,1 g.

    (h)

    Pinzetta bil-ponta ċatta.

    (i)

    Numru ta' slajds tal-mikroskopju bit-tul ta' ġenb ta' mill-anqas 5 cm jew numru ta' dixxijiet żgħar mgħottija b'dijametru ta' mill-anqas 6 cm, immarkati minn naħat ta' taħt f'żoni ta' 10 × 10 mm kwadri bi strument ippuntat.

    (j)

    (Stereo)mikroskopju li jittrażmetti dawl (ingrandiment minn 15 sa 60 darba) jew trikinoskopju b'mejda orizzontali.

    (k)

    Landa għall-ġbir ta' likwidi ħżiena.

    (l)

    Numru ta' laned ta' 10 litri biex jintużaw għad-dekontaminazzjoni tal-apparat, pereżempju bil-formol, u għas-sugu tad-diġestjoni li jibqa' fejn il-kampjuni jirriżultaw pożittivi.

    (m)

    Termometru preċiż sa 0,5 °C fl-iskala 1 sa 100 °C.

    2.   Il-ġbir tal-kampjuni

    Kif stipulat fil-Kapitolu I(2).

    3.   Il-proċedura

    I.   Il-proċedura tad-diġestjoni

    (a)

    Poġġi l-blender bil-filtrazzjoni mdaħħla, qabbad it-tubu tal-iskart u poġġi t-tubu sabiex dan jitbattal fil-landa tal-iskart.

    (b)

    Meta jinxtegħel il-blender, jibda t-tisħin.

    (c)

    Qabel ma' jsir dan, il-valv ta' taħt li qiegħed taħt il-kompartiment tar-reazzjoni għandu jinfetaħ u jingħalaq.

    (d)

    Imbagħad jiżdiedu sa 35 kampjun li jiżnu madwar 1 gramm kull wieħed (bejn 25 sa 30 °C) meħuda minn kull kampjun individwali skont il-punt 2. Irid jiġi żgurat li biċċiet akbar tal-għeruq jitneħħew minħabba li dawn jistgħu jsoddu l-filtru tal-membrana.

    (e)

    Ferra' ilma sax-xifer ta' kompartiment tal-likwidu mqabbad mal-blender (madwar 400 ml).

    (f)

    Ferra' madwar 30 ml ta' aċidu idrokloriku (8,5 %) sax-xifer tal-kompartiment iżgħar tal-likwidu li huwa mqabbad.

    (g)

    Poġġi filtru tal-membrana taħt il-filtru rozz fil-portafiltru fil-post għall-filtru.

    (h)

    Fl-aħħarnett, żid 7 g ta' pepsin jew 21 ml ta' likwidu pepsin. Din lordni trid tinżamm sabiex tkun evitata d-dekompożizzjoni tal-pepsin.

    (i)

    Agħlaq l-għotjien tal-kompartimenti tar-reazzjoni u tal-likwidu.

    (j)

    Agħżel il-perjodu tad-diġestjoni. Għandu jiġi ssettjat perjodu qasir ta' diġestjoni (5 minuti) għall-majjali li nqatlu f'età normali u ħin itwal (8 minuti) għal kampjuni oħrajn.

    (k)

    Meta tinxtegħel il-buttuna li tħaddem il-blender, il-proċess tat-tqassim u d-diġestjoni jibda awtomatikament, segwit mill-filtrazzjoni Wara 10 sa 13-il minuta l-proċess jitlesta u jieqaf awtomatikament.

    (l)

    Iftaħ l-għatu tal-kompartiment tar-reazzjoni wara l-iċċekkjar li l-kompartiment huwa vojt. Jekk hemm ragħwa jew baqa' xi likwidu tad-diġestjoni fil-kompartiment, irrepeti l-proċedura skont it-Taqsima V.

    II.   L-irkuprar tal-larva

    (a)

    Neħħi l-portafiltru u ttrasferixxi l-filtru tal-membrana għal slajd jew dixx żgħir mgħotti.

    (b)

    Eżamina l-filtru tal-membrana bl-użu ta' (stereo)mikroskopju jew trikinoskopju.

    III.   It-tindif tal-apparat

    (a)

    Fejn ir-riżultat huwa pożittiv, imla l-kompartiment tar-reazzjoni tal-blender b'ilma jagħli sakemm ikun żewġ terzi mimli. Ilma tal-vit ordinarju jitferra' fil-kompartiment imqabbad tal-likwidu sakemm dan ikopri l-apparat sensorju inferjuri. Imbagħad isir it-tindif awtomatiku. Iddekontamina l-portafiltru jew kwalunkwe tagħmir ieħor, pereżempju, bl-użu tal-formol.

    (b)

    Wara li jitlesta x-xogħol għal dik il-ġurnata, imla l-kompartiment tal-likwidu tal-blender bl-ilma u għaddieh minn ċiklu standard.

    IV.   L-użu ta' filtri tal-membrana

    Kull filtru tal-membrana tal-polikarbonat ma jistax jintuża aktar minn ħames darbiet. Il-filtru għandu jiddawwar kull darba li jintuża. Barra dan, il-filtru għandu jkun iċċekkjat wara kull darba li jintuża għal xi ħsara li tirrendih mhux adattat għal użu ulterjuri.

    V.   Il-metodu li għandu jkun applikat meta d-diġestjoni mhix kompluta u l-filtrazzjoni ma tistax issir

    Ladarba l-blender għadda minn ċiklu awtomatiku skont it-punt Taqsima I, iftaħ l-għatu tal-kompartiment tar-reazzjoni u ċċekkja jekk hemmx ragħwa jew baqax xi likwidu fil-kompartiment. Jekk dan hu l-każ, kompli hekk kif ġej:

    (a)

    agħlaq il-valv t'isfel ta' taħt il-kompartiment tar-reazzjoni;

    (b)

    neħħi l-portafiltru u ttrasferixxi l-filtru tal-membrana għal slajd jew dixx żgħir mgħotti;

    (c)

    poġġi filtru tal-membrana ġdid fil-portafiltru u waħħal il-portafiltru;

    (d)

    imla l-kompartiment tal-likwidu tal-blender sakemm l-apparat sensorju huwa mgħotti;

    (e)

    agħmel iċ-ċiklu awtomatiku tat-tindif;

    (f)

    wara li jkun spiċċa ċ-ċiklu tat-tindif, iftaħ l-għatu tal-kompartiment tar-reazzjoni u ċċekkja jekk baqax xi likwidu;

    (g)

    jekk il-kompartiment huwa vojt, neħħi l-portafiltru u ttrasferixxi b'pinzetta l-filtru tal-membrana għal slajd jew dixx żgħir mgħotti;

    (h)

    eżamina ż-żewġ filtri tal-membrana skont it-punt Taqsima II. Jekk il-filtri ma jistgħux jiġu eżaminati, irrepeti l-proċess sħiħ tad-diġestjoni b'ħin itwal ta' diġestjoni skont it-punt Taqsima I.

    VI.   Riżultati pożittivi jew dubjużi

    Fejn ir-riżultat huwa pożittiv jew inċert, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet imsemmija fil-Kapitolu I(3)(III).

    D.   Il-metodu tat-tħawwid manjetiku għad-diġestjoni tal-kampjuni miġbura flimkien/“fl-iżolazzjoni tal-filter” u s-sejba tal-larva permezz tat-test tal-agglutinazzjoni tal-latex

    Dan il-metodu huwa kkunsidrat bħala ekwivalenti biss għall-ittestjar tal-laħam ta' ħnieżer domestiċi.

    1.   Apparat u reaġenti

    (a)

    Sikkina jew imqass u pinzetti biex jaqtgħu l-kampjuni.

    (b)

    Gabarrejiet imqassma f'50 kaxxa li kull waħda minnhom tista' żżomm kampjun ta' madwar 2 g ta' laħam, jew għodod oħra li jagħtu garanzija ekwivalenti fir-rigward tat-traċċabilità tal-kampjuni.

    (c)

    Blender b'xafra li taqta'. Meta l-kampjuni jkunu akbar minn 3 g, jeħtieġ li jintużaw jew magna tal-ikkapuljat wiesgħa minn 2 sa 4 mm jew imqass. Fil-każ ta' laħam jew ilsien iffriżat (wara li jitneħħa s-saff superfiċjali, li ma jistax jiġi diġestit), hija meħtieġa magna tal-ikkapuljat u d-daqs tal-kampjun jeħtieġ li jiżdied b'mod konsiderevoli.

    (d)

    Oġġetti manjetiċi li jħawdu bi platt li jsaħħan ikkontrollat termostatikament u vireg li jħawdu miksija bit-Teflon twal madwar 5 cm.

    (e)

    Ġarar tal-ħġieġ, b'kapaċità ta' 3 litri.

    (f)

    Passaturi, bid-daqs tat-toqob ta' 180 mikron, b'dijametru estern ta' 11-il cm b'toqob tal-azzar inossidabbli.

    (g)

    Apparat tal-azzar li jiffiltra għal filtri b'toqob ta' 20 μm b'lenbut tal-azzar.

    (h)

    Pompa tal-vaku.

    (i)

    Tankijiet tal-metall jew tal-plastik, b'kapaċità minn 10 sa 15-il litru, biex jiġbru l-meraq diġestiv.

    (j)

    Aġitatur 3D li jitbandal.

    (k)

    Fojl tal-aluminju.

    (l)

    25 % aċidu idrokloriku.

    (m)

    Pepsin, saħħa: 1:10 000 NF (US National Formulary) li jikkorrispondu għal 1:12 500 BP (British Pharmacopoeia) u għal 2 000 FIP (Fédération internationale de pharmacie), jew pepsin likwidu stabilizzat b'minimu ta' 660 unità/ml tal-Farmakopea Ewropej

    (n)

    Ilma tal-vit imsaħħan minn 46 sa 48 °C.

    (o)

    Miżien preċiż sa 0,1 g.

    (p)

    Pipetti ta' daqsijiet differenti (1, 10 u 25 ml), mikropipetti skont l-istruzzjonijiet tal-manifattur tal-agglutinazzjoni tal-latex u dawk li jżommu l-pipetta.

    (q)

    20 mikron b'filtri tax-xibka tan-najlon b'dijametru li jiffittja mas-sistema ta' filtrazzjoni.

    (r)

    Pinzetti tal-plastik jew tal-azzar ta' 10-15-il cm.

    (s)

    Vjali koniċi ta' 15-il ml.

    (t)

    Lida b'xifer koniku tat-Teflon jew tal-azzar biex jiffittjaw fil-vjali koniċi.

    (u)

    Termometru preċiż sa 0,5 °C fil-firxa minn 1 sa 100 °C.

    (v)

    Kards tal-agglutinazzjoni tal-latex tal-kit għat-test tal-antiġene Trichin-L ivvalidata taħt il-kodiċi Nru EURLP_D_001/2011.

    (w)

    Soluzzjoni tal-buffer bi preservattiv (dilwent kampjun) tal-kit għat-test tal-antiġene Trichin-L ivvalidata taħt il-kodiċi Nru EURLP_D_001/2011.

    (x)

    Buffer b'suppliment ta' preservattiv (kontroll negattiv) tal-kit tat-test tal-antiġene Trichin-L ivvalidata taħt il-kodiċi Nru EURLP_D_001/2011.

    (y)

    Buffer b'suppliment ta' antiġene u preservattiv ta' Trichinella spiralis (kontroll pożittiv) tal-kit għat-test tal-antiġene Trichin-L ivvalidata taħt il-kodiċi Nru EURLP_D_001/2011.

    (z)

    Buffer b'partikoli tal-polistirene miksija b'antikorpi supplimentati bi preservattiv (żibeġ tal-latex) tal-kit tat-test tal-antiġene Trichin-L ivvalidata taħt il-kodiċi Nru EURLP_D_001/2011.

    (aa)

    Bsaten li jintremew.

    2.   Il-ġbir ta' kampjuni

    Kif stipulat fil-Kapitolu I(2).

    3.   Proċedura

    I.   Għal gruppi sħaħ (100 g ta' kampjuni kull darba)

    (a)

    16 ± 0,5 ml ta' 25 % ta' aċidu idrokloriku (0,2 % finali) huma miżjuda ma' tazza biż-żennuna ta' 3 litri li fiha 2,0 litri +/– 200 mL ta' ilma tal-vit, imsaħħan minn qabel għal 46 sa 48 °C; titpoġġa virga li tħawwad fit-tazza biż-żennuna, it-tazza biż-żennuna titpoġġa fuq il-platt imsaħħan minn qabel u jibda t-tħawwid.

    (b)

    jiżdied 10 ± 1 g ta' pepsin trab (jew 30 +/– 3 ml ta' pepsin likwidu).

    (c)

    fil-blender jitqattgħu 100-115 g ta' kampjuni miġbura skont il-punt 2, b'150 ml +/– 15 ml ta' bafer tad-diġestjoni imsaħħan minn qabel.

    (d)

    Il-laħam imqatta' huwa ttrasferit f'tazza biż-żennuna ta' 3 litri li fiha l-ilma, il-pepsin u l-aċidu idrokloriku.

    (e)

    Il-parti li tqatta' tal-blender hija mgħarrqa b'mod ripetut fil-likwidu tad-diġestjoni fit-tazza biż-żennuna u l-bieqja tal-blender titlaħlaħ bi kwantità żgħira ta' likwidu tad-diġestjoni biex jitneħħa xi laħam li jkun għadu mwaħħal.

    (f)

    It-tazza biż-żennuna hija mgħottija b'fojl tal-aluminju.

    (g)

    L-oġġett manjetiku li jħawwad għandu jkun aġġustat sabiex dan iżomm temperatura kostanti ta' 44 sa 46 °C matul l-operazzjoni. Waqt it-tħawwid, il-likwidu tad-diġestjoni għandu jdur b'veloċità qawwija biżżejjed biex joħloq tidwira fonda mingħajr titjir.

    (h)

    Il-likwidu tad-diġestjoni jitħawwad sakemm il-partiċelli tal-laħam jisparixxu (bejn wieħed u ieħor 30 minuta). L-oġġett li jħawwad imbagħad jintefa u l-likwidu tad-diġestjoni jitferra' minn ġol-passatur fil-lembut tas-sedimentazzjoni. Jista' jkun hemm bżonn ta' ħinijiet itwal ta' diġestjoni (li ma jaqbżux 60 minuta) fl-ipproċessar ta' ċerti tipi ta' laħam (ilsien, laħam tat-tjur, eċċ.).

    (i)

    Il-proċess tad-diġestjoni huwa kkunsidrat sodisfaċenti jekk ma jibqax aktar minn 5 % tal-piż tal-kampjun tal-bidu fil-passatur.

    (j)

    Il-filtru tan-najlon b'toqob ta' 20 mikron jitpoġġa fuq l-appoġġ tal-filtrazzjoni. Il-lembut koniku tal-azzar tal-filtrazzjoni huwa mwaħħal mal-appoġġ tas-sistema blokk u l-passatur tal-azzar ta' daqs ta' 180 mikron jitqiegħed fuq il-lembut. Il-pompa li toħloq vakwu hija mqabbda mal-appoġġ tal-filtrazzjoni u mat-tank tal-metall jew tal-plastik, biex tiġbor il-likwidi diġestivi.

    (k)

    It-tħawwid jitwaqqaf u l-likwidu tad-diġestjoni jitferra fil-lembut tal-filtrazzjoni minnn ġol-passatur. It-tazza biż-żennuna titlaħlaħ b'madwar 250 ml ilma sħun. Il-likwidu tat-tlaħliħ jitferra fir-rampa tal-filtrazzjoni wara li l-likwidu diġestit ikun ġie ffiltrat b'suċċess.

    (l)

    Il-membrana tal-filtrazzjoni tittieħed bil-forċipi, filwaqt li tinżamm minn xifer. Il-membrana tal-filtrazzjoni tintewa f'minimu ta' erbgħa u titpoġġa fit-tubu koniku ta' 15-il ml. L-għażla tat-tubu koniku trid tiġi adattata għal-lida.

    (m)

    Il-membrana ta' filtrazzjoni hija mbuttata fil-qiegħ tat-tubu koniku ta' 15-il ml bl-għajnuna tal-lida u ppressata bis-saħħa permezz ta' madwar 20 moviment suċċessiv 'il quddiem u lura bil-lida li għandha titqiegħed ġewwa l-membrana tal-filtrazzjoni mitwija skont l-istruzzjonijiet tal-manifattur.

    (n)

    0,5 ml ± 0,01 ta' kampjuni ta' dilwenti huma miżjuda fit-tubu koniku ta' 15-il ml b'pipetta u l-membrana tal-filtrazzjoni hija omoġenizzata bil-lida permezz ta' movimenti suċċessivi ta' amplitudni baxxa 'l quddiem u lura għal 30 sekonda, u filwaqt li jiġu evitati movimenti f'daqqa biex jillimitaw it-titjir tal-likwidu skont l-istruzzjonijiet tal-manifattur.

    (o)

    Kull kampjun, il-kontroll negattiv, u l-kontroll pożittiv, jitqiegħdu f'oqsma differenti tal-kard tal-agglutinazzjoni bl-użu ta' pipetti, skont l-istruzzjonijiet tal-manifattur.

    (p)

    Iż-żibeġ tal-latex huma miżjuda f'kull qasam tal-kard tal-agglutinazzjoni permezz ta' pipetta, skont l-istruzzjonijiet tal-manifattur, mingħajr ma jkun hemm kuntatt mal-kampjun(i) u l-kontrolli. F'kull qasam, iż-żibeġ tal-latex huma mħallta bil-mod ma' stikek li jintremew sakemm il-likwidu omoġenju jgħatti l-qasam kollu.

    (q)

    Il-kard tal-agglutinazzjoni titqiegħed fuq l-aġitatur 3D u titbandal għal 10 + 1 minuti skont l-istruzzjonijiet tal-manifattur.

    (r)

    Wara l-ħin stabbilit mill-istruzzjonijiet tal-manifattur, it-tbandil jitwaqqaf u l-kard ta' agglutinazzjoni titqiegħed fuq wiċċ ċatt u jinqraw ir-riżultati ta' reazzjoni b'mod immedjat, skont l-istruzzjonijiet tal-manifattur. Fil-każ ta' kampjun pożittiv, jeħtieġ li jidhru l-aggregati taż-żibeġ. Fil-każ ta' kampjun negattiv, is-sospensjoni tibqa' omoġenja mingħajr żibeġ aggregati.

    II.   Ġabriet ta' inqas minn 100 g kif stipulat fil-Kapitolu I(3)(II)

    Għal ġabriet ta' inqas minn 100 g, jeħtieġ li tiġi segwita l-proċedura stabbilita fil-Kapitolu I(3)(II).

    III.   Riżultati pożittivi jew dubjużi

    Meta l-eżaminazzjoni ta' kampjun kollettiv tipproduċi riżultat pożittiv jew mhux ċert tal-agglutinazzjoni tal-latex, jittieħed kampjun ieħor ta' 20 g minn kull ħanżir skont il-Kapitolu I2(a). Il-kampjuni ta' 20 g minn ħamest iħnieżer jinġabru u jiġu eżaminati billi jintuża l-metodu deskritt fit-Taqsima I. B'dan il-mod għandhom jiġu eżaminati l-kampjuni minn 20 grupp ta' ħamest iħnieżer.

    Meta tinkiseb agglutinazzjoni pożittiva tal-latex minn grupp ta' ħamest iħnieżer, jinġabru 20 g oħra ta' kampjuni mill-individwi fil-grupp u kull wieħed huwa eżaminat separatament billi jintuża wieħed mill-metodi deskritti fit-Taqsima I.

    Meta jinkiseb riżultat pożittiv jew mhux ċert tal-agglutinazzjoni tal-latex, mill-inqas 20 g ta' muskolu tal-ħnieżer għandhom jintbagħtu lil-laboratorju nazzjonali ta' referenza għal konferma billi jintuża wieħed mill-metodi deskritti fil-Kapitolu I.

    Jeħtieġ li l-kampjuni tal-parassiti jinżammu f'alkoħol etiliku ta' 90 % għall-konservazzjoni u l-identifikazzjoni fil-livell tal-ispeċi fil-laboratorju ta' referenza tal-UE jew f'dak nazzjonali.

    Wara l-ġbir tal-parassiti, il-fluwidi pożittivi jeħtieġ li jiġu dekontaminati billi jissaħħnu sa mill-inqas 60 °C.

    IV.   Proċedura ta' tindif u dekontaminazzjoni wara riżultat pożittiv jew dubjuż.

    Meta l-eżami ta' kampjun individwali jew kollettiv jipproduċi riżultat pożittiv jew dubjuż tal-agglutinazzjoni tal-latex, il-materjal kollu f'kuntatt mal-laħam (il-bieqja u x-xafra tal-blender, il-lida, it-tazza biż-żennuna, il-virga li tħawwad, is-senser tat-temperatura, il-lenbut koniku tal-filtrazzjoni, il-passatur u l-forċipi) jeħtieġ li jkun dekontaminat sew billi jitqiegħed għal ftit sekondi fil-misħun (65 sa 90 °C). Ir-residwi tal-laħam jew larva mhux attivata li jistgħu jkunu baqgħu fuq il-wiċċ tagħhom jistgħu jitneħħew bi sponża nadifa u ilma tal-vit. Jekk meħtieġ, wieħed jista' jżid ftit qtar ta' deterġent biex jitneħħew iż-żjut minn fuq it-tagħmir. Wara, huwa rakkomandat li kull biċċa tiġi mlaħalħa sew biex jitneħħew it-traċċi kollha tad-deterġent.

    E.   Test tad-diġestjoni artifiċjali biex jiġi skopert in vitroil-larvae tat-Trichinella spp fil-kampjuni tal-laħam, PrioCHECK® Trichinella AAD Kit.

    Dan il-metodu huwa kkunsidrat bħala ekwivalenti biss għall-ittestjar tal-laħam ta' majjali domestiċi.

    Il-PrioCHECK® Trichinella AAD Kit għandu jintuża skont il-manwal tal-istruzzjonijiet tal-kitt bl-użu ta' lenbuti separatorji (Lenz NS 29/32) u provetta tal-ħġieġ ta' 80 ml.


    ANNESS II

    Trattamenti tal-iffriżar

    A.   Il-metodu tal-iffriżar 1

    (a)

    Il-laħam li jinġieb diġà ffriżat għandu jinżamm f'din il-kundizzjoni.

    (b)

    It-tagħmir tekniku u l-provvista tal-enerġija tal-kamra tar-refriġerazzjoni għandhom ikunu tali li jiġi żgurat li t-temperatura meħtieġa tintlaħaq malajr ħafna u tinżamm fil-partijiet kollha tal-kamra u tal-laħam.

    (c)

    L-ippakkjar ta' iżolazzjoni għandu jitneħħa qabel l-iffriżar, ħlief fil-każ ta' laħam li huwa kollu kemm hu diġà fit-temperatura meħtieġa meta dan jinġieb fil-kamra tar-refriġerazzjoni jew laħam ippakkjat b'tali mod li l-ippakkjar mhux ser iħallih jilħaq it-temperatura meħtieġa fil-ħin speċifikat.

    (d)

    Il-kunsinni fil-kamra tar-refriġerazzjoni għandhom jinżammu separatament u jiġu msakkra.

    (e)

    Id-data u l-ħin ta' meta tinġieb kull kunsinna fil-kamra tar-refriġerazzjoni għandhom ikunu rrekordjati.

    (f)

    It-temperatura fil-kamra tar-refriġerazzjoni għandha tkun mill-anqas – 25 °C. Din għandha titkejjel bl-użu ta' strumenti termoelettriċi kkalibrati u rrekordjata kontinwament. Din ma tistax titkejjel direttament fil-fluss tal-arja kiesħa. L-istrumenti għandhom jinżammu msakkra. Iċ-ċarts tat-temperatura għandhom jinkludu d-data rilevanti mir-reġistru tal-ispezzjoni tal-laħam mal-importazzjoni u d-data u l-ħin tal-bidu u l-ikkompletar tal-iffriżar, u għandhom jinżammu għal sena wara l-kompilazzjoni.

    (g)

    Il-laħam b'dijametru jew ħxuna sa 25 cm għandu jkun iffriżat għal mill-anqas 240 siegħa konsekuttiva, u l-laħam b'dijametru jew ħxuna ta' bejn 25 u 50 cm għandu jkun iffriżat għal mill-anqas 480 siegħa konsekuttiva. Dan il-proċess tal-iffriżar m'għandux ikun applikat għal laħam li huwa eħxen jew ta' dijametru akbar. Il-ħin tal-iffriżar huwa kkalkulat mill-punt meta t-temperatura fil-kamra tal-friża tilħaq dik speċifikata fil-punt (f).

    B.   Il-metodu tal-iffriżar 2

    Id-dispożizzjonijiet ġenerali tal-punti (a) sa (e) tat-Taqsima I (metodu 1) huma osservati, u jiġu applikati l-kombinazzjonijiet ta' ħin-temperatura li ġejjin:

    (a)

    il-laħam ta' dijametru jew ħxuna sa 15 cm għandu jkun iffriżat għal waħda minn dawn il-kombinamenti ta' ħin-temperatura:

    20 jum f'– 15 °C,

    10 ijiem f'– 23 °C,

    6 ijiem f'– 29 °C.

    (b)

    il-laħam ta' dijametru jew ħxuna ta' bejn 15 cm u 50 cm għandu jkun iffriżat għal waħda minn dawn il-kombinazzjonijiet ta' ħin-temperatura:

    30 jum f'– 15 °C,

    20 jum f'– 25 °C,

    12-il jum f'– 29 °C.

    It-temperatura fil-kamra tar-refriġerazzjoni m'għandhiex tkun ogħla mil-livell tat-temperatura magħżula tat-twaqqif ta' magna. Din għandha titkejjel bl-użu ta' strumenti termoelettriċi kkalibrati u rrekordjata kontinwament. Din m'għandhiex titkejjel direttament fil-fluss tal-arja kiesħa. L-istrumenti għandhom jinżammu msakkra. Iċ-ċarts tat-temperatura għandhom jinkludu d-data rilevanti mir-reġistru tal-ispezzjoni tal-laħam mal-importazzjoni u d-data u l-ħin tal-bidu u l-ikkompletar tal-iffriżar, u għandhom jinżammu għal sena wara l-kompilazzjoni.

    Meta jintużaw mini tal-iffriżar u l-proċeduri spjegati fit-taqsimiet A u B mhumiex segwiti b'mod strett, l-operatur tan-negozju tal-ikel għandu jkun jista' jipprova lill-awtorità kompetenti li l-metodu alternattiv huwa effettiv biex joqtol il-parassiti tat- Trichinella fil-laħam tal-majjal.

    C.   Il-metodu tal-iffriżar 3

    It-trattament jikkonsisti fi tnixxif bil-friża kummerċjali jew iffriżar ta' laħam għal kombinazzjonijiet ta' ħin-temperatura speċifikati bit-temperatura mmonitorjata fiċ-ċentru ta' kull qatgħa.

    (a)

    Id-dispożizzjonijiet ġenerali tal-punti (a) sa (e) tat-Taqsima I (metodu 1) għandhom jiġu osservati għall-kombinazzjonijiet ta' ħin-temperatura li ġejjin:

    106 sigħat f'– 18 °C,

    82 siegħa f'– 21 °C,

    63 siegħa f'– 23,5 °C,

    48 siegħa f'– 26 °C,

    35 siegħa f'– 29 °C,

    22 siegħa f'– 32 °C,

    8 sigħat f'– 35 °C,

    1/2 siegħa f'– 37 °C.

    (b)

    It-temperatura għandha titkejjel bl-użu ta' strumenti termoelettriċi kkalibrati u rrekordjata kontinwament. Is-sonda tat-termometru tiddaħħal fiċ-ċentru tal-qatgħa tal-laħam mhux iżgħar fid-daqs mill-eħxen biċċa tal-laħam li trid tiġi ffriżata. Din il-qatgħa għandha titpoġġa fl-anqas pożizzjoni favorevoli fil-kamra tar-refriġerazzjoni, mhux qrib it-tagħmir li jkessaħ jew direttament fil-fluss tal-arja kiesħa. L-istrumenti għandhom jinżammu msakkra. Iċ-ċarts tat-temperatura għandhom jinkludu n-numri tad-data mir-reġistru tal-ispezzjoni tal-laħam mal-importazzjoni u d-data u l-ħin tal-bidu u l-ikkompletar tal-iffriżar, u għandhom jinżammu għal sena wara l-kompilazzjoni.


    ANNESS III

    L-eżami ta' annimali minbarra l-majjal

    Il-laħam taż-żiemel, il-laħam ta' tjur selvaġġ u laħam ieħor li jista' jkun fih parassiti tat-Trichinella għandhom ikunu eżaminati skont wieħed mill-metodi ta' diġestjoni speċifikati fil-Kapitolu I jew II tal-Anness I, bil-bidliet li ġejjin:

    (a)

    kampjuni li jiżnu mill-anqas 10 g jittieħdu mill-muskolu tal-ilsien jew tax-xedaq taż-żwiemel u mis-sieq ta' quddiem, l-ilsien jew id-dijaframma taċ-ċingjal;

    (b)

    fil-każ taż-żiemel, fejn mhemmx dawn il-muskoli, għandu jittieħed kampjun akbar mill-kolonna tad-dijaframma fit-tranżizzjoni għal-parti mmuskulata. Il-muskolu għandu jkun nadif minn tessut li jgħaqqad u xaħam;

    (c)

    mill-anqas 5 g ta' kampjun huwa diġerit skont il-metodu ta' skoperta ta' referenza stabbilit fil-Kapitolu I jew metodu ekwivalenti stabbilit fil-Kapitolu II. Għal kull diġerar, il-piż totali tal-muskolu eżaminat m'għandux jaqbeż il-100 g fil-każ tal-metodu stabbilit fil-Kapitolu I u l-metodi A u B stabbiliti fil-Kapitolu II u l-35 g fil-każ tal-metodu C stabbilit fil-Kapitolu II;

    (d)

    fejn ir-riżultat huwa pożittiv, jittieħdu 50 g ulterjuri ta' kampjun għal eżami indipendenti sussegwenti;

    (e)

    mingħajr preġudizzju għar-regoli dwar il-konservazzjoni tal-ispeċi tal-annimali, il-laħam kollu ta' annimali tal-kaċċa minbarra ċ-ċingjal, bħal orsijiet, mammiferi karnivori (inklużi mammiferi tal-baħar) u rettili, għandhom jiġu ttestjati bl-ikkampjunar ta' 10 g ta' muskolu mill-postijiet ta' predilezzjoni jew ammonti akbar jekk dawn il-postijiet mhumiex disponibbli. Postijiet ta' predilezzjoni huma:

    (i)

    fl-ors: id-dijaframma, il-muskolu l-kbir fl-angolu tax-xedaq u l-ilsien;

    (ii)

    fil-walrus: l-ilsien;

    (iii)

    fil-kukkudrilli: il-muskolu l-kbir fl-angolu tax-xedaq, il-muskoli pterygoid u ta' bejn il-kustilji;

    (iv)

    fl-għasafar: il-muskoli tar-ras (pereżempju l-muskolu l-kbir fl-angolu tax-xedaq u l-muskolu tal-għonq).

    (f)

    Il-ħin tad-diġestjoni għandu jkun biżżejjed biex tkun żgurata diġestjoni adegwata tat-tessut ta' dawn l-annimali iżda m'għandux jaqbeż 60 minuta.


    ANNESS IV

    KAPITOLU I

    RIKONOXXIMENT UFFIĊJALI TA' FARMS JEW KOMPARTIMENT BĦALA LI JAPPLIKAW KUNDIZZJONIJIET IKKONTROLLATI TA' SISTEMAZZJONI

    A.

    Ir-rekwiżiti li ġejjin għandhom jiġu ssodisfati mill-operaturi tan-negozju tal-ikel biex jiksbu rikonoxximent uffiċjali tal-farms:

    (a)

    l-operatur għandu jkun ħa l-prekawzjonijiet prattiċi kollha fir-rigward tal-kostruzzjoni u l-manteniment tal-bini sabiex rodituri, kwalunkwe tip ieħor ta' mammiferu u għasafar karnivori ma jkollhomx aċċess għall-bini fejn jinżammu l-annimali;

    (b)

    l-operatur għandu japplika b'mod effettiv programm ta' kontroll tar-rodituri, partikolarment għar-rodituri, biex jevita l-impestazzjoni tal-ħnieżer. L-operatur għandu jżomm rekords tal-programm għas-sodisfazzjon tal-awtorità kompetenti;

    (c)

    l-operatur għandu jiżgura li l-għalf kollu jinkiseb minn faċilità li tipproduċi l-għalf skont il-prinċipji spjegati fir-Regolament (KE) Nru 183/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1);

    (d)

    l-operatur għandu jaħżen l-għalf intiż għall-ispeċijiet suxxettibbli għat-Trichinella f'silos magħluqa jew f'reċipjenti oħra li r-rodituri ma jkunux jistgħu jippenetraw. Il-provvisti l-oħra kollha tal-ikel għandhom ikunu trattati bis-sħana jew prodotti u maħżuna għas-sodisfazzjon tal-awtorità kompetenti;

    (e)

    l-operatur għandu jiżgura li l-annimali l-mejta jinġabru, jiġu identifikati u ttrasportati mingħajr dewmien skont l-Artikoli 21 u 22 tar-Regolament (KE) Nru 1069/2009 u mal-Anness VIII tar-Regolament UE) Nru 142/2011;

    (f)

    jekk hemm miżbla fil-viċinat tal-farm, l-operatur għandu jinforma b'dan lill-awtorità kompetenti. Sussegwentement, l-awtorità kompetenti għandha tevalwa r-riskji involuti u tiddeċiedi jekk il-farm għandux jiġi rrikonoxxut bħala li qed japplika kundizzjonijiet ikkontrollati ta' sistemazzjoni;

    (g)

    l-operatur għandu jiżgura li l-majjali jkunu identifikati sabiex kull annimal ikun jista' jiġi rintraċċat lura sal-azjenda;

    (h)

    l-operatur għandu jiżgura li l-majjali domestiċi jiddaħħlu fl-azjenda biss jekk dawn ikunu joriġinaw u ġejjin minn azjendi uffiċjalment rikonoxxuti li qegħdin japplikaw kundizzjonijiet ikkontrollati ta' sistemazzjoni;

    (i)

    l-ebda majjal domestiku ma għandu aċċess għal faċilitajiet esterni sakemm l-operatur ma jkunx jista' juri permezz ta' analiżi tar-riskju għas-sodisfazzjon tal-awtorità kompetenti li l-perjodu ta' żmien, il-faċilitajiet u ċ-ċirkostanzi tal-faċilitajiet esterni mhumiex ta' periklu li jintroduċu t-Trichinella fl-azjenda;

    (j)

    l-ebda majjal għat-tgħammir u l-produzzjoni, kif definit fl- Artikolu 2(2)(c) tad-Direttiva 64/432/KEE, ma nħatt wara li ħalla l-azjenda tal-oriġini f'ċentru tal-ġbir kif definit fl- Artikolu 2(2)(o) tad-Direttiva 64/432/KEE, sakemm iċ-ċentru tal-ġbir ikun jissodisfa r-rekwiżiti tal-punti minn (a) sa (i) u l-majjali domestiċi kollha jkunu miġbura flimkien fiċ-ċentru tal-ġbir għal kunsinni li joriġinaw jew ikunu ġejjin minn azjendi rikonoxxuti uffiċjalment li japplikaw kundizzjonijiet ikkontrollati ta' sistemazzjoni jew minn kompartimenti rikonoxxuti uffiċjalment.

    B.

    L-operaturi tan-negozju tal-ikel ta' farms rikonoxxuti uffiċjalment li qegħdin japplikaw kundizzjonijiet ikkontrollati ta' sistemazzjoni għandhom jinfurmaw lill-awtorità kompetenti fejn kwalunkwe wieħed mir-rekwiżiti stipulati fil-punt A ma għadhomx iżjed issodisfati jew fejn seħħet kwalunkwe bidla oħra li tista' taffettwa l-istatus tal-farm.

    C.

    L-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri jistgħu jirrikonoxxu biss farm jew kategorija ta' farms sakemm dawn ikunu vverifikaw li r-rekwiżiti stipulati fil-punt A huma ssodisfati.

    KAPITOLU II

    RAPPURTAR DWAR IS-SITWAZZJONI TAT-TRICHINELLA

    (a)

    L-għadd ta' każijiet (importati u awtoktoni) tat-Trichinella fil-bnedmin, inkluża d-dejta epidemjoloġika, għandu jiġi rrappurtat skont id-Deċiżjoni 2000/96/KE.

    (b)

    L-għadd ta' testijiet u r-riżultati tal-ittestjar għat-Trichinella fil-majjali domestiċi, fiċ-ċingjal, fiż-żwiemel, fit-tjur u f'kwalunkwe annimal ieħor suxxettibbli għandu jiġi sottomess b'konformità mal-Anness IV tad-Direttiva 2003/99/KE. Id-dejta dwar il-majjali domestiċi għandha, tal-inqas, tipprovdi informazzjoni speċifika relatata ma':

    (i)

    testijiet fuq annimali mrobbija taħt kundizzjonijiet ikkontrollati ta' sistemazzjoni;

    (ii)

    testijiet fuq ħnieżer nisa għat-tnissil, fuq ċingjali u fuq ħnieżer għat-tismin.


    (1)  Regolament (KE) Nru 183/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Jannar 2005 li jistabbilixxi l-ħtiġijiet għall-iġjene tal-għalf (ĠU L 35, 8.2.2005, p. 1).


    ANNESS V

    Regolament imħassar flimkien ma' lista tal-emendi suċċessivi tiegħu

    Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2075/2005

    (ĠU L 338, 22.12.2005, p. 60)

    Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1665/2006

    (ĠU L 320, 18.11.2006, p. 46)

    Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1245/2007

    (ĠU L 281, 25.10.2007, p. 19)

    Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1109/2011

    (ĠU L 287, 4.11.2011, p. 23)

    Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 216/2014

    (ĠU L 69, 8.3.2014, p. 85)

    Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1114/2014

    (ĠU L 302, 22.10.2014, p. 46)


    ANNESS VI

    Tabella ta' Korrelazzjoni

    Regolament (KE) Nru 2075/2005

    Dan ir-Regolament

    Artikoli 1 sa 5

    Artikoli 1 sa 5

    Artikolu 6(1), kliem introduttorju

    Artikolu 6(1)

    Artikolu 6(1), punt (a)

    Artikolu 6(1)

    Artikolu 6(1), punt (b)

    Artikolu 6(2)

    Artikolu 6(2)

    Artikoli 7 sa 13

    Artikoli 7 sa 13

    Artikolu 15

    Artikolu 14

    Artikolu 16

    Artikolu 15

    Artikolu 17, l-ewwel paragrafu

    Artikolu 16

    Artikolu 17, it-tieni paragrafu

    Anness I, Kapitolu I

    Anness I, Kapitolu I

    Anness I, Kapitolu II

    Anness I, Kapitolu II

    Anness I, Kapitolu III

    Annessi II, III u IV

    Annexes II, III u IV

    Anness V

    Anness VI


    Top